European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/860

12.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/860

tal-14 ta’ April 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali fir-rigward ta’ ċerti emendi għal dik il-Konvenzjoni u l-Anness III tagħha, u għar-Regoli ta’ Proċedura għall-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (1) (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2004 u ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE (2).

(2)

Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (il-“Konferenza tal-Partijiet”) għandha s-setgħa tadotta deċiżjonijiet biex jiġu elenkati sustanzi kimiċi fl-Anness III tal-Konvenzjoni (l-“Anness III”).

(3)

Fit-12-il laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet mistennija tadotta deċiżjonijiet biex jiġu elenkati aktar sustanzi kimiċi fl-Anness III, jiġifieri l-aċetoklor, il-karbosulfan, il-klorpirifos, l-asbestos tal-krisotil, il-fentijon (ta’ formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), l-iprodjon, formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat fil-livell ta’ 276 g/l jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, il-merkurju, il-bromur tal-metil u l-parakwat.

(4)

Sabiex jiġu promossi r-responsabbiltà kondiviża u l-isforzi kooperattivi fost il-Partijiet għall-Konvenzjoni fil-kummerċ internazzjonali ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi biex is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu mħarsa minn ħsara possibbli u jingħata kontribut għall-użu ambjentalment korrett tagħhom, huwa meħtieġ li jiġu elenkati fl-Anness III aktar sustanzi kimiċi li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kriterji rilevanti kollha. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi appoġġat l-elenkar tal-aċetoklor, il-karbosulfan, il-klorpirifos, l-asbestos tal-krisotil, il-fentijon (ta’ formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), l-iprodjon, formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat fil-livell ta’ 276 g/l jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, il-merkurju, il-bromur tal-metil u l-parakwat fl-Anness III.

(5)

Skont ir-Regoli ta’ Proċedura għall-Konferenza tal-Partijiet, kwalunkwe punt fuq l-aġenda ta’ laqgħa ordinarja tal-Konferenza tal-Partijiet li l-konsiderazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet konkluża waqt il-laqgħa jenħtieġ li jiġi inkluż awtomatikament fl-aġenda proviżorja tal-laqgħa ordinarja jmiss, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Konferenza tal-Partijiet. Parti għall-Konvenzjoni indikat li għandha l-għan li tbiddel ir-Regoli ta’ Proċedura għall-Konferenza tal-Partijiet sabiex tevita li diskussjonijiet dwar l-elenkar fl-Anness III ta’ sustanzi kimiċi ulterjuri li ma jiġux konklużi f’laqgħa jiġu inklużi awtomatikament fl-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet.

(6)

Il-proposta minn diversi Partijiet għall-Konvenzjoni biex jiġi emendat l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar l-assistenza teknika, li jipprevedi kamp ta’ applikazzjoni usa’ billi jindirizza wkoll l-assistenza finanzjarja, b’mod partikolari l-assistenza mill-Fond Fiduċjarju tal-Faċilità għall-Ambjent Dinji (GEF) u l-assistenza finanzjarja mill-Partijiet, bl-għan li jiġu appoġġati, b’mod partikolari, l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jidher li mhijiex meħtieġa peress li l-Partijiet kollha għall-Konvenzjoni għandhom jimplimentaw l-approċċ integrat għall-finanzjament, il-GEF diġà jindirizza aspetti tal-Konvenzjoni u l-Partijiet diġà jistgħu jipprovdu kontribuzzjonijiet lill-fond fiduċjarju volontarju tal-Konvenzjoni biex jappoġġaw l-għoti ta’ assistenza teknika lill-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tnax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, peress li d-dispożizzjonijiet ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni jew jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat Bil-Quddiem għal ċerti sustanzi kimiċi u pestiċidi fil-kummerċ internazzjonali (il-“Konferenza tal-Partijiet”) għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi tal-Anness III tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-inklużjoni tal-aċetoklor, il-karbosulfan, il-klorpirifos, l-asbestos tal-krisotil, il-fentijon (ta’ formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), l-iprodjon, formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat fil-livell ta’ 276 g/L jew aktar korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, il-merkurju, il-bromur tal-metil u l-parakwat.

Artikolu 2

Jekk Parti għall-Konvenzjoni tipproponi li temenda r-Regola 16 tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Konferenza tal-Partijiet sabiex tipprevedi li kwalunkwe punt fl-aġenda li l-kunsiderazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet konkluża f’laqgħa ordinarja tal-Konferenza tal-Partijiet ma għandux jiġi inkluż awtomatikament fl-aġenda proviżorja tal-laqgħa ordinarja li jmiss, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Konferenza tal-Partijiet, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni għandha tkun li ma tapoġġax tali emenda.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għandha tkun li ma tappoġġax il-proposta li jiġi emendat l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar l-assistenza teknika billi tiżdied referenza għall-Fond Fiduċjarju tal-Faċilità għall-Ambjent Globali u għall-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Partijiet.

Artikolu 4

Bidliet li jirfinaw il-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3, skont l-iżviluppi tat-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, jista’ jkun hemm qbil dwarhom mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, waqt il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ April 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 63, 6.3.2003, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2003/106/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/730/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/649/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/860/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)