KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑5 ta’ Ġunju 2025 ( 1 )

Kawża C‑345/24

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM)

vs

BRT SpA,

Federazione Italiana Trasportatori (FEDIT),

Associazione Italiana dei Corrieri Aerei Internazionali (AICAI),

DHL Express (Italy) Srl,

TNT Global Express Srl,

Fedex Express Italy Srl,

United Parcel Service Italia Srl,

Amazon Italia Transport Srl,

Amazon Italia Logistica Srl,

Amazon EU Sàrl,

bl-intervent ta’:

Amazon Italia Transport Srl,

Amazon Italia Logistica Srl

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti — Direttiva 97/67/KE — Artikolu 22 u 22a — Regolament (UE) 2018/644 — Artikolu 4 — Impożizzjoni ta’ obbligi ta’ informazzjoni — Bażi legali — Limiti — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

1.

Fl‑2022, l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-awtorità regolatorja tal-komunikazzjonijiet, l-Italja) ( 2 ) imponiet sensiela ta’ obbligi ta’ informazzjoni fuq l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti fl-Italja.

2.

Xi wħud minn dawn l-impriżi kkontestaw id-deċiżjoni tal-AGCOM quddiem qorti tal-prim’istanza, li laqgħet it-talbiet tagħhom. L-AGCOM appellat is-sentenzi tal-ewwel istanza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qosor:

–

Jekk il-bażi legali li tawtorizza l-impożizzjoni tal-obbligi ta’ informazzjoni tinsabx fir-Regolament (UE) 2018/644 ( 3 ) jew fid-Direttiva 97/67/KE ( 4 ). Jekk tinstab fir-Regolament 2018/644, tistaqsi dwar il-validità tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

–

F’liema limiti tista’ ARN teħtieġ dawn l-obbligi.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 97/67

3.

L-Artikolu 2 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

1)

servizzi postali: servizzi li jinvolvu l-clearance, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali;

1a)

fornitur ta’ servizz postali: impriża li tipprovdi servizz postali wieħed jew aktar;

[…]”.

4.

L-Artikolu 3(7) jistipula:

“Is-servizz universali kif deskritt f’dan l-Artikolu għandu jkopri kemm servizzi nazzjonali u dawk bejn fruntiera u oħra”.

5.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2), jipprovdi:

“L-[ARN] għandu jkollhom bħala kompitu partikolari li jiżguraw konformità ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, b’mod partikolari billi jistabbilixxu proċeduri ta’ monitoraġġ u regolatorji biex jiżguraw il-forniment ta’ servizz universali. Jistgħu wkoll jiġu fdati li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali”.

6.

L-Artikolu 22a jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi postali jipprovdu l-informazzjoni kollha, b’mod partikolari lill-[ARN], inkluża dik finanzjarja u informazzjoni dwar il-forniment ta’ servizz universali, notevolement għall-finijiet li ġejjin:

a)

sabiex l-[ARN] jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’, jew ma’ deċiżjonijiet meħudin skond din id-Direttiva;

b)

għal finijiet statistiċi definiti b’mod ċar.

2.   […] L-informazzjoni mitluba mill-[ARN] għandha tkun proporzjonata mal-prestazzjoni tal-kompiti tagħha. […]

[…]”.

2. Regolament 2018/644

7.

Skont il-premessa 13 tiegħu:

“Bħalissa, is-servizzi postali huma regolati mid-Direttiva [97/67]. […]. [D]an ir-Regolament għandu jikkumplimenta, sa fejn huma konċernati s-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva [97/67] […]”.

8.

Il-punt 3 tal-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”) ( 5 ), jgħid li “‘fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti’ tfisser impriża li tipprovdi servizz wieħed jew aktar tal-konsenja tal-pakketti bl-eċċezzjoni tal-impriżi stabbiliti fi Stat Membru wieħed biss, li jipprovdu biss servizzi domestiċi tal-konsenja tal-pakketti bħala parti minn kuntratt ta’ bejgħ u li bħala parti mill-kuntratt jikkonsenjaw personalment oġġetti li huma s-suġġett ta’ dak il-kuntratt lill-utent”

9.

Skont l-Artikolu 4 (“L-għoti tal-informazzjoni”):

“[…]

3.   Sat‑30 ta’ Ġunju ta’ kull sena kalendarja, il-fornituri kollha tas-servizz tal-konsenja tal-pakketti għandhom jissottomettu lill-[ARN] tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti, l-informazzjoni li ġejja, sakemm l-[ARN] ma tkunx diġà talbitha u rċevietha din l-informazzjoni:

a)

il-fatturat annwali f’servizzi tal-konsenja tal-pakketti għas-sena kalendarja preċedenti fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti, maqsum f’servizzi tal-konsenja tal-pakketti domestiċi, dawk transkonfini li jkunu daħlu fil-pajjiż u dawk li jkunu ħarġu minnu;

b)

l-għadd ta’ persuni li jaħdmu għalihom matul is-sena kalendarja preċedenti involuti fl-għoti ta’ servizzi tal-konsenja tal-pakketti fl-Istat Membru li fihom huma stabbiliti, inkluża analiżi maqsuma li turi l-għadd ta’ persuni skont l-istatus ta’ impjieg, u b’mod partikolari,dawk li jaħdmu fuq bażi full-time u part-time, dawk li huma impjegati temporanji u dawk li jaħdmu għal rashom;

c)

l-għadd tal-pakketti mmaniġġati matul is-sena kalendarja preċedenti fl-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, maqsuma f’pakketti domestiċi, dawk transkonfini li jkunu daħlu fil-pajjiż u dawk li jkunu ħarġu minnu;

d)

l-ismijiet tas-sottokuntratturi tagħhom, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni fil-pussess tagħhom li tikkonċerna l-karatteristiċi tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti pprovduti minn dawk is-sottokuntratturi;

e)

fejn disponibbli, kwalunkwe lista ta’ prezzijiet aċċessibbli għall-pubbliku applikabbli fl‑1 ta’ Jannar ta’ kull sena kalendarja għal servizzi tal-konsenja tal-pakketti.

[…]

5.   L-[ARN] jistgħu jimponu rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali ma’ dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 dment li jkunu meħtieġa u proporzjonati.

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 m’għandhom japplikaw għall-ebda fornitur ta’ servizzi tal-konsenja tal-pakketti li matul is-sena kalendarja preċedenti kellu medja ta’ anqas minn 50 persuna li jaħdmu għalih u li huma involuti fl-għoti tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit dak il-fornitur, sakemm dak il-fornitur ma jkunx stabbilit f’aktar minn Stat Membru wieħed. [ARN] tista’ tinkludi fil-limitu minimu ta’ 50 persuna, il-persuni li jaħdmu għas-sottokuntratturi tal-fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti.

7.   Minkejja l-paragrafu 6, [ARN] tista’ titlob l-informazzjoni li għandha tingħata skont il-paragrafi 1 sa 5 mingħand kwalunkwe fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li, matul is-sena kalendarja preċedenti, ikun impjega medja ta’ bejn 25 u 49 persuna fejn l-ispeċifiċitajiet tal-Istat Membru kkonċernat ikunu jeħtieġu hekk u dment li jkun meħtieġ u proporzjonat sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament”.

10.

L-Artikolu 5 (“It-trasparenza tat-tariffi transkonfini”), fil-paragrafu 1, jipprovdi:

“Il-fornituri kollha tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini għajr dawk esklużi mill-Artikolu 4(6) u (7) għandhom jipprovdu lill-[ARN] tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti b’lista pubblika ta’ tariffi applikabbli fl‑1 ta’ Jannar ta’ kull sena kalendarja għall-konsenja ta’ oġġetti postali individwali, għajr għal oġġetti ta’ korrispondenza, li jaqgħu fil-kategoriji elenkati fl-Anness. Dik l-informazzjoni għandha tingħata sal‑31 ta’ Jannar ta’ kull sena”.

11.

L-Artikolu 6 (“Il-valutazzjoni tat-tariffi transkonfini għal-pakketti individwali”) jindika:

“1.   Abbażi tal-listi pubbliċi ta’ tariffi miksuba skont l-Artikolu 5, l-[ARN] għandha tidentifika, għal kull oġġetti postali individwali elenkat fl-Anness, it-tariffi transkonfini tal-fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li joriġina fl-Istat Membru tagħha u li huma soġġetti għal obbligu ta’ servizz universali li l-[ARN] oġġettivament tqis li għandha tivvaluta.

2.   L-[ARN] għandha b’mod oġġettiv tevalwa, f’konformità mal-prinċipji fl-Artikolu 12 tad-Direttiva [97/67], it-tariffi transkonfini identifikati taħt il-paragrafu 1 sabiex tidentifika dawk it-tariffi transkonfini li hija tqis li huma għoljin b’mod mhux raġonevoli. F’dik il-valutazzjoni, l-[ARN] għandha b’mod partikolari tqis l-elementi li ġejjin:

a)

it-tariffi domestiċi u kwalunkwe tariffa rilevanti oħra tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti komparabbli fl-Istat Membru tal-oriġini u fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

[…]”.

B.   Id-dritt nazzjonali. Digriet leġiżlattiv Nru 261, tat‑22 ta’ Lulju 1999 ( 6 )

12.

Skont l-Artikolu 2(4), l-ARN tas-settur postali:

“[…] teżerċita, b’indipendenza sħiħa ta’ evalwazzjoni u ta’ deċiżjoni, il-funzjonijiet li ġejjin:

a)

regolamentazzjoni tas-swieq postali;

[…]

d)

adozzjoni ta’ atti regolatorji fil-qasam ta’ aċċess għan-network postali u għas-servizzi relatati, id-determinazzjoni tat-tariffi tas-setturi rregolati u l-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq postali;

e)

eżerċizzju tal-attività ta’ monitoraġġ, kontroll u verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ kwalità tas-servizz postali, inkluż permezz ta’ partijiet terzi;

f)

superviżjoni […] tal-konformità mal-obbligi imposti fuq il-fornitur tas-servizz universali u mal-obbligi li joħorġu minn liċenzji u awtorizzazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-forniment ta’ servizzi postali;

g)

analiżi u monitoraġġ tas-swieq postali, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz tas-servizzi, inkluż il-ħolqien ta’ osservatorju għal dan il-għan”.

13.

L-Artikolu 14a jirriproduċi, kważi testwalment, l-Artikolu 22a tad-Direttiva 97/67.

II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari

14.

Skont id-digriet tar-rinviju ( 7 ), “permezz tad-Deċiżjoni Nru 94/22/CONS tal‑31 ta’ Marzu 2022 intitolata ‘Obbligi regolatorji fis-suq tas-servizzi tal-kunsinna ta’ pakketti’, l-AGCOM imponiet ċerti obbligi ta’ informazzjoni (simetriċi) fuq l-impriżi li joperaw fis-suq tas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti fuq skala medja jew kbira sabiex jiżdied il-livell ta’ sorveljanza tal-kundizzjonijiet ta’ forniment tas-servizzi, tal-kundizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-impriżi li jiżviluppaw taħt id-diversi stadji tas-servizz u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll ċerti obbligi ta’ informazzjoni speċifiċi (asimetriċi) li l-AGCOM qieset li timponi biss fuq Amazon minħabba l-punti kritiċi identifikati fl-analiżi tas-suq tas-servizzi ta’ kunsinna tal-pakketti”.

15.

Għalhekk, id-Deċiżjoni Nru 94/22/CONS tinkludi:

–

Obbligi ġenerali ta’ informazzjoni fuq l-operaturi awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti postali lill-pubbliku li jissodisfaw ċerti karatteristiċi ( 8 ) (Artikolu 1).

–

Obbligi speċifiċi ta’ informazzjoni diretti lejn Amazon, li jiżdiedu mal-obbligi ġenerali (Artikolu 2).

16.

Fir-rigward tal-ewwel kategorija ta’ operaturi, l-AGCOM talbithom li jibagħtulha fuq bażi annwali:

a) l-informazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet ekonomiċi tas-servizzi offruti lill-pubbliku;

(b) il-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ riferiment (prezzijiet medji) għal ċerti gruppi ta’ klijenti professjonali identifikati fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ annwali;

(c) il-kuntratti fis-seħħ li jirregolaw ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom mal-impriżi fis-settur li jikkontribwixxu għall-provvista tas-servizz postali;

d) dikjarazzjoni dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, fir-rigward tal-persuni kollha involuti fil-forniment tas-servizz u fi kwalunkwe livell tal-organizzazzjoni tan-network;

e) il-mudelli ta’ kuntratti standardizzati użati fir-rigward tal-persunal li jappartjenu għall-kategoriji differenti ta’ kull livell ta’ organizzazzjoni.

17.

Fir-rigward tal-obbligi speċifiċi ta’ informazzjoni imposti fuq Amazon, AGCOM talbet li din l-impriża tibgħatilha:

a)

il-prezz medju ffatturat lill-bejjiegħa bl-imnut (“retailer”) li jipparteċipaw fil-programm Amazon Logistics (imsejjaħ “FBA”) għas-servizz ta’ distribuzzjoni;

b)

il-prezz medju unitarju mħallas lid-“Delivery Service Partner” (DSP) (Imsieħba tas-Servizz ta’ Kunsinna) għas-servizz ta’ distribuzzjoni, u

c)

il-prezz medju unitarju mħallas lill-operaturi l-oħra ta’ kunsinna ta’ pakketti għas-servizz ta’ distribuzzjoni.

18.

Permezz ta’ erba’ appelli separati, l-Associazione Italiana dei Corrieri Aerei Internazionali (AICAI), DHL Express Italy Srl, TNT Global Express Srl, Fedex Express Italy Srl u United Parcel Service Italia Srl; BRT SpA; il-Federazione Italiana Trasportatori (FEDIT) (iktar ’il quddiem, b’mod konġunt, “operaturi diversi ta’ Amazon”) u Amazon Italia Transport Srl, Amazon Italia Logistica Srl u Amazon EU Sàrl (iktar ’il quddiem, b’mod konġunt, “Amazon”) ikkontestaw id-Deċiżjoni Nru 94/22/CONS quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja, iktar ’il quddiem “TAR Lazio”).

19.

F’erba’ sentenzi separati, it-TAR Lazio laqgħet l-erba’ rikorsi u annullat id-Deċiżjoni kkontestata:

–

Fir-rigward tal-operaturi diversi ta’ Amazon, it-TAR Lazio, skont id-digriet tar-rinviju, “indikat, l-ewwel, in-nuqqas ta’ investigazzjoni tad-Deċiżjoni [Nru 94/22/CONS]. B’mod partikolari, AGCOM introduċiet obbligi ta’ informazzjoni fis-setturi B2B (‘business-to-business’), fejn l-investigazzjoni magħmula ma żvelat ebda problema li tiġġustifika intervent ta’ natura regolatorja. Minflok, instabu problemi prinċipalment (jew biss) fis-settur B2C (‘business to-consumer’)”.

–

Fir-rigward tal-obbligi speċifiċi ta’ informazzjoni imposti fuq Amazon, it-TAR Lazio laqgħet ir-rikors minħabba li kienet nieqsa bażi regolatorja “soda”.

20.

L-AGCOM appellat is-sentenzi tal-ewwel istanza quddiem il-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat), li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari, li ser nitraskrivi l-ewwel, it-tieni u r-raba’ ( 9 ) waħda minnhom, ifformulati f’dawn it-termini:

“1)

Ir-Regolament [2018/644], fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni, japplika bħala tali biss għall-fornituri ta’ servizzi ta’ konsenji transkonfinali jew, b’mod ġenerali, għall-fornituri ta’ servizzi kollha tal-konsenja tal-pakketti, bla ħsara għall-esklużjonijiet speċifiċi relatati ma’ dispożizzjonijiet individwali?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li huwa japplika biss għall-fornituri ta’ servizzi ta’ konsenja transkonfinali, id-Direttiva [97/67] jew l-hekk imsemmija ‘setgħat impliċiti’ jipprovdu l-bażi legali għall-[ARN] biex jimponu, fi kwalunkwe avveniment, fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ konsenja, inklużi dawk mhux transkonfinali, obbligi ġenerali biex jipprovdu informazzjoni?

[…]

4)

Sa fejn (inkluż mill-perspettiva ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità) tista’ l-[ARN] timponi obbligi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti biex jipprovdu informazzjoni u, b’mod partikolari, ikun possibbli li jiġi impost, fuq il-fornituri kollha mingħajr distinzjoni, obbligi biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar

i)

il-kundizzjonijiet applikati għal diversi tipi ta’ klijenti;

ii)

il-kuntratti li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-impriża individwali li tipprovdi servizz ta’ konsenja ta’ pakketti u l-impriżi li b’diversi modi, skont l-ispeċifiċitajiet tas-settur, jikkontribwixxu għall-provvista ta’ dan is-servizz;

iii)

il-kundizzjonijiet ekonomiċi u l-protezzjoni legali mogħtija lill-ħaddiema impjegati f’diversi kapaċitajiet fil-provvista tas-servizz?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Mejju 2024.

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn AICAI et, Amazon, BRT, FEDIT, il-Gvern Taljan, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea. Kollha dehru fis-seduta pubblika li nżammet fis‑26 ta’ Marzu 2025.

23.

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn il-konklużjonijiet ma inix ser nindirizza t-tielet domanda preliminari magħmula.

IV. Analiżi

A.   L-ewwel domanda preliminari

24.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-Regolament 2018/644 japplikax “fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni, […] biss għall-fornituri ta’ servizzi ta’ konsenji transkonfinali jew, b’mod ġenerali, għall-fornituri ta’ servizzi kollha tal-konsenja tal-pakketti, bla ħsara għall-esklużjonijiet speċifiċi relatati ma’ dispożizzjonijiet individwali”.

1. Rilevanza tad-domanda

25.

Skont Amazon, id-domanda hija irrilevanti, peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-applikabbiltà tar-Regolament 2018/644 għas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti transkonfinali. Fil-fehma tagħha, għandha tiġi rriformulata sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament 2018/644 “jistax jikkostitwixxi, jew le, bażi legali xierqa li tippermetti lill-ARN jimponu obbligi ta’ informazzjoni addizzjonali fuq kwistjonijiet li ma humiex transkonfinali” ( 10 ).

26.

Hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-partijiet fil-kawża, li għandha tevalwa n-neċessità tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja u li tiddefinixxi l-kontenut tagħhom ( 11 ).

27.

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jifhem li s-suġġett tal-proċedimenti inkwistjoni huwa l-obbligi ta’ informazzjoni imposti mid-Deċiżjoni kkontestata u li fiha jitqajmu, “fost l-oħrajn” ( 12 ), dubji dwar “l-eżistenza u, fejn xieraq, il-portata tas-setgħa tal-[ARN] li timponi tali obbligi […], billi tibda mis-sitwazzjoni ta’ fornituri tas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti mhux transkonfinali bħal Amazon” ( 13 ).

28.

Mifhuma b’dan il-mod, id-domanda hija rilevanti. Fid-dawl tad-dubji tagħha dwar il-legalità tal-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti, huwa leġittimu għall-qorti tar-rinviju li l-ewwel tistaqsi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2018/644. Ir-risposta għal din id-domanda tippermettilha tkun taf jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar obbligi ta’ informazzjoni jestendux għall-fornituri kollha ta’ dawn is-servizzi, kemm jekk nazzjonali kif ukoll transkonfinali.

29.

Id-domanda, nirrepeti, ma hijiex irrilevanti jekk il-qorti tar-rinviju ma tkunx tista’ tagħraf b’mod ċar il-bażi legali tal-funzjoni eżerċitata minn AGCOM. Iktar u iktar peress li, din il-qorti żżid tgħid, “jidher li AGCOM fil-passat kienet eskludiet li s-setgħa li jiġu imposti obbligi ta’ informazzjoni tirriżulta mir-Regolament 2018/644, filwaqt li fil-kawża preżenti huwa sostnut il-kuntrarju” ( 14 ).

2. Evalwazzjoni fil-mertu

30.

Ir-Regolament 2018/644 jittratta, kif ipprovdut fit-titolu tiegħu, dwar servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti transkonfinali. Il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu jirreferu għal din il-kategorija ta’ servizzi.

31.

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament 2018/644, dan “jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi biex irawmu servizzi aħjar tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, flimkien ma’ dawk stipulati fid-Direttiva [97/67], fir-rigward ta’ […]”.

32.

Il-punti (b) u (c) tal-istess Artikolu 1 tar-Regolament 2018/644 jirreferu, rispettivament, għal “it-trasparenza tat-tariffi, u l-valutazzjoni tat-tariffi għal ċerti servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini […]” u għal “informazzjoni li n-negozjanti jagħmlu disponibbli għall-konsumaturi dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini”.

33.

Dispożizzjonijiet oħrajn tar-Regolament 2018/644 japplikaw ukoll esklużivament għal fornituri ta’ servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti transkonfinali. Dan huwa l-każ fl-Artikolu 5 (It-trasparenza tat-tariffi transkonfini), l-Artikolu 6 (Il-valutazzjoni tat-tariffi transkonfini għal-pakketti individwali), u l-Artikolu 7 (Informazzjoni lill-konsumaturi dwar l-għażliet u l-prezzijiet ta’ kunsinna transkonfinali).

34.

Mit-total ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jidher li jirriżulta, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, li r-Regolament 2018/644 huwa inapplikabbli għal servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti li ma humiex transkonfinali. Dispożizzjonijiet oħrajn tal-istess regolament, madankollu, jippermettu li jiġi sostnut l-oppost fir-rigward tal-imsemmija obbligi ta’ informazzjoni.

35.

L-ewwel, l-Artikolu 1 tar-Regolament 2018/644 jelenka wkoll fost l-għanijiet tiegħu “is-sorveljanza regolatorja relatata mas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti”, mingħajr ma jirreferi unikament għas-servizzi transkonfinali u, għalhekk, jinkludi wkoll is-servizzi nazzjonali.

36.

It-tieni, billi tiġi rregolata l-informazzjoni li l-fornituri tas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti għandhom jikkomunikaw lill-ARN tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, l-Artikolu 4(1) u (3) tar-Regolament 2018/644 huwa indirizzat, b’mod ġenerali u espliċitu, lill-“fornituri kollha tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti” (enfasi miżjuda minni). Għalhekk, ma ssirx distinzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi nazzjonali u dawk transkonfinali.

37.

Id-definizzjoni ta’ “fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti” li tinsab fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament 2018/644 tikkonferma din l-interpretazzjoni. Bl-istess mod, il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz postali” li jinsab fl-Artikolu 2(1a) tad-Direttiva 97/67 (“impriża li tipprovdi servizz postali wieħed jew aktar”) ma jillimitax dan il-kunċett għas-servizzi nazzjonali. Din id-definizzjoni tad-Direttiva 97/67, kif prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2018/644, tapplika għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar.

38.

It-tielet, l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament 2018/644 jikkonċernaw ċertu tip ta’ informazzjoni (ta’ natura tariffarja jew kuntrattwali) li għandhom jiġu pprovduti, fost l-operaturi kollha tas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti, unikament minn dawk li jipprovdu tali informazzjoni fl-attività transkonfinali tagħhom. Madankollu, din l-informazzjoni tiżdied ma’ dik ipprovduta, għall-operaturi kollha mingħajr distinzjoni, fl-Artikolu 4(1) u (3) tal-istess regolament. L-Artikoli 5, 6, u 7 għalhekk jikkostitwixxu dispożizzjonijiet indirizzati lil grupp speċifiku, fi ħdan il-grupp tal-fornituri nazzjonali u transkonfinali kollha tas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti.

39.

In-natura nazzjonali jew transkonfinali tas-servizz ta’ kunsinna ta’ pakketti tista’ tkun rilevanti għar-Regolament 2018/644. Iżda, ninsisti, mhux bħala kriterju sabiex tiġi ddelimitata l-portata tal-obbligi ta’ informazzjoni — li jirrestrinġihom għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti transkonfinali—, iżda pjuttost sabiex tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandu jipprovdi kull operatur.

40.

Huwa minnu li, kif għadni kif sostnejt, ir-Regolament 2018/644 jindirizza, f’uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, is-sitwazzjoni speċifika tal-operaturi li jipprovdu servizzi transkonfinali. Madankollu, dan ma jwaqqafx milli jiġi stipulat li l-operaturi kollha fis-settur, irrispettivament mill-ambitu nazzjonali jew transkonfinali tas-servizz li jipprovdu, ikunu suġġetti għall-obbligi ta’ informazzjoni fl-Artikolu 4.

41.

Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 4(1) u (3), tar-Regolament 2018/644 għalhekk, mil-lat testwali, jiffoka fuq in-natura materjali tas-servizz ipprovdut u mhux fuq id-dimensjoni nazzjonali jew transkonfinali tal-provvista.

42.

Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni hija rrinfurzata mill-Artikolu 4(3)(c) tar-Regolament 2018/644: l-operaturi ta’ kunsinna ta’ pakketti, meta jipprovdu informazzjoni dwar in-numru ta’ pakketti mibgħuta fl-Istat Membru li jkunu stabbiliti fih, għandhom iqassmuhom “f’pakketti domestiċi [u] dawk transkonfini”. L-obbligu ta’ informazzjoni għalhekk jestendi, skont ir-Regolament innifsu, għall-pakketti nazzjonali.

43.

Mill-perspettiva tal-iskop tiegħu, l-għan wara l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq l-operaturi ta’ kunsinna ta’ pakketti huwa rrispettat aħjar jekk l-ARN, li jirċievu din l-informazzjoni, ikollhom data kemm fuq is-servizzi nazzjonali kif ukoll fuq is-servizzi transkonfinali sabiex iwettqu l-funzjonijiet li jikkonċernawhom ( 15 ). Din id-data tagħtihom stampa sħiħa, u mhux frammentata, tas-settur li jissorveljaw u tas-suq li jkunu qiegħdin janalizzaw.

44.

Konsegwentement, nifhem li, fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, ir-Regolament 2018/644 japplika għall-fornituri kollha tas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti, kemm jekk ikunu servizzi nazzjonali jew transkonfinali.

B.   It-tieni domanda preliminari

45.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni domanda preliminari tagħha fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tikkonferma li r-Regolament 2018/644 japplika biss għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti transkonfinali.

46.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, it-tieni domanda hija rilevanti, tkun xi tkun ir-risposta għall-ewwel waħda.

47.

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jixtieq ikun jaf jekk “humiex id-Direttiva [97/67] jew l-hekk imsejħa ‘setgħat impliċiti’ li jikkostitwixxu l-bażi legali li tippermetti lill-[ARN] jimponu, fi kwalunkwe każ, obbligi ta’ informazzjoni ġenerali fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-konsenja tal-pakketti, anki dawk li ma humiex transkonfinali”.

48.

L-applikazzjoni potenzjali tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6, taffettwa l-obbligi ta’ informazzjoni li jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-konsenja tal-pakketti.

49.

Fil-fehma tiegħi, anki kieku l-bażi legali prevista mir-Regolament 2018/644 ma kinitx teżisti, l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ informazzjoni imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti li ma humiex transkonfinali tista’ tkun ibbażata fuq id-Direttiva 97/67. Ħadd ma jikkontesta li dawn is-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi postali ( 16 ).

50.

Kif tenfasizza t-tlettax-il premessa tar-Regolament 2018/644, id-Direttiva 97/67 “tistabbilixxi regoli komuni li jirregolaw il-forniment ta’ servizzi postali u s-servizz postali universali”. Barra minn hekk, it-tieni premessa tad-Direttiva 2008/6 tfakkar li d-Direttiva 97/67 “stabbiliet qafas regolatorju għas-settur postali f’livell Komunitarju, inklużi miżuri biex jiġi garantit servizz universali”.

51.

Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67 jinkludi l-fornituri kollha ta’ servizzi postali ( 17 ) u mhux biss dawk ta’ servizz universali. Barra minn hekk, kif tinnota l-Kummissjoni ( 18 ), l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 97/67 jinkludi kemm servizzi nazzjonali kif ukoll servizzi transkonfinali fi ħdan is-servizz postali universali.

52.

Abbażi ta’ din il-premessa, l-Artikolu 22a tad-Direttiva 97/67 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi postali jipprovdu, b’mod partikolari, lill-ARN l-informazzjoni kollha [meħtieġa], inkluża dik finanzjarja u informazzjoni dwar il-forniment ta’ servizz universali ( 19 ).

53.

Għal darba oħra, ir-riferiment għall-fornituri ta’ servizzi postali ssir mingħajr distinzjoni bejn servizzi nazzjonali u dawk transkonfinali. Din il-ġeneralizzazzjoni hija iktar u iktar meħtieġa peress li, kif tispeċifika l-istess dispożizzjoni, tikkonċerna l-fatt li l-ARN “[…] jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet [tad-Direttiva 97/67], jew ma’ deċiżjonijiet meħudin skont din id-Direttiva”.

54.

Sa fejn “id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 97/67” japplikaw għall-fornituri ta’ servizzi postali li ma humiex transkonfinali, huwa loġiku li informazzjoni ġenerali tista’ wkoll tinġabar mingħand dawn. Dan huwa enfasizzat fil-premessa 51 tad-Direttiva 2008/6: “[l]-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtieġu jiġbru informazzjoni minn atturi tas-suq sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv”.

55.

Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, id-Direttiva 97/67 ma tipprekludix li r-regoli nazzjonali li jittrasponuha jagħtu lill-ARN is-setgħa li jitolbu informazzjoni ta’ kontenut iktar wiesgħa minn dik stabbilita fid-Direttiva nnifisha (sakemm din tkun proporzjonata mal-ħtiġijiet tat-twettiq tal-kompitu tagħhom).

56.

Fil-qosor, id-Direttiva 97/67 tippermetti l-impożizzjoni ta’ obbligi ġenerali ta’ informazzjoni fuq il-fornituri kollha ta’ servizzi postali, kemm nazzjonali kif ukoll transkonfinali, inklużi s-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti.

C.   Ir-raba’ domanda preliminari

57.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf “sa fejn” l-ARN tista’ timponi obbligi ta’ informazzjoni fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti. B’mod partikolari, jekk huwiex permissibbli li jiġu imposti “fuq il-fornituri kollha mingħajr distinzjoni, obbligi biex tiġi pprovduta informazzjoni” fuqhom rigward ċerti kundizzjonijiet u kuntratti (li ser nirreferi għalihom iktar tard).

58.

Skont ir-risposta li nipproponi għall-ewwel żewġ domandi, bħall-Kummissjoni, jiena nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex tingħata risposta għar-raba’ domanda huma l-Artikolu 4(3) u (5) tar-Regolament 2018/644, u l-Artikolu 22a tad-Direttiva 97/67.

59.

Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu, minn naħa waħda, l-informazzjoni li għandha tintbagħat lill-ARN b’mandat speċifiku tar-Regolament 2018/644 u tad-Direttiva 97/67; u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni addizzjonali li l-ARN jistgħu jitolbu mingħand il-fornituri tas-servizz ta’ kunsinna ta’ pakketti. Mat-tnejn li huma għandha tiżdied, fejn xieraq, l-informazzjoni li jitolbu l-ARN abbażi tar-regolamenti nazzjonali ( 20 ).

60.

L-ewwel, ser nindirizza l-profili tal-informazzjoni obbligatorja u l-informazzjoni addizzjonali li l-ARN jistgħu jeħtieġu u, it-tieni, il-konsegwenzi ta’ din l-analiżi għar-risposta lill-qorti tar-rinviju.

1. Informazzjoni meħtieġa skont ir-Regolament 2018/644 u d-Direttiva 97/67

61.

L-informazzjoni li l-operaturi kollha huma meħtieġa jippreżentaw kull sena lill-ARN hija elenkata fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2018/644 ( 21 ) u ser tirreferi għall-ħames kategoriji ta’ data li diġà ttraskrivejt ( 22 ).

62.

Il-kliem tal-Artikolu 22a tad-Direttiva 97/67 huwa iktar miftuħ u ma jagħtix dettalji dwar liema tip ta’ data għandha tiġi pprovduta obbligatorjament.

63.

Barra minn hekk, skont id-Direttiva 97/67 (Artikolu 22(2)), l-ARN jistgħu, jekk jingħataw din is-setgħa, iwettqu l-kompitu li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali ( 23 ). F’din l-ipoteżi, ser ikun obbligatorju għall-impriżi fis-settur li jittrażmettu l-informazzjoni li normalment trid tiġi pprovduta lill-awtoritajiet inkarigati mid-difiża tal-kompetizzjoni.

2. Informazzjoni addizzjonali li jistgħu jitolbu l-ARN

64.

Id-Direttiva 97/67 ma fiha ebda regola espliċita dwar l-obbligi ta’ ta’ informazzjoni addizzjonali. Minħabba t-termini wesgħin tal-Artikolu 22a tagħha, li jenfasizza l-proporzjonalità tal-informazzjoni mitluba, huma l-ARN li jridu jivvalutaw, bl-użu ta’ dan l-istandard, ir-rilevanza tat-talbiet tagħhom għall-informazzjoni.

65.

Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament 2018/644, l-ARN “jistgħu jimponu rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali ma’ dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 dment li jkunu meħtieġa u proporzjonati”.

66.

Ma’ dawn ta’ hawn fuq, għandha tiżdied l-informazzjoni li l-ARN huma awtorizzati jitolbu abbażi tar-regoli nazzjonali.

3. Limiti għar-rekwiżit ta’ informazzjoni fil-każ inkwistjoni

67.

Fir-raba’ domanda għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ domandi:

–

L-ewwel, tixtieq tkun taf “sa fejn (inkluż mill-perspettiva ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità) tista’ l-[ARN] timponi obbligi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti biex jipprovdu informazzjoni”.

–

It-tieni, tixtieq tkun taf jekk “b’mod partikolari, ikun[x] possibbli li jiġi impost, fuq il-fornituri kollha mingħajr distinzjoni, obbligi biex tiġi pprovduta informazzjoni” dwar tliet kategoriji ta’ kundizzjonijiet applikati (jew kuntratti konklużi) minn operaturi ta’ servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti.

68.

L-ewwel waħda miż-żewġ domandi li għadni kif ittraskrivejt hija wiesgħa wisq. Fl-opinjoni tiegħi, domanda fformulata f’dawn it-termini tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta li neċessarjament tkopri kull tip ta’ limiti, kemm jekk jaffettwaw l-eżitu tat-tilwima jew le. Dan l-approċċ imur lil hinn mill-approċċ meħud mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE ( 24 ).

69.

Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli u jiġu evitati kunsiderazzjonijiet astratti żżejjed, huwa preferibbli li wieħed jiffoka fuq l-informazzjoni mitluba mill-AGCOM ( 25 ). L-“obbligi ta’ informazzjoni [fuq il-fornituri kollha mingħajr distinzjoni]” imsemmija fit-tieni parti ta’ din id-domanda preliminari jikkoinċidu, essenzjalment, ma’ dawk meħtieġa mill-AGCOM fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 94/22/CONS.

70.

Madankollu, kif ammettew il-partijiet kollha fil-kawża waqt is-seduta, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qrati Taljani, li għandhom jevalwaw jekk l-informazzjoni mitluba f’din id-Deċiżjoni tikkonformax, jew le, mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema legali tagħhom. Għalhekk ser nillimita ruħi sabiex nagħti l-opinjoni tiegħi dwar kif dawn l-obbligi jinkwadraw mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li ġew invokati.

a) Informazzjoni ta’ natura kummerċjali

71.

L-AGCOM imponiet fuq ċerti operaturi ta’ kunsinna ta’ pakketti, ikklassifikati skont ċerti parametri, obbligi ta’ informazzjoni relatati ma’: a) il-“kundizzjonijiet ekonomiċi” tas-servizzi offruti lill-pubbliku; (b) il-“kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ riferiment (prezzijiet medji)” għal ċerti gruppi ta’ klijenti professjonali, u (c) il-“kuntratti fis-seħħ li jirregolaw ir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ impriżi fis-settur […] li jikkontribwixxu għall-provvista tas-servizz postali” ( 26 ).

72.

Fil-prinċipju, dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni jista’ jiġi inkwadrat jew fl-obbligu li tiġi kkomunikata d-data msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2018/644, jew inkella fl-Artikolu 22a tad-Direttiva 97/67.

73.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ riferiment għal ċerti klijenti u tal-kuntratti fis-seħħ ma’ impriżi oħra fis-settur ( 27 ), il-qorti tar-rinviju tista’ tivvaluta jekk it-talba għal informazzjoni hijiex ibbażata fuq is-setgħat tal-AGCOM fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-settur postali ( 28 ).

74.

L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/67 jipprovdi li, minbarra li jiżguraw il-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva nnifisha, l-ARN “[j]istgħu […] jiġu fdati li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali”.

75.

Il-qorti tar-rinviju għandha, għalhekk, tiddetermina jekk ir-regoli nazzjonali jagħtux realment setgħat lill-AGCOM sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni, liema proposta hija miċħuda minn Amazon. Għandu jiġi ċċarat jekk, billi jagħti l-kompitu lil AGCOM għall-“promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq postali”, l-Artikolu 2(4)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 261/1999 jawtorizzax lil dik l-ARN sabiex tiġbor informazzjoni li, bħal dik inkwistjoni, tista’ tkun rilevanti sabiex jinftiehmu l-kundizzjonijiet tas-suq postali bħala prerekwiżit meħtieġ għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni. Il-“promozzjoni” tal-kompetizzjoni fis-settur postali diffiċli ssir mingħajr għarfien dettaljat tas-sitwazzjoni ta’ dak is-suq, li huma biss l-atturi involuti fih li jistgħu jipprovdu dan.

b) Informazzjoni tan-natura relatata mal-impjieg

76.

L-AGCOM talbet lill-istess fornituri tas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti li fuqhom kienet imponiet obbligi ta’ informazzjoni ta’ natura kummerċjali sabiex jibagħtulha: (a) “dikjarazzjoni dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, fir-rigward tal-persuni kollha involuti fil-provvista tas-servizz u fi kwalunkwe livell tal-organizzazzjoni tan-network”; u b) “il-mudelli ta’ kuntratt standardizzati użati fir-rigward ta’ persunal li jappartjeni għall-kategoriji differenti ta’ kull livell ta’ organizzazzjoni” ( 29 ).

77.

Il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-profili tal-informazzjoni mitluba, għandha l-ewwel tiddetermina jekk din l-informazzjoni ta’ natura relatata mal-impjieg taqax fil-limiti tal-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament 2018/644 ( 30 ).

78.

Bħala regola, din it-tip ta’ informazzjoni tippermetti lil ARN tevalwa s-sitwazzjoni tal-impjegati tal-impriżi ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti u, għalhekk, li tikkonforma mal-obbligu li jitqassam in-numru ta’ persuni li ħadmu għalihom, skont l-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament 2018/644.

79.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju, jekk ikun il-każ, tista’ tevalwa jekk tali informazzjoni relatata mal-impjieg hijiex koperta mill-Artikolu 22a tad-Direttiva 97/67. Skont dan, il-fornituri tas-servizz postali għandhom jipprovdu “l-informazzjoni kollha [meħtieġa]” sabiex jivverifikaw “il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ […] din id-Direttiva”. B’mod partikolari, “id-dispożizzjonijiet” tad-Direttiva 97/67 jinkludu:

–

L-istabbiliment ta’ “proċeduri ta’ monitoraġġ u regolatorji biex jiżguraw il-forniment ta’ servizz universali” (Artikolu 22(2)).

–

Fil-każ ta’ fornituri ta’ servizzi li ma humiex inklużi fis-servizz universali, il-garanzija ta’ konformità mar-“rekwiżiti essenzjali” ddefiniti fil-punt 19 tal-Artikolu 2 tal-istess Direttiva 97/67. Fosthom hemm ir-“rispett għat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, skemi tas-sigurtà soċjali”

–

L-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lil fornituri ta’ servizzi postali suġġetti għall-obbligu għar-rispett tal-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew li jimponu tali obbligu (il-ħames inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9) ( 31 ).

4. Konklużjoni intermedja

80.

Skont dak li għadni kif spjegajt, l-informazzjoni mitluba mill-AGCOM taħt l-intestatura “Obbligi ġenerali ta’ informazzjoni” fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 94/22/CONS tista’ tkun ibbażata kemm fuq l-Artikolu 4(3) u (5) tar-Regolament 2018/644 kif ukoll fuq l-Artikolu 22a tad-Direttiva 97/67.

81.

Peress li l-“obbligi speċifiċi ta’ informazzjoni” imposti fuq Amazon mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 94/22/CONS, fir-realtà, huma sempliċement speċifikazzjoni dettaljata ta’ wieħed mill-obbligi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din id-deċiżjoni, tista’ tiġi applikata għalihom l-istess bażi legali.

82.

Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ż-żewġ obbligi jkunu koperti mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament 2018/644 u tad-Direttiva 97/67, hija jkollha teżamina wkoll in-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom.

83.

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2018/644 tkopri, fil-qosor, id-dħul mill-bejgħ annwali, in-numru ta’ persuni impjegati, in-numru ta’ pakketti mibgħuta jew l-ismijiet tas-sottokuntratturi. Ir-rekwiżit għal din id-data huwa ġġustifikat mir-Regolament 2018/644 f’konformità mas-setgħat superviżorji mogħtija lill-ARN. Għalhekk huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni stess li jagħmel is-sentenza ta’ neċessità u proporzjonalità fir-rigward ta’ dinid-data, mingħajr ma tkun ġiet diskussa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni.

84.

Ma tapplikax l-istess ħaġa għall-informazzjoni għajr dik prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2018/644. Ir-“rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali” li l-ARN jistgħu jitolbu taħt l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu vvalutati f’kull każ (meta jkunu kkontestati) sabiex jiġi vverifikat jekk ikunux “meħtieġa u proporzjonati”. Iż-żewġ kriterji huma wkoll imsemmija fl-Artikolu 22a tad-Direttiva 97/67: l-informazzjoni għandha tkun meħtieġa (paragrafu 1) u proporzjonata mal-prestazzjoni tal-kompiti tal-ARN (paragrafu 2).

85.

Konsegwentement, it-talba għal informazzjoni għandha tkun suġġetta għall-kriterju ta’ ħtieġa u proporzjonalità skont il-premessa 51 tad-Direttiva 2008/6 (“[i]l-talbiet għal informazzjoni għandhom ikunu proporzjonati u ma għandhomx jimponu piż żejjed fuq l-impriżi”).

86.

Id-digriet tar-rinviju huwa estremament qasir fir-rigward tal-kriterji ta’ ħtieġa u proporzjonalità, u għalhekk ma huwiex faċli li jiġu eżaminati. Madankollu, jistgħu jingħataw xi indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward.

5. Ħtieġa tal-informazzjoni mitluba

87.

Il-ħtieġa ( 32 ) tal-informazzjoni kkontestata hija bbażata fuq il-fatt li, mingħajr l-għarfien tagħha, l-ARN ma jistgħux iwettqu effettivament is-setgħat assenjati lilhom.

88.

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-ħtieġa li l-AGCOM jkollha din l-informazzjoni fil-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ, il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq iwassluni sabiex naċċetta li, bħala prinċipju, l-eżekuzzjoni effiċjenti tal-kompiti fdati lill-ARN fis-settur postali tista’ tiddependi mill-għarfien tagħha, peress li:

–

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet tar-reġimi tal-impjieg u tas-sigurtà soċjali, huwa meħtieġ li tinkiseb id-dikjarazzjoni tal-operatur dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk involuti fil-provvista tas-servizz (ir-raba’ obbligu ġenerali), kif ukoll il-mudelli għall-kuntratti tal-persunal (il-ħames obbligi ġenerali).

–

Il-ħtieġa li jkunu magħrufin il-prezzijiet medji tal-prestazzjonijiet relatati ma’ ċerti klijenti kummerċjali (it-tieni obbligu ġenerali u t-tliet obbligi speċifiċi imposti fuq Amazon) tista’, fil-prinċipju, tkun marbuta mal-funzjonijiet ta’ ARN relatati mal-kompetizzjoni, kemm jekk tippromwovi jew tiżgura l-konformità tagħhom. Kif diġà semmejt, iż-żewġ funzjonijiet jeħtieġu għarfien fil-fond tas-sitwazzjoni tas-suq.

–

L-informazzjoni relatata mal-kuntratti fis-seħħ li jirregolaw ir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ impriżi fis-settur (it-tielet obbligu ġenerali) tista’ wkoll titqies neċessarja sabiex l-AGCOM tagħmel dikjarazzjoni dwar ċerti punti kritiċi li jirriżultaw mill-analiżi tagħha tas-suq tas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti.

6. Proporzjonalità tar-rekwiżit

89.

Jekk tiġi pprovata l-ħtieġa tal-informazzjoni mitluba, ikun għadu jrid jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-portata u tal-kumplessità tagħha, din tikkonformax mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Kif diġà indikajt, l-ARN ma għandhomx joħorġu talbiet għal informazzjoni li jpoġġu piż eċċessiv fuq l-impriżi.

90.

Il-qari tas-sentenzi appellati jiżvela li, fil-kawża oriġinali, it-TAR Lazio wettqet skrutinju dettaljat tal-obbligi imposti ta’ informazzjoni, fejn analizzat il-proporzjonalità tagħhom. Jekk l-evalwazzjonijiet tal-qorti tal-ewwel istanza f’dan ir-rigward humiex korretti jew le hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża esklużivament mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat).

91.

Din il-kwistjoni kienet il-punt fokali, b’mod partikolari, tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ BRT u Amazon, bħala operaturi individwali, u tal-entitajiet (FEDIT u AICAI) li jirrappreżentaw lill-membri tagħhom.

92.

Kollha kemm huma sostnew, fi grad u enfasi kbira jew żgħira, li l-obbligi ta’ informazzjoni deskritti fir-raba’ domanda preliminari ma humiex aċċessibbli għall-impriżi f’termini organizzattivi, ta’ persunal u ekonomiċi. Il-Gvern Taljan kellu opinjoni opposta.

93.

Fil-fehma tiegħi, li fil-parti l-kbira tikkoinċidi ma’ dik tal-Kummissjoni ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar dawn il-kwistjonijiet, li l-evalwazzjoni tagħhom għandha ssir biss mill-qorti tar-rinviju. Dan kien ammess mill-partijiet kollha fis-seduta, inkluż il-Gvern Taljan.

94.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-osservanza tal-obbligi kkontestati, fid-dawl tal-iskala u l-livell tad-dettall tal-informazzjoni mitluba, tinvolvix piż li ma huwiex eċċessiv għall-impriżi kkonċernati, jew jekk l-għan intiż jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas onerużi ( 34 ).

V. Konklużjoni

95.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda magħmulin mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) fit-termini li ġejjin:

“1)

Ir-Regolament (UE) 2018/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ April 2018 dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini,

għandu jiġi interpretat fis-sens li

japplika, fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, bla ħsara għall-esklużjonijiet speċifiċi relatati ma’ dispożizzjonijiet individwali, għall-fornituri ta’ servizzi kollha ta’ kunsinna ta’ pakketti, kemm jekk nazzjonali jew transkonfinali.

2)

L-Artikolu 4(3) u (5) tar-Regolament 2018/644 u l-Artikolu 22a tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

ma jipprevjenux lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali milli jimponu obbligi ta’ informazzjoni fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti relatati ma’:

i)

il-kundizzjonijiet applikati għad-diversi tipi ta’ klijenti;

ii)

il-kuntratti li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-impriża individwali li tipprovdi servizz ta’ kunsinna ta’ pakketti u l-impriżi li b’diversi modi, skont l-ispeċifiċitajiet tas-settur, jikkontribwixxu għall-provvista ta’ dan is-servizz;

iii)

il-kundizzjonijiet ekonomiċi u l-protezzjoni legali mogħtija lill-ħaddiema impjegati f’diversi kapaċitajiet fil-provvista tas-servizz,

sakemm l-obbligi imposti jkunu meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet assenjati lill-awtorità regolatorja nazzjonali, ikunu proporzjonati u ma jimponux piż eċċessiv fuq l-impriżi, li għandu jiġi deċiż mill-qorti tar-rinviju”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Iktar ’il quddiem “AGCOM”. L-AGCOM teżerċita l-funzjonijiet ta’ Awtorità Regolatorja Nazzjonali (iktar ’il quddiem “ARN”) f’dan is-settur.

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ April 2018 dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini (ĠU 2018, L 112, p. 19).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71). F’dawn il-konklużjonijiet ser nuża l-verżjoni emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49).

( 5 ) Skont l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, “[g]ħall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [97/67] u fil-punti 1, 2 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU 2024, L 2024/90093)]”.

( 6 ) Decreto legislativo n.o 261 — Attuazione della direttiva 97/67/CE concernente regole comuni per lo sviluppo del mercato interno dei servizi postali comunitari e per il miglioramento della qualità del servizio (Digriet Leġiżlattiv Nru 261 li jittrasponi d-Direttiva 97/67/KE dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz) tat‑22 ta’ Lulju 1999 (GURI Nru 182, tal‑5 ta’ Awwissu 1999, p. 4) (iktar ’il quddiem “Digriet leġiżlattiv Nru 261/1999”).

( 7 ) Punt 1, Fatti.

( 8 ) Operaturi li jimpjegaw mill-inqas ħamsin impjegat f’attivitajiet postali u li kisbu, għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi, dħul mill-bejgħ annwali relatat ma’ attivitajiet inklużi fis-servizzi postali li jaqbeż EUR 10 miljuni.

( 9 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Paragrafu IV, subparagrafu (i), tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon. Fihom tispeċifika li għandu jiġi evalwat jekk dawn l-obbligi addizzjonali (i) jistgħux jiġu imposti fuq operaturi li ma jipprovdux servizzi transkonfinali u huma kkonċentrati fil-livell domestiku; u (ii) jistgħux jiġu ġġustifikati minn problemi potenzjali ta’ kompetizzjoni purament fil-livell nazzjonali, mingħajr ebda relazzjoni ma’ servizzi transkonfinali.

( 11 ) Reċentement, ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Rada Nadzorcza Getin Noble Bank et (C‑118/23, EU:C:2024:1013, punt 87).

( 12 ) Punt 17.2 tad-digriet tar-rinviju.

( 13 ) Loc. ult. cit.

( 14 ) Punt 17.4 tad-digriet tar-rinviju.

( 15 ) Ara l-premessa 51 tad-Direttiva 2008/6: “[L]-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtieġu jiġbru informazzjoni minn atturi tas-suq sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv”.

( 16 ) Il-kawżi riżolti bis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Confetra et (C‑259/16 u C‑260/16, EU:C:2018:370), kienu jikkonċernaw il-klassifikazzjoni bħala fornituri ta’ servizzi postali, fis-sens tal-Artikolu 2(1a) tad-Direttiva 97/67, ta’ żewġ kategoriji ta’ impriżi: minn naħa waħda, l-impriżi li joffru servizzi ta’ trasport bit-triq u ta’ trasport ta’ merkanzija, u, min-naħa l-oħra, l-impriżi ta’ posta espressa. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret f’din is-sentenza (punt 30) li s-“servizzi postali” jinkludu s-servizzi li jikkonsistu fil-ġbir, issortjar, trasport u tqassim ta’ oġġetti postali.

( 17 ) Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Confetra et (C‑259/16 u C‑260/16, EU:C:2018:370, punt 34).

( 18 ) Il-punt 41 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni. Insostenn tal-argument tagħha, hija tiċċita s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (l-Awstrija) (C‑2/15, EU:C:2016:880, punt 26): “[…] mix-xogħol preparatorju dwar id-Direttiva 2008/6 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni mhux biss li jneħħi l-aħħar ostakoli għall-ftuħ sħiħ tas-suq għal ċerti fornituri ta’ servizzi postali, iżda wkoll l-ostakoli l-oħra kollha għall-provvista ta’ servizzi postali”.

( 19 ) Xejn ma jipprevjeni t-talba għall-informazzjoni milli tiġi indirizzata b’mod konġunt lill-operaturi kollha tas-suq jew lil kategorija ta’ operaturi tas-suq. L-Artikolu 22a(2) tad-Direttiva 97/67 jippermetti kemm talbiet individwali kif ukoll kollettivi.

( 20 ) Kif ġie ċċarat waqt is-seduta, minħabba n-natura ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva 97/67, ma huwiex eskluż li l-Istati Membri jistgħu jassenjaw lill-ARN tagħhom iktar funzjonijiet minn dawk previsti fiha.

( 21 ) L-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2018/644 (data ta’ identifikazzjoni tal-fornitur tas-servizz, karatteristiċi u deskrizzjoni tas-servizzi offruti, kif ukoll kundizzjonijiet għall-forniment tagħhom, inkluża informazzjoni dwar proċeduri ta’ ilmenti għall-utenti u kwalunkwe limitazzjoni possibbli tar-responsabbiltà) ma hi ta’ ebda interess għal din il-kawża).

( 22 ) Punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Iċ-ċirkustanzi li wasslu għas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Expedia (C‑663/22, EU:C:2024:433), invokati minn Amazon u BRT insostenn tal-argumenti tagħhom, ma japplikawx f’dan il-każ. Kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ dik is-sentenza, l-informazzjoni mitluba f’din il-kawża, dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-fornituri tas-servizzi, ma kellhiex “rabta suffiċjentement diretta mal-għan” tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU 2019, L 186, p. 57). Fir-rigward tas-sejbien ta’ distorsjonijiet eventwali tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fl-istess punt 56 tas-sentenza, li r-Regolament 2019/1150 ma kienx jinkludi dan l-għan. F’din it-talba preliminari, għall-kuntrarju, hemm kemm rabta diretta mal-għan tar-regoli applikati kif ukoll l-attribuzzjoni (ammissibbli) lill-ARN tas-settur postali ta’ kompiti fil-qasam tal-kompetizzjoni.

( 24 ) Għal din ir-raġuni, ma inix ser nitkellem fuq il-“limiti” li jistgħu jinqalgħu mill-konformità mar-regolamenti relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tad-data personali, jew il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta. Lanqas ma jien ser neżamina jekk, mill-perspettiva tad-dritt Taljan, l-Artikolu 18a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 261/1999 jissuġġettax l-osservanza tal-obbligi tax-xogħol tal-operaturi tas-settur postali għall-kontroll ta’ awtorità nazzjonali oħra għajr l-AGCOM.

( 25 ) Nifhem li dan huwa dak li jistenna l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), li, għall-iskop li jispeċifika l-portata tad-domanda tiegħu, jirreferi, “b’mod partikolari”, għal ċerti obbligi ta’ informazzjoni li huma kkontestati fil-proċedura inkwistjoni.

( 26 ) Artikolu 1(1), (2) u (3) tad-Deċiżjoni Nru 94/22/CONS.

( 27 ) Fir-rigward tal-obbligu ta’ informazzjoni rifless fl-ittra (a), jiġifieri dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ekonomiċi tas-servizzi offruti lill-pubbliku, l-AGCOM tindika li dawn il-kundizzjonijiet huma suġġetti għad-dmir ta’ pubblikazzjoni li ġej minn Deċiżjoni oħra tal-AGCOM stess, Nru 413/14/CONS.

( 28 ) Din tidher li hija, skont id-digriet tar-rinviju, ir-raġuni determinanti għad-Deċiżjoni Nru 94/22/CONS, li fiha l-AGCOM, “b’mod partikolari minn perspettiva prospettiva, qieset li kien hemm riskju potenzjali ta’ ksur tad-dinamika kompetittiva tas-settur. Sabiex jitnaqqas dan ir-riskju, introduċiet obbligi ta’ informazzjoni […]” (punt 17.7 tad-digriet tar-rinviju). Fl-istess sens, il-punt 17.1 ta’ dan id-digriet, li jittraskrivi l-kunsiderazzjonijiet tal-AGCOM.

( 29 ) Artikolu 1(4) u (5) tad-Deċiżjoni Nru 94/22/CONS.

( 30 ) Skont l-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament 2018/644, l-informazzjoni obbligatorja li “[l]-fornituri kollha tas-servizz tal-konsenja tal-pakketti” għandhom jissottomettu lill-ARN tinkludi: “l-għadd ta’ persuni li jaħdmu għalihom matul is-sena kalendarja preċedenti involuti fl-għoti ta’ servizzi tal-konsenja tal-pakketti fl-Istat Membru li fihom huma stabbiliti, inkluża analiżi maqsuma li turi l-għadd ta’ persuni skont l-istatus ta’ impjieg, u b’mod partikolari,dawk li jaħdmu fuq bażi full-time u part-time, dawk li huma impjegati temporanji u dawk li jaħdmu għal rashom”.

( 31 ) Obbligu li, skont is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Awstrija) (C‑2/15, EU:C:2016:880, punt 27), jolqot ukoll is-servizzi li ma humiex inklużi fis-servizz universali.

( 32 ) Fil-fehma tiegħi, dibattitu dwar il-“livell ta’ ħtieġa” li għandu jittieħed bħala riferiment ma jkunx xieraq. Huwa minnu li, anki f’sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, xi drabi saret distinzjoni bejn dak li hu “meħtieġ” u dak li hu “strettament meħtieġ”. Naħseb li, fil-verità, bl-użu tal-frażi “strettament meħtieġ” tintuża figura letterarja (speċifikament, pleonażmu) li żżid l-espressività ma’ dak li qed jingħad, iżda ma tbiddilx is-sustanza tiegħu. Strettament, fil-binomju meħtieġ/ma huwiex meħtieġ ma hemmx tertium genus. Ma nara l-ebda differenza sinjifikattiva bejn dak li huwa “meħtieġ” u dak li huwa “indispensabbli”.

( 33 ) Punt 52 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

( 34 ) Pereżempju, billi tuża informazzjoni diġà miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi Taljani għal raġunijiet oħra, kif insistiet Amazon fis-seduta. Fis-sentenza tat-TAR Lazio Nru 14370/2023 tat‑28 ta’ Settembru 2023 (punt 9), huwa deskritt li l-AGCOM, f’talba għal informazzjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2022, kienet irrikonoxxiet li r-rekwiżit ta’ għarfien ikbar tal-istruttura tan-network jista’ jiġi żgurat permezz tat-trażmissjoni ta’ sempliċi kuntratti standard użati sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet kummerċjali mad-diversi kategoriji ta’ sottofornituri. Dan l-obbligu, iżżid it-TAR Lazio, huwa “b’mod sinjifikattiv inqas ta’ piż” minn dak iddikjarat fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni kkontestata.