14.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/41


DEĊIŻJONI (UE) 2022/51 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Diċembru 2021

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Italja — FEG/2021/002 IT/Air Italy

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssenjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (2), u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri s-solidarjetà u li jippromwovi impjieg deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ avvenimenti maġġuri ta’ ristrutturar u jgħinhom jirritornaw għal impjieg deċenti u sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

(2)

Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018), kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (3).

(3)

Fil-15 ta’ Lulju 2021, l-Italja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema minn Air Italy SpA fl-Italja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. L-applikazzjoni hija konformi mal-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 3 874 640 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Italja.

(5)

Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 3 874 640 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-deċiżjoni tapplika mill-15 ta’ Diċembru 2021.

Magħmula fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.

(2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).