European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/698

11.4.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/698

tal-10 ta’ April 2025

li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju kkonsenjati mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja kif ukoll jekk le

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

F’Diċembru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju (“MSG”, monosodium glutamate) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”) permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1187/2008 (2). Id-dazji anti-dumping fis-seħħ ivarjaw bejn 36,5 % u 39,7 % għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ. L-investigazzjoni li wasslet għal dawn id-dazji bdiet f’Settembru 2007 (“l-investigazzjoni oriġinali”) (3).

(2)

F’Jannar 2015, wara rieżami ta’ skadenza f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) estendiet il-miżuri eżistenti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/83 (4).

(3)

F’Ottubru 2020, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, il-miżuri eżistenti ġew estiżi għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-glutamat tal-monosodju f’taħlita jew f’soluzzjoni, li fihom bil-piż xott 50 % jew aktar ta’ glutamat tal-monosodju, li joriġina mir-RPĊ, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1427 (5).

(4)

F’April 2021, wara rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni reġgħet estendiet il-miżuri eżistenti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/633 (6).

1.2.   Talba

(5)

Fis-6 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ MSG li joriġinaw miċ-Ċina minn importazzjonijiet ta’ MSG ikkonsenjat mill-Malażja, kemm jekk kien iddikjarat li joriġina mill-Malażja kif ukoll jekk le, u biex tagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (“it-talba”).

(6)

It-talba tressqet minn Ajinomoto Foods Europe, l-uniku produttur tal-MSG fl-Unjoni (“l-applikant”).

(7)

It-talba kien fiha biżżejjed evidenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi esportazzjonijiet miċ-Ċina u mill-Malażja lejn l-Unjoni li kienu seħħu wara li ġew imposti l-miżuri fuq l-MSG li joriġina miċ-Ċina.

(8)

Barra minn hekk, it-talba pprovdiet l-evidenza li turi li din il-bidla dehret li kienet ġejja minn xi prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni valida biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-estensjoni tad-dazju, jiġifieri t-trażbord tal-prodott ikkonċernat via l-Malażja lejn l-Unjoni. Sa fejn hemm xi pproċessar ta’ materjali ta’ input fil-MSG fil-Malażja, it-talba allegat li tali pproċessar jammonta għal sempliċi operazzjoni ta’ assemblaġġ / tlestija li jenħtieġ li titqies bħala waħda involuta fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(9)

Barra minn hekk, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li turi li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma kienet qiegħda timmina l-effetti rimedjali tal-miżuri anti-dumping eżistenti f’termini ta’ kwantitajiet u l-prezzijiet. Jidher li daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, kien hemm biżżejjed evidenza li tali importazzjonijiet ta’ MSG saru bi prezzijiet dannużi.

(10)

Fl-aħħar nett, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li l-MSG ikkonsenjat mill-Malażja kien esportat bi prezzijiet oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-MSG li joriġina miċ-Ċina.

1.3.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott taħt investigazzjoni

(11)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa l-glutamat tal-monosodju, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (il-kodiċi TARIC 2922 42 00 20) u li joriġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa.

(12)

Il-prodott taħt investigazzjoni huwa l-istess bħall-prodott ikkonċernat, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 iżda kkonsenjat mill-Malażja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malażja kif ukoll jekk le (kodiċi TARIC 2922 42 00 15) (“il-prodott taħt investigazzjoni”).

(13)

L-investigazzjoni wriet li l-MSG esportat miċ-Ċina lejn l-Unjoni u l-MSG ikkonsenjat mill-Malażja, kemm jekk joriġina mill-Malażja kif ukoll jekk le, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi, u għaldaqstant jitqiesu bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

1.4.   Bidu

(14)

Billi wara li informat lill-Istati Membri, iddeterminat li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni u għamlet l-importazzjonijiet ta’ MSG ikkonsenjat mill-Malażja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malażja kif ukoll jekk le, soġġett għar-reġistrazzjoni, mill-Kummissjoni bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1976 (7) (“ir-Regolament inizjali”).

(15)

Ir-Regolament inizjali ddikjara li, jekk il-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr dawk imsemmija fil-premessa (12) tiegħu, jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn il-prattiki.

1.5.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu ta’ rapportar

(16)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2024 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). Inġabret data biex il-perjodu ta’ investigazzjoni jinvestiga, fost l-oħrajn, l-allegata bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott ikkonċernat u l-eżistenza ta’ prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni valida biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Inġabret data aktar dettaljata għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024 (“il-perjodu ta’ rapportar” jew “PR”) sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed jimminaw l-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ f’termini ta’ prezzijiet u/jew il-kwantitajiet u l-eżistenza ta’ dumping.

1.6.   Investigazzjoni

(17)

Il-Kummissjoni informat uffiċjalment lill-awtoritajiet taċ-Ċina u tal-Malażja, lill-produttur esportatur magħruf fil-Malażja (Ajinoriki MSG (M) Sdn Bhd (“Ajinoriki”)), lill-industrija tal-Unjoni u lill-importaturi magħrufa fl-Unjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni.

(18)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tal-Malażja għall-Unjoni Ewropea tipprovdilha l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi esportaturi u/jew tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li jistgħu jkunu interessati jikkooperaw fl-investigazzjoni flimkien mal-produtturi esportaturi Malażjani, li kienu ġew identifikati fit-talba mill-applikant. Il-missjoni Malażjana kkonfermat lill-Kummissjoni li Ajinoriki kienet l-unika kumpanija fil-Malażja magħrufa bħala li kienet involuta fil-produzzjoni tal-MSG.

(19)

Il-formoli ta’ talbiet għal eżenzjoni u l-kwestjonarji għall-produtturi/esportaturi fil-Malażja, u għall-importaturi fl-Unjoni kienu disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ KUMMERĊ.

(20)

Ajinoriki biss ippreżentat formola ta’ talba għal eżenzjoni u tweġiba għall-kwestjonarju.

(21)

Barra minn hekk, it-tweġibiet għall-kwestjonarju ġew ippreżentati minn sitt importaturi tal-Unjoni. Waħda minn dawk il-kumpaniji ma importatx l-MSG mill-Malażja u għalhekk it-tweġiba tagħha ma ġietx analizzata aktar. Il-Kummissjoni użat it-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-importaturi l-oħra sabiex tivverifika l-flussi kummerċjali u l-ismijiet tal-fornituri mill-Malażja.

(22)

Fil-proċess ta’ verifika tal-informazzjoni u l-istatistika pprovduti mill-applikant u l-kumpaniji Malażjani li kkooperaw, il-Kummissjoni kellha konsultazzjonijiet fuq il-post mal-Awtoritajiet Malażjani, jiġifieri mal-Ministeru tal-Investiment, il-Kummerċ u l-Industrija, l-Aġenzija Malażjana għall-Iżvilupp tal-Investiment, Suruhanjaya Syarikat Malaysia (reġistru pubbliku tal-kumpaniji), il-Bord tad-Dħul mit-Taxxa, id-Dipartiment tad-Dwana Rjali Malażjan u l-Awtorità tal-Port ta’ Klang.

(23)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika fl-uffiċċji ta’ Ajinoriki.

(24)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament inizjali. Il-partijiet kollha ġew informati li n-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha jew il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni mhux kompluta, falza jew qarrieqa tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

2.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(25)

It-talba allegat trażbord tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ mill-Malażja u li, jekk kien hemm xi pproċessar fil-Malażja, dan jammonta għal operazzjoni ta’ assemblaġġ/tlestija li twettaq prattiki ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku (ara l-premessa(7)).

(26)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu analizzati l-elementi li ġejjin sabiex tiġi valutata ċirkomvenzjoni possibbli:

—

jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ/il-Malażja u l-Unjoni,

—

jekk din il-bidla rriżultatx minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni valida biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ,

—

jekk hemmx evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti rimedjali tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ kinux qegħdin jiġu mminati f’termini ta’ prezzijiet u/jew ta’ kwantitajiet tal-prodott taħt investigazzjoni, u

—

jekk hemmx evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti qabel għall-prodott ikkonċernat.

(27)

L-investigazzjoni kienet tikkonċerna l-prattiki kollha koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku (ara l-premessa (15)), u għalhekk il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk l-operazzjonijiet ta’ Ajinoriki fil-Malażja kinux jikkostitwixxu operazzjoni ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(2). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat speċifikament il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2), b’mod partikolari:

—

jekk l-operazzjoni ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni bdietx jew żdiditx sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping, jew eżatt qabilha, u jekk il-partijiet ikkonċernati kinux mill-pajjiż soġġett għal miżuri, u

—

jekk il-partijiet jikkostitwixxux 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u jekk il-valur miżjud tal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, kienx akbar minn 25 % tal-kostijiet tal-manifattura.

2.2.   Kooperazzjoni

(28)

Kif iddikjarat fil-premessa (25), Ajinoriki, l-uniku produttur esportatur tal-MSG fil-Malażja, talab li jiġi eżentat mill-miżuri, jekk jiġu estiżi għall-Malażja. Huwa kkoopera matul il-proċediment kollu billi ppreżenta formola ta’ talba għal eżenzjoni u tweġiba għall-kwestjonarju, u billi qabel ma’ verifika fuq il-post. Peress li l-volumi tal-bejgħ aggregati tal-MSG lill-Unjoni li Ajinoriki rrapporta fil-formola tat-talba għal eżenzjoni tiegħu kienu jirrappreżentaw kważi t-totalità tal-volumi tal-importazzjonijiet Malażjani rreġistrati fl-istatistika tal-importazzjoni tal-Eurostat matul il-perjodu ta’ rapportar, il-livell ta’ kooperazzjoni tqies li kien għoli (8).

2.3.   Bidla fix-xejriet tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni

(29)

It-Tabella 1 turi l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tal-MSG mill-Malażja fl-Unjoni f’termini ta’ volum. Mill-2020 sa tmiem il-PIR, il-volum żdied b’aktar minn tmintax-il darba, jiġifieri mill-bidu tal-aħħar rieżami ta’ skadenza tal-miżuri attwali fl-2020 (9) u li jikkoinċidi wkoll fiż-żmien mal-estensjoni tal-miżuri għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-glutamat tal-monosodju f’taħlita jew f’soluzzjoni li joriġinaw miċ-Ċina (10).

Tabella 1

Importazzjonijiet tal-Unjoni tal-MSG mill-Malażja (tunnellati metriċi)

 

2020

2021

2022

2023

RP

Il-Malażja

0 - 500

500 - 1 000

500 - 1 000

9 500 - 10 000

8 500 - 9 000

Indiċi (bażi = 2020)

100

133

152

2 109

1 875

Sors:

Eurostat (livell TARIC)

(30)

Xejra simili ta’ żieda tista’ tiġi osservata bejn l-2020 u l-2023 fit-Tabella 2 fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-MSG miċ-Ċina lejn il-Malażja minn 11 188 tunnellata fl-2020 għal 23 923 tunnellata fl-2023.

Tabella 2

Importazzjonijiet Malażjani tal-MSG miċ-Ċina (tunnellati metriċi)

 

2020

2021

2022

2023

iċ-Ċina

11 188

17 807

19 294

23 923

Indiċi (bażi = 2020)

100

159

172

214

Sors:

Id-dipartiment tal-Istatistika tal-Malażja — il-kodiċi tat-tariffa doganali tal-Malażja 2922 42 20 00

(31)

It-tabella 3 turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet Malażjani tal-aċidu glutamiku (“GA”, glutamic acid) miċ-Ċina. GA huwa prekursur dirett tal-MSG (11). Ma kien hemm l-ebda importazzjoni ta’ GA sal-2021, filwaqt li fl-2023 dawn ammontaw għal 18 286 tunnellata.

Tabella 3

Importazzjonijiet Malażjani ta’ GA miċ-Ċina (tunnellati metriċi)

 

2020

2021

2022

2023

iċ-Ċina

mhux applikabbli

14 367

18 444

18 286

Indiċi (bażi = 2021)

mhux applikabbli

100

128

127

Sors:

Id-dipartiment tal-Istatistika tal-Malażja — il-kodiċi tat-tariffa doganali tal-Malażja 2922 42 10 00

(32)

Iż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-MSG miċ-Ċina lejn Malysia u mill-Malażja lejn l-Unjoni, kif ukoll iż-żieda fl-esportazzjonijiet ta’ GA miċ-Ċina lejn il-Malażja, jikkostitwixxu bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn iċ-Ċina, il-Malażja u l-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

2.4.   Prattika, proċess jew ħidma

2.4.1.   Operazzjoni tal-Assemblea

(33)

Il-kumpanija Ajinoriki talbet eżenzjoni minħabba li tipproduċi l-MSG fl-impjant tagħha stess u għalhekk, fil-fehma tagħha, ma twettaqx prattiki ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri Ċiniżi. F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament anti-dumping bażiku, l-operazzjoni ta’ pproċessar imwettqa trid fi kwalunkwe każ tiġi eżaminata biex teskludi operazzjoni ta’ assemblaġġ f’pajjiż terz li jkun qed iwettaq prattiki ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Sabiex tiġi kkunsidrata operazzjoni ta’ assemblaġġ bħal din, il-kriterji msemmija fil-premessa (27) għandhom jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv.

2.4.1.1.   Bidu tal-operazzjonijiet u kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet

(34)

Ajinoriki ġiet inkorporata fl-2016. L-investiment inizjali kien jikkonċerna x-xiri ta’ art, il-bini tal-fabbrika u l-akkwist ta’ tagħmir ta’ produzzjoni prinċipalment Ċiniż. Il-fabbrika bdiet topera matul l-2019, bl-ewwel esportazzjonijiet tal-MSG prodott matul ir-raba’ trimestru tal-2019, jiġifieri ħafna wara l-bidu tal-investigazzjoni oriġinali li wasslet għall-miżuri attwali.

(35)

L-evoluzzjoni tal-esportazzjonijiet tal-produttur lejn l-Unjoni żviluppat kif ġej matul il-PI:

Tabella 4

Esportazzjonijiet ta’ MSG ta’ Ajinoriki lejn l-Unjoni (tunnellati metriċi)

Il-Malażja

2020

2021

2022

2023

RP

Esportazzjonijiet

0 - 500

1 500 - 2 000

1 500 - 2 000

8 000 - 8 500

8 000 - 8 500

Indiċi (bażi = 2020)

100

554

493

2 794

2 732

Sors:

data vverifikata tal-produttur, tunnellati metriċi

(36)

It-tranżizzjoni mill-provi inizjali għall-operazzjoni regolari hija riflessa wkoll fil-kwantitajiet GA (il-prekursur immedjat tal-MSG) mixtrija mill-produttur mill-fornituri Ċiniżi. Ajinoriki xtara GA biss miċ-Ċina. Tqabbil mal-istatistika uffiċjali (ara t-Tabella 3) juri li Ajinoriki huwa l-uniku produttur tal-MSG fil-Malażja u li kien jirrappreżenta virtwalment l-importazzjonijiet kollha ta’ GA miċ-Ċina lejn il-Malażja:

Tabella 5

Xiri ta’ GA minn Ajinoriki miċ-Ċina

iċ-Ċina

2020

2021

2022

2023

Xiri vverifikat tal-produttur

7 000 - 7 500

15 500 - 16 000

18 500 -19 000

17 500 - 18 000

Indiċi (bażi = 2020)

100

211

252

241

Sors:

data vverifikata tal-produttur, tunnellati metriċi

(37)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni bdiet mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping oriġinali,u li l-partijiet ikkonċernati huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri.

2.4.1.2.   Valur tal-partijiet u valur miżjud

(38)

Il-produttur jipproduċi l-MSG billi jirreaġixxi mal-GA b’irmied tas-soda f’soluzzjoni milwiema li tapplika s-sħana (permezz ta’ fwar tal-ilma ġġenerat bil-gass). Il-MSG li jirriżulta mir-reazzjoni kimika bejn il-GA u l-irmied tas-soda jinħeles minn impuritajiet bl-użu ta’ karbonju attivat mitħun (“KAM”). Ajinoriki timporta l-KAM miċ-Ċina biss, filwaqt li l-irmied tas-soda li tuża joriġina mill-Istati Uniti.

(39)

Abbażi taċ-ċifri tat-tweġibiet tal-kwestjonarju vverifikat, il-valur ikkombinat ta’ GA u KAM irrappreżenta [85–99] % tal-valur totali tal-partijiet kollha tal-prodott assemblat fil-PR. Għalhekk, il-kriterju ta’ 60 % stabbilit fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku ntlaħaq. Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni vverifikata pprovduta fit-tweġiba għall-kwestjonarju fil-PR, il-valur miżjud għall-partijiet importati kien ta’ [11–17] % tal-kost totali tal-manifattura (il-kostijiet tal-imballaġġ tnaqqsu), u għalhekk taħt il-limitu ta’ 25 % stabbilit fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

2.4.2.   Trażbord

(40)

Barra minn hekk, il-verifika tal-informazzjoni pprovduta fit-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ Ajinoriki żvelat inkonsistenzi serji fir-rigward tal-istokkijiet tal-MSG prodott minnha stess. Meta wieħed iqis il-kost tal-produzzjoni tal-MSG ta’ Ajinoriki fl-istokkijiet tagħha kif irrapportat fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju u l-kost tal-produzzjoni tagħha fil-PR, il-valur tal-istokk fil-bidu tal-PR kien jew sottovalutat jew il-volum tal-istokk kien iddikjarat b’mod eċċessiv. Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni la setgħet tistabbilixxi l-volum tal-istokk fil-bidu tal-PR u lanqas ma setgħet tirrikonċilja l-kwantità totali mibjugħa mal-kwantità totali prodotta fil-PR, hija ma setgħetx tistabbilixxi li l-kwantitajiet kollha tal-MSG mibjugħa kienu effettivament prodotti mill-kumpanija, kif iddikjarat fir-risposta għall-kwestjonarju. Il-kumpanija ma setgħetx tispjega l-inkonsistenzi. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lil Ajinoriki li, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, hija kellha l-ħsieb li tibbaża fuq il-fatti disponibbli fir-rigward tal-kwantitajiet li ma setgħux jispjegaw (“l-ittra tal-Artikolu 18”).

(41)

Fit-tweġiba tagħha għall-ittra tal-Artikolu 18, Ajinoriki ddikjarat li l-informazzjoni rrapportata fit-tweġiba għall-kwestjonarju kienet korretta. Ajinoriki pprovdiet ir-rekords tal-għadd tal-istokk tal-awditur li ffurmaw il-bażi għall-valutazzjoni tal-istokk fir-rapporti finanzjarji u li kkonfermaw il-kwantitajiet irrapportati fil-kwestjonarju. Sabiex tissolva d-diskrepanza bejn il-valur irrapportat fir-rapporti finanzjarji u l-kwantità fl-istokk, Ajinoriki spjegat li minflok il-kost tal-produzzjoni ta’ MYR [5–6] għal kull kilo kif iddikjarat f’verżjoni preċedenti tat-tweġiba għall-kwestjonarju, MYR [1–2] biss kienet ġiet preżunta għall-finijiet tar-rapporti finanzjarji għas-sena fiskali mill-1 ta’ Settembru 2022 sal-31 ta’ Awwissu 2023. Din ir-reviżjoni għall-kost tal-produzzjoni kienet essenzjalment ibbażata fuq rendiment tal-MSG fil-medda ta’ bejn tlieta u erba’ darbiet il-volum tal-input ta’ GA. Il-kostijiet medji tal-produzzjoni ta’ MYR [1–2] għal kull kilogramma miksuba b’dan il-mod ġew inklużi f’verżjoni riveduta tat-tweġiba għall-kwestjonarju u jippermettu rikonċiljazzjoni bejn il-valur irrapportat fir-rapporti finanzjarji u l-kwantità korrispondenti tal-MSG fl-istokk.

(42)

Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni li rċeviet mingħand Ajinoriki u sabitha inkonklużiva. B’mod partikolari, l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet ta’ materja prima użata għall-produzzjoni tal-MSG kienet inkonsistenti kemm mad-data vverifikata tal-kumpanija kif ukoll mal-informazzjoni ġeneralment disponibbli. Pereżempju, il-proporzjon ta’ GA mal-MSG skont ir-rekords tal-produzzjoni ta’ Ajinoriki stess fil-PR ma kienx jaqbel ma’ dak stabbilit fit-tweġiba tagħha għall-ittra tal-Artikolu 18. Minħabba reazzjoni kimika li hija l-istess għall-produtturi kollha, il-proporzjon miksub mir-rekords tal-produzzjoni ta’ Ajinoriki huwa konformi mal-informazzjoni ġeneralment disponibbli għal din l-industrija (12). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ispjegazzjonijiet minn Ajinoriki ma setgħux isolvu l-inkonsistenzi. Billi pprovdiet informazzjoni inkonsistenti, Ajinoriki ma pprovdietx l-informazzjoni meħtieġa fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku.

(43)

Bl-użu tal-kost medju tal-produzzjoni tal-MYR [5–6] għal kull kilogramma (skont il-verżjoni preċedenti ta’ Ajinoriki tat-tweġiba għall-kwestjonarju, li hija konsistenti mal-volum tal-materjali ta’ input meħtieġa skont ir-rekords tal-produzzjoni tagħha stess) meta l-valur tal-MSG nofsu lest (jiġifieri l-MSG mhux ippakkjat) u tal-MSG lest (jiġifieri diġà ppakkjat) kif irrapportat fir-rapporti finanzjarji awditjati mill-31 ta’ Awwissu 2023 jiġi kkonvertit f’volum, u filwaqt li jitqiesu l-volumi sussegwenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ sa tmiem il-PR, jibqa’ volum ta’ bejn 3 000 u 4 000 tunnellata MSG mibjugħ lill-UE u lil pajjiżi terzi oħra li ma jistax jiġi mill-produzzjoni proprja.

(44)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produttur, matul perjodu ta’ qtugħ fil-produzzjoni minħabba l-espansjoni tal-faċilitajiet tal-ħżin u tal-imballaġġ, esporta wkoll lejn l-UE MSG li qabel kien ġie importat miċ-Ċina mill-kumpanija kummerċjali relatata tiegħu.

2.5.   Nuqqas ta’ raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju

(45)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-bidla fit-tendenza tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, il-proċess jew ix-xogħol jinkludu l-konsenja tal-prodott soġġett għall-miżuri eżistenti permezz ta’ pajjiżi terzi, u l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ partijiet/ta’ tlestija f’pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(46)

L-investigazzjoni sabet li Ajinoriki, l-uniku produttur fil-Malażja, li jammonta għal kważi l-importazzjonijiet kollha tal-MSG mill-Malażja, ġie stabbilit wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali; l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tiegħu, li jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(2), bdew fl-2019 (ara l-premessa(35)).

(47)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġuni valida biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju għall-bidu tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ Ajinoriki fil-Malażja u żieda konsegwenti ta’ esportazzjonijiet ta’ MSG lejn l-Unjoni. Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ kienet riżultat tal-fatt li l-operazzjoni bdiet wara li ġew imposti l-miżuri oriġinali.

2.6.   Evidenza ta’ dannu jew ta’ mminar tal-effett rimedjali tal-miżuri f’termini ta’ kwantitajiet u/jew prezzijiet

(48)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni, kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet, imminawx l-effetti rimedjali tal-miżuri attwalment fis-seħħ.

(49)

Il-kwantitajiet ta’ MSG li ġew esportati fl-Unjoni żdiedu b’mod sinifikanti f’volumi assoluti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u rrappreżentaw madwar 10 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-PR. Il-konsum fl-Unjoni ġie stmat abbażi tat-talba (13).

(50)

Il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-MSG mill-Malażja fil-PR waqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni pprovduti mill-applikant fit-talba (14).

(51)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri eżistenti kienu imminati f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet mill-importazzjonijiet mill-Malażja.

2.7.   Evidenza ta’ dumping

(52)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili.

(53)

Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni ta’ MSG mill-Malażja fil-PR, abbażi tad-data vverifikata ta’ Ajinoriki, mal-valuri normali stabbiliti għaċ-Ċina fl-aħħar investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza, aġġustati għall-inflazzjoni. (15)

(54)

It-tqabbil tal-valuri normali u tal-prezzijiet tal-esportazzjoni wera li l-MSG esportat minn Ajinoriki ġie esportat bi prezzijiet oġġett ta’ dumping matul il-perjodu ta’ rapportar.

2.8.   Konklużjoni

(55)

L-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku huma ssodisfati. L-ewwel nett, il-Kummissjoni sabet bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn l-Unjoni, ir-RPĊ u l-Malażja. It-tieni, meta jitqies li Ajinoriki kienet tirrappreżenta prattikament l-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni fil-PR, ġie stabbilit li l-bidla rriżultat minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni valida biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju. It-tielet, il-Kummissjoni sabet li l-effetti rimedjali tad-dazju anti-dumping kienu qegħdin jiġu mminati. Ir-raba’, il-Kummissjoni sabet evidenza ta’ dumping.

3.   MIŻURI

(56)

Abbażi tas-sejbiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet qiegħda ssir ċirkomvenzjoni tad-dazji anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ MSG ikkonsenjati mill-Malażja.

(57)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ MSG li joriġina miċ-Ċina jenħtieġ li jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni.

(58)

Skont l-Artikolu 13(1), it-tieni paragrafu tar-Regolament bażiku, huwa xieraq li d-dazju stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 jiġi estiż, li huwa dazju anti-dumping definittiv ta’ 39,7 % applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju doganali.

(59)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kwalunkwe miżura estiża jenħtieġ li tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni taħt reġistrazzjoni imposta mir-Regolament inizjali, għandhom jinġabru dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati tal-prodott taħt investigazzjoni f’konformità mas-sejbiet li saru f’din l-investigazzjoni.

4.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI

(60)

Kif deskritt hawn fuq, instab li Ajinoriki kienet involuta fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Għalhekk, ma setgħetx tingħata eżenzjoni lil din il-kumpanija skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

5.   DIVULGAZZJONI

(61)

Fil-21 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni ddivulgat lill-partijiet interessati kollha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u stednithom jikkummentaw.

(62)

Il-Kummissjoni sabet żball klerikali fil-premessa (44) fejn il-kelma “probabbilment” tħalliet barra. Il-premessa għandha tinqara kif ġej: “li preċedentement kienu ġew importati miċ-Ċina probabbilment mill-kumpanija kummerċjali relatata tagħha”.

(63)

Ajinoriki ppreżentat kummenti li fihom sostniet li ma kien hemm l-ebda bidla fix-xejra tal-kummerċ, la fil-livell tal-pajjiż u lanqas fil-livell tal-kumpanija, li jindika ċirkomvenzjoni. B’mod partikolari, Ajinoriki qatt ma importat MSG Ċiniż u l-kumpanija kummerċjali relatata tagħha kienet importat MSG Ċiniż b’rata stabbli, li kollu nbiegħ fil-Malażja. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet tal-MSG Malażjan fl-Unjoni ma ħadux post l-MSG Ċiniż. Minflok, iż-żewġ importazzjonijiet żdiedu fl-istess ħin, u dan jindika domanda ogħla għall-MSG importat irrispettivament mill-oriġini tiegħu. F’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda fil-volumi tal-esportazzjoni tal-MSG mill-Malażja, dan ikun iġġustifikat minn żieda ġenwina fil-produzzjoni domestika. Barra minn hekk, id-data doganali Ċiniża li użat l-AFE ġiet prodotta minn kumpanija mhux magħrufa u tikkontradixxi d-data uffiċjali tal-gvern. Kwalunkwe bidla fix-xejra identifikata mill-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda fil-volumi tal-importazzjoni tal-MSG Ċiniż lejn il-Malażja fil-PI u l-bidu tal-importazzjonijiet tal-GA Ċiniż fil-Malażja mill-2021 ma tistax tiġi attribwita lil Ajinoriki jew lill-kumpanija kummerċjali relatata tagħha.

(64)

Il-Kummissjoni tinnota li hija bbażat l-analiżi tax-xejriet tagħha esklużivament fuq l-informazzjoni vverifikata ta’ Ajinoriki u l-istatistika kummerċjali uffiċjali disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-pretensjoni ta’ Ajinoriki li ma kien hemm l-ebda bidla fix-xejra tal-kummerċ, peress li dan ikun jeħtieġ relazzjoni inversa bejn l-esportazzjonijiet Ċiniżi u Malażjani tal-MSG lejn l-UE, li jimplika sostituzzjoni tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina. Tabilħaqq, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku ma fih l-ebda referenza għal rekwiżit ta’ sostituzzjoni ta’ importazzjonijiet li joriġinaw f’pajjiżi soġġetti għad-dazju anti-dumping minn importazzjonijiet minn pajjiżi ta’ ċirkomvenzjoni bħala kundizzjoni għal sejba ta’ ċirkomvenzjoni. (16) Minflok, il-mudell mibdul huwa dovut għal żieda fl-esportazzjonijiet ta’ GA miċ-Ċina lejn il-Malażja, kif jidher mill-istatistika tal-importazzjoni Malażjana disponibbli għall-pubbliku.

(65)

Ajinoriki argumentat ukoll li ma kien hemm l-ebda rabta bejn l-istabbiliment tal-produzzjoni tagħha stess u l-miżuri anti-dumping imposti mill-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-fundaturi tal-kumpanija ilhom attivi fin-negozju tal-MSG mill-2005, jiġifieri qabel il-bidu tal-proċediment anti-dumping fl-2007. Barra minn hekk, il-produzzjoni bdiet fl-2019, jiġifieri 11-il sena wara l-ewwel impożizzjoni ta’ dazji fl-2008 u 4 snin wara t-tieni impożizzjoni ta’ dazji fl-2015 (effettivament 5 xhur qabel l-iskadenza statutorja tal-miżuri f’Jannar 2020). Minħabba d-distakk fis-suq għall-produzzjoni tal-MSG fil-Malażja, l-attivitajiet tal-fundaturi tal-kumpanija biex jespandu b’mod vertikali n-negozju tagħhom fil-produzzjoni tal-MSG billi jużaw l-għarfien industrijali, l-għarfien espert u s-sigrieti kummerċjali akkumulati tagħhom ikunu raġonevoli u naturali u konformi mas-sens komun. Għalhekk, tabilħaqq hemm raġuni valida u ġustifikazzjoni ekonomika għall-istabbiliment u l-operat ta’ faċilità ta’ produzzjoni.

(66)

Fir-rigward tal-argumenti mressqa minn Ajinoriki, il-Kummissjoni tindika li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta tnediet l-investigazzjoni anti-dumping, jew eżatt qabel. F’dan ir-rigward, sakemm l-operazzjoni inkwistjoni bdiet wara t-tnedija tal-investigazzjoni, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku ma jimponi l-ebda rekwiżit dwar il-prossimità fiż-żmien bejn it-tnedija u l-bidu tal-operazzjoni ta’ assemblaġġ. Is-sempliċi fatt li Ajinoriki bdiet l-operazzjonijiet tagħha waqt li l-miżuri kienu fis-seħħ diġà jissodisfa r-rekwiżit legali. Minn dan isegwi li, billi l-kriterji minimi fil-forma tat-testijiet ta’ 60 % u 25 % skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati fir-rigward tal-attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ Ajinoriki, is-sempliċi fatt li l-operazzjoni tal-assemblaġġ bdiet snin wara l-impożizzjoni tad-dazju inizjali ma jurix raġuni valida.

(67)

Ajinoriki kkontestat ukoll li l-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħha kienu jinvolvu modifika żgħira tal-prodott ikkonċernat sabiex jitneħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, Ajinoriki sostniet li la kienet involuta fil-kunsinna tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina via l-Malażja, u lanqas ma kienet involuta fir-riorganizzazzjoni tal-kanali ta’ distribuzzjoni bl-istess riżultat. L-attivitajiet ta’ manifattura ta’ Ajinoriki lanqas ma kienu jikkostitwixxu operazzjonijiet ta’ assemblaġġ. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, mingħajr ma kkummentat dwar it-test ta’ 60 %, Ajinoriki kkontestat is-sejba tal-Kummissjoni li l-valur miżjud mal-materjali użati fil-produzzjoni tal-MSG ma kienx jaqbeż il-25 %.

(68)

Il-Kummissjoni l-ewwel tiġbed l-attenzjoni li d-dokument ta’ divulgazzjoni tagħha ma jsemmix prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li jinvolvu modifika żgħira. Fir-rigward tal-prattika ta’ ċirkomvenzjoni tat-trażbord tal-MSG Ċiniż fil-Malażja, il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni billi qabblet, minn naħa waħda, il-kwantitajiet tal-MSG esportati lejn l-Unjoni, kif derivati mill-istatistika tal-kummerċ pubbliku għall-Malażja u l-UE, u, min-naħa l-oħra, il-kwantitajiet tal-MSG mibjugħa minn Ajinoriki, l-uniku produttur magħruf fil-Malażja, sal-punt li dawn setgħu jiġu vverifikati bħala li joriġinaw mill-produzzjoni tiegħu stess. Il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ manifattura ta’ Ajinoriki bħala operazzjoni ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni hija bbażata fuq l-użu vverifikata tal-informazzjoni dwar il-kostijiet ipprovduta minn Ajinoriki fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Billi Ajinoriki ma ppreżentat l-ebda informazzjoni verifikabbli ġdida f’dan ir-rigward, il-pretensjoni ta’ hawn fuq ma ntlaqgħetx.

(69)

Ajinoriki argumentat ukoll li l-applikant ma kien sofra l-ebda dannu b’konsegwenza tal-importazzjonijiet tal-MSG mill-Malażja, b’referenza għall-prestazzjoni finanzjarja tal-applikant, li wriet żieda fil-bejgħ u fil-profitti, u l-fatt li l-applikant huwa kompletament proprjetà ta’ kumpanija Ġappuniża, Ajinomoto Co. Inc. Ajinoriki argumentat ukoll li s-sejba tal-Kummissjoni ta’ dumping ma kinitx affidabbli minħabba l-użu mhux xieraq tal-valuri normali Ċiniżi, li ma kinux jirriflettu l-kostijiet u l-kundizzjonijiet tas-suq fil-Malażja.

(70)

Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li mhuwiex meħtieġ li ssir analiżi sħiħa tad-dannu fil-kuntest ta’ investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, billi dan l-element diġà ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali li wasslet għaċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri. Għal dan l-għan, l-investigazzjoni wriet biżżejjed li l-effetti rimedjali tad-dazji anti-dumping qed jiġu mminati f’termini ta’ prezzijiet u/jew ta’ kwantitajiet. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni rilevanti tirreferi b’mod ċar għall-“valur normali stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali”, u b’hekk tipprekludi rekwiżit ta’ kalkolu ta’ marġni ta’ dumping ġdid għall-esportazzjonijiet tal-MSG Malażjan. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet ukoll iż-żewġ argumenti ta’ hawn fuq.

(71)

Fil-kummenti tiegħu, l-applikant talab lill-Kummissjoni tagħmel użu usa’ mill-fatti disponibbli minħabba li Ajinoriki kienet ipprovdiet informazzjoni skorretta dwar l-MSG prodott minnha stess, li kellu jwassal għall-użu tal-fatti disponibbli għall-analiżi kollha u mhux biss għall-valutazzjoni tat-trażbord. It-tentattiv ta’ Ajinoriki li tqarraq lill-Kummissjoni billi tipprovdi informazzjoni falza huwa evidenti mill-pretensjoni tagħha li hija tista’ tipproduċi tlieta jew erba’ tunnellati ta’ MSG minn tunnellata waħda ta’ aċidu glutamiku, li huwa kimikament impossibbli. L-applikant ikkontesta wkoll il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li Ajinoriki kienet produttur u li biss bejn 3 000 u 4 000 tunnellata ta’ MSG ma setgħux jiġu mill-produzzjoni tagħha stess. Għall-kuntrarju, l-applikant ikkalkula li l-proċess ta’ konverżjoni seta’ jkopri biss parti żgħira mill-esportazzjonijiet tal-MSG ta’ Ajinoriki lejn l-UE u kkonkluda li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjonijiet tagħha kienu pjuttost ir-riżultat ta’ trażbord tal-MSG ta’ oriġini Ċiniża.

(72)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-valutazzjoni legali tal-konsegwenzi tal-għoti ta’ informazzjoni qarrieqa dwar il-valutazzjoni tal-istokkijiet tal-MSG. Il-Kummissjoni setgħet tibbaża l-kalkolu tagħha tal-kwantitajiet ta’ MSG li jirriżultaw mill-ipproċessar ulterjuri ta’ GA fil-faċilitajiet ta’ Ajinoriki fuq fatti vverifikati li jikkonċernaw ix-xiri ta’ materja prima u inputs oħra, ir-rekords tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ MSG lest. L-informazzjoni falza jew qarrieqa kienet limitata għall-volum tal-ħażniet tal-ftuħ fil-PR, li konsegwentement ġiet eskluża mill-kalkolu. Il-Kummissjoni tinnota li skont ir-rekords tal-produzzjoni miżmuma f’Ajinoriki, il-proporzjon tar-rendiment bejn il-GA u l-MSG kien konformi mal-fatti xjentifiċi. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-dikjarazzjoni tal-applikant li l-parti l-kbira tal-MSG mibjugħ minn Ajonoriki lill-Unjoni tirriżulta minn xiri minn qabel ta’ MSG Ċiniż minflok mill-ipproċessar ta’ GA minn Ajonoriki tiddependi ħafna mill-informazzjoni raġonevolment disponibbli li tinsab fl-applikazzjoni. Għall-kuntrarju ta’ din l-evidenza, li waħedha kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni, is-sejbiet tal-Kummissjoni huma bbażati esklużivament fuq data vverifikata tal-kumpaniji, li hija aktar dettaljata.

(73)

Importatur wieħed tal-Unjoni li kkoopera fl-investigazzjoni argumenta li l-importazzjonijiet tal-MSG mill-Malażja ma kinux jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq iċ-Ċina, li jiġġustifika l-estensjoni tal-miżuri eżistenti għall-importazzjonijiet mill-Malażja. B’referenza għall-prezzijiet tal-MSG Malażjan ogħla b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-MSG Ċiniż, l-istess parti sostniet li l-investigazzjoni ma kinitx uriet li l-kunsinni tal-MSG Malażjan kienu oġġett ta’ dumping u li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-parti argumentat ukoll li l-proċess tal-produzzjoni fil-Malażja jżid valur sinifikanti għall-prodott, li jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-kost tal-produzzjoni. Fl-aħħar nett, il-parti qajmet li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mill-Malażja jkollha impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni ħielsa u twassal għal monopolizzazzjoni tas-suq minn produttur Ewropew, li potenzjalment jagħmel ħsara lid-distributuri u lill-konsumaturi.

(74)

Il-Kummissjoni eżaminat dawn il-kummenti u l-argumenti u tenniet li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw dan it-tip ta’ investigazzjoni ma jipprevedux id-determinazzjoni tal-marġnijiet tad-dumping speċifiċi għall-Malażja u analiżi tad-dannu li tmur lil hinn mid-determinazzjoni tal-imminar tal-miżuri eżistenti (ara l-premessa (70)). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet rilevanti ma jikkonċernawx il-kunsiderazzjoni tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Addizzjonalment, għadha ma ġiet ipprovduta l-ebda ċifra verifikabbli biex tissostanzja d-dubji mqajma mill-parti rigward id-determinazzjoni tal-valur miżjud għall-parti introdotta. Għaldaqstant, il-pretensjonijiet ta’ hawn fuq ma ntlaqgħux.

(75)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1167 (17), fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (il-kodiċi TARIC 2922 42 00 20) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju, li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 ikkonsenjat mill-Malażja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malażja kif ukoll jekk le (il-kodiċi TARIC 2922 42 00 15).

2.   Id-dazju estiż huwa d-dazju anti-dumping ta’ 39,7 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” fir-RPĊ (il-kodiċi addizzjonali TARIC A999).

3.   Id-dazju estiż bil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1976.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma ordnati li ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilitaf’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1976.

Artikolu 3

It-talba għal eżenzjoni ppreżentata minn Ajinoriki MSG (M) Sdn Bhd ma ntlaqgħetx.

Artikolu 4

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiżi permezz tal-Artikolu 1, għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-entità li tkun qiegħda titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G Office:

CHAR 04/39

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

2.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, b’deċiżjoni, l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jkunux involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1167, mid-dazju estiż bl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ April 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21. ELI http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1187/2008 tas-27 ta’ Novembru 2008 li jimponi taxxa anti-dumping definittiva u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 322, 2.12.2008, p. 1). ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1187/oj).

(3)  Avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ anti-dumping rigward l-importazzjoni tal-monosodium glutamate li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 206, 5.9.2007, p. 20).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/83 tal-21 ta’ Jannar 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 15, 22.1.2015, p. 31. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/83/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1427 tat-12 ta’ Ottubru 2020 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/83 fuq importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju f’taħlita jew f’soluzzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 336, 13.10.2020, p. 1. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1427/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/633 tal-14 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 132, 19.4.2021. p. 63. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/633/oj).

(7)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1976 tad-19 ta’ Lulju 2024 li jniedi investigazzjoni dwar possibilità ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/633 fuq l-importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju kkunsinnati mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 27.7.2022, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1976/oj).

(8)  Għal din ir-raġuni, sabiex ma tiġix żvelata informazzjoni speċifika għall-kumpanija, iċ-ċifri għal Ajnoriki kif ukoll l-importazzjonijiet tal-MSG mill-Malażja lejn l-Unjoni mill-Eurostat jingħataw f’firxiet f’dan ir-Regolament.

(9)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja (ĠU C 20, 21.1.2020, p. 18).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1427 tat-12 ta’ Ottubru 2020 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/83 fuq importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju f’taħlita jew f’soluzzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 336, 13.10.2020, p. 1). ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1427/oj***).

(11)  Il-proċess tal-produzzjoni tal-MSG jinkludi tliet stadji: (i) sors taz-zokkor jiġi ffermentat biex jipproduċi l-aċidu glutamiku GA (ii) il-GA jiġi estratt u raffinat; u (iii) il-GA raffinat jiġi kkonvertit f’MSG permezz ta’ salifikazzjoni, purifikat, kristallizzat, u ppakkjat (ara t-taqsima 24 tat-talba).

(12)  Ara t-Taqsima 70 tat-talba: “Għall-konverżjoni f’1 000 kg ta’ MSG, huwa meħtieġ madwar 800 kg ta’ GA (fattur ta’ konverżjoni)”.

(13)  Talba, taqsimiet minn 89 sa 92, eżibiti 15 u 17.

(14)  Talba, taqsima 95, eżibit 18.

(15)  Fond Monetarju Internazzjonali: Ir-rata tal-inflazzjoni, il-prezzijiet medji tal-konsumatur (bidla perċentwali annwali), https://www.imf.org/external/datamapper/PCPIPCH@WEO/CHN/EU***.

(16)  Is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Hafen, C-21/13, ECLI:EU:C:2014:2154, il-punt 49.

(17)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1167 tas-6 ta’ Lulju 2022 li temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill wara rieżami interim parzjali (ĠU L 181, 7.7.2022, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1167/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/698/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)