European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3564

2.7.2026

TĦABBIRA MIN-NORVEĠJA LI TIKKONĊERNA ID-DIRETTIVA 94/22/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAT-30 TA’ MEJJU 1994 DWAR IL-KONDIZZJONIJIET GĦALL-GĦOTI U L-UŻU TA’ AWTORIZZAZZJONIJIET GĦALL-PROSPETTAR, ESPLORAZZJONI U PRODUZZJONI TA’ IDROKARBURI

Tħabbira ta’ stedina għall-applikazzjoni għal liċenzji għall-produzzjoni tal-petroleum fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża – Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti 2026

(C/2026/3564)

Il-Ministeru Norveġiż għall-Enerġija b’dan qiegħed iħabbar stedina għal applikazzjonijiet għal liċenzji għall-produzzjoni tal-petroleum f’konformità mad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi, l-Artikolu 3, il-paragrafu 2(a).

Il-liċenzji għall-produzzjoni se jingħataw biss lil kumpaniji reġistrati fin-Norveġja jew fi stat ieħor parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE), jew lil persuni fiżiċi domiċiljati fi stat parti għall-Ftehim ŻEE.

Kumpaniji li mhumiex liċenzjatarji fil-Blata Kontinentali Norveġiża (NCS, Norwegian Continental Shelf) jistgħu jingħataw liċenzji għall-produzzjoni jekk ikunu prekwalifikati bħala liċenzjatarji fil-Blata Kontinentali Norveġiża.

Il-Ministeru se jittratta bl-istess mod lill-kumpaniji individwali u lill-kumpaniji li japplikaw bħala parti minn grupp. Kemm dawk l-applikanti li jressqu applikazzjoni individwali, kif ukoll l-applikanti li jkunu parti minn grupp li jressqu applikazzjoni konġunta, se jitqiesu kollha bħala applikant wieħed għal liċenzja għall-produzzjoni. Il-Ministeru jista’, fuq il-bażi ta’ applikazzjonijiet imressqa minn gruppi jew applikanti individwali, jifforma gruppi ta’ liċenzjatarji biex jingħataw liċenzja għall-produzzjoni, inkluż ineħħi applikanti f’applikazzjoni ta’ grupp u jżid applikanti individwali kif ukoll jaħtar l-operatur għal gruppi bħal dawn.

Biex jaġġudikaw parteċipazzjoni f’liċenzja għall-produzzjoni, il-liċenzjatarji jkollhom jidħlu fi Ftehim dwar Attivitajiet marbutin mal-Petroleum, li jinkludi Ftehim Operattiv Konġunt u Ftehim ta’ Kontabbiltà.

Malli jiġu ffirmati l-ftehimiet imsemmija, il-liċenzjatarji jingħaqdu f’impriża konġunta fejn id-daqs tal-parteċipazzjoni tagħhom dejjem se jibqa’ l-istess bħall-parteċipazzjoni tagħhom fil-liċenzja għall-produzzjoni.

Id-dokumenti tal-liċenzja se jkunu bbażati prinċipalment fuq dokumenti rilevanti mill-Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti 2025. L-għan hu li l-elementi prinċipali ta’ kwalunkwe aġġustament fil-qafas isiru disponibbli għall-applikanti potenzjali qabel iż-żmien tal-applikazzjoni.

Jekk il-liċenzja għall-produzzjoni tkun maqsuma b’mod stratigrafiku fuq jew taħt liċenzja oħra għall-produzzjoni, id-detenturi taż-żewġ liċenzji maqsuma b’mod stratigrafiku jkunu meħtieġa wkoll jidħlu fi ftehim operattiv konġunt stratigrafiku. L-istess għandu jgħodd jekk ingħataw liċenzji, jew jekk dawn jingħataw aktar tard fil-qasam tal-liċenzja tal-produzzjoni, skont ir-Regolament tal-5 ta’ Diċembru 2014, Nru 1517 dwar l-isfruttar tar-riżervi ta’ taħt il-baħar fuq il-blata kontinentali għall-ħażna ta’ CO2 u għat-trasportazzjoni ta’ CO2 fuq il-blata kontinentali.

Il-kriterji għall-aġġudikazzjoni ta’ liċenzja għall-produzzjoni

Sabiex ikun hemm promozzjoni ta’ ġestjoni tajba tar-riżorsi u tfittix għall-petroleum kif ukoll il-produzzjoni tiegħu li jsiru b’mod rapidu u effiċjenti fil-Blata Kontinentali Norveġiża, inkluż l-iffurmar ta’ gruppi ta’ liċenzja biex dan jiġi aċċertat, għandhom japplikaw il-kriterji li ġejjin għall-aġġudikazzjoni tal-parteċipazzjonijiet fil-liċenzji għall-produzzjoni u għall-appuntar ta’ operatur:

a)

L-għarfien ġeoloġiku tal-applikant dwar iż-żona ġeografika inkwistjoni, u kif il-liċenzjatarji jipproponu li jwettqu t-tfittix effiċjenti għall-petroleum għaż-żona ġeografika speċifika.

b)

L-applikant(i) jippjana/jippjanaw għall-produzzjoni ta’ riżorsi potenzjali taż-żejt mhux maħdum fiż-żona ġeografika speċifika, u kif dan jista’ jikkontribwixxi għal soluzzjonijiet ta’ żona tajba.

c)

Il-kompetenza teknika rilevanti tal-applikant, u kif din tista’ tikkontribwixxi b’mod attiv għal esplorazzjoni kosteffettiva u għall-produzzjoni potenzjali tal-petroleum miż-żona ġeografika inkwistjoni miż-żona ġeografika rilevanti.

d)

L-esperjenza tal-applikant fil-Blata Kontinentali Norveġiża jew esperjenza rilevanti ekwivalenti f’żoni oħra.

e)

Li l-applikant ikollu kapaċità finanzjarja sodisfaċenti biex iwettaq it-tiftix għall-petroleum u l-produzzjoni potenzjali tal-petroleum fiż-żona ġeografika inkwistjoni.

f)

Jekk l-applikant huwa, jew kien, liċenzjatarju ta’ liċenzja għall-produzzjoni, il-Ministeru jista’ jqis kwalunkwe forma ta’ nuqqas ta’ effiċjenza jew nuqqas ta’ rendikontabbiltà murija mill-applikant bħala liċenzjatarju. Fl-interess tas-sigurtà nazzjonali, il-Ministeru jista’ jiċħad l-aċċess għall-attività tal-petroleum u d-dritt għall-eżerċitar tagħha jekk l-applikant jew il-liċenzjatarju jkun, fil-fatt, ikkontrollat minn stat barra miż-ŻEE, jew minn ċittadini ta’ tali stat.

g)

Il-liċenzji għall-produzzjoni se jingħataw prinċipalment lil impriża konġunta li fiha minn tal-inqas wieħed mill-liċenzjatarji jkun ħaffer minn tal-inqas bir wieħed fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollu esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti barra mill-NCS (il-Blata Kontinentali Norveġiża).

h)

Bħala regola prinċipali, se jingħataw liċenzji għall-produzzjoni lil żewġ liċenzjatarji jew aktar, fil-każijiet li fihom minn tal-inqas wieħed minnhom ikollu esperjenza kif imsemmi taħt g)

i)

L-operatur maħtur għal-liċenzji tal-produzzjoni fil-Baħar ta’ Barents għandu jkun ħaffer minn tal-inqas bir wieħed fil-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollu esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti mhux fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża.

j)

Għal-liċenzji ta’ produzzjoni f’baħar fond, kemm l-operatur li jinħatar kif ukoll minn tal-anqas detentur tal-liċenzja ieħor għandhom ikunu ħaffru minn tal-anqas bir wieħed fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollhom esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti barra mill-Blata Kontinentali Norveġiża. F’dawn il-liċenzji tal-produzzjoni, wieħed mil-liċenzjatarji għandu jkun ħaffer f’ibħra fondi bħala operatur.

k)

Għal-liċenzji tal-produzzjoni fejn ikun mistenni li jsir tħaffir ta’ bjar fi pressjoni għolja u/jew temperaturi għoljin (HPHT), kemm l-operatur maħtur kif ukoll minn tal-anqas detentur ta’ liċenzja ieħor għandhom ikunu ħaffru minn tal-anqas bir wieħed fil-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollhom esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti mhux fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża. F’dawn il-liċenzji tal-produzzjoni, wieħed mill-liċenzjatarji għandu jkun ħaffer bir HTHP bħala operatur.

Blokok li għalihom tista’ ssir applikazzjoni

L-applikazzjonijiet għall-parteċipazzjonijiet f’liċenzji għall-produzzjoni jistgħu jitressqu għall-blokok li mhumiex liċenzjati fiż-żona predefinita, kif muri fuq il-mapep ippubblikati mid-Direttorat Norveġiż tal-Offshore (DNO, Norwegian Offshore Directorate.). Huwa wkoll possibbli li ssir applikazzjoni għal art abbandunata fiż-żona predefinita wara t-tħabbira skont il-mapep aġġornati fil-Mapep Fattwali (factmaps) interattivi tal-NPD tad-Direttorat Norveġiż tal-Offshore li jinsabu fil-paġna web tad-Direttorat tal-Offshore Norveġiż.

Kull liċenzja għall-produzzjoni tista’ tikkonsisti fi blokka jew aktar jew parti minn blokka/blokok. L-applikanti huma mitluba jillimitaw id-deskrizzjoni fl-applikazzjoni għal żoni fejn ikunu mmappjaw l-ipprospettar.

It-test sħiħ tat-tħabbira, li jinkludi mapep iddettaljati taż-żoni disponibbli jinsab fuq il-paġna web tad-Direttorat Norveġiż tal-Offshore www.sodir.no/apa2026.

L-applikazzjonijiet għal liċenzji għall-produzzjoni tal-petroleum għandhom jiġu ppreżentati elettronikament, pereżempju permezz ta’ L2S, lil

Il-Ministeru għall-Enerġija

P.O. Box 8148 Dep.

N-0033 OSLO

IN-NORVEĠJA

Għandha tintbagħat kopja b’mezz elettroniku, pereżempju permezz ta’ L2S, lil

Id-Direttorat tal-Offshore Norveġiż

P.O. Box 600

4003 STAVANGER

IN-NORVEĠJA

Skadenza: 12.00 nofsinhar tal-1 ta’ Settembru 2026.

L-aġġudikazzjonijiet ta’ liċenzji għall-produzzjoni tal-petroleum fl-Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti għall-2026 fil-Blata Kontinentali Norveġiża huma ppjanati li jsiru fl-ewwel trimestru tal-2027.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3564/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)