SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
11 ta’ Settembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà – Artikoli 2, 5 u 7 – Artikoli 21, 24 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 1 – Artikolu 2(1) u (2)(b) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Diskriminazzjoni indiretta – Differenza fit-trattament fir-rigward ta’ impjegat li ma għandux huwa stess diżabbiltà iżda li jieħu ħsieb il-wild b’diżabbiltà tiegħu – Artikolu 5 – Obbligu tal-persuna li timpjega li tadotta adattamenti raġonevoli”
Fil-Kawża C‑38/24 [Bervidi] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura
G.L.
vs
AB SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Kumin, I. Ziemele u S. Gervasoni, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal G.L., minn F. Andretta u M. Parpaglioni, avvocati, |
|
– |
għal AB SpA, minn D. La Rosa, avvocata, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u M. Tassopoulou, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u E. Schmidt, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, konkluża f’New York fit‑13 ta’ Diċembru 2006 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-NU”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn G.L. u AB SpA dwar ir-rifjut ta’ din il-kumpannija li tagħti lil G.L. adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha li tippermettilha tieħu ħsieb it-tifel b’diżabbiltà tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
3 |
Il-Konvenzjoni tan-NU tgħid, fil-punt (x) tal-preambolu tagħha, li: “Filwaqt li huma konvinti li l-familja hija l-unità ta’ grupp naturali u fundamentali tas-soċjetà u hija intitolata għal protezzjoni mis-soċjetà u mill-Istat, u li l-persuni b’diżabbiltà u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jirċievu l-protezzjoni u l-għajnuna meħtieġa sabiex il-familji jkunu jistgħu jikkontribwixxu lejn it-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà”. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Għan”: “L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom. Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dwak li għandom ħsarat fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. ” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fit-tielet u fir-raba’ paragrafu tiegħu, li: “Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni: […] ‘Diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà’ tfisser kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li għandha l-għan jew effett li tfixkel jew ixxejjen l-għarfien, it-tgawdija jew l-eżerċitar, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali, ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor. Din tinkludi il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluża ċ-ċaħda ta’ aġevolezza [adattament] raġonevoli; ‘Akkomodazzjoni [adattamenti] raġonevoli’ tfisser modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew bla bżonn, meta tkun meħtieġa f’każ partikolari, biex jiġi assigurat li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali”. |
|
6 |
Skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-NU, intitolat “Ugwaljanza u non-diskriminazzjoni”: “1. L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il-liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal-liġi. 2. L-Istati Partijiet għandhom jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà u jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi. 3. Sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha adegwati biex jiżguraw li tingħata aġevolezza [adattament] raġonevoli. 4. Miżuri speċifiċi li huma neċessarji biex titħaffef jew tinkiseb de facto l-ugwaljanza tal-persuni b’diżabbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminazzjoni taħt it-termini ta’ din il-Konvenzjoni.” |
|
7 |
L-Artikolu 7 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Tfal b’diżabbiltà”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li: “1. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa mit-tfal b’diżabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fuq bażi ugwali ma’ tfal oħrajn. 2. Fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw tfal b’diżabbiltà, l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla għandom ikunu kunsiderazzjoni primarja.” |
|
8 |
L-Artikolu 34(1) tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi t-twaqqif ta’ Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2000/43/KE
|
9 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), jipprevedi li: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali.” |
|
10 |
L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li: “1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
|
Id‑Direttiva 2000/78
|
11 |
Il-premessi 6, 12, 20, 21 u 37 tad-Direttiva 2000/78 jgħidu li:
[…]
[…]
[…]
|
|
12 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-iskop tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”. |
|
13 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
|
|
14 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 (a) u (ċ) tiegħu, li: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:
[…]
|
|
15 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Akkomodazzjoni [adattamenti] raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”, huwa fformulat kif ġej: “Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni [adattamenti] raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil-, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat.” |
Id-dritt Taljan
|
16 |
L-Artikolu 2(1) tad-decreto legislativo n. 216 – Attuazione della direttiva 2000/78/KE per la parità di trattamento in materia di occupazione e di condizioni di lavoro (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 216 li Jittrasponi d-Direttiva 2000/78/KE Favur l-Ugwaljanza fit-Trattament fl-Impjieg u fix-Xogħol), tad‑9 ta’ Lulju 2003 (GURI Nru 187, tat‑13 ta’ Awwissu 2003), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi li: “Għall-finijiet ta’ dan id-digriet […], il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jfisser l-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta għal raġuni ta’ reliġjon, twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali. Dan il-prinċipju jfisser li diskriminazzjoni diretta jew indiretta, kif imfissra iktar ’l isfel, għandha tiġi pprojbita:
|
|
17 |
L-Artikolu 3(3bis) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv huwa fformulat kif ġej: “Sabiex tiġi żgurata konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ persuni b’diżabbiltà, il-persuni li jimpjegaw pubbliċi u privati huma obbligati jadottaw arranġamenti raġonevoli, kif iddefiniti mill-Konvenzjoni [tan-NU], irratifikata permezz tal-Liġi Nru 18 tat‑3 ta’ Marzu 2009 fuq il-postijiet tax-xogħol sabiex jiżguraw ugwaljanza sħiħa lill-persuni b’diżabbiltà mal-ħaddiema l-oħra. Il-persuni li jimpjegaw fil-qasam pubbliku għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu mingħajr piżijiet ġodda jew miżjuda għall-finanzi pubbliċi u bir-riżorsi umani, finanzjarji u materjali disponibbli fil-qafas tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.” |
|
18 |
L-Artikolu 25(2bis) tad-decreto legislativo n. 198 – Codice delle pari opportunità tra uomo e donna, a norma dell’ articolo 6 della legge 28 ta’ Novembru 2005, n. 246 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 198 dwar l-Ugwaljanza tal-Opportunitajiet bejn l-Irġiel u n-Nisa, skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tat‑28 ta’ Novembru 2005, Nru 246), tal‑11 ta’ April 2006 (GURI Nru 125, tal‑31 ta’ Mejju 2006, Suppliment Ordinarju Nru 133) li daħal fis-seħħ wara l-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi li: “Jikkostitwixxi diskriminazzjoni, fis-sens ta’ dan it-titolu, kull trattament jew bidla fl-adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-ħin tax-xogħol li, minħabba s-sess, l-età, il-bżonnijiet fil-qasam tal-kura personali jew tal-familja, l-istat ta’ tqala, ta’ maternità jew ta’ paternità, inklużi dawk adottati, jew minħabba d-detenzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet relatati, iqiegħed jew jista’ jqiegħed lill-ħaddiem f’mill-inqas waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin: a) sitwazzjoni żvantaġġata meta mqabbla mal-ħaddiema l-oħra kollha; (b) il-limitazzjoni tal-possibbiltajiet għall-parteċipazzjoni fil-ħajja jew fl-għażliet tal-impriża; (c) limitazzjoni tal-aċċess għal mekkaniżmi ta’ avvanz u ta’ progress fil-karriera. ” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
19 |
G.L. kienet taħdem għall-kumpannija AB, stabbilita fl-Italja, bħala “operatur ta’ stazzjon”. Bħala tali, hija kienet responsabbli għall-monitoraġġ u għall-kontroll ta’ stazzjon tal-metro. |
|
20 |
G.L. talbet, b’mod repetut, lill-kumpannija AB tassenjaha, b’mod permanenti, għal pożizzjoni tax-xogħol b’ħinijiet fissi, li teħtieġ jekk ikun il-każ inqas kwalifiki, li tippermettilha tieħu ħsieb it-tifel minuri tagħha, li għandu diżabbiltà serja u invalidità totali, li jgħix magħha, u li għandu jsegwi programm ta’ kura, f’ħin fiss, wara nofsinhar. |
|
21 |
Il-kumpannija AB ma laqgħetx dawn it-talbiet iżda madankollu tat lil G.L. ċerti adattamenti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod provviżorju, li jikkonsistu fl-assenjazzjoni f’post tax-xogħol fiss u fl-għoti ta’ sistema ta’ ħinijiet preferenzjali meta mqabbla mal-operaturi l-oħra ta’ stazzjon, li huma suġġetti għal ħinijiet li jalternaw u bix-xift. |
|
22 |
Fil‑5 ta’ Marzu 2019, G.L. adixxiet lit-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja) b’rikors kontra l-kumpannija AB, sabiex jiġi kkonstatat li r-rifjut tal-persuna li timpjegaha li tilqa’ t-talba tagħha għall-adattament, b’mod permanenti, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha, kien ta’ natura diskriminatorja. |
|
23 |
Fir-rikors tagħha, G.L. talbet li din il-kumpannija tiġi kkundannata tassenjaha, b’mod permanenti, f’pożizzjoni tax-xogħol b’ħinijiet fissi filgħodu (mit-8.30 sat-15.00) u li hija tiġi ordnata tadotta pjan ta’ eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni li hija kienet suġġetta għaliha kif ukoll li tikkumpensa d-dannu mġarrab minnha. |
|
24 |
It-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) ċaħdet ir-rikors ta’ G.L., li appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja). Din l-aħħar qorti ċaħdet ukoll l-appell fuq il-mertu, billi qieset li l-eżistenza tal-allegat aġir diskriminatorju ma kinitx ġiet stabbilita u li l-kumpannija AB kienet, fi kwalunkwe każ, stabbilixxiet “adattamenti raġonevoli” sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet ta’ G.L., anki jekk dawn kienu miżuri provviżorji. |
|
25 |
G.L. appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
26 |
Fix-xahar ta’ Ottubru 2022, G.L. tkeċċiet mill-kumpannija AB. |
|
27 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk impjegat li jieħu ħsieb il-wild minuri b’diżabbiltà tiegħu huwiex intitolat jinvoka quddiem qorti l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà li tibbenefika minnha l-persuna b’diżabbiltà stess, fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415). |
|
28 |
Hija tfakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq id-diżabbiltà, prevista minn din id-direttiva, jestendi għall-impjegat li ma għandux huwa stess diżabbiltà iżda li jieħu ħsieb wild b’diżabbiltà li lilu jipprovdi l-parti l-kbira tal-kura meħtieġa mill-kundizzjoni tiegħu. |
|
29 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li G.L. għandha titqies bħala “persuna li tindokra b’mod informali”, fis-sens tad-dritt nazzjonali, u li hija tista’ tibbenefika, f’dan ir-rigward, minn vantaġġi fiskali u soċjali previsti mid-dritt Taljan, bħad-dritt li tagħżel, sa fejn huwa possibbli, il-post tax-xogħol l-iktar viċin għar-residenza tagħha. Madankollu, ebda dispożizzjoni tad-dritt Taljan ma kienet tagħti lil din il-persuna li tindokra, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, protezzjoni kontra diskriminazzjoni mġarrba fuq il-post tax-xogħol minħabba l-assistenza li hija għandha tipprovdi lill-wild tagħha b’diżabbiltà. |
|
30 |
Hija tippreċiża li din hija r-raġuni għalfejn il-qorti adita fl-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors ta’ G.L., billi qieset li din ma kinitx awtorizzata tippreżenta rikors sabiex tikkontesta d-diskriminazzjoni li tagħha hija kienet vittma. Peress li l-qorti adita fl-appell, min-naħa tagħha, abbażi tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415), qieset li persuna li tindokra b’mod informali, bħal G.L., kellha d-dritt li tinvoka dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu lill-persuni b’diżabbiltà kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. |
|
31 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li minn din is-sentenza ma jirriżultax b’mod ċar li l-prinċipji li jirriżultaw minnha jistgħu jiġu applikati għal sitwazzjoni li fiha teżisti diskriminazzjoni indiretta fil-konfront ta’ impjegat li jitqies li huwa “persuna li tindokra b’mod informali”, fis-sens tad-dritt nazzjonali. |
|
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura
|
33 |
Permezz ta’ att ippreżentat fit‑30 ta’ Marzu 2025, G.L. talbet, abbażi tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
|
34 |
G.L. issostni n-neċessità li jiġu eżaminati żewġ domandi addizzjonali għal dawk magħmula mill-qorti tar-rinviju, li hija kienet invokat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għar-raġuni li dawn ma ġewx analizzati fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor, C‑310/09, EU:C:2011:581, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hemmx lok li jiġu eżaminati domandi oħra magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet fil-kawża prinċipali apparti dawk magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, A2A, C‑89/14, EU:C:2015:537, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Konsegwentement, peress li l-qorti tar-rinviju ma għamlitx lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi li għalihom tirreferi G.L. fit-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, l-argumenti invokati f’din it-talba, dwar in-neċessità li jiġu eżaminati dawn iż-żewġ domandi, ma jikkostitwixxux raġuni għall-ftuħ mill-ġdid ta’ din il-fażi orali skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li f’dan il-każ għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-argumenti kollha neċessarji sabiex tiġi deċiża l-kawża inkwistjoni ġew diskussi bejn il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
39 |
Konsegwentement, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandha tiġi miċħuda. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
40 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/78 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) u (2)(b) tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 21, 24 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 2, 5 u 7 tal-Konvenzjoni tan-NU, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà tapplika wkoll għal impjegat li ma għandux huwa stess diżabbiltà iżda li huwa s-suġġett ta’ tali diskriminazzjoni minħabba l-assistenza li jipprovdi lill-wild b’diżabilità tiegħu li tippermettilu jirċievi l-parti l-kbira tal-kura li teħtieġ il-kundizzjoni tiegħu. |
|
41 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-iskop tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament “fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol” lil kull persuna, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm inkluża d-diżabbiltà (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Komisia za zashtita ot diskriminatsia, C‑824/19, EU:C:2021:862, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Konformement mal-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2000/78, din tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi l-organi pubbliċi, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Komisia za zashtita ot diskriminatsia, C‑824/19, EU:C:2021:862, punt 36). |
|
43 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-diskriminazzjoni indiretta allegata minn G.L. tirriżulta mill-assenza ta’ adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha, jiġifieri, essenzjalment, is-sigħat tax-xogħol tagħha, li jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol imsemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. |
|
44 |
Għaldaqstant, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
45 |
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza, fil-qasam li hija tkopri, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq id-diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Komisia za zashtita ot diskriminatsia,C‑824/19, EU:C:2021:862, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, fil-kuntest tat-trattament ta’ din l-ewwel domanda, id-drittijiet tat-tfal u tal-persuni b’diżabbiltà, stabbiliti, rispettivament, fl-Artikoli 24 u 26 tal-Karta. |
|
46 |
Barra minn hekk, l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni tan-NU, li d-dispożizzjonijiet tagħha jagħmlu, għaldaqstant, parti integrali, mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-konvenzjoni, tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu, bħal dawk tal-Karta, jiġu invokati sabiex jiġu interpretati dawk tad-Direttiva 2000/78 u li din tal-aħħar għandha tkun is-suġġett, sa fejn huwa possibbli, ta’ interpretazzjoni konformi ma’ din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 30 sa 32, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2024, Ca Na Negreta, C‑631/22, EU:C:2024:53, punt 41). |
|
47 |
Kif jirriżulta mill-punti 27 sa 31 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 21, 24 u 26 tal-Karta kif ukoll tal-Artikoli 2 u 5 tal-Konvenzjoni tan-NU, tapplikax ukoll għal diskriminazzjoni indiretta “b’assoċjazzjoni” bbażata fuq id-diżabbiltà, fir-rigward ta’ impjegat li jassisti lill-wild b’diżabbiltà tiegħu. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta “b’assoċjazzjoni”, ibbażata fuq id-diżabbiltà, hija pprojbita mid-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta prevista fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78 ma hijiex limitata biss għall-persuni li għandhom huma stess diżabbiltà. Meta persuna li timpjega tittratta impjegat li ma għandux huwa stess diżabbiltà b’mod inqas favorevoli milli huwa, kien jew kien jiġi ttrattat impjegat ieħor f’sitwazzjoni komparabbli u jiġi pprovat li t-trattament sfavorevoli li tiegħu dan l-impjegat ikun vittma jkun ibbażat fuq id-diżabbiltà tal-wild tiegħu, li lilu huwa jagħti l-parti l-kbira tal-kura li dan tal-aħħar għandu bżonn, tali trattament jmur kontra l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta prevista fl-imsemmi Artikolu 2(2)(a) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 56). |
|
49 |
Il-fatt li din id-direttiva tinkludi dispożizzjonijiet li jfittxu li jieħdu speċifikament inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbiltà ma jippermettix li jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija tistabbilixxi għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, jiġifieri b’mod li jipprojbixxi biss id-diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ diżabbiltà u li jkopri esklużivament il-persuni b’diżabbiltà nnifishom. Barra minn hekk, billi premessa 6 tal-imsemmija direttiva ssemmi l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, hija tirreferi kemm għall-ġlieda ġenerali kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni kif ukoll għall-bżonn li tittieħed azzjoni approprjata għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika ta’ persuni b’diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 43). |
|
50 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2000/78, jiġifieri dak li jiġi stabbilit qafas ġenerali għall-ġlieda, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li fosthom hemm id-diżabbiltà, kif ukoll l-għan, stabbilit fil-premessa 37 tagħha, li tinħoloq bażi ta’ azzjoni fir-rigward tal-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, kif ukoll l-effett utli ta’ din id-direttiva jiġu kompromessi jekk il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta, prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tagħha, tiġi limitata biss għall-persuni li għandhom huma stess diżabbiltà u ma tkunx tapplika għal sitwazzjoni li fiha impjegat li ma għandux huwa stess diżabbiltà jkun madankollu vittma ta’ diskriminazzjoni diretta minħabba d-diżabbiltà tal-wild tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punti 47 u 48). |
|
51 |
Fil-fatt, interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 li tillimita l-applikazzjoni tagħha biss għall-persuni li għandhom huma stess diżabbiltà tista’ ċċaħħad lil din id-direttiva minn parti sinjifikattiva tal-effett utli tagħha u tnaqqas il-protezzjoni li hija intiża li tiggarantixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punti 50 u 51). |
|
52 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta “b’assoċjazzjoni” bbażata fuq id-diżabbiltà hijiex ipprojbita wkoll mid-Direttiva 2000/78, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jinftiehem bħala l-assenza ta’ “kull diskriminazzjoni”, diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. |
|
53 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għan ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol, huwa li tiġġieled kull forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-imsemmija direttiva f’dan il-qasam japplika mhux għal kategorija ta’ persuni partikolari, iżda abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bil-kliem tal-Artikolu 13 KE, dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva 2000/78, li kienet tagħti, bħall-Artikolu 19 TFUE li ssostitwixxieha, kompetenza lill-Unjoni sabiex tieħu l-azzjoni xierqa biex tiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq id-diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 38). Bl-istess mod, il-kliem tal-premessa 12 ta’ din id-direttiva jipprovdi li “kull diskriminazzjoni”, diretta jew indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, għandha tiġi pprojbita fl-Unjoni. |
|
54 |
Barra minn hekk, il-kwistjoni tar-rikonoxximent ta’ diskriminazzjoni “b’assoċjazzjoni” bbażata fuq id-diżabbiltà tqum bl-istess mod, irrispettivament minn jekk din id-diskriminazzjoni hijiex diretta jew indiretta. B’mod partikolari, il-fatt li, fis-sistema prevista mid-Direttiva 2000/78, il-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta jinkorpora l-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni, b’differenza mill-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta, ma jaffettwax il-klassifikazzjoni eventwali ta’ att bħala diskriminazzjoni “b’assoċjazzjoni”, fis-sens tagħha. |
|
55 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kemm il-kliem tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll l-għan li fuqu hija bbażata din id-direttiva jimmilitaw favur il-projbizzjoni, mhux biss ta’ diskriminazzjoni diretta “b’assoċjazzjoni”, iżda wkoll ta’ diskriminazzjoni indiretta “b’assoċjazzjoni”. |
|
56 |
It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, billi rreferiet għas-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, (C‑303/06, EU:C:2008:415), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43, li l-Artikoli 1 u 2 tagħha huma redatti b’mod analogu għall-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78, li dan il-kamp ta’ applikazzjoni ma setax jiġi ddefinit b’mod restrittiv u li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għalih tirreferi din id-direttiva ma kienx japplika għal kategorija ta’ persuni speċifiċi, iżda abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, b’tali mod li japplika wkoll għall-persuni li, minkejja li ma jappartjenux huma stess għar-razza jew għall-grupp etniku kkonċernati, iġarrbu madankollu trattament inqas favorevoli jew żvantaġġ partikolari għal waħda minn dawn ir-raġunijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 56). Għaldaqstant, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset espressament li d-diskriminazzjoni indiretta “b’assoċjazzjoni” hija pprojbita mid-Direttiva 2000/43. |
|
57 |
It-tielet nett, fid-dawl ta’ interpretazzjoni konformi mal-Karta tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, li l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li huwa jistabbilixxi jipprojbixxi “kull diskriminazzjoni” bbażata, b’mod partikolari, fuq diżabbiltà, u b’hekk jiżgura applikazzjoni wiesgħa ta’ din il-garanzija fundamentali. |
|
58 |
Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandha wkoll tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 26 tagħha. Dan l-Artikolu 24, dwar id-drittijiet tat-tfal, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li t-tfal għandhom dritt għall-protezzjoni u għall-kura neċessarja għall-benesseri tagħhom u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, fl-azzjonijiet relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja. Fir-rigward tal-Artikolu 26 tal-Karta, dan jipprevedi li l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità (Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Ca Na Negreta, C‑631/22, EU:C:2024:53, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) tal-Karta jinkludi, tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li hija applikabbli flimkien mad-drittijiet u mal-libertajiet iggarantiti minn din il-konvenzjoni, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Alchaster II, C‑743/24, EU:C:2025:230, punt 24). |
|
60 |
Issa, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà ddeċidiet li t-trattament diskriminatorju mġarrab minn persuna minħabba d-diżabbiltà tal-wild tagħha, li miegħu hija għandha rabtiet personali mill-qrib u li lilu hija tipprovdi kura, għandu jitqies bħala forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà li taqa’ taħt l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 22 ta’ Marzu 2016, Guberina vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2016:0322JUD002368213, punt 79), mingħajr ma ssir distinzjoni skont jekk din id-diskriminazzjoni hijiex diretta jew indiretta. |
|
61 |
Ir-raba’ nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU li jistgħu jiggwidaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li d-“diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbiltà” tkopri “kwalunkwe” distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà li għandha l-għan jew l-effett li tikkomprometti jew ixxejjen ir-rikonoxximent, it-tgawdija jew l-eżerċizzju, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċivili jew oħrajn u li dan il-kunċett jinkludi “l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni”, inkluż ir-rifjut ta’ adattamenti raġonevoli. |
|
62 |
L-Artikolu 5(2) tal-imsemmija Konvenzjoni jistipula li l-Istati kontraenti għandhom jipprojbixxu “kull diskriminazzjoni” ibbażata fuq id-diżabbiltà u jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra “d-diskriminazzjoni fuq kull bażi”. |
|
63 |
Fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-istess Konvenzjoni, dan jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu lit-tfal b’diżabbiltà “it-tgawdija sħiħa” tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha, fuq il-bażi ta’ ugwaljanza ma’ tfal oħra, u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal b’diżabbiltà, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja. |
|
64 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 u 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà stabbilit fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni tan-NU jqis, fil-kuntest b’mod partikolari tal-kompetenzi mogħtija lilu mill-Protokoll Fakultattiv relatat ma’ din il-Konvenzjoni, tat‑13 ta’ Diċembru 2006, li l-obbligu li tiġi pprojbita kull diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, previst fl-Artikolu 5(2) tagħha, huwa intiż li jipproteġi lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni assoċjati magħhom, pereżempju l-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà, u jirreferi espliċitament għad-diskriminazzjoni “b’assoċjazzjoni”, mingħajr ma jillimitaha għad-diskriminazzjoni diretta. |
|
65 |
Għaldaqstant, mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, u kkonkretizzat mid-Direttiva 2000/78, ikopri wkoll id-diskriminazzjoni indiretta “b’assoċjazzjoni” bbażata fuq id-diżabbiltà. |
|
66 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva 2000/78 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) u (2)(b) tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 21, 24 u 26 tal-Karta kif ukoll tal-Artikoli 2, 5 u 7 tal-Konvenzjoni tan-NU, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà tapplika wkoll għal impjegat li ma għandux huwa stess diżabbiltà iżda li huwa s-suġġett ta’ tali diskriminazzjoni minħabba l-assistenza li jipprovdi lill-wild b’diżabilità tiegħu li tippermettilu jirċievi l-parti l-kbira tal-kura li teħtieġ il-kundizzjoni tiegħu. |
Fuq it-tieni domanda
|
67 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-Direttiva 2000/78 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 24 u 26 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tan-NU, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuna li timpjega hija obbligata, sabiex tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-ħaddiema u tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, tadotta adattamenti raġonevoli, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5, fil-konfront ta’ impjegat li, mingħajr ma jkollu huwa stess diżabbiltà, jipprovdi lill-wild b’diżabbiltà tiegħu l-assistenza li tippermettilu jirċievi l-parti l-kbira tal-kura li teħtieġ il-kundizzjoni tiegħu. |
|
68 |
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabbiltà, għandhom jiġu pprovduti adattamenti raġonevoli, li jfisser li l-persuna li timpjega għandha tieħu miżuri xierqa, meta meħtieġa f’każ partikolari, sabiex tippermetti persuna b’diżabbiltà li jkollha aċċess għal, teżerċita jew tavvanza fl-impjieg, jew sabiex tingħata taħriġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-persuna li timpjega. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi kkumpensat b’mod suffiċjenti b’miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar id-diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat. |
|
69 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan l-Artikolu 5 japplikax fir-rigward ta’ impjegat li, mingħajr ma jkollu huwa stess diżabbiltà, jagħti lill-wild b’diżabbiltà tiegħu l-assistenza li tippermettilu jirċievi l-parti l-kbira tal-kura li teħtieġ il-kundizzjoni tiegħu, hemm ċertament lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 39 u 42 tas-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415), li d-Direttiva 2000/78 tinkludi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, li huma applikabbli biss għall-persuni b’diżabbiltà. |
|
70 |
Madankollu, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma kinitx tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u lanqas il-kwistjoni dwar jekk, bħal f’din il-kawża, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema u tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, adattamenti raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 5 tagħha, għandhomx jiġu implimentati fil-konfront ta’ impjegat li ma għandux huwa stess diżabbiltà iżda li jieħu ħsieb il-wild b’diżabbiltà tiegħu. Barra minn hekk, fid-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza, il-Karta kif ukoll il-Konvenzjoni tan-NU li fid-dawl tagħhom id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata ma kinux, rispettivament, daħlu fis-seħħ u lanqas approvati mill-Komunità. |
|
71 |
Għalhekk, bl-għan ta’ interpretazzjoni konformi mal-Karta tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, għandu, qabelxejn, jitfakkar, kif indikat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li l-Artikoli 24 u 26 tal-Karta jipprevedu b’mod partikolari, rispettivament, li t-tfal għandhom dritt għall-protezzjoni u għall-kura neċessarja għall-benesseri tagħhom u li l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri intiżi li jiżguraw l-awtonomija tagħhom, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità. |
|
72 |
Min-naħa tagħha, il-Konvenzjoni tan-NU tipprevedi espressament, fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha, li l-kunċett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà jinkludi l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, “inkluża ċ-ċaħda ta’ aġevolezza [adattament] raġonevoli”. Skont ir-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu, “‘Akkomodazzjoni [adattament] raġonevoli’ tfisser “modifika neċessarja u adegwata u aġġustamenti li ma jimponux piż sproporzjonat jew bla bżonn, meta tkun meħtieġa f’każ partikolari, biex jiġi assigurat li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jgawdu u jeżerċitaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha”. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-adattamenti raġonevoli, kif iddefiniti f’dan l-Artikolu 2, ma humiex limitati għall-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbiltà fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Għaldaqstant, tali arranġamenti għandhom, jekk ikun il-każ, jingħataw ukoll lill-ħaddiem li jipprovdi l-assistenza li tippermetti lil din il-persuna b’diżabbiltà tirċievi l-parti l-kbira tal-kura li teħtieġ il-kundizzjoni tagħha. |
|
73 |
L-Artikolu 7(1) ta’ din il-konvenzjoni jippreċiża wkoll li l-Istati kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu lit-tfal b’diżabbiltà “it-tgawdija sħiħa” tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha, fuq bażi ugwali mat-tfal l-oħra. F’dan ir-rigward, il-punt (x) tal-preambolu tal-imsemmija konvenzjoni jirreferi espliċitament għan-neċessità li jiġu megħjuna l-familji tal-persuni b’diżabbiltà sabiex dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà nnifishom. Minn dan jirriżulta li l-impjegat għandu jkun f’pożizzjoni li jagħti lill-wild b’diżabbiltà tiegħu l-assistenza li jkollu bżonn, li jimplika l-obbligu, għall-persuna li timpjega, li tadatta l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dan l-impjegat. |
|
74 |
Barra minn hekk, fl-assenza ta’ tali obbligu, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta “b’assoċjazzjoni” ta’ impjegat li jagħti l-assistenza lill-wild b’diżabbiltà tiegħu li tippermettilu jirċievi l-parti l-kbira tal-kura li teħtieġ il-kundizzjoni tiegħu, imsemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, tiġi mċaħħda minn parti sinjifikattiva tal-effett utli tagħha. |
|
75 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li persuna li timpjega hija obbligata tipprevedi adattamenti raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Artikoli 24 u 26 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni tan-NU, fil-konfront ta’ tali impjegat. |
|
76 |
Fir-rigward tat-tipi ta’ adattamenti raġonevoli meħtieġa mill-persuna li timpjega lil tali persuna li tindokra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-NU, jirrakkomanda definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “adattament raġonevoli” u li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta’ adattament msemmija f’dan l-Artikolu 5. F’ċerti kundizzjonijiet, l-assenjazzjoni mill-ġdid f’pożizzjoni tax-xogħol oħra tista’ wkoll tikkostitwixxi tali miżura (ara, f’dan is-sens, rispettivament, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 64, kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2022, HR Rail, C‑485/20, EU:C:2022:85, punt 43). |
|
77 |
Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-miżuri ta’ adattament raġonevoli għandhom jippermettu li l-ambjent tax-xogħol tal-persuna b’diżabbiltà jiġi adattat sabiex tkun tista’ tipparteċipa b’mod sħiħ u effettiv fil-ħajja professjonali b’mod ugwali mal-ħaddiema l-oħra. Fil-każ fejn l-impjegat ma jkollux huwa stess diżabbiltà, iżda jieħu ħsieb il-wild b’diżabbiltà tiegħu, l-imsemmija miżuri għandhom jippermettu wkoll, bl-istess għan, l-adattament tal-ambjent tax-xogħol tiegħu. |
|
78 |
Madankollu, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 ma jobbligax lill-persuna li timpjega tieħu miżuri li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ piż sproporzjonat. F’dan ir-rigward, mill-premessa 21 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk tali miżuri joħolqux piż sproporzjonat għall-persuna li timpjega, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż finanzjarji tagħhom, id-daqs u r-riżorsi finanzjarji tal-organizzazzjoni jew tal-impriża u l-possibbiltà li jinkisbu fondi pubbliċi jew kull għajnuna oħra. Barra minn hekk, il-possibbiltà li persuna b’diżabbiltà tiġi assenjata f’pożizzjoni tax-xogħol oħra teżisti biss fil-preżenza ta’ mill-inqas pożizzjoni vakanti waħda li l-ħaddiem ikkonċernat jista’ jokkupa (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Ca Na Negreta, C‑631/22, EU:C:2024:53, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali, jekk is-sodisfazzjon tat-talba ta’ G.L. sabiex tibbenefika, b’mod permanenti, minn ħinijiet fissi, f’pożizzjoni partikolari, kienx jirrappreżenta piż sproporzjonat għall-persuna li timpjegaha, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78. |
|
80 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-Direttiva 2000/78 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 24 u 26 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni tan-NU, għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li timpjega hija obbligata, sabiex tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-ħaddiema u tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, tadotta adattamenti raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmi direttiva, fil-konfront ta’ impjegat li, mingħajr ma jkollu huwa stess diżabbiltà, jipprovdi lill-wild b’diżabbiltà tiegħu l-assistenza li tippermettilu jirċievi l-parti l-kbira tal-kura li teħtieġ il-kundizzjoni tiegħu, sa fejn dawn l-adattamenti ma jkunux jimponu fuq din il-persuna li timpjega piż sproporzjonat. |
Fuq it-tielet domanda
|
81 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “persuna li tindokra” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. |
|
82 |
Għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tagħhom (digriet tat‑3 ta’ Lulju 2014, Talasca, C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 21, u s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et, C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), li issa jinsabu fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU C, C/2024/6008). |
|
83 |
Għaldaqstant, huwa indispensabbli, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Huwa wkoll indispensabbli, kif jipprevedi l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi, tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuq il-bażi tagħha jkunu bbażati d-domandi (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et, C‑492/17, EU:C:2018:1019, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
84 |
Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “persuna li tindokra” li ma huwiex previst mid-Direttiva 2000/78 iżda li jidher li jirriżulta, kif tispjega l-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha, mid-dritt nazzjonali. |
|
85 |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdi ebda spjegazzjoni dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn il-preċiżazzjonijiet li hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-tielet domanda tagħha fir-rigward ta’ dan il-kunċett ta’ “persuna li tindokra” u l-kawża prinċipali. |
|
86 |
Minn dan isegwi li t-tielet domanda hija inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
87 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.