Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
19 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Importazzjoni parallela ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Direttiva 2001/83/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Rekwiżiti tal-ittikkettjar – Artikolu 54 – Artikolu 55(3) – Artikolu 63(1) u (3) – Applikabbiltà għall-prodotti mediċinali importati b’mod parallel – Obbligu ta’ tikkettjar fil-lingwa tal-Istat Membru tat-tqegħid fis-suq – Impossibbiltà ta’ ttikkettjar mill-ġdid tal-imballaġġ immedjat tal-prodott mediċinali minħabba l-preġudizzju għall-istabbiltà ta’ dan tal-aħħar – Deroga – Possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-obbligu li jiġu inklużi ċerti dettalji – Kunċett ta’ ‘prodott mediċinali ma jkunx intiż li jingħata direttament lill-pazjent’ – Possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-obbligu li jiġi ttikkettjat fil-lingwa tal-Istat Membru tal-importazzjoni – Nuqqas ta’ traspożizzjoni jew traspożizzjoni inkorretta tad-deroga – Effett dirett – Artikoli 34 u 36 TFUE – Moviment liberu ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem fl-Unjoni Ewropea – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni ta’ saħħet u ħajjet il-bniedem”
Fil-Kawża C‑354/25 [Waisrinter] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura
R. SpA
vs
Bundesrepublik Deutschland,
fil-preżenza ta’:
A. AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, N. Fenger (Relatur), S. Rodin, O. Spineanu-Matei u N. Piçarra , Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: F. Cathagne, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Marzu 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal R. SpA, minn R. Cornet, Rechtsanwalt,
– għall-Bundesrepublik Deutschland, minn P. Kothe, Rechtsanwalt,
– għal A. AG, minn C. Krüger u A. Sander, Rechtsanwälte,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann, E. Mathieu u A. Spina, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54, tal-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69) kif emendata bid-Direttiva 2012/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 299, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/83”), kif ukoll l-Artikoli 34 u 36 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn R. SpA, kumpannija rregolata mid-dritt Taljan li għandha awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (iktar ’il quddiem l-“ATS”) maħruġa fil-Ġermanja għal prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem (iktar ’il quddiem il-“prodott mediċinali ta’ referenza”), u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar id-deċiżjoni tal-Bundesinstitut für Arzneimittel und Medizinprodukte (l-Istitut Federali tal-Mediċini u tal-Prodotti Mediċinali, il-Ġermanja, iktar’ il quddiem l-“Istitut Federali tal-Prodotti Mediċinali”) li ġġedded, għall-benefiċċju ta’ A. AG, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, l-awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni parallela ta’ prodott mediċinali b’effetti simili, maħruġa abbażi tal-ATS tal-prodott mediċinali ta’ referenza.
Il-kuntest ġuridiku
Id‑Direttiva 2001/83
3 Il-premessi 2 sa 5, 14, 40 u 41 tad-Direttiva 2001/83 jipprovdu:
“(2) L-għan ewlieni tar-regoli kollha dwar il-produzzjoni, distribuzzjoni u użu ta’ prodotti mediċinali għandu jkun il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
(3) Madankollu, dan l-għan għandu jinkiseb b’mezzi li ma jtellfux l-iżvilupp ta’ l-industrija farmaċewtika jew il-kummerċ fi prodotti mediċinali fil-Komunità [Ewropea].
(4) Il-kummerċ fi prodotti mediċinali fil-Komunità huwa mfixkel bid-disparitajiet bejn ċerti disposizzjonijiet nazzjonali, b’mod speċjali bejn disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti mediċinali , u disparitajiet bħal dawn jaffetwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern.
(5) Ostakoli bħal dawn għandhom għalhekk jitneħħew; billi dan jinvolvi l-approssimazzjoni tad-disposizzjonijiet relevanti.
[...]
(14) Din id-Direttiva tirrappreżenta pass importanti sabiex jinkiseb l-objettiv tal-moviment liberu ta’ prodotti mediċinali. [...]
[...]
(40) Id-disposizzjonijiet li jirregolaw l-informazzjoni mogħtija lill-utenti għandhom jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur, sabiex prodotti mediċinali jkunu jistgħu jintużaw kif xieraq fuq il-bażi ta’ informazzjoni sħiħa u li tiftiehem.
(41) It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali li l-ittikkettar tagħhom u l-fuljetti fil-pakketti li jkun fihom il-pakketti jikkonformaw ma’ din id-Direttiva m’għandhomx ikunu projbiti jew ostakolati fuq raġunijiet konnessi ma’ l-ittikkettar jew il-Fuljett l-pakkett.”
4 It-Titolu I ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1 tagħha jipprovdi:
“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
[(23)] L-imballaġġ immedjat: Il-kontenitur jew forma oħra ta' imballaġġ li jkun immedjatament f'kuntatt mal-prodott mediċinali.
[(24)] L-imballaġġ ta' barra L-imballaġġ li fih jitqiegħed l-imballaġġ immedjat.
[(25)] It-tikkettar: Informazzjoni fuq l-imballaġġ immedjat jew ta’ barra.
[...]”
5 L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“Din id-Direttiva għandha tgħodd għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem maħsuba li jitqiegħdu fis-suq fl-Istati Membri inkella jkunu preparati industrijalment jew manifatturati b'metodu li jinvolvi proċess industrijali.”
6 It-Titolu V tal-istess direttiva, intitolat “L-Ittikkettar u l-Fuljett fil-Pakkett”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 54, 55 u 63 tagħha.
7 L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2001/83 huwa fformulat kif ġej:
“Id-dettalji li ġejjin għandhom jidhru fuq il-pakkett ta’ barra ta’ prodotti mediċinali jew, meta ma jkunx hemm pakkett ta’ barra, fuq l-imballaġġ immedjat:
(a) l-isem tal-prodott mediċinali segwit bis-saħħa tiegħu u l-forma farmaċewtika, u, jekk xieraq, jekk huwiex maħsub [...] ;
(b) il-kompożizzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tas-[...]sustanzi attivi. ;
(ċ) il-forma farmaċewtika u l-kontenut bil-piż, bil-volum jew bin-numru ta' dożi tal-prodott;
(d) lista tal-eċċipjenti [...]; ;
(e) il-metodu ta’ amministrazzjoni u, fejn meħtieġ, ir-rotta ta’ amministrazzjoni. [...];
(f) twissija speċjali li l-prodott mediċinali għandu jinħażen fejn ma jintlaħaqx u ma jkunx jidher mit-tfal;
(g) twissija speċjali, jekk ikun hemm bżonn għall-prodott mediċinali;
(h) id-data ta’ l-iskadenza f’termini ċari (xahar/ sena);
(i) prekawzjonijiet speċjali għall-ħażna, jekk ikun hemm;
(j) prekawzjonijiet speċifiċi li jirrelataw mad-disponiment ta' prodotti mediċinali mhux użati jew fdal miksub minn prodotti mediċinali, fejn xieraq, kif ukoll bħala referenza ta' xi sistema xierqa ta' ġbir fis-seħħ;
(k) l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni għall-marketing u, fejn japplika, l-isem tar-rapprezentant maħtur mid-detentur biex jirrapprezentah;
(l) in-numru ta’ l-awtorizzazzjoni biex jitqiegħed il-prodott mediċinali fis-suq;
(m) in-numru tal-lott;
(n) fil-każ ta' prodotti mediċinali mhux bir-riċetta, istruzzjonijiet għall-użu;
(o) għal prodotti mediċinali minbarra r-radjofarmaċewtiċi msemmija fl-Artikolu 54a(1), karatteristiċi ta’ sigurtà li jippermettu lid-distributuri bl-ingrossa u persuni awtorizzati jew intitolati biex jipprovdu prodotti mediċinali lill-pubbliku biex:
– jivverifikaw l-awtentiċità tal-prodott mediċinali; u
– jidentifikaw pakketti individwali;
kif ukoll tagħmir li jippermetti l-verifika dwar jekk l-imballaġġ ta’ barra ġiex imbagħbas.”
8 L-Artikolu 54 ta din id-direttiva jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni għandu jkun fihom il-karatteristiċi ta’ sigurtà li għalihom hemm referenza fil-punt (o) tal-Artikolu 54, sakemm ma ġewx elenkati b’konformità mal-proċedura msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
Prodotti mediċinali li mhumiex suġġetti għal preskrizzjoni, m’għandux ikun fihom il-karatteristiċi ta’ sigurtà li għalihom hemm referenza fil-punt (o) ta’ Artikolu 54, sakemm, permezz ta’ eċċezzjoni, ma ġewx elenkati b’konformità mal-proċedura msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, wara li ġew stmati bħala fir-riskju ta’ falsifikazzjoni.”
9 Skont l-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2001/83, mill-inqas ċertu numru ta’ dettalji għandhom jidhru fuq l-unitajiet żgħar ta’ imballaġġ primarju li fuqhom ma jistgħux jidhru d-dettalji previsti fl-Artikoli 54 u 62 tagħha.
10 L-Artikolu 58 tad-Direttiva 2001/83 jipprevedi:
“L-inklużjoni fl-imballaġġ tal-prodotti mediċinali kollha ta' fuljett fil-pakkett għandha tkun obbligatorja sakemm l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikoli 59 u 62 ma tkunx mogħtija direttament fuq il-pakkett ta' barra jew fuq l-imballaġġ immedjat.”
11 Skont l-Artikolu 60 ta’ din id-direttiva:
“L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti mediċinali fit-territorju tagħhom għal raġunijiet konnessi ma l-ittikkettar jew mal-fuljett fil-pakkett meta dawn jikkonformaw mal-ħtiġiet ta' dan it-Titolu.”
12 L-Artikolu 63(1) u (3) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. Id-dettalji għall-ittikkettar elenkati fl-Artikoli 54, 59 u 62 għandhom jidhru f'lingwa uffiċjali jew f'lingwi uffiċjali tal-Istat Membru, fejn il-prodott mediċinali jkun tqiegħed fis-suq, kif speċifikat, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, minn dak l-Istat Membru.
[...]
3. Meta l-prodott mediċinali ma jkunx maħsub biex jitwassal direttament lill-pazjent, jew meta jkun hemm problemi serji fir-rigward tad-disponibbiltà tal-prodott mediċinali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, skont il-miżuri li jqisu meħtieġa biex tiġi ssalvagwardjata is-saħħa tal-bniedem, jagħtu eżenzjoni mill-obbligu li ċerti dettalji għandhom jidhru fuq l-ittikkettar u fil-fuljett tal-pakkett. Jistgħu jagħtu wkoll eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-obbligu li l-ittikkettar u l-fuljett tal-pakkett iridu jkunu f'lingwa uffiċjali jew f'lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott mediċinali jkun tqiegħed fis-suq, kif speċifikat, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, minn dak l-Istat Membru.”
13 L-Artikolu 70(1) tal-istess direttiva jistabbilixxi:
“Meta tingħata awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jispeċifikaw il-klassifikazzjoni tal-prodott mediċinali:
– prodott mediċinali suġġett għal preskrizzjoni medika,
– prodott mediċinali mhux suġġett għal preskrizzjoni medika,
Għal dan il-għan, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 71(1) għandhom japplikaw.”
14 Skont l-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2001/83:
“Prodotti mediċinali għandhom ikunu suġġetti għal preskrizzjoni medika meta:
– x’aktarx ikunu ta’ periklu dirett jew indirett, anke meta wżati kif imiss, jekk utilizzati mingħajr preskrizzjoni medika, jew
– huma ta' spiss u b'mod wiesgħa ħafna użati mhux kif suppost, u bħala riżultat jistgħu ikunu ta' periklu dirett jew indirett għas-saħħa tal-bniedem, jew
– li jkun fihom sustanzi jew preparazzjonijiet tagħhom, li l-attività u/jew ir-reazzjonijiet ħżiena tagħhom jeħtieġu aktar investigazzjoni, jew
– huma normalment stabbiliti minn tabib biex ikunu amministrati minn ġenituri.”
15 L-Artikolu 76(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“Kull distributur li ma jkunx detentur ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq li jimporta prodott mediċinali minn Stat Membru ieħor għandu jinnotifika dwar l-intenzjoni tiegħu li jimporta l-prodott mediċinali, lid-detentur ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq u lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membri fejn ikun se jimporta dak il-prodott. [...]”
Id-dritt Ġermaniż
16 Il-moviment tal-prodotti mediċinali fil-Ġermanja huwa rregolat mill-Gesetz über den Verkehr mit Arzneimitteln (il-Liġi dwar il-Kummerċ tal-Prodotti Mediċinali), tal‑24 ta’ Awwissu 1976 (BGBl. 1976 I, p. 2444), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑12 ta’ Diċembru 2005 (BGBl. 2005 I, p. 3394) (iktar ’il quddiem l-“AMG”). L-Artikolu 10(1) u t-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG huma d-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom l-Artikolu 54, l-Artikolu 55(3) u l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2001/83 ġew trasposti fid-dritt Ġermaniż.
17 Skont l-Artikolu 10(1) tal-AMG, prodotti lesti jistgħu jitqiegħdu fis-suq fil-qasam ta’ applikazzjoni tagħha biss jekk ċerti dettalji obbligatorji jitwaħħlu b’mod li jinftiehem mill-pubbliku bil-lingwa Ġermaniża fuq ir-reċipjenti u, jekk ikun il-każ, fuq l-imballaġġ estern, li l-isem tal-prodott mediċinali segwit mill-indikazzjoni tad-doża tiegħu u tal-forma farmaċewtika tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, mill-indikazzjoni li huwa intiż għat-trabi, għat-tfal jew għall-adulti, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx diġà inkluża f’dan l-isem. Fost dawn l-indikazzjonijiet hemm ukoll l-identifikazzjoni tal-lott, bit-taqsira “L” jekk il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq f’lottijiet, jew mad-data tal-manifattura jekk il-prodott mediċinali ma jkunx jista’ jitqiegħed fis-suq f’lottijiet, il-kontenut skont il-piż, il-volum jew in-numru ta’ unitajiet, il-metodu ta’ amministrazzjoni u d-data tal-iskadenza bil-kliem “uża sa”.
18 It-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG tnaqqas il-lista ta’ dettalji obbligatorji b’mod partikolari għar-reċipjenti li l-kapaċità nominali tagħhom ma taqbiżx l-10 millilitri (ml).
19 Skont il-punt 7 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2) tal-AMG, l-ATS ta’ prodott mediċinali tista’ tiġi rrifjutata b’mod partikolari jekk it-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott mediċinali jikser dispożizzjonijiet legali. Barra minn hekk, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(3) tal-AMG jirriżulta li t-tiġdid ta’ ATS huwa wkoll eskluż f’tali każ.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 R. huwa detentur tal-ATS tal-prodott mediċinali ta’ referenza, indikat għat-trattament tal-kanċer avvanzat tal-prostata u suġġett għal preskrizzjoni medika.
21 Dan il-prodott mediċinali huwa pprovdut fil-forma ta’ soluzzjoni li għandha tiġi injettata, mibjugħ f’żewġ biċċiet termoplastiċi li jinsabu f’kartun ta’ ppakkjar, fejn kull wieħed minnhom huwa ssiġillat minn film tal-plastik. Kull wieħed miż-żewġ kontenituri fih siringa, waħda minnhom trid titwaħħal mal-oħra biex tipprepara din is-soluzzjoni. Waħda mis-siringi fiha solvent u l-oħra fiha sustanza attiva fil-forma ta’ trab.
22 Sabiex tiġi ppreparata l-imsemmija soluzzjoni, il-kontenut ta’ waħda mis-siringi għandu jitħallat ma’ dak tal-oħra. L-imsemmi prodott mediċinali jintuża darba biss u, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-fuljett fil-pakkett tiegħu, l-istess soluzzjoni għandha tiġi ppreparata u użata immedjatament wara l-ftuħ tal-kontenituri.
23 Fl‑2009, il-kumpannija A. talbet lill-Istitut Federali tal-Prodotti Mediċinali ATS ta’ prodott mediċinali li kellu jiġi importat b’mod parallel fil-Ġermanja mill-Italja, filwaqt li rreferiet għall-prodott mediċinali ta’ referenza. Dan l-istitut ħareġ din l-ATS fix-xahar ta’ Lulju 2010.
24 Fl‑2012, b’mod supplimentari, A. ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jimporta dan il-prodott mediċinali fil-Ġermanja mir-Rumanija u mill-Polonja. F’Lulju 2014, din il-kumpannija talbet lill-Istitut Federali tal-Prodotti Mediċinali t-tiġdid tal-ATS tal-imsemmi prodott mediċinali, billi rreferiet, mill-ġdid, għall-prodott mediċinali ta’ referenza.
25 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Istitut Federali tal-Prodotti Mediċinali ġedded l-awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni parallela ta’ dan il-prodott mediċinali, filwaqt li ħeles lil A. mill-obbligu li jwaħħal ċerti indikazzjonijiet meħtieġa mit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG, kif ukoll mill-obbligu li jirrediġi l-ittikkettjar bil-lingwa Ġermaniża għal ċerti indikazzjonijiet li huma wkoll obbligatorji skont din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, kien ippreċiżat f’din id-deċiżjoni li l-ftuħ tal-kontenituri termoplastiċi li għandhom effett fuq l-istabbiltà tal-prodott mediċinali, l-importatur parallel ma kellux jiftaħhom sabiex jittikkettja s-siringi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10(8) tal-AMG.
26 Madankollu, sabiex tiġi ggarantita identifikazzjoni sigura ta’ dan il-prodott mediċinali u taż-żewġ siringi permezz tal-ittikkettjar tagħhom, l-importatur parallel kellu, skont din id-deċiżjoni, jiżgura li, bħala prinċipju, tal-inqas, jissemmew fuq is-siringi li jippermettu l-injezzjoni tal-prodott mediċinali importat b’mod parallel, b’karattri Latini, l-isem tal-prodott mediċinali u d-doża tiegħu, l-indikazzjoni A jew B fuq is-siringa, li tippermetti li ssir distinzjoni ċara bejn iż-żewġ siringi minn xulxin, l-identifikazzjoni tal-lott u d-data tal-iskadenza tal-prodott mediċinali.
27 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-detentur preċedenti tal-ATS tal-prodott mediċinali ta’ referenza (iktar ’il quddiem id-“detentur inizjali”), jiġifieri l-predeċessur legali ta’ R., ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata lill-Istitut Federali tal-Prodotti Mediċinali.
28 Peress li dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2015, id-detentur inizjali ppreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja), billi invoka n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar previsti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG.
29 Dan ir-rikors ġie miċħud mill-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) bħala inammissibbli, minħabba li dan id-detentur ma kellux locus standi, peress li ma ġarrab ebda ksur tad-drittijiet tiegħu minħabba l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti mediċinali. Matul il-proċedura ta’ appell quddiem l-Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri, il-Ġermanja), R. iddikjara li kiseb l-ATS tal-prodott mediċinali ta’ referenza mingħand id-detentur inizjali u kompla l-proċedura.
30 Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, l-Oberverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Superjuri) ikkunsidrat li r-rikors ta’ R. kien ammissibbli iżda infondat. Din il-qorti qieset li ma kienx neċessarju li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx illegali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar li jinsabu fl-Artikolu 10(1) u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG kif ukoll fl-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2001/83, peress li dan ma jippreġudikax id-drittijiet ta’ R. minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex intiżi li jipproteġu lid-detentur tal-ATS tal-prodott mediċinali ta’ referenza fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, iżda biss li jinformaw u li jipproteġu lill-pazjenti.
31 R. ippreżenta appell għal reviżjoni minn din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, li permezz tiegħu hija ssostni b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali, peress li l-ATS mogħtija lil A. kienet bi ksur tar-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar li jinsabu fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG, u dan jippreġudika d-drittijiet tiegħu.
32 Il-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), sostnuta minn A., sostniet li, fl-interess tal-moviment liberu tal-merkanzija, li l-Istitut Federali tal-Prodotti Mediċinali kien ġustament ippermetta lil dan tal-aħħar, bħala importatur parallel, li ma jwaħħalx indikazzjonijiet bil-lingwa Ġermaniża fuq l-imballaġġ immedjat. Fil-fatt, l-Artikolu 10(8) tal-AMG jawtorizza, f’każijiet eċċezzjonali, l-adozzjoni ta’ miżuri diverġenti tar-rekwiżiti li huwa jipprevedi.
33 Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tindika li l-allegat ksur tar-rekwiżiti nazzjonali fil-qasam tal-ittikkettjar, previsti fl-Artikolu 10(1) u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 10(8) tal-AMG, jirrendi illegali t-tiġdid tal-ATS ta’ prodott mediċinali importat b’mod parallel biss jekk dawn ir-rekwiżiti japplikaw għal tali prodott mediċinali.
34 Peress li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jittrasponu l-Artikolu 54, l-Artikolu 55(3) u l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2001/83, il-qorti tar-rinviju tfittex, l-ewwel nett, li tiddetermina jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex applikabbli għall-ATS ta’ prodott mediċinali importat b’mod parallel u għat-tiġdid tiegħu. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, u, b’mod partikolari, dwar jekk, b’analoġija mal-prodotti mediċinali veterinarji importati b’mod parallel, li għalihom id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/82/KE tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 3), dwar b’mod partikolari l-ittikkettjar għandhomx jiġu applikati, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 56 tas-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Audace et (C‑114/15, EU:C:2016:813), għandu jitqies li l-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li huma s-suġġett ta’ importazzjonijiet paralleli jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/83.
35 Fl-affermattiv, sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk l-awtorità kompetenti, f’dan il-każ l-Istitut Federali tal-Prodotti Mediċinali, kinitx fondata li teżenta lill-importatur parallel mill-osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar previsti mill-AMG, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, it-tieni nett, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83.
36 Fil-każ li l-prodott mediċinali inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, il-qorti tar-rinviju tikkonstata, it-tielet nett, li ma teżistix bażi legali, fid-dritt Ġermaniż, li tippermetti li importatur parallel jiġi eżentat mill-obbligi tiegħu fil-qasam tal-ittikkettjar li jirriżultaw mill-Artikolu 10(8) tal-AMG. Din il-qorti tistaqsi, għaldaqstant, dwar l-effett dirett tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, li ma ġiex traspost fid-dritt nazzjonali jew li ġie traspost biss parzjalment. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tidhirx, mill-perspettiva tal-kontenut tagħha, bħala inkundizzjonata jew jekk tillimitax ruħha li toffri lill-Istati Membri l-possibbiltà, imħollija għall-evalwazzjoni tagħhom, li jipprevedu dispożizzjoni derogatorja fid-dritt nazzjonali tagħhom.
37 Fil-każ li l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem suġġett għal preskrizzjoni medika ma jaqax taħt din id-dispożizzjoni jew li l-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex effett dirett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-fatt li jiġi impost fuq importatur parallel ta’ tali prodott mediċinali l-ittikkettjar tal-pakketti primarji tiegħu bil-lingwa tal-Istat Membru ta’ importazzjoni huwiex kompatibbli mar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, jiġifieri l-Artikoli 34 u 36 TFUE, filwaqt li tali ttikkettjar ikollu effett fuq l-istabbiltà ta’ dan il-prodott mediċinali.
38 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:
“1) Ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettar previsti fl-Artikolu 54, fl-Artikolu 55(3) u fl-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas 6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem japplikaw għal prodott mediċinali li fir-rigward tiegħu tkun inħarġet [ATS] fi Stat Membru u li l-importazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi importazzjoni parallela meta mqabbla ma’ prodott mediċinali diġà awtorizzat f’dan it-tieni Stat Membru?
2) L-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott mediċinali ma huwiex intiż li jiġi pprovdut direttament lill-pazjent jekk jiġi kklassifikat bħala prodott mediċinali suġġett għal preskrizzjoni medika?
3) L-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandu effett dirett, b’tali mod li operatur ekonomiku li jixtieq jimporta fil-Ġermanja prodott mediċinali li joriġina minn Stat Membru ieħor jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni quddiem il-qrati Ġermaniżi kontra l-konvenuta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li ma ttrasponietx din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tagħha jew li ma ttrasponiethiex b’mod komplet?
4) L-Artikolu 34 u l-Artikolu 36 TFUE jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġu l-ittikkettar tal-imballaġġ primarju b’ċerti indikazzjonijiet minimi fil-lingwa tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, għal prodott mediċinali importat b’mod parallel, meta l-ittikkettar mill-ġdid tal-imballaġġ primarju tal-prodott mediċinali importat b’mod parallel, sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettar, ma jkunx possibbli minħabba dannu sostanzjali għas-sostenibbiltà tiegħu?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
39 Mingħajr ma eċċepiet formalment l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Bundesrepublik Deutschland esprimiet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-dubji tagħha dwar l-ammissibbiltà tal-erba’ domandi preliminari minħabba l-assenza ta’ ksur ta’ dritt suġġettiv tad-detentur tal-ATS tal-prodott mediċinali ta’ referenza, peress li ebda effett protettiv ma jirriżulta mir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar imposti mid-Direttiva 2001/83 u mill-Artikolu 10(8) tal-AMG.
40 F’dan ir-rigward, din il-parti tirreferi għall-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li, skont dispożizzjoni proċedurali nazzjonali, jiġifieri, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi, il-Ġermanja), ir-rikors għal annullament ippreżentat mid-detentur tal-ATS tal-prodott mediċinali ta’ referenza, li din il-qorti tqis qabelxejn ammissibbli, jitqies fondat jekk it-tiġdid tal-ATS maħruġa lill-importatur parallel jirriżulta illegali.
41 L-imsemmija parti ssostni li, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva), ċaħdet ir-rikors tad-detentur tal-ATS tal-prodott mediċinali ta’ referenza bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi, filwaqt li l-qorti tar-rinviju ma tatx indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. Issa, jekk id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ittikkettjar ma jagħtux effett protettiv lid-detentur tal-ATS tal-prodott mediċinali ta’ referenza, l-erba’ domandi magħmula jkunu ipotetiċi, sa fejn, f’tali każ, ir-risposta għad-domanda dwar jekk id-deċiżjoni ta’ tiġdid tal-ATS tal-prodott mediċinali importat b’mod parallel hijiex legali ssir inutli.
42 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwima li jkunu tressqu quddiemhom. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 25, u tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW, C‑454/19, EU:C:2020:947, punti 20 u 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61, u tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW, C‑454/19, EU:C:2020:947, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
43 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tikkontesta l-interpretazzjoni li tagħmel il-qorti tar-rinviju ta’ dispożizzjoni proċedurali tal-ordinament ġuridiku tagħha stess, jiġifieri l-Artikolu 113(1) tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Liġi Ġermaniża dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi), sa fejn din il-qorti qieset opportun li teżamina, qabelxejn, il-mertu tar-rikors li hija kienet adita bih qabel ma tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tiegħu.
44 Issa, fir-rigward tal-ilmenti li jirrigwardaw il-ksur ta’ regoli proċedurali nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn tal-aħħar jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-qrati tar-rinviju u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta din l-evalwazzjoni, u lanqas li tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
45 Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ argument dwar il-locus standi sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ att nazzjonali kkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali argument jikkonċerna l-kwistjoni tal-locus standi quddiem il-qrati nazzjonali, li hija irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Regione Puglia, C‑110/20, EU:C:2022:5, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari huma ammissibbli.
Fuq l-ewwel domanda
47 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54, l-Artikolu 55(3) u l-Artikolu 63(1) u (3) tad-Direttiva 2001/83 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettJar li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu japplikaw għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li huma s-suġġett ta’ importazzjoni parallela.
48 Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tal‑4 ta’ Settembru 2025, Kwizda Pharma II, C‑451/24, EU:C:2025:663, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2001/83, dan jelenka l-informazzjoni li għandha obbligatorjament tidher fuq l-imballaġġ ta’ barra jew, fin-nuqqas ta’ imballaġġ ta’ barra, fuq l-imballaġġ immedjat tal-prodotti mediċinali. Din hija lista ta’ indikazzjonijiet, bħal, b’mod partikolari, l-isem tal-prodott mediċinali segwit mid-doża tiegħu u mill-forma farmaċewtika tiegħu, il-kompożizzjoni tal-prodott mediċinali, lista tal-eċċipjenti li dan jinkludi, il-metodu ta’ amministrazzjoni ta’ dan tal-aħħar u, jekk neċessarju, il-mod ta’ amministrazzjoni, twissija speċjali, id-data ta’ skadenza tal-prodott mediċinali, il-prekawzjonijiet partikolari li għandhom jittieħdu, l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-ATS, in-numru tal-ATS, in-numru tal-lott ta’ manifattura jew ukoll il-karatteristiċi ta’ sigurtà.
50 L-Artikolu 55(3) ta’ din id-direttiva jippreċiża l-indikazzjonijiet li għandhom, tal-inqas, ikunu preżenti fuq il-pakketti primarji żgħar tal-prodotti mediċinali, li fuqhom huwa impossibbli li tissemma l-informazzjoni prevista, b’mod partikolari, fl-Artikolu 54 tal-imsemmija direttiva.
51 Fir-rigward tal-Artikolu 63 tad-Direttiva 2001/83, dan jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, ir-regola li l-indikazzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva għall-ittikkettJar huma fformulati f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-Istat Membru fejn il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq, kif indikat, għall-finijiet tal-imsemmija direttiva, minn dan l-Istat Membru.
52 Imbagħad l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 jippreċiża li, meta l-prodott mediċinali ma jkunx intiż li jiġi pprovdut direttament lill-pazjent jew meta jkun hemm problemi serji fir-rigward tad-disponibbiltà tal-prodott mediċinali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, bla ħsara għall-miżuri li huma jqisu neċessarji sabiex tiġi ssalvagwardata s-saħħa tal-bniedem, jagħtu eżenzjoni mill-obbligu li ċertu dettalji jiġu inklużi fuq it-tikketta u fuq il-fuljett tal-pakkett. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 63(3), dawn l-awtoritajiet jistgħu wkoll jeżentaw totalment jew parzjalment mill-obbligu li jfasslu l-ittikkettjar u l-fuljett tal-pakkett f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-Istat Membru fejn il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq, kif indikati, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, mill-imsemmi Stat Membru.
53 Għandu jitfakkar ukoll li tikkostitwixxi importazzjoni parallela ta’ prodotti mediċinali sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha prodott mediċinali li jibbenefika minn ATS fi Stat Membru jiġi importat fi Stat Membru ieħor li fih prodott mediċinali essenzjalment simili jkun diġà s-suġġett ta’ ATS (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Delfarma, C‑488/20, EU:C:2021:956, punt 29).
54 Għalkemm il-kliem tal-Artikolu 54, tal-Artikolu 55(3) u tal-Artikolu 63(1) u (3) tad-Direttiva 2001/83 ma jirreferix espressament għal prodotti mediċinali importati b’mod parallel għall-użu mill-bniedem, minn dan bl-ebda mod ma jirriżulta li tali prodotti mediċinali għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
55 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 54, tal-Artikolu 55(3) u tal-Artikolu 63(1) u (3) tad-Direttiva 2001/83, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li din id-direttiva tistabbilixxi kodiċi Komunitarju dwar il-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, li jistabbilixxi fit-Titolu V tagħha, intitolat “L-ittikkettar u fuljett tal-pakkett”, li taħtu jaqgħu dawn id-dispożizzjonijiet, ir-regoli dwar b’mod partikolari l-modalitajiet li skonthom għandu jitwettaq l-ittikkettjar ta’ tali prodotti mediċinali.
56 Issa, għandu jiġi osservat li dan it-Titolu V ma jagħmilx distinzjoni skont l-oriġini tal-prodott mediċinali, peress li d-dispożizzjonijiet li fih jirreferu b’mod astratt, pereżempju, għat-“tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali”, jew inkella għal “prodott mediċinali”, kif jirriżulta mill-Artikoli 60 u 61 ta’ din id-direttiva, jew, b’mod iktar espliċitu, għal “prodotti mediċinali kollha”, kif jirriżulta mill-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva. Minn dan isegwi li l-imsemmi Titolu V ma jillimitax il-portata tar-regoli fil-qasam tal-ittikkettjar li huwa jinkludi biss għall-prodotti mediċinali li jkunu kisbu ATS permezz tal-proċedura tad-dritt komuni.
57 Sussegwentement, ikun inkoerenti mill-perspettiva tas-sistema kollha ta’ informazzjoni tal-pazjenti dwar il-prodotti mediċinali prevista fid-Direttiva 2001/83 li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ kellu l-intenzjoni li japplika r-regoli li jirriżultaw minnhom, b’mod partikolari fil-qasam tal-ittikkettjar, għal ċerti prodotti mediċinali u mhux għal oħrajn, f’dan il-każ dawk li huma importati b’mod parallel, minkejja li dawn huma prodotti mediċinali identiċi jew simili.
58 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2001/83 ma tistax tapplika għal prodott mediċinali li jibbenefika minn ATS fi Stat Membru u li l-importazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi importazzjoni parallela meta mqabbla ma’ prodott mediċinali li diġà jibbenefika minn ATS f’dan it-tieni Stat Membru, peress li dan il-prodott mediċinali importat ma jistax, f’tali każ, jitqies li tqiegħed għall-ewwel darba fis-suq fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, peress li tali sitwazzjoni taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1999, Rhône-Poulenc Rorer u May & Baker, C‑94/98, EU:C:1999:614, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑3 ta’ Lulju 2019, Delfarma, C‑387/18, EU:C:2019:556, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑8 ta’ Ottubru 2020, kohlpharma, C‑602/19, EU:C:2020:804, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59 Madankollu, din l-interpretazzjoni ma tistax twassal għall-esklużjoni tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem importati b’mod parallel mar-rekwiżiti dwar l-ittikkettjar, previsti fl-Artikolu 54, fl-Artikolu 55(3) u fil-Artikolu 63(1) u (3) tad-Direttiva 2001/83, li huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
60 Fil-fatt, minn naħa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi indika li “d-Direttiva 2001/83 ma tistax tapplika”, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li teskludi l-prodotti mediċinali importati b’mod parallel mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, din il-ġurisprudenza għandha tinftiehem fis-sens li huma biss id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva dwar l-għoti ta’ ATS li ma jistgħux japplikaw għal tali prodotti mediċinali.
61 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest analogu tal-importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti mediċinali speċjali, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 65/65/KEE tas‑26 ta’ Jannar 1965 dwar id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi relatati mal-prodotti mediċinali speċjali (ĠU 1965, 22, p. 369), jew ukoll importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huma r-rekwiżiti relatati mal-għoti ta’ ATS li ma kellhomx jiġu applikati u li ma kienx neċessarju, sabiex tiġi protetta s-saħħa, li l-importaturi paralleli jiġu suġġetti għall-proċedura ta’ ATS, peress li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ importazzjoni diġà għandhom l-informazzjoni kollha indispensabbli għall-eżerċizzju tal-kontroll tagħhom (ara, fir-rigward tad-Direttiva 65/65, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1996, Smith & Nephew u Primecrown, C‑201/94, EU:C:1996:432, punt 21, kif ukoll, fir-rigward tad-Direttiva 91/414, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2014, Mac, C‑108/13, EU:C:2014:2346, punt 27).
62 Min-naħa l-oħra, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-istess approċċ fil-kuntest tal-prodotti mediċinali veterinarji importati b’mod parallel, peress li hija ddeċidiet li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/82 “dwar il-proċedura għall-għoti ta’ ATS” ma humiex intiżi li japplikaw, l-istess ma japplikax għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, peress li xejn ma jiġġustifika li dawn id-dispożizzjonijiet stretti, relatati b’mod partikolari mal-ittikkettjar, li jagħmlu parti mis-sistema koerenti ta’ miżuri stabbiliti mill-imsemmija direttiva, sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, ma japplikawx fil-każ ta’ importazzjoni parallela. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, għall-kuntrarju, kieku dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx fil-każ ta’ importazzjonijiet paralleli, ikun jeżisti riskju li l-operaturi tas-settur tal-prodotti mediċinali veterinarji jevitaw l-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/82 billi jipproċedu għal importazzjoni parallela ta’ dawn il-prodotti mediċinali . Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja telqet mill-premessa li r-rekwiżiti b’mod partikolari fil-qasam tal-ittikkettjar huma distinti minn dawk relatati mal-proċedura ta’ għoti ta’ ATS u għandhom ikomplu japplikaw għall-prodotti mediċinali veterinarji li huma suġġetti għal importazzjoni parallela (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Audace et, C‑114/15, EU:C:2016:813, punt 56).
63 Issa, bħad-Direttiva 2001/82, id-Direttiva 2001/83 għandha bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa u l-moviment liberu tal-prodotti mediċinali. Minn dan isegwi li, b’analoġija ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar, previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 54, fl-Artikolu 55(3) u fil-Artikolu 63(1) u (3) tad-Direttiva 2001/83 għandhom japplikaw ukoll għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li huma s-suġġett ta’ importazzjonijiet paralleli.
64 Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54, tal-Artikolu 55(3) u tal-Artikolu 63(1) u (3) tad-Direttiva 2001/83 li r-rekwiżiti li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu japplikaw għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem importati b’mod parallel hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-għan essenzjali ta’ salvagwardja tas-saħħa pubblika mfittex minn din id-direttiva, kif stabbilit fil-premessa 2 tagħha.
65 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dawn ir-rekwiżiti għandhom l-għan li jiżguraw li l-utenti ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem ikollhom informazzjoni kompleta u li tinftiehem dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti mediċinali, l-użu tagħhom u r-riskji eventwali marbuta mal-amministrazzjoni tagħhom.
66 Issa, li jiġi aċċettat li r-regoli ta’ ttikkettjar previsti mid-Direttiva 2001/83 ma japplikawx għall-prodotti mediċinali importati b’mod parallel, iżda biss għall-prodotti mediċinali mqiegħda fis-suq skont il-proċedura ta’ ATS tad-dritt komuni, jikkomprometti l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u jista’ jaffettwa s-sigurtà tal-pazjenti. Konsegwentement, peress li huma intiżi sabiex jiġu kkummerċjalizzati fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, il-prodotti mediċinali importati parallelament għandhom ikunu suġġetti għall-istess rekwiżiti minn dawk imposti fuq dawn l-aħħar prodotti mediċinali sabiex jiġi ggarantit li l-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa kkonċernati jkollhom l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi evitat kull riskju għas-saħħa pubblika.
67 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minkejja li fir-rigward tad-Direttiva 65/65, li l-kriterji li prodott importat b’mod parallel għandu jissodisfa sabiex l-importatur parallel ma jkunx obbligat jipprovdi l-indikazzjonijiet imsemmija f’din id-direttiva ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis fl-istandards ta’ sigurtà (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1999, Rhône-Poulenc Rorer u May & Baker, C-94/98, EU:C:1999:614, punt 40). Għalhekk, peress li r-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar previsti mid-Direttiva 2001/83 u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 54, fl-Artikolu 55(3) u fil-Artikolu 63(1) u (3) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxu wkoll tali standards ta’ sigurtà, dawn għandhom japplikaw għall-prodotti mediċinali importati b’mod parallel.
68 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 54, l-Artikolu 55(3) u l-Artikolu 63(1) u (3) tad-Direttiva 2001/83 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu japplikaw għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li huma s-suġġett ta’ importazzjoni parallela.
Fuq it-tieni domanda
69 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li prodott mediċinali għandu jitqies li ma huwiex “maħsub biex jitwassal direttament lill-pazjent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jkun suġġett għal preskrizzjoni medika.
Kunsiderazzjonijiet preliminari
70 Skont din id-dispożizzjoni, meta prodott mediċinali ma “jkunx maħsub biex jitwassal direttament lill-pazjent”, jew meta jkun hemm problemi serji fir-rigward tad-disponibbiltà tal-prodott mediċinali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, skont il-miżuri li jqisu meħtieġa biex tiġi ssalvagwardata is-saħħa tal-bniedem, jagħtu eżenzjoni mill-obbligu li ċerti dettalji għandhom jidhru fuq l-ittikkettjar u fil-fuljett tal-pakkett.
71 It-tieni sentenza tal-Artikolu 63(3) ta’ din id-direttiva tipprevedi li dawn l-awtoritajiet jistgħu wkoll jeżentaw totalment jew parzjalment mill-obbligu li l-ittikkettjar u l-fuljett tal-pakkett jitfasslu f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-Istat Membru fejn il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq.
72 Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 63(3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-kundizzjoni li timponi li l-prodott mediċinali ma jkunx intiż li jiġi pprovdut direttament lill-pazjent, l-istess bħall-kundizzjoni dwar in-nuqqas ta’ prodotti mediċinali, jissemmew biss fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma fformulax tali kundizzjonijiet fir-rigward tal-possibbiltà rrikonoxxuta, mit-tieni sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jeżentaw totalment jew parzjalment mill-obbligu li l-ittikkettjar u l-fuljett fil-pakkett tal-prodott mediċinali jiġu redatti f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-Istat Membru fejn dan il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq. Dan il-leġiżlatur għalhekk qies li kellu jiġi rrikonoxxut lill-awtoritajiet kompetenti marġni ta’ manuvra ikbar meta dawn jintalbu jiddeterminaw jekk għandhiex issir deroga mir-rekwiżiti lingwistiċi fil-qasam tal-ittikkettjar milli meta jiddeċiedu dwar il-possibbiltà ta’ deroga mill-obbligu li ċerti indikazzjonijiet jiġu inklużi f’dan l-ittikkettjar.
73 Tali qari awtonomu taż-żewġ sentenzi tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 jirriżulta wkoll mill-fatt li dawn is-sentenzi jidderogaw minn dispożizzjonijiet distinti ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, it-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 63(3) tinkludi eċċezzjoni għar-regola lingwistika fil-qasam tal-ittikkettjar prevista fl-Artikolu 63(1) tal-imsemmija direttiva, filwaqt li l-ewwel sentenza ta’ dan l-Artikolu 63(3) tidderoga mill-obbligu li jiġu inklużi indikazzjonijiet fuq l-ittikkettjar u l-fuljett tal-pakkett, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 54 tal-istess direttiva.
74 Barra minn hekk, kif stabbilit fil-premessa 2 tad-Direttiva 2001/83, din għandha bħala għan essenzjali s-salvagwardja tas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, il-premessa 3 ta’ din id-direttiva tippreċiża li dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ mezzi li jostakolaw l-iżvilupp tal-industrija farmaċewtika u l-kummerċ ta’ prodotti mediċinali fi ħdan l-Unjoni. Mill-premessi 4, 5 u 14 tal-imsemmija direttiva jirriżulta wkoll li din hija intiża sabiex telimina l-ostakoli għall-kummerċ ta’ prodotti mediċinali fi ħdan l-Unjoni sabiex jintlaħaq l-għan tal-moviment liberu ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Merck Sharp & Dohme et, C-224/20, EU:C:2022:893, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
75 Issa, il-limitazzjoni tal-possibbiltà li tingħata l-eżenzjoni lingwistika fil-qasam tal-ittikkettjar għaż-żewġ każijiet previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 twassal sabiex jitnaqqsu l-possibbiltajiet ta’ importazzjoni parallela tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem b’mod ħafna iktar sinjifikattiv mis-sempliċi fatt li tiġi limitata għal dawn iż-żewġ każijiet il-possibbiltà ta’ deroga mill-indikazzjonijiet li għandhom jidhru fuq dan l-ittikkettjar. Fil-fatt, dawn l-indikazzjonijiet huma s-suġġett ta’ armonizzazzjoni min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni u għandhom, għalhekk, bħala prinċipju, ikunu preżenti fuq kull prodott mediċinali mqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni fi ħdan l-Unjoni u importat, sussegwentement, b’mod parallel fi Stat Membru ieħor minn dak li fih ġie awtorizzat it-tqegħid fis-suq tiegħu. Min-naħa l-oħra, kull Stat Membru għandu jiddetermina, b’mod awtonomu, il-lingwa li biha dawn id-dettalji kollha u l-fuljett tal-pakkett għandhom jiġu fformulati għal kull prodott mediċinali kkummerċjalizzat fit-territorju tiegħu. Għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-ittikkettjar ta’ prodott mediċinali importat b’mod parallel ma jiġix ifformulat fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni b’tali mod li, ħlief jekk jikseb eżenzjoni, l-importatur parallel ta’ dan il-prodott mediċinali jkun obbligat jemenda l-ittikkettjar u l-fuljett fil-pakkett tiegħu sabiex ikun jista’ jiddistribwixxih fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.
76 Għandu jingħad ukoll li l-ostakolu għall-importazzjoni parallela li jikkostitwixxi r-rekwiżit ta’ ttikkettjar fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni huwa iktar sinjifikattiv meta, bħal f’dan il-każ, l-ittikkettjar mill-ġdid tal-imballaġġ immedjat tal-prodott mediċinali jirriżulta impossibbli mingħajr ma jippreġudika l-istabbiltà tiegħu.
L-eżami tad-domanda
77 Kif ġie rrilevat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, meta prodott mediċinali ma “jkunx maħsub biex jitwassal direttament lill-pazjent”, jew meta jkun hemm problemi serji ta’ disponibbiltà ta’ dan il-prodott mediċinali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, bla ħsara għall-miżuri li huma jqisu neċessarji sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem, jeżentaw mill-obbligu li ċerti indikazzjonijiet jidhru fuq l-ittikkettjar u fil-fuljett tal-pakkett.
78 Fir-rigward, qabelxejn, tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li din bl-ebda mod ma tirreferi għal preskrizzjoni medika, iżda tindika biss li dan għandu jkun prodott mediċinali li “ma jkunx maħsub biex jitwassal direttament lill-pazjent”, li jimplika li l-pazjent ma għandux ikun jista’ jitqiegħed fil-pussess dirett tal-prodott mediċinali.
79 Minn dan isegwi li l-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 timmilita favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tgħid li l-kriterju sabiex jiġu ddeterminati l-prodotti mediċinali li jaqgħu taħtha ma huwiex dak tal-issuġġettar tagħhom għal preskrizzjoni medika.
80 Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 70(1) tad-Direttiva 2001/83 jikklassifika l-prodotti mediċinali f’żewġ kategoriji, jiġifieri dawk li huma suġġetti għal preskrizzjoni medika u dawk li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. Barra minn hekk, l-Artikolu 71(1) ta’ din id-direttiva jelenka l-kundizzjonijiet li l-prodotti mediċinali għandhom jissodisfaw meta jkunu suġġetti għal preskrizzjoni medika. Tali riferiment espress għal dawn iż-żewġ kategoriji distinti ta’ prodotti mediċinali huwa wkoll preżenti f’dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2001/83. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li, fl-Artikolu 54(n) ta’ din id-direttiva, isir riferiment espliċitu għall-prodott mediċinali “mhux suġġett għal preskrizzjoni medika”.
81 F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirreferi, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, biss għall-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, huwa kien jirrikorri espressament għal din l-espressjoni, bl-istess mod kif għamel, b’mod partikolari, fl-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva li minnu tidderoga din l-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(3).
82 Dawn il-kunsiderazzjonijiet kuntestwali jimmilitaw, għalhekk, ukoll għal interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 li tgħid li l-frażi “[prodott mediċinali li] mhux maħsub li jitwassal direttament lill-pazjent” tirreferi għal prodott mediċinali li ma jistax jittieħed b’mod sigur mill-pazjent li jaġixxi waħdu, iżda li l-amministrazzjoni tiegħu teħtieġ l-intervent ta’ professjonist jew ta’ stabbiliment tas-saħħa, bħal manipulazzjoni jew sorveljanza minn dan il-professjonist jew minn dan l-istabbiliment.
83 Fl-aħħar nett, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika jikkorrobora l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 li tgħid li kull prodott mediċinali suġġett għal preskrizzjoni medika ma huwiex neċessarjament prodott mediċinali li ma huwiex intiż li jitwassal direttament lil pazjent. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tillimita l-każijiet li fihom l-ittikkettjar ta’ prodott mediċinali importat b’mod parallel jista’ ma jkunx fih ċerti indikazzjonijiet imposti minn din id-direttiva għall-każ fejn l-amministrazzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali teħtieġ manipulazzjoni jew sorveljanza partikolari min-naħa ta’ professjonist jew ta’ stabbiliment tas-saħħa. Issa, f’tali każ, ir-riskju għall-pazjent li jirriżulta minn assenza ta’ ċerti indikazzjonijiet fuq l-ittikkettjar tal-imsemmi prodott mediċinali għandu jitqies li huwa iktar baxx milli jekk dan il-pazjent jamministra huwa stess l-imsemmi prodott mediċinali, mingħajr l-intervent ta’ tali professjonist jew ta’ tali stabbiliment tas-saħħa, anki jekk l-istess prodott mediċinali jkun suġġett għal preskrizzjoni medika.
84 F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, prodott mediċinali suġġett għal preskrizzjoni jista’ wkoll jitqies li ma huwiex intiż li jiġi pprovdut direttament lill-pazjent biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 82 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi totalment eskluż li prodott mediċinali jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet mingħajr madankollu ma jkun suġġett għal tali preskrizzjoni.
85 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott mediċinali għandu jitqies li ma huwiex “maħsub biex jitwassal direttament lill-pazjent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta ma jkunx jista’ jittieħed b’mod sigur minn pazjent li jaġixxi waħdu, peress li l-amministrazzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali teħtieġ manipulazzjoni jew sorveljanza partikolari min-naħa ta’ professjonist jew ta’ stabbiliment tas-saħħa, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi prodott mediċinali huwiex suġġett għal preskrizzjoni medika.
Fuq it-tielet domanda
86 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett sa fejn tawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeċiedu dwar it-talbiet għal eżenzjoni mill-obbligi fil-qasam tal-ittikkettjar li huma previsti minn din id-direttiva.
87 Fl-ewwel lok, minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, il-persuni privati jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenzi tas‑26 ta’ Frar1986, Marshall, 152/84, EU:C:1986:84, punt 46 u tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Kosmiro, C‑232/24, EU:C:2025:820, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
88 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li dispożizzjoni ta’ direttiva hija, minn naħa, inkundizzjonata meta tistabbilixxi obbligu li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ ebda att jew tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew tal-Istati Membri u li ma jħallilhom, għall-eżekuzzjoni tiegħu, ebda setgħa ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, suffiċjentement preċiża sabiex tiġi invokata minn individwu u applikata mill-qorti meta hija tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi (sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effet dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Kosmiro, C-232/24, EU:C:2025:820, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
89 Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kwistjoni tal-effett dirett tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 tqum fil-kawża prinċipali minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew minħabba traspożizzjoni inkorretta tagħha fid-dritt Ġermaniż. Fil-fatt, din il-qorti tippreċiża li l-leġiżlatur nazzjonali ma kienx, fid-data rilevanti għal din il-kawża, ittraspona din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, u li, f’dan il-każ, huwa biss bl-adozzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) tal-AMG li l-imsemmija dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ġiet trasposta sussegwentement u parzjalment.
90 F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlatur Ġermaniż jidher li interpreta l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 bħala li jħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jittrasponuh. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li toffri lill-Istati Membri l-għażla li jipprevedu jew le, fid-dritt nazzjonali tagħhom, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom il-possibbiltà li jagħtu eżenzjonijiet fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti mediċinali fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni.
91 Fil-fatt, l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 huwa fformulat fis-sens li “[l]-awtoritajiet kompetenti jistgħu” jeżentaw mill-obbligu li jidhru ċerti dettalji, u mhux li l-“Istati Membri jistgħu” jipprovdu, fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom, il-possibbiltà li jagħtu tali eżenzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu preċiż u inkundizzjonat li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li huma nnominaw li jkunu jistgħu jagħtu, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet li din id-dispożizzjoni tipprevedi, eżenzjonijiet fil-qasam tal-ittikkettjar.
92 Minn dan isegwi li l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandu effett dirett sa fejn jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bħall-Istitut Federali tal-Prodotti Mediċinali, il-kompetenza sabiex jiddeċiedu dwar talbiet għal eżenzjoni mill-obbligi fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti mediċinali li jirriżultaw minn din id-direttiva.
93 Fit-tielet lok, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi fuq il-qorti nazzjonali, inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-ġuriżdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-rekwiżiti fit-tilwima li jkollha quddiemha billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax, fuq l-awtorità tagħha stess, kull leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki sussegwenti, li tmur kontra dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna l-eliminazzjoni minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew ta’ din il-prattika nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 24, u tat‑12 ta’ Frar 2026, Petlichev, C‑56/25, EU:C:2026:87, punt 49).
94 Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju hija obbligata tqis, fil-kuntest tat-tilwima pendenti quddiemha, li d-deċiżjoni tal-Istitut Federali tal-Prodotti Mediċinali li ġġedded l-ATS għandha bażi legali sa fejn l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 jawtorizza lil din l-awtorità nazzjonali tiddeċiedi dwar talba għal eżenzjoni bħal dik li ġiet ippreżentata mill-kumpannija A., fil-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.
95 Fir-raba’ lok, għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest tal-eżami eventwali tal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl, b’mod iktar partikolari, tat-tieni sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw ruħhom li din id-deċiżjoni tosserva l-bilanċ stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn id-diversi għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, li hija intiża li tissalvagwarda s-saħħa pubblika, mingħajr ma tostakola l-kummerċ ta’ prodotti mediċinali fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2026, Farmakeio YZ & Sia, C‑604/24, EU:C:2026:418, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
96 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti fid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et, C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).
97 Għaldaqstant, mill-istruttura ġenerali u mill-għan tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ teżenta totalment jew parzjalment mill-obbligu li tirrediġi l-ittikkettjar u l-fuljett fil-pakkett ta’ prodott mediċinali fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tiegħu biss meta jkun jidher, wara bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, imwettaq fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, li obbligu li jiġu redatti l-indikazzjonijiet kollha li jinsabu fuq dan l-ittikkettjar jew fuq dan il-fuljett fil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru ma jidhirx neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
98 F’dan ir-rigward, din l-awtorità tista’, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li mhux il-prodotti mediċinali kollha jeħtieġu l-istess livell ta’ informazzjoni, peress li, pereżempju, ma humiex intiżi li jiġu pprovduti direttament lill-pazjenti iżda għandhom jiġu amministrati minn professjonisti tas-saħħa, kif ukoll il-fatt li l-indikazzjonijiet mhux tradotti fuq l-ittikkettjar u l-fuljett tal-pakkett huma aċċessibbli, barra minn hekk, bil-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li traduzzjoni sħiħa tal-ittikkettjar tista’ ma tkunx neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
99 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett sa fejn tawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeċiedu dwar talbiet għal eżenzjoni mill-obbligi fil-qasam tal-ittikkettjar li huma previsti minn din id-direttiva.
Fuq ir-raba’ domanda
100 Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi, b’mod assolut, li l-imballaġġ immedjat tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem importati b’mod parallel ikun ittikkettjat fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, filwaqt li l-ittikkettjar mill-ġdid ta’ dan l-imballaġġ jippreġudika l-istabbiltà ta’ dan il-prodott mediċinali.
101 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda preliminari, ma hemmx lok li tiġi eżaminata r-raba’ domanda.
Fuq l-ispejjeż
102 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 54, l-Artikolu 55(3) u l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, kif emendata bid-Direttiva 2012/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu japplikaw għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li huma s-suġġett ta’ importazzjoni parallela.
2) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83 , kif emendata bid-Direttiva 2012/26,
għandha tiġi interpretata fis-sens li:
prodott mediċinali għandu jitqies li ma huwiex “maħsub biex jitwassal direttament lill-pazjent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta ma jkunx jista’ jittieħed b’mod sigur minn pazjent li jaġixxi waħdu, peress li l-amministrazzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali teħtieġ manipulazzjoni jew sorveljanza partikolari min-naħa ta’ professjonist jew ta’ stabbiliment tas-saħħa, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi prodott mediċinali huwiex suġġett għal preskrizzjoni medika.
3) L-Artikolu 63(3) tad-Direttiva 2001/83, kif emendata bid-Direttiva 2012/26,
għandha tiġi interpretata fis-sens li:
din id-dispożizzjoni għandha effett dirett sa fejn tawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeċiedu dwar talbiet għal eżenzjoni mill-obbligi fil-qasam tal-ittikkettjar li huma previsti minn din id-direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.