26.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/221


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/355

tal-25 ta’ Frar 2021

dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali bla ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 1215)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

Billi:

(1)

Hija r-regola li l-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet mill-2013 ’il quddiem, issir permezz ta’ rkantar għall-operaturi tal-installazzjonijiet fl-ambitu tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni (EU ETS). L-operaturi eliġibbli se jkomplu jirċievu kwoti bla ħlas fil-perjodu ta’ skambju bejn l-2021 sal-2030. L-ammont ta’ kwoti li jirċievi kull wieħed minn dawn l-operaturi jiġi ddeterminat abbażi ta’ regoli armonizzati fl-Unjoni kollha stabbiliti fid-Direttiva 2003/87/KE u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 (2).

(2)

L-Istati Membri ntalbu jippreżentaw lill-Kummissjoni l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali (NIMs) tagħhom sat-30 ta’ Settembru 2019, inklużi lista ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE fit-territorju tagħhom u informazzjoni dwar l-attività tal-produzzjoni, it-trasferimenti tas-sħana u l-gassijiet, il-produzzjoni tal-elettriku u l-emissjonijiet fil-livell ta’ subinstallazzjoni tul il-ħames snin tal-perjodu tal-linja bażi (2014-2018), f’konformità mal-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331.

(3)

Biex jiżguraw il-kwalità u l-komparibbiltà tad-data, l-Istati Membri ppreżentaw in-NIMs tagħhom permezz tal-mudell elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, li inkluda d-data rilevanti għal kull installazzjoni. L-Istati Membri ppreżentaw ukoll rapport tal-metodoloġija li jiddeskrivi l-proċess tal-ġbir tad-data mwettaq mill-awtoritajiet tagħhom.

(4)

Minħabba l-firxa wiesgħa ta’ informazzjoni u data ppreżentata, il-Kummissjoni l-ewwel analizzat il-kompletezza tan-NIMs kollha. Fejn il-Kummissjoni sabet li s-sottomissjonijiet ma kinux kompluti, hija talbet aktar informazzjoni mill-Istati Membri kkonċernati. B’risposta għal dawn it-talbiet, l-awtoritajiet rilevanti ppreżentaw aktar informazzjoni rilevanti biex in-NIMs li kienu ppreżentaw jiġu kompluti.

(5)

Il-Kummissjoni mbagħad ivvalutat in-NIMs skont il-kriterji li jinsabu fid-Direttiva 2003/87/KE u fir-Regolament Delegat (UE) 2019/331, filwaqt li qieset id-dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni għall-Istati Membri ppubblikati bejn Jannar u April 2020. Dawk il-verifiki ta’ konsistenza jikkostitwixxu t-tieni fażi tal-valutazzjonii tan-NIMs.

(6)

Il-verifiki ta’ konsistenza tan-NIMs twettqu separatament għal kull Stat Membru u għal kull installazzjoni, u mqabbla ma’ installazzjonijiet oħra fl-istess settur. Bħala parti minn dik il-valutazzjoni komprensiva, il-Kummissjoni analizzat il-konsistenza tad-data nnifisha u mar-regoli li japplikaw għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas għall-fażi 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331. Il-Kummissjoni eżaminat l-eliġibbiltà tal-installazzjonijiet għall-allokazzjoni bla ħlas, il-qsim tal-installazzjonijiet f’subinstallazzjonijiet u l-konfini tagħhom, sabiex jiġi applikat il-parametru referenzjarju korrett. Filwaqt li qieset li d-data tintuża għall-kalkolu tal-valuri riveduti tal-parametru referenzjarju, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari għall-attribuzzjoni tal-emissjonjiet għal kull subinstallazzjoni. Barra minn hekk, billi hemm impatt sinifikanti fuq l-allokazzjonijiet, il-Kummissjoni analizzat fid-dettall id-data relatata mal-kalkolu tal-livelli ta’ attività storiċi tal-installazzjonijiet matul il-perjodu tal-linja bażi. Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk l-inklużjoni tal-installazzjoni fil-listi ta’ NIMs kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE.

(7)

Twettqu analiżijiet aktar fil-fond tad-data għal installazzjonijiet speċifiċi li kellha impatt fil-kalkolu tal-valuri riveduti tal-parametru referenzjarju u għal kull Stat Membru. Il-valutazzjonijiet speċifiċi kienu bbażati fuq l-analiżi tal-valutazzjoni tar-riskju li qieset diversi kriterji inkluża l-intensità tal-emissjonijiet għal kull subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott.

(8)

Abbażi tar-riżultati ta’ dawn il-verifiki, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni dettaljata tal-installazzjonijiet fejn ġew identifikati irregolaritajiet potenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli għall-allokazzjoni armonizzata. Għal dawk l-installazzjonijiet, intalbet kjarifikazzjoni ulterjuri mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

(9)

Fid-dawl tar-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni ta’ konformità, in-NIMs tal-Belġju, tal-Bulgarija, taċ-Ċekja, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Estonja, tal-Irlanda, tal-Greċja, ta’ Spanja, ta’ Franza, tal-Kroazja, tal-Italja, ta’ Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Lussemburgu, ta’ Malta, tal-Ungerija, tan-Netherlands, tal-Awstrija, tal-Polonja, tal-Portugall, tar-Rumanija, tas-Slovenja, tas-Slovakja, tal-Finlandja u tal-Iżvezja nstabu li kienu kompatibbli mad-Direttiva 2003/87/KE u mar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, ħlief kif indikat hawn taħt. L-installazjonijiet inklużi fin-NIMs minn dawk l-Istati Membri nstabu eliġibbli għall-allokazzjoni bla ħlas u ma nstabu ebda nuqqasijiet ta’ konsistenza rigward ir-regoli li japplikaw għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti ta’ emissjonijiet, ħlief kif indikat hawn taħt.

(10)

Iżda fid-dawl tar-riżultati tal-valutazzjoni, ċerti aspetti tan-NIMs ippreżentati mill-Finlandja u l-Iżvezja mhumiex kumpatibbli mal-kriterji li hemm fid-Direttiva 2003/87/KE u fir-Regolament Delegat (UE) 2019/331.

(11)

Il-Finlandja u l-Iżvezja pproponew l-inklużjoni ta’ 51 installazjoni li jużaw biss il-bijomassa. Uħud minn dawk l-installazjonijiet kienu soġġetti għall-inklużjoni unilaterali fl-2004-2007, approvata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE. Madankollu, l-installazjonijiet li jużaw biss il-bijomassa kienu esklużi sussegwentement mill-EU ETS f’konformità ma’ dispożizzjoni ġdida fil-paragrafu 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE. Dik id-dispożizzjoni ddaħlet fid-Direttiva ETS permezz tad-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u mill-applikazzjoni tagħha fl-1 ta’ Jannar 2013, iddeterminat ambitu ġdid għall-ETS, inkluż rigward l-inklużjonijiet minn qabel. Għalhekk, l-inklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw biss il-bijomassa għandha tiġi miċħuda għas-snin kollha tal-perjodu tal-linja bażi, inkluż meta kienu elenkati fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(12)

L-Iżvezja pproponiet l-inklużjoni ta’ installazzjoni minnhom li l-emissjonijiet tagħha joriġinaw minn forn tal-ġir li fih it-tajn tal-ġir, residwu mill-irkupru tal-kimiċi tat-tisjir fl-impjanti tal-polpa kraft, ikun kkalċinat. Il-proċess tal-irkupru tal-ossidu tal-kalċju mit-tajn tal-ġir huwa kopert mid-definizzjonijiet tal-limiti tas-sistema ta’ polpa kraft ta’ fibra qasira/twila. Għalhekk, l-installazzjoni kkonċernata timporta prodott intermedju li huwa kopert b’parametru referenzjarju ta’ prodott. Minħabba li jenħtieġ li l-emissjonijiet ma jingħaddux darbtejn, kif imsemmi fl-Artikolu 16(7) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, id-data dwar l-allokazzjoni bla ħlas ta’ dik l-installazzjoni għandha tiġi miċħuda.

(13)

L-Iżvezja pproponiet, għal tliet installazzjonijiet, l-użu ta’ subinstallazzjonijiet b’parametri referenzjarji differenti meta mqabbla ma’ dawk li użaw fin-NIMs tal-fażi 3 għall-produzzjoni tal-pellets tal-mineral tal-ħadid. L-Iżvezja pproponiet l-użu ta’ subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju tal-minerali sinterizzati għall-produzzjoni ta’ pellets tal-mineral tal-ħadid, filwaqt li fil-fażi 3, intużaw parametri referenzjarji tas-sħana u tal-fjuwil. Madankollu, il-parametru referenzjarju tal-minerali sinterizzati huwa definit fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331 u d-definizzjoni tal-prodotti kif ukoll id-definizzjoni tal-proċessi u l-emissjonijiet koperti minn dak il-parametru referenzjarju tal-prodott jirreferu b’mod speċifiku għall-produzzjoni tas-sinter u ma jinkludux pellets tal-mineral tal-ħadid. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(a)2 tad-Direttiva 2003/87/KE jirrikjedi aġġornament tal-valuri b’parametri referenzjarji għall-fażi 4 u ma jipprevedi l-ebda aġġustament tal-interpretazzjoni tad-definizzjonijiet ta’ parametri referenzjarji. Id-data ppreżentata għall-produzzjoni tal-pellets tal-mineral tal-ħadid abbażi ta’ subinstallazzjoni ta’ minerali sinterizzati għandha għalhekk tiġi miċħuda,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-iskrizzjoni tal-installazzjonijiet elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni inkluża fil-listi tal-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE ppreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) ta’ dik id-Direttiva u d-data korrispondenti għal dawn l-installazzjonijiet huma miċħuda.

2.   Id-data dwar l-allokazzjoni bla ħlas tal-installazzjoni elenkata fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni inkluża fil-listi tal-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE ppreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) ta’ dik id-Direttiva hija miċħuda.

3.   Id-data li tikkorrispondi mas-subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ prodott tal-installazzjonijiet elenkati fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni fil-listi tal-installazjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE u ppreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE hija miċħuda.

4.   Ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni jekk Stat Membru jemenda d-data dwar il-qsim f’subinstallazzjonijiet ippreżentata għall-installazzjonijiet fit-territorju tagħhom inklużi fil-listi msemmija fil-paragrafu 3 u elenkati fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni qabel ma jiġu ddeterminati l-ammonti annwali preliminari ta’ kwoti bla ħlas għal kull sena mill-2021 sal-2025 f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331.

5.   Kull emenda msemmija fil-paragrafu 4 għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr, u Stat Membru ma għandux ikompli jiddetermina l-ammonti annwali preliminari ta’ kwoti bla ħlas għal kull sena bejn l-2021 u l-2025 f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331 qabel ma jsiru emendi aċċettabbli.

Artikolu 2

Ħlief kif stabbilit fl-Artikolu 1, ma titressaq l-ebda oġġezzjoni rigward il-listi tal-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE kif ippreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u rigward id-data korrispondenti għal dawk l-installazzjonijiet.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

Viċi President Eżekuttiv


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 59, 27.2.2019, p. 8).

(3)  Id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63).


ANNESS I

Installazzjonijiet li jużaw biss il-bijomassa

Identifikatur tal-Installazzjonijiet fil-listi ta’ NIMs

FI000000000000645

FI000000000207696

 

 

SE000000000000031

SE000000000000086

SE000000000000169

SE000000000000211

SE000000000000320

SE000000000000523

SE000000000000583

SE000000000000686

SE000000000000789

SE000000000000845

SE000000000205887

SE000000000209930

SE000000000000779

SE000000000000064

SE000000000000088

SE000000000000186

SE000000000000249

SE000000000000324

SE000000000000543

SE000000000000629

SE000000000000687

SE000000000000798

SE000000000000847

SE000000000206192

SE000000000211058

SE000000000000073

SE000000000000099

SE000000000000199

SE000000000000261

SE000000000000382

SE000000000000547

SE000000000000659

SE000000000000705

SE000000000000830

SE000000000202297

SE000000000208282

SE000000000000153

SE000000000000074

SE000000000000102

SE000000000000205

SE000000000000319

SE000000000000468

SE000000000000565

SE000000000000681

SE000000000000785

SE000000000000838

SE000000000205800

SE000000000209062

SE000000000000231


ANNESS II

Installazzjoni li tuża prodott intermedju għall-produzzjoni tal-ossidu tal-kalċju

Identifikatur tal-Installazzjonijiet fil-lista ta’ NIMs

SE000000000000419


ANNESS III

Installazzjonijiet li jużaw parametru referenzjarju ta’ prodott ta’ minerali sinterizzati minflok parametri referenzjarji tas-sħana jew tal-fjuwil

Identifikatur tal-Installazzjonijiet fil-lista ta’ NIMs

SE000000000000497

SE000000000000498

SE000000000000499