Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar eżenzjoni mill-obbligu li jiġu sottomessi dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u l-ħruġ għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuridur Neum /* COM/2013/01 final - 2013/0003 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST LEGALI TAL-PROPOSTA L-Artikolu 2 tal-Att li jikkonċerna
l-Kundizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u
l-Aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat
dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità
Ewropea tal-Enerġija Atomika (“l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet
tal-adeżjoni”) jistipula li, sa mid-data tal-adeżjoni,
id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati
mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu lill-Kroazja
taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawk it-Trattati u l-atti, u l-Att
dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni. L-Artikolu 43 tal-Att li jikkonċerna
l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni jistipula li l-Kunsill, waqt li jaġixxi
b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu
jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom ir-rekwiżiti għal
dikjarazzjoni sommarja ta’ dħul jew ħruġ jistgħu jiġu
mneħħija rigward merkanzija li tkun qed tinġarr permezz tal-Kuridur
Neum. Ir-Regolament (KE) Nru 648/2005
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13ta’ April 2005[1] emenda
r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992[2] li
jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità ("il-Kodiċi")
sabiex tipprovdi għal bażi legali xierqa għall-analiżi
tar-riskji. Skont l-Artikolu 36a(1) tal-Kodiċi,
u soġġett għal ċerti eżenzjonijiet jew derogi kif
stabbilit fl-Artikolu 181c tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93
tat-2 ta' Lulju 1993[3]
("CCIP") li jiffissa d-dispożizzjonijiet
għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92
tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali
tal-Komunità, oġġetti li jinġiebu fit-territorju doganali
tal-Unjoni għandhom ikunu koperti b'dikjarazzjoni fil-qosor ("dikjarazzjoni
fil-qosor tad-dħul"). Skont l-Artikolu 182a(1) tal-Kodiċi
u suġġetti għal eżenzjonijiet jew derogi rilevanti kif
applikabbli skont l-Artikolu 842a(3) u (4) CCIP, fil-każ ta'
merkanzija li tħalli temporanjament it-territorju doganali tal-UE mingħajr
tiġi esportata, esportata mill-ġdid jew imqiegħda taħt
proċedura ta' transitu, dikjarazzjoni sommarja tal-ħruġ
għandha tkun meħtieġa. L-Artikoli 36b(2) u 182d(2)
tal-Kodiċi jeħtieġu l-użu ta' tekniki elettroniċi
tal-ipproċessar tad-dejta għall-preżentazzjoni ta' dawk
id-dikjarazzjonijiet sommarji sabiex jippermettu l-iskambju elettroniku
tad-dejta bejn l-awtoritajiet doganali, bil-ħsieb li l-kontrolli doganali
jkunu bbażati fuq analiżi tar-riskju bl-użu ta' sistemi
awtomatizzati, kif meħtieġ mill-Artikolu 13 tal-Kodiċi. 2. IL-KURIDUR NEUM Il-Kuridur Neum huwa parti mit-territorju
tal-Bożnja u Ħerzegovina u jaċċessa l-kosta tal-Baħar
Adrijatiku li jaqsam l-art fit-territorju tal-Kroazja f'żewġ
partijiet, hekk li jissepara ż-żona madwar il-belt ta' Dubrovnik
mill-bqija tat-territorju tal-pajjiż. Fil-preżent, l-Awtostrada
Adrijatika, triq statali b'żewġ korsiji D8 li tgħaddi mill-Kuridur
Neum, hija l-unika konnessjoni ta' trasport bl-art bejn iż-żona ta'
Dubrovnik u l-qbija tat-territorju tal-Kroazja. Is-sezzjoni tat-triq li
tgħaddi mit-territorju tal-Bożnja u Ħerzegovina f'Neum hija
twila 9,25 km. Hemm żewġ punti ta’ qsim tal-fruntiera fuq
it-territorju tal-Kroazja, li jinsabu fiż-żewġ naħat
tat-triq imsemmija fil-Kuridur Neum. Dawn huma fi Klek – Neum I, fil-parti
tal-punent tal-Kuridur Neum, u Zaton Doli, Neum II, fil-parti tal-Lvant
tal-Kuridur Neum. Vettura tieħu bejn 10 sa 15-il minuta biex
tivvjaġġa d-distanza bejn dawn iż-żewġ punti. L-ekonomija lokali fiż-żona madwar
il-belt ta' Dubrovnik tiffoka primarjament fuq it-turiżmu li huwa mmexxi
l-iktar minn intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju li jiddependu fuq
provvisti ta' merkanzija mit-territorju prinċipali tal-Kroazja li l-valur
tagħhom huwa normalment inqas minn EUR 10 000 għal kull
kunsinna. Bħalissa, 89 % tal-oġġetti
trasportati permezz tal-Kuridur Neum huma oġġetti li jkunu kisbu
l-istatus ta' merkanzija għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa
fil-Kroazja. Huma jgħaddu mill-kuridur akkumpanjati minn dokumenti
stampati ekwivalenti għad-dokument T2L kif imsemmi fl-Artikolu 317(2)
tar-Regolament (KEE) Nru 2454/92. L-awtoritajiet doganali tal-Kroazja
jistabbilixxi l-identità tal-vetturi u l-merkanzija, u jikkontrollaw
id-dokumenti kummerċjali akkumpanjanti qabel ma jitilqu temporanjament
mit-territorju doganali tal-Kroazja. Il-verifiki u l-kontrolli doganali
għandhom jitwettqu wkoll, kif jixraq, wara d-dħul mill-ġdid
tal-merkanzija wara li jkunu qasmu l-Kuridur Neum. Il-kapaċità
għall-kontrolli doganali għandha tittejjeb fil-mument
tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE. L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni
doganali tal-UE sa mid-data tal-adeżjoni tal-Kroazja se tinvolvi
l-applikazzjoni tal-formalitajiet doganali, l-analiżi tar-riskju u
kontrolli għall-għanijiet ta’ sikurezza u sigurtà kif ukoll sottomissjoni
elettronika u skambju ta' informazzjoni għal dak il-għan. Dan
jeħtieġ investimenti sinifikanti u sforzi biex jiżguraw qafas
tal-IT adatt. Minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi
tal-Kuridur Neum l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri tidher ta' piż
eċċessiv u sproporzjonat. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Bis-saħħa tal-Artikolu 43
tal-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni, att
speċjali tal-Kunsill għandu jiġi adottat sabiex jistabbilixxi
l-kundizzjonijiet għal deroga minn dikjarazzjonijiet fil-qosor
tad-dħul/ħruġ fir-rigward ta' merkanzija li qed tiġi
ttrasportata permezz tal-Kuridur Neum. Skont il-pożizzjoni komuni tal-Unjoni
Ewropea dwar din il-kwistjoni[4],
id-derogi mill-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet fil-qosor
tad-dħul u tal-ħruġ għandhom japplikaw taħt dawn
il-kundizzjonijiet: –
il-merkanzija għandha l-istatus
tal-Komunità, –
il-merkanzija tkun akkumpanjata minn dokumenti
kummerċjali (invojs jew trasport), li għall-inqas għandhom
jinkludu l-ġabra ta’ dejta meħtieġa fl-Artikolu 317(2) CCIP
kif ukoll il-valur totali tal-merkanzija, –
il-valur totali tal-oġġetti ttrasportati
minn vettura ma għandux ikun ogħla minn EUR 10 000, –
id-dokument involut għandu jiġi approvat
mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Kroazja mal-ħruġ tal-merkanzija
b'marki uffiċjali (firma, timbri u d-data u l-ħin tal-ħruġ), –
meta jkun meqjus neċessarju, siġillar
xieraq ta’ konsenji jew mezzi tat-trasport jitwettqu mal-ħruġ
mill-Kroazja, –
mad-dħul mill-ġdid fit-territorju
tal-Kroazja, l-awtoritajiet doganali għandhom jivverifikaw id-dokumenti,
il-ħin li għadda għall-qsim tal-kuridur, is-siġilli (jekk
ikun hemm) u l-prodotti (fejn xieraq). L-applikazzjoni ta' dawn id-derogi ma
tippreġudikax ir-rekwiżit li jitwettqu analiżi tar-riskju u
kontrolli għal skopijiet ta' sikurezza u sigurtà, skambju ta'
informazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 4g(2) CCIP u miżuri xierqa
f'każ ta' irregolaritajiet. Il-Kroazja għandha tipprovdi
l-Kummissjoni bi provi suffiċjenti li l-arranġamenti applikati
mill-awtoritajiet doganali huma ekwivalenti għall-istandards
tal-analiżi tar-riskju stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali
tal-UE. Minbarra
l-iskambju ta' informazzjoni msemmi hawn fuq, il-Kroazja għandha
regolarment tinforma lill-Kummissjoni skont il-proċeduri miftiehma ta'
Qafas Komuni għall-Ġestjoni tar-Riskju bl-irregolaritajiet li jkunu
nstabu u, fejn applikabbli, tal-miżuri li jkunu ġew adottati
sussegwentement. Sentejn wara d-data tal-adeżjoni
għandha ssir reviżjoni, bil-għan li tivverifika l-applikazzjoni
xierqa ta' dan ir-reġim. Fejn
xieraq, waqt li jaġixxi fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni,
il-Kunsill għandu jemenda jew ittemm dan ir-reġim. 2013/0003 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar eżenzjoni mill-obbligu li jiġu
sottomessi dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u l-ħruġ
għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuridur Neum IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni
tal-Kroazja u b'mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu, Wara li kkunsidra l-Att dwar
il-Kundizzjonijiet ta' Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari
l-Artikolu 43 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Fid-9 ta' Diċembru 2011,
l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Kroazja ffirmaw it-Trattat dwar l-adeżjoni
tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat tal-Adeżjoni”).
Bis-saħħa tal-Artikolu 3(3) tat-Trattat tal-Adeżjoni huwa
jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013 sakemm
l-istrumenti ta' ratifika kollha jkunu ġew depożitati qabel dik
id-data. (2) Skont l-Artikolu 2
tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u
l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat
dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità
Ewropea tal-Enerġija Atomika (“l-Att dwar il-kundizzjonijiet
tal-Adeżjoni"), mid-data tal-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet
tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel
l-adeżjoni għandhom jorbtu il-Kroazja taħt il-kundizzjonijiet
stabbiliti f'dawk it-Trattati u fl-Att li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet
tal-adeżjoni. (3) It-territorju ta’ Neum
("Kuridur Neum") huwa post fejn it-territorju tal-Bożnja u
Ħerzegovina jasal sal-Kosta Adrijatika, u hekk jissepara ż-żona
ta' Dubrovnik mill-bqija tat-territorju tal-Kroazja. It-turiżmu huwa ta’
importanza sinifikanti għall-ekonomija lokali, li hija mmexxija minn
intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju dipendenti fuq provvisti
mill-bqija tat-territorju tal-Kroazja. Il-valur ta' tali forniment
ġeneralment ma jaqbiżx l-EUR 10 000 għal kull kunsinna
u 89 % ta' dawn l-oġġetti għandhom l-istatus ta' merkanzija
għal ċirkolazzjoni ħielsa fit-territorju tal-Kroazja. (4) L-Artikolu 43 tal-Att li
jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni jistipula li l-Kunsill,
waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta
mill-Kummissjoni, għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom
ir-rekwiżiti għal dikjarazzjoni sommarja ta’ dħul jew
ħruġ jistgħu jiġu mneħħija rigward merkanzija li
tkun qed tinġarr permezz tal-Kuridur Neum. (5) Skont l-Artikoli 36a(1)
u 182a(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992
li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità[5]
("il-Kodiċi Doganali tal-Komunità"), merkanzija li tidħol
jew toħroġ mit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tkun akkumpanjata,
bil-quddiem, b'dikjarazzjoni fil-qosor sottomessa elettronikament li jkun fiha
d-dejta meħtieġa għat-twettiq tal-analiżi tar-riskju. (6) Minħabba
l-karatteristiċi speċifiċi tal-ekonomija lokali huwa xieraq li
jsir provvediment għal eżenzjonijiet mill-obbligu li jiġu
preżentati dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u l-ħruġ
għal merkanzija tal-Unjoni li taqsam il-Kuridur Neum. (7) L-awtoritajiet doganali
għandhom iwettqu analiżi tar-riskju effettiva u l-kontrolli doganali
tas-sigurtà fuq il-bażi tad-dejta preżenti fuq il-fattura u
tad-dokumenti tat-trasport li jakkumpanjaw il-merkanzija. (8) L-arranġamenti attwali
jidderogaw mill-prinċipju elettroniku ta' sottomissjoni elettronika ta'
qabel il-wasla tad-dejta tas-sikurezza u sigurtà stabbilita taħt il-Kodiċi
Doganali tal-Komunità. Sabiex tiżgura analiżi tar-riskju effettiv u
effiċjenti u kontrolli għall-għanijiet ta’ sikurezza u sigurtà,
il-Kroazja għandha tiżgura li l-punti tal-qsim tal-fruntiera fil-Kuridur
Neum fikollhom ir-riżorsi umani, tagħmir u kontrolli neċessarji. (9) Meta kunsinna tkun instabet
li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kunsinna in
kwistjoni ma għandhiex titħalla terġa' tidħol
fit-territorju tal-Kroazja sakemm ma ssirx stima tar-riskji involuti u
jiġu adottati miżuri effettivi u mmirati bbażati fuq
analiżi tar-riskju. (10) Minbarra l-iskambju ta’
tagħrif għall-finijiet ta’ sikurezza u sigurtà kif provdut taħt
l-Artikolu 4g(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/92, il-Kroazja
għandha tinforma lill-Kummissjoni regolarment taħt il-proċeduri
ta' Qafas Komuni għall-Ġestjoni tar-Riskju għal xi
irregolaritajiet misjuba u, fejn applikabbli, tal-miżuri adottati
sussegwentement rigward iċ-ċaqliq tal-merkanzija min-naħa
għall-oħra tal-Kuridur Neum. (11) Evalwazzjoni għall-fini
tal-verifika ta' applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament għandha ssir
sentejn wara d-data tal-adeżjoni, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Suġġett
u kamp ta’ applikazzjoni Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li
taħthom: (a) ir-rekwiżit
għal dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ tkun eżentata
għal merkanzija tal-Unjoni li jkunu ħallew it-territorju tal-Kroazja
biex jaqsmu l-Kuridur Neum; (b) ir-rekwiżit
għal dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul hija eżentata għal merkanzija tal-Unjoni meta terġa' tidħol fit-territorju
tal-Kroazja wara li tkun qasmet il-Kuridur Neum. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament
id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: (1) "merkanzija tal-Unjoni" tfisser
il-merkanzija definita fl-Artikolu 4(7) tal-Kodiċi Doganali
tal-Komunità; (2) "iż-żona ta' Dubrovnik”
tfisser ir-reġjun amministrattiv ta' Dubrovnik kif stabbilit skont
il-liġi nazzjonali tal-Kroazja; (3) “it-territorju kontinentali tal-Kroazja”
tfisser it-territorju tal-Kroazja ħlief għaż-żona ta' Dubrovnik; (4) "Il-Kuridur Neum" tfisser
iż-żona li hi parti mit-territorju tal-Bożnja u Ħerzegovina
li tissepara ż-żona ta' Dubrovnik mit-territorju kontinentali
tal-Kroazja; (5) "Awtoritajiet doganali" tfisser
l-awtoritajiet doganali tal-Kroazja fil-punti tal-qsim tal-fruntieri
tal-ħruġ u d-dħul tal-Kuridur Neum; (6) "Ħruġ"
tfisser il-ħruġ ta' merkanzija, jew miż-żona ta' Dubrovnik
fit-territorju kontinentali tal-Kroazja permezz tal-Kuridur Neum, jew
mit-territorju kontinentali tal-Kroazja fiż-żona ta' Dubrovnik
permezz tal-Kuridur Neum; (7) "Dħul
mill-ġdid" tfisser id-dħul ta' merkanzija fiż-żona ta'
Dubrovnik mit-territorju kontinentali tal-Kroazja permezz tal-Kuridur Neum, jew
fit-territorju kontinentali tal-Kroazja miż-żona ta' Dubrovnik
permezz tal-Kuridur Neum; Artikolu 3 Eżenzjoni
mir-rekwiżit ta' sottomissjoni ta' dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul
jew tal-ħruġ 1. L-ebda dikarazzjoni sommarja ta’ ħruġ ma għandha tkun
meħtieġa għal merkanzija tal-Unjoni mal-ħruġ
tagħha. 2. L-ebda dikarazzjoni sommarja ta’ dħul ma għandha tkun
meħtieġa għal merkanzija tal-Unjoni mad-dħul mill-ġdid
tagħha. Artikolu 4 Kundizzjonijiet
għall-applikazzjoni tar-rinunzja L-Artikolu 3 għandu japplika fejn
huma sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) Il-valur
totali ta' kull kunsinna ta' merkanzija tal-Unjoni mċaqalqa min-naħa
għall-oħra tal-Kuridur Neum ma jaqbiżx EUR 10 000 jew
l-ekwivalenti fil-munita lokali; (b) Il-merkanzija
msemmija fil-punt (a) ta' dan l-Artikolu tiġi akkumpanjata minn
fatturi jew dokumenti tat-trasport li: i) jinkludu għall-inqas id-dettalji
msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 317(2) tar-Regolament
tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93[6]
kif ukoll il-valur totali tal-merkanzija; ii) tkun approvata b'marki uffiċjali
mill-awtoritajiet doganali mal-ħruġ; iii) huma ppreżentati
għall-verifika lill-awtoritajiet doganali mad-dħul mill-ġdid. Artikolu 5 Kontrolli
Doganali 1. L-analiżi tar-riskji assoċjati mal-kontrolli doganali
applikati għal oġġetti tal-Unjoni mċaqlaqa min-naħa
għall-oħra tal-Kuridur Neum jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet
doganali permezz ta’ mezzi apparti tekniki awtomatizzati tal-ipproċessar
tad-dejta. 2. Il-Kroazja għandha tiżgura li l-punti ta' qsim tal-fruntiera
għall-ħruġ u d-dħul mill-ġdid fit-territorju
tagħha għall-merkanzija trasportata min-naħa
għall-oħra tal-Kuridur Neum ikollhom ir-riżorsi neċessarji,
tagħmir, faċilitajiet ta' kontroll u l-kapaċitajiet
meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament
fid-data tal-adeżjoni tagħha. 3. Mal-ħruġ, l-awtoritajiet
doganali għandhom: (a) jiddeterminaw limitu taż-żmien
għall-moviment ta' oġġetti tal-Unjoni min-naħa
għall-oħra tal-Kuridur Neum; (b) jindikaw dak il-limitu ta' żmien flimkien
mad-data tal-approvazzjoni tal-fattura jew id-dokument tat-trasport kif
imsemmija fl-Artikolu 4(b)(ii); (c) fejn iqisu li dan ikun meħtieġ,
jissiġillaw l-ispazju li jkun fih l-oġġetti jew kull pakkett
individwali tal-oġġetti li għandhom jiġu trasportati
min-naħa għall-oħra tal-Kuridur Neum. 4. Mad-dħul mill-ġdid,
l-awtoritajiet doganali għandhom: (a) iwettqu analiżi tar-riskju primarjament
għal skopijiet ta’ sigurtà u sikurezza; (b) jivverifikaw il-fatturi jew id-dokumenti
tat-trasport li jkkompanjaw l-oġġetti; (c) jivverifikaw il-konformità mal-limitu
taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 5(3)(a); (d) jivverifikaw l-integrità tas-siġilli,
meta mwaħħla skont l-Artikolu 5(3)(c); (e) fejn adatt, fiżikament jeżaminaw
il-merkanzija; (f) ineħuu s-siġilli kif xieraq. 5. Meta l-awtoritajiet doganali
jistabbilixxu li rekwiżit stipulat f'dan ir-Regolament ma jkunx ġie
mħares, huma għandhom jippermettu d-dħul mill-ġdid ta'
konsenja bħal din fejn: (a) tkun twettqet analiżi tar-riskju
effettiva; (b) fuq il-bażi tal-analiżi msemmija
fil-punt (a), l-awtoritajiet doganali jkunu adottaw miżuri effettivi
mmirati speċifikament biex jevitaw riskji relatati mas-sikurezza u
s-sigurtà. Artikolu 6 Informazzjoni Il-Kroazja għandha tinforma
lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe irregolaritajiet li jinstabu fir-rigward
tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, kif ukoll miżuri konkreti li
ttieħdu sabiex jiġu rimedjati dawk l-irregolaritajiet mhux aktar tard
minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u
l-aktar tard sal-1 ta' Marzu 2014. Artikolu 7 Rapport Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport
lill-Kunsill li jipprovdi valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti
taħt dan ir-Regolament mhux aktar tard minn sentejn wara l-adeżjoni
tal-Kroazja. Artikolu 8 Id-dħul
fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2013 soġġett
għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika
direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13. [2] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. [3] ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. [4] Id-dokument
12133/11 tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011. [5] ĠU L 302,
19.10.1992, p. 1. [6] ĠU
L 253, 11.10.1993, p. 1.