Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
19 ta’ Novembru 2026 (*)
“Appell – Servizz pubbliku – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 90 u 91 – Att li jikkawża preġudizzju – Rendikont tar-remunerazzjoni – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Artikolu 72 – Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS) tal-Unjoni Ewropea – Emenda tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-JSIS – Benefiċċji rimborsabbli relatati mat-trattamenti tal-fertilità”
Fil-Kawża C‑312/25 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑30 ta’ April 2025,
EN, irrappreżentat minn A. Le Gouvello De La Porte, avocate,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn Á. M. Almendros Manzano u G. Bittoni, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen (Relatur), M. Condinanzi u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tiegħu, EN jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Frar 2025, EN vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (T‑366/24, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2025:164), li permezz tiegħu il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat minn EN intiż għall-annullament tar-rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu għal Diċembru 2023 (iktar ’il quddiem ir-“rendikont għal Diċembru 2023”) u tar-rendikonti kollha tiegħu tar-remunerazzjoni ta’ kull xahar sussegwenti, sa fejn dawn jirrigwardaw il-kontribuzzjoni tiegħu fir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard tal-Komunitajiet Ewropej (JSIS), kif ukoll tad-Deċiżjoni R‑2/24 tal-Kumitat tal-Ilmenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ April 2024 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar l-ilment”) li ċaħdet bħala inammissibbli l-ilment amministrattiv tiegħu mressaq qabel.
Il-kuntest ġuridiku
Ir‑Regolamenti tal‑Persunal
2 L-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Uffiċjal, il-konsorti tiegħu, fejn it-tali konsorti mhux eliġibbli għall-benefiċċji ta’ l-istess natura u fuq l-istess livell bis-saħħa ta’ xi disposizzjoni jew regolament ieħor, it-tfal tiegħu u dipendenti oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII huma assigurati kontra l-mard sa 80 % ta’ l-ispejjeż imħallsa, suġġetti għar-regoli mħejjija mill-ftehim bejn l-awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonjijiet tal-Unjoni [iktar’ il quddiem l-‘Awtoritajiet tal-Ħatra’] wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. […]
[…]
L-[Awtoritajiet tal-Ħatra] jistgħu, taħt ir-regoli riferuti fl-ewwel subparagrafu, jagħtu lil wieħed min-numru tagħhom, is-setgħa li jniżżel ir-regoli li jirregolaw r-rimborżar ta’ l-ispejjeż, skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 110.
Terz mill-kontribuzzjoni meħtieġa biex tagħmel tajjeb għat-tali kopertura ta’ l-assigurazzjoni titħallas mill-uffiċjal iżda sakemm l-ammont li jħallas ma jaqbiżx it‑2 % tas-salarju bażiku tiegħu.”
3 L-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:
“1. Kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolament[i] tal-Persunal tista’ tibgħat talba lill-[Awtorità tal-Ħatra] biex tieħu deċiżjoni dwaru. L-awtorità għandha tavża l-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni rraġunata tagħha fi żmien erbgħa xhur mid-data ta’ meta ssir it-talba. […]
2. Kull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tibgħat ilment lill-[Awtorità tal-Ħatra] kontra att li taffettwah ħażin, kemm jekk l-imsemmi awtorità ħadet deċiżjoni […]. L-ilment irid isir fi żmien tliet xhur. […]
[…]”
4 L-Artikolu 91 ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2). […]”
Ir-Regoli Komuni
5 Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istituzzjonijiet adottaw regoli komuni dwar l-assigurazzjoni ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kontra r-riskju ta’ mard (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Komuni”), li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2005.
6 Il-kontribuzzjoni għall-JSIS hija rregolata mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regoli Komuni, li jipprovdi li “[l]-ammont tal-kontribuzzjoni [lill-JSIS] huwa ta’ 5.1 % tas-salarju bażiku […] b’terz imħallas mill-persuni affiljati u b’żewġ terzi mħallsa mill-istituzzjonijiet jew mill-aġenziji kkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
7 Permezz tal-Artikolu 52(1) tar-Regoli Komuni, l-istituzzjonijiet iddelegaw lill-Kummissjoni Ewropea l-kompetenza sabiex tadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠI”).
Il-fatti li wasslu għall-kawża
8 Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, il-fatti li wasslu għall-kawża, hekk kif esposti fil-punti 2 sa 9 tad-digriet appellat, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
9 L-appellant huwa uffiċjal tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
10 Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)3195 final tat‑2 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi d-DĠI dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi, ġew adottati r-regoli li jirregolaw ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi għall-finijiet tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu jipprevedu, b’mod partikolari, ir-rimbors għal riproduzzjoni assistita medikament (iktar ’il quddiem “RAM”) fil-kuntest ta’ patoloġija.
11 Permezz tal-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 7673 final tas‑17 ta’ Novembru 2023, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 3195 final (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 7673”), id-DĠI ġew emendati sabiex jippermettu, b’mod partikolari, ir-rimbors, taħt kundizzjonijiet, għal RAM barra mill-kuntest ta’ patoloġija. Skont l-Artikolu 3 tagħha, dik id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi adottata.
12 Fis‑26 ta’ Frar 2024, l-appellant ressaq ilment, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-finijiet tal-annullament tar-rendikonti tar-remunerazzjoni tiegħu, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw il-kontribuzzjoni tiegħu lill-JSIS, minħabba l-illegalità, invokata bħala eċċezzjoni, tad-Deċiżjoni 7673 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1(b) tagħha.
13 Skont l-appellant, dik id-deċiżjoni, billi pprevediet ir-rimbors għal RAM u għaż-żamma tal-gameti barra mill-kuntest ta’ patoloġija, kienet tikser l-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Sussidjarjament, l-appellant invoka wkoll inugwaljanza fit-trattament, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, żball manifest, ksur tad-drittijiet fundamentali tal-wild, ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-ksur, mill-Kummissjoni, tal-portata tal-kompetenzi tagħha.
14 Dan l-ilment ġie miċħud permezz tad-Deċiżjoni dwar l-ilment.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
15 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Lulju 2024, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament, minn naħa, tar-rendikont tiegħu għal Diċembru 2023 u tar-rendikonti sussegwenti kollha, sa fejn dawn jirrigwardaw il-kontribuzzjoni tiegħu lill-JSIS, u min-naħa l-oħra, sa fejn meħtieġ, tad-Deċiżjoni dwar l-ilment.
16 Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala konvenuta quddiem il-Qorti Ġenerali, eċċepixxiet l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba, minn naħa, li r-rendikont għal Diċembru 2023 ma kienx jikkawża preġudizzju lill-appellant u, min-naħa l-oħra, li dan tal-aħħar ma kellux interess ġuridiku.
17 Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 25 tad-digriet appellat, li r-rendikont għal Diċembru 2023 biss seta’ jkun is-suġġett tar-rikors.
18 Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ivverifikat jekk ir-rendikont għal Diċembru 2023, sa fejn jagħti forma konkreta lid-Deċiżjoni 7673 fir-rigward tal-appellant, kienx jaffettwa direttament u immedjatament l-interessi finanzjarji u morali ta’ dan tal-aħħar billi jbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu.
19 F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-interessi finanzjarji tal-appellant allegatament affettwati, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 32 u 33 tad-digriet appellat, li l-ġurisprudenza aċċettat li l-ewwel rendikont tar-remunerazzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ att ta’ portata ġenerali, sa fejn jemenda b’mod ċar u għall-ewwel darba d-drittijiet pekunjarji ta’ kategorija astratta ta’ uffiċjali, jirrifletti neċessarjament, fir-rigward tad-destinatarju tiegħu, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi finanzjarji tal-uffiċjal ikkonċernat.
20 Fil-punt 34 ta’ dan id-digriet, hija madankollu qieset li, għalkemm id-Deċiżjoni 7673 hija att ta’ portata ġenerali li emenda d-DĠI, hija ma taffettwax il-kontribuzzjoni li għandu jħallas l-appellant, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regoli Komuni, u li l-ammont tiegħu huwa rifless fir-rendikont għal Diċembru 2023. Fil-fatt, ir-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ 5.1 % prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni, li hija sostnuta b’terz mill-affiljat u b’żewġ terzi mill-istituzzjonijiet u mill-korpi kkonċernati, baqgħet l-istess.
21 Il-Qorti Ġenerali b’hekk ikkonkludiet, fil-punt 35 tal-imsemmi digriet, li d-Deċiżjoni 7673 ma kellhiex konsegwenzi pekunjarji fir-rigward tal-appellant, li ġew trasposti fir-rendikont għal Diċembru 2023.
22 Barra minn hekk, fil-punti 36 u 37 tad-digriet appellat, fir-rigward tal-interess morali allegat mill-appellant, relatat mal-fatt li r-rendikont għal Diċembru 2023 jobbligah jiffinanzja r-rimbors għal RAM u għaż-żamma tal-gameti barra mill-kuntest ta’ patoloġija, filwaqt li dan ir-rimbors huwa, mill-perspettiva tiegħu, illegali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, permezz ta’ din l-affermazzjoni, l-appellant ma stabbilixxiex kif ir-rendikont ta’ Diċembru 2023, li ma kellux effett fuq l-obbligu tiegħu li jikkontribwixxi lill-JSIS, kien ibiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu.
23 Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 38 ta’ dan id-digriet, li r-rendikont għal Diċembru 2023 ma kienx jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.
24 Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 40 sa 49 tal-imsemmi digriet, l-argumenti l-oħra mressqa mill-appellant u kkonstatat li dawn ma kinux ta’ natura li jinvalidaw din il-konklużjoni.
25 L-ewwel nett, fil-punti 40 sa 42 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn ir-regoli dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni, li jistgħu jaffettwaw il-kalkolu tas-somom li jinsabu fir-rendikont tar-remunerazzjoni, u r-regoli dwar id-definizzjoni tal-ispejjeż eliġibbli għal rimbors mill-JSIS, li ġew emendati bid-Deċiżjoni 7673, filwaqt li ma nbidlitx il-kontribuzzjoni lill-JSIS. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dik id-deċiżjoni ma kinitx tikkostitwixxi obbligu ta’ finanzjament ġdid impost fuq l-appellant. Hija kkonstatat ukoll li l-appellant ma kienx wera kif l-introduzzjoni tar-rimbors kontenzjuż setgħet thedded il-bilanċ finanzjarju tal-JSIS sal-punt li jkollha effett sfavorevoli fuq l-ammont futur tal-kontribuzzjonijiet tiegħu jew fuq ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi, li jaqa’ taħt sitwazzjoni purament ipotetika.
26 It-tieni nett, fil-punti 43 u 44 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellant li jinvokaw id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta billi rrilevat li r-rikorsi li għandhom l-għan li jikkontestaw żidiet fil-kontribuzzjonijiet ma jistgħux jiġu assimilati mar-rikors ippreżentat mill-appellant, ibbażat fuq l-illegalità tar-rimbors inkwistjoni li dan ir-rikors huwa intiżi li jikseb ir-rikonoxximent tagħha, minkejja li l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu lill-JSIS baqa’ l-istess. Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 45 tal-imsemmi digriet, li, meta rikors ma jkunx jirrigwarda att li jista’ jiġi kkontestat, id-dritt tal-appellant għal rimedju effettiv ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ammissibbiltà.
27 It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 47 tad-digriet appellat, l-argument tal-appellant li d-dikjarazzjoni tal-inammissibbiltà tar-rikors tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi osservat li l-appellant kien jippreżumi l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu, mingħajr ma stabbilixxiet li d-Deċiżjoni 7673 twassal, fiha nnifisha, għal żieda fir-rata ta’ kontribuzzjoni. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-ammissibbiltà tar-rikors tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju ma joħloqx inċertezza.
28 Ir-raba’ nett, fil-punti 48 u 49 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali qieset, fir-rigward tal-estensjoni mill-appellant tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra d-Deċiżjoni 7673, minn naħa, fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regoli Komuni, li, anki jekk titqies ammissibbli, din l-estensjoni ma kinitx ta’ natura li tikkontesta l-konklużjoni li l-interessi tal-appellant ma kinux, fi kwalunkwe każ, affettwati.
29 Fil-punt 51 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta, billi ċaħdet, għal din ir-raġuni biss, ir-rikors bħala inammissibbli, mingħajr ma ddeċidiet dwar it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30 L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla d-digriet appellat u
– tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
31 Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell bħala infondat u
– tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
32 Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem aggravju uniku, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn iddeċidiet li r-rendikont għal Diċembru 2023 ma kienx jikkawżalu preġudizzju.
L-argumenti tal-partijiet
33 Dan l-aggravju uniku jinqasam f’ħames partijiet.
34 Fil-kuntest tal-ewwel parti, l-appellant jikkritika l-punti 31 sa 35, 38 u 41 tad-digriet appellat, li jirriflettu l-motivazzjoni prinċipali tal-Qorti Ġenerali li tgħid li, peress li r-rata ta’ kontribuzzjoni lill-JSIS ma nbidlitx, ir-rendikont għal Diċembru 2023, li ma jinkludi l-ebda bidla apparenti meta mqabbla mar-rendikonti preċedenti, ma jikkawżax preġudizzju lill-appellant.
35 L-appellant jenfasizza li dan l-approċċ jippermetti lill-Kummissjoni tieħu kull deċiżjoni dwar il-portata tal-benefiċċji rimborsabbli mill-JSIS, inkluża l-kopertura ta’ benefiċċji ta’ konvenjenza, mingħajr ma tesponi ruħha għar-riskju ta’ azzjoni ġudizzjarja ta’ kontributur.
36 Barra minn hekk, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 32, 34 u 35 tad-digriet appellat, tiżbalja billi tiffoka mhux fuq is-sustanza tar-rendikont għal Diċembru 2023, jiġifieri d-devjazzjoni parzjali, għall-finijiet ta’ konvenjenza, ta’ kontribuzzjoni rriżervata mir-Regolamenti tal-Persunal għall-patoloġiji, iżda fuq il-forma tagħha biss, li ma turix l-imposta illegali.
37 Minbarra dan, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 36 u 37 tad-digriet appellat, ma rrifjutatx li huwa affettwat moralment mill-fatt li jkollu jiffinanzja ċerti rimborsi kontra r-rieda tiegħu.
38 Fil-kuntest tat-tieni parti, l-appellant isostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 ta’ dan id-digriet, il-locus standi tiegħu kien jirriżulta mill-fatt li huwa kien imġiegħel jiffinanzja, permezz tal-kontribuzzjonijiet tiegħu, servizzi mediċi illegali. Barra minn hekk, huwa espona quddiem il-Qorti Ġenerali li l-kopertura ta’ benefiċċji barra mill-kuntest ta’ patoloġija sseħħ neċessarjament għad-detriment tal-baġit irriżervat għat-trattament tal-patoloġiji.
39 Fil-kuntest tat-tielet parti, l-appellant jikkontesta l-punt 44 tal-imsemmi digriet, li fih il-Qorti Ġenerali wettqet b’mod żbaljat distinzjoni bejn ir-rikorsi tal-uffiċjali diretti kontra żidiet fil-kontribuzzjonijiet, li huma ammissibbli, u dawk diretti kontra imposti magħmula fuq kontribuzzjonijiet li l-ammont tagħhom jibqa’ l-istess, li huma inammissibbli.
40 Fil-kuntest tar-raba’ parti, l-appellant jikkontesta l-punt 47 tad-digriet appellat, li fih il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li hija kienet tippreżumi l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu, filwaqt li l-appellant, fir-realtà, kien biss enfasizza li, kieku kellha tiżdied ir-rata ta’ kontribuzzjoni sabiex ikun ammissibbli li jressaq azzjoni għal annullament, tali kriterju jmur kontra ċ-ċertezza legali u jirrendi iktar diffiċli l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni.
41 Fil-kuntest tal-ħames parti, l-appellant jikkontesta l-punt 45 tal-imsemmi digriet, billi jsostni li r-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tikklassifika r-rendikont għal Diċembru 2023 bħala “att li jikkawża preġudizzju” ċaħħdu minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
42 Fir-replika tiegħu, l-appellant isostni, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-termini tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza. Huwa jippreċiża li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tiegħu kienet tirrigwarda kombinazzjoni ta’ tliet regoli, jiġifieri mhux biss id-Deċiżjoni 7673, iżda wkoll ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regoli Komuni. L-appellant iqis ukoll li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 48 u 49 tad-digriet appellat jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 296 TFUE.
43 Il-konvenuta, minn naħa, tqis li l-argumenti tal-appellant imsemmija fil-punt preċedenti huma inammissibbli minħabba li ġew stabbiliti għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika. Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti kollha tal-appellant ifformulati insostenn tal-aggravju uniku tal-appell.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-argumenti l-ġodda invokati fir-replika
44 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tar-replika tiegħu, l-appellant jallega għall-ewwel darba, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-termini tar-rikors tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-punti 48 u 49 ta’ dan id-digriet huma vvizzjati b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.
45 Konformement mal-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 190(1) tal-istess Regoli, il-produzzjoni ta’ aggravji ġodda matul il-kawża hija pprojbita sakemm dawn l-aggravji ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din ir-regola hija valida wkoll għal dak li jikkonċerna l-argumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il‑Kummissjoni, C‑510/11 P, EU:C:2013:696, punti 36 u 37, kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2025, Região Autónoma da Madeira vs Il‑Kummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira), C‑547/23 P, EU:C:2025:22, punt 94).
46 F’dan il-każ, l-appellant qajjem l-argumenti msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza għall-ewwel darba fir-replika tiegħu, mingħajr ma wera li dawn l-argumenti kienu bbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt irrilevati matul il-proċedura.
47 Madankollu, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-argument huwa kwistjoni ta’ ordni pubbliku, b’tali mod li għandu jitqajjem mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Quimitécnica.com u de Mello vs Il‑Kummissjoni, C‑415/14 P, EU:C:2016:58, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
48 Xorta jibqa’ l-fatt li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din il-kwistjoni tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tar-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn ir-raġunijiet ikunu vvizzjati bi żbalji, dawn tal-aħħar jivvizzjaw il-legalità sostantivi tal-imsemmija deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi raġunijiet żbaljati (sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Dumitrescu et vs Il‑Kummissjoni u Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑567/22 P sa C‑570/22 P, EU:C:2024:336, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
49 F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali spjegat, fil-punt 49 tad-digriet appellat, li l-estensjoni tal-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mill-appellant, anki jekk titqies ammissibbli, ma kinitx tikkontesta l-fatt li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 34, 35 u 41 ta’ dan id-digriet, ir-rendikont għal Diċembru 2023 ma kienx jaffettwa l-interessi tiegħu. Madankollu, din il-motivazzjoni b’riferiment ma tistax titqies bħala insuffiċjenti, u dan bla ħsara għall-fondatezza tar-raġunijiet mogħtija f’dawn il-punti.
50 Konsegwentement, l-argumenti l-ġodda li l-appellant qajjem fir-replika għandhom jiġu miċħuda.
Fuq il-mertu
– Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku
51 Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, l-appellant isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat, fil-punti 31 sa 35, 38 u 41 tad-digriet appellat, l-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni dwar jekk ir-rendikont għal Diċembru 2023, sa fejn jagħti forma konkreta lid-Deċiżjoni 7673 fil-konfront tiegħu, jaffettwax direttament u immedjatament l-interessi finanzjarji tiegħu billi jbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, fuq il-fatt li l-kontribuzzjoni lill-JSIS li huwa għandu jħallas u li l-ammont tagħha huwa rifless f’dan ir-rendikont baqgħu l-istess.
52 B’mod partikolari, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-forma u mhux fuq is-sustanza tal-att kontenzjuż, peress li hija kkunsidrat li sakemm obbligu ma jkunx immaterjalizzat fir-rendikont tar-remunerazzjoni, dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.
53 Skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Unjoni u waħda mill-persuni msemmija fir-Regolamenti tal-Persunal u li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 90(2) ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.
54 Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, li jikkawżaw preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sa fejn rendikont tar-remunerazzjoni jirrifletti deċiżjoni amministrattiva fir-rigward tar-rikorrent, dan ir-rendikont jista’ jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u jista’ jkun is-suġġett ta’ lment u possibbilment ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2000, Kögler vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑82/98 P, EU:C:2000:282, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Fil-fatt, il-komunikazzjoni tar-rendikont tar-remunerazzjoni għandha l-effett li tibda d-dekorrenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors amministrattiv u kontenzjuż kontra deċiżjoni amministrattiva meta dan ir-rendikont tar-remunerazzjoni juri, b’mod ċar u għall-ewwel darba, l-eżistenza u l-portata ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1988, Canters vs Il‑Kummissjoni, 159/86, EU:C:1988:432, punt 6 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jew miżura jipproduċux effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u l-effetti tiegħu għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, DD vs FRA, C‑130/22 P, EU:C:2024:1018, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
58 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 31 tad-digriet appellat, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk ir-rendikont għal Diċembru 2023, sa fejn jista’ jitqies li huwa jagħti forma konkreta lid-Deċiżjoni 7673 fil-konfront tal-appellant, jaffettwax direttament u immedjatament l-interessi ta’ dan tal-aħħar billi jbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu.
59 F’dan ir-rigward, minn naħa, fil-punti 32 sa 35 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk ir-rendikont għal Diċembru 2023 affettwax l-interessi finanzjarji ta l-appellant u kkonkludiet, fil-punt 38 tiegħu, li dan ir-rendikont ma kienx jirrifletti deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi, b’mod partikolari finanzjarji, tal-appellant.
60 Billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tagħha stess imsemmija fil-punt 32 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 34 tiegħu, li, għalkemm id-Deċiżjoni 7673 kienet att ta’ portata ġenerali li emenda d-DĠI, hija ma kellhiex effett fuq il-kontribuzzjoni li għandu jħallas l-appellant, konformement mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regoli Komuni, u li l-ammont tagħha huwa rifless fir-rendikont għal Diċembru 2023. Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, id-Deċiżjoni 7673 ma kellhiex konsegwenzi pekunjarji fil-konfront tal-appellant, li huma riprodotti f’dan ir-rendikont.
61 Min-naħa l-oħra, fil-punt 41 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellant li d-Deċiżjoni 7673 timponi fuqu obbligu ta’ finanzjament ġdid li jieħu l-forma ta’ imposta illegali fuq il-kontribuzzjonijiet li għandhom jiġu rriżervati għall-kopertura tal-benefiċċji marbuta biss mal-mard.
62 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, ir-regoli dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni, li jista’ jkollhom effett fuq il-kalkolu tas-somom li jinsabu fir-rendikont tar-remunerazzjoni u li ma ġewx emendati wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 7673, u, min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar id-definizzjoni tal-ispejjeż eliġibbli għal rimbors mill-JSIS. Skont il-Qorti Ġenerali, għalkemm dawn l-aħħar regoli ġew emendati bid-Deċiżjoni 7673, l-obbligu u l-quantum tal-kontribuzzjoni tal-appellant lill-JSIS baqgħu, wara dan id-dħul fis-seħħ, l-istess.
63 B’dan il-mod, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma żammitx mal-forma tar-rendikont għal Diċembru 2023 billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-sustanza tagħha. Għall-kuntrarju, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha li tirrileva l-assenza ta’ kwalunkwe bidla fir-rata ta’ kontribuzzjoni minħabba d-Deċiżjoni 7673, li kienet taffettwa dan ir-rendikont, iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll ir-raġuni li għaliha din ir-rata ta’ kontribuzzjoni baqgħet l-istess. Fil-fatt, mill-punt 41 tad-digriet appellat jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kien hemm l-ebda korrelazzjoni legali diretta bejn ir-rata tal-kontribuzzjoni ta’ uffiċjal lill-JSIS u l-portata tar-rimborsi taħt id-DĠI.
64 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dik id-deċiżjoni tagħti sempliċi possibbiltà lill-affiljati tal-JSIS li jiksbu, taħt kundizzjonijiet, ir-rimbors ta’ ċerti spejjeż mediċi marbuta mar-RAM u għaż-żamma tal-gameti barra mill-kuntest ta’ patoloġija. Għalhekk, huwa minnu li hija temenda l-portata tad-drittijiet li jibbenefikaw minnhom l-affiljati tal-JSIS abbażi tal-kontribuzzjonijiet li għandhom iħallsu l-uffiċjali, konformement mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regoli Komuni.
65 Madankollu, l-imsemmija deċiżjoni, li emendat id-DĠI, ma timponi l-ebda obbligu ġdid fuq l-appellant u ma tirrestrinġi l-ebda wieħed mid-drittijiet tiegħu. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex stabbilit, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet mhux sostnuti tal-appellant, li l-ftuħ ta’ sempliċi possibbiltà għall-affiljati tal-JSIS li jiksbu r-rimbors ta’ ċerti spejjeż mediċi marbuta mar-RAM barra mill-kuntest ta’ patoloġija jseħħ għad-detriment ta’ spejjeż oħra.
66 Għalhekk, bl-ebda mod ma ntwera li d-Deċiżjoni 7673 taffettwa direttament id-dritt tal-uffiċjali, bħall-appellant, li jiksbu r-rimbors ta’ spejjeż mediċi oħra koperti mill-JSIS, b’tali mod li ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tal-appellant billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza.
67 Barra minn hekk, sa fejn l-appellant isostni li r-rendikont għal Diċembru 2023 jaffettwa l-interess morali tiegħu li ma jiġix iffinanzjat ir-rimbors ta’ ċerti benefiċċji, għandu jiġi kkonstatat li, l-invokazzjoni ta’ interess morali ma jistax ikollha l-effett li twessa’ l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament. Għalhekk, sa fejn l-għażla tal-benefiċċji li għandhom jiġu rrimborsati taqa’ taħt deċiżjonijiet ta’ portata ġenerali, uffiċjal jista’ jinvoka l-illegalità ta’ tali deċiżjonijiet biss jekk dawn jieħdu l-forma ta’ att li jikkawżalu preġudizzju.
68 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rendikont għal Diċembru 2023 tal-appellant ma jikkostitwixxix fil-konfront tiegħu att li jista’ jaffettwa direttament u immedjatament l-interessi tiegħu, billi jbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu. Għaldaqstant, dan ir-rendikont ma jistax jiġi kklassifikat bħala “att li jikkawża preġudizzju” lill-appellant.
69 Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
– Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku
70 Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku, li tirrigwarda l-punt 42 tad-digriet appellat, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li huwa għandu jipprova, sabiex jistabbilixxi l-locus standi tiegħu, li l-bilanċ finanzjarju tal-JSIS huwa mhedded bl-introduzzjoni tar-rimbors inkwistjoni u li dan tal-aħħar jista’ jkollu effett fuq l-ammont futur tal-kontribuzzjonijiet tiegħu jew fuq ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi. Il-fatt li jkollu jiffinanzja benefiċċji illegali permezz tal-kontribuzzjonijiet tiegħu lill-JSIS, b’effett tad-Deċiżjoni 7673, ikun biżżejjed sabiex juri din il-kwalità.
71 Madankollu, dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punt 42 tad-digriet appellat, li fih il-Qorti Ġenerali ċaħdet, ġustament, l-argument tal-appellant li huwa kellu locus standi minħabba l-allegat effett negattiv fuq il-kopertura tal-mard tal-emenda tad-DĠI li tippermetti r-rimbors, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-ispejjeż marbuta mar-RAM u maż-żamma tal-gameti barra mill-kuntest ta’ patoloġija.
72 Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li huwa l-appellant li għandu juri tali effett, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li sempliċi suppożizzjonijiet jew allegazzjonijiet ta’ konsegwenzi ta’ natura ipotetika ma humiex suffiċjenti f’dan ir-rigward. Għalhekk, l-appellant ma jistax sempliċement jafferma li r-rimbors mill-JSIS tal-benefiċċji marbuta mar-RAM u maż-żamma tal-gameti barra mill-kuntest ta’ patoloġija jseħħ neċessarjament għad-detriment tal-baġit allokat għat-trattament tal-mard.
73 Għaldaqstant, l-argumenti tal-appellant li jirrigwardaw il-punt 42 tad-digriet appellat għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.
– Fuq it-tielet parti tal-aggravju uniku
74 Permezz tat-tielet parti tal-aggravju uniku, li tirrigwarda l-punt 44 tad-digriet appellat, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta għamlet distinzjoni bejn ir-rikorsi tal-uffiċjali diretti kontra ż-żidiet fil-kontribuzzjonijiet, li huma għalhekk ammissibbli, u r-rikors tiegħu bbażat fuq l-illegalità tal-emenda tad-DĠI li wasslet għar-rimbors inkwistjoni u li huwa intiż sabiex tiġi rrikonoxxuta din l-illegalità, minkejja li l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu lill-JSIS jibqa’ l-istess.
75 F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali għamlet tali distinzjoni fil-punt 44 ta’ dan id-digriet, hija ma tikkontestax il-konklużjoni tiegħu, stabbilita fil-punti 38 u 50 tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li r-rendikont għal Diċembru 2023 ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.
76 Għaldaqstant, it-tielet parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.
– Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju uniku
77 Permezz tar-raba’ parti tal-aggravju uniku, li tirrigwarda l-punt 47 tad-digriet appellat, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li huwa kien ippreżuma l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu. L-appellant enfasizza biss li, kieku kellha tiżdied ir-rata ta’ kontribuzzjoni sabiex huwa jkun jista’ jressaq rikors għal annullament, tali kriterju kien imur kontra ċ-ċertezza legali u jirrendi iktar diffiċli l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni.
78 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 63 sa 68 ta’ din is-sentenza, ir-rendikont għal Diċembru 2023 ma jistax jiġi kklassifikat bħala “att li jikkawża preġudizzju”.
79 Il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 47 tad-digriet appellat, li l-fatt li l-ammissibbiltà ta’ rikors tiġi suġġetta, skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju, kif din il-kundizzjoni ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, ma huwiex sors ta’ inċertezza.
80 Għaldaqstant, ir-raba’ parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
– Fuq il-ħames parti tal-aggravju uniku
81 Permezz tal-ħames parti, li tirrigwarda l-punt 45 tad-digriet appellat, l-appellant jallega li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li r-rendikont għal Diċembru 2023 ma kienx jikkawżalu preġudizzju ċaħditu minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB.
82 Sa fejn l-appellanti jinvoka ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, għandu jitfakkar li, għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi li d-drittijiet li jinsabu fiha u li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess portata li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma hijiex strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, sakemm l-Unjoni ma taderixxix magħha. Għalhekk, l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni għandu jitwettaq biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħha (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Aeris Invest vs Il‑Kummissjoni u SRB, C‑535/22 P, EU:C:2024:819, punt 190 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
83 Fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-Artikolu 47 ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il‑Kummissjoni, C‑560/18 P, EU:C:2020:330, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
84 Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tbiddilx il-kundizzjonijiet għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “att li jikkawża preġudizzju”, fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Sa fejn, kif ġie indikat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, ir-rendikont għal Diċembru 2023 ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju lill-appellant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet fil-punt 45 tad-digriet appellat li, meta rikors ma jirrigwardax att li jista’ jiġi kkontestat, bħalma huwa l-każ hawnhekk, id-dritt tal-appellant għal rimedju effettiv ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ammissibbiltà tar-rikors.
85 Għaldaqstant, il-ħames parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
86 Peress li l-aggravju uniku għandu jiġi miċħud kemm bħala infondat kif ukoll bħala ineffettiv, dan l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
87 Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
88 L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
89 Peress li l-appellant tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) EN huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.