SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla Estiża)
8 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Enerġija – Suq intern tal-elettriku – Linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku – Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament (UE) 2017/2195 – Pjattaforma Ewropea għall‑iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika – Assenza ta’ parteċipazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni Svizzeru – Appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell tal‑ACER – Kundizzjonijiet u modalitajiet partikolari tal-appell – Artikolu 28 tar‑Regolament (UE) 2019/942 – Inammissibbiltà minħabba assenza ta’ locus standi quddiem il-Bord tal-Appell – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Eċċezzjoni ta’ illegalità”
Fil-Kawża T‑558/23,
Swissgrid AG, stabbilita f’Aarau (l-Isvizzera), irrappreżentata minn P. De Baere, P. L’Ecluse, K. T’Syen, V. Lefever u V. Ion, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet u E. Tremmel, bħala aġenti, assistiti minn B. Creve u T. Kölsch, avukati,
konvenuta,
sostnuta minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet, T. Scharf, B. De Meester u C. Hödlmayr, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla Estiża),
Komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn P. Škvařilová-Pelzl, Presidenta, I. Nõmm (Relatur), G. Steinfatt, D. Kukovec u R. Meyer, Imħallfin,
Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Swissgrid AG, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni A‑008‑2022 tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tad‑29 ta’ Ġunju 2023 li tiċħad bħala inammissibbli l-appell mid-Deċiżjoni tal-ACER Nru 15/2022 tat‑30 ta’ Settembru 2022 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Svizzeru li tikkostitwixxi l-unika operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“TSO”) fl-Isvizzera. |
|
3 |
Fl‑2018, ir-rikorrenti u TSOs oħra kkonkludew protokoll ta’ ftehim li jifformalizza l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proġett li kellu jwassal għal pjattaforma għall-koordinazzjoni internazzjonali tar-restawr awtomatizzat tal-frekwenza u tal-operat stabbli tas-sistema (Platform for the International Coordination of Automated Frequency Restoration and Stable System Operation, iktar ’il quddiem “Picasso”). |
|
4 |
Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament (UE) 2017/2195 tat‑23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU 2017, L 312, p. 6), li jipprevedi l-istabbiliment ta’ pjattaformi Ewropej komuni għall-implimentazzjoni tal-proċess ta’ tpaċija tal-iżbilanċi u għat-twettiq tal-kundizzjonijiet tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza u mir-riżervi ta’ sostituzzjoni (premessa 10) u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 20 tagħha, pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika. |
|
5 |
Fl‑24 ta’ Ġunju 2020, l-ACER adottat id-Deċiżjoni Nru 02/2020 dwar il-ħolqien ta’ pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma aFRR”), li tinkludi, fl-anness, il-qafas ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija pjattaforma aFRR (iktar ’il quddiem il-“qafas ta’ implimentazzjoni”). |
|
6 |
L-Artikolu 2(1)(l) tal-qafas ta’ implimentazzjoni kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “TSO Membru” bħala “kull TSO li [kien ingħaqad] mal-pjattaforma aFRR” u l-Artikolu 2(1)(m), il-kunċett ta’ “TSO parteċipant” bħala “kull TSO li juża l-pjattaforma aFRR għal skambju ta’ prodotti standard tal-enerġija tal-ibbilanċjar aFRR” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
7 |
L-Artikolu 2(1)(n) tal-qafas ta’ implimentazzjoni kien jindika li Picasso “[kienet] il-proġett ta’ implimentazzjoni li [kien] evolva lejn il-pjattaforma aFRR” u l-Artikolu 5(2) tiegħu, li “t-TSOs membri kollha [kienu] jistabbilixxu l-proġett ta’ implimentazzjoni tal-pjattaforma aFRR, li [kien] ibbażat fuq il-proġett ta’ implimentazzjoni ta’ Picasso li [kien] ittrasformat fi proġett ta’ implimentazzjoni tal-pjattaforma aFRR wara l-adozzjoni ta’ dan il-qafas ta’ implimentazzjoni tal-pjattaforma aFRR” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
8 |
Fl‑1 ta’ Lulju 2020, it-TSOs membri ta’ Picasso, inkluża r-rikorrenti, ikkonkludew il-ftehim ta’ kooperazzjoni tal-pjattaforma Picasso, li jissostitwixxi l-protokoll preċedenti (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ kooperazzjoni Picasso”). Dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni huwa suġġett għal ftehim prinċipali dwar il-pjattaformi tal-ibbilanċjar, komuni għall-pjattaformi kollha, li daħal fis-seħħ ukoll fl‑1 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem il-“ftehim prinċipali”). |
|
9 |
Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Diċembru 2020, id-Direttriċi tad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija tal-Kummissjoni enfasizzat li hija ma kinitx tara raġuni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza lill-Isvizzera tipparteċipa fil-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195. Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra din l-ittra, li ġie miċħud permezz tad-digriet tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Swissgrid vs Il‑Kummissjoni (T‑127/21, mhux ippubblikat, EU:T:2022:868), bħala inammissibbli. Dan id-digriet ġie annullat bis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2025, Swissgrid vs Il‑Kummissjoni (C‑121/23 P, EU:C:2025:83). |
|
10 |
Fil‑31 ta’ Marzu 2022, skont l-Artikolu 17 tal-qafas ta’ implimentazzjoni, in-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (iktar ’il quddiem l-“ENTSO‑E”) issottometta lill-ACER proposta ta’ emenda tal-imsemmi qafas ta’ implimentazzjoni, fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-entitajiet li jeżerċitaw il-funzjonijiet li huma ddefiniti fih. |
|
11 |
Fit‑30 ta’ Settembru 2022, l-ACER adottat id-Deċiżjoni Nru 15/2022 li temenda l-qafas ta’ implimentazzjoni. L-Artikolu 1(b) tal-Anness I ta’ din id-deċiżjoni emenda d-definizzjoni ta’ “TSO Membru” li issa tinsab fl-Artikolu 2(1)(m) tal-imsemmi qafas ta’ implimentazzjoni, sabiex issa tkopri “kull TSO li għalih japplika [r-Regolament 2017/2195] u li ngħaqad mal-pjattaforma aFRR, inklużi t-TSOs minn żoni multi-TSOs [ta’ aġġustament tas-saħħa tal-frekwenza]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
12 |
Fit‑30 ta’ Novembru 2022, ir-rikorrenti appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER. |
|
13 |
Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li d-Deċiżjoni Nru 15/2022 ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jaffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, b’tali mod li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat iktar qabel jekk din kinitx direttament u individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22) u, għaldaqstant, ċaħad l-appell tagħha bħala inammissibbli. Il-Bord tal-Appell:
|
It-talbiet tal-partijiet
|
14 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
15 |
L-ACER titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
16 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
17 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi. |
|
18 |
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat, interpreta r-Regolament 2017/2195 bħala li jimponi li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195 sabiex tkun tista’ tipparteċipa fil-pjattaforma aFRR. |
|
19 |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 għaċ-ċirkustanzi tal-każ. Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja meta ddeċieda li l-appell mid-Deċiżjoni Nru 15/2022 kien inammissibbli. |
|
20 |
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ippreżentat sussidjarjament, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, kontra r-Regolament 2017/2195, fil-każ li dan ikollu jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi lit-TSO tal-Unjoni milli jinkluduha fil-pjattaforma aFRR. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-Regolament 2017/2195
|
21 |
Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli qies li l-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma aFRR kienet possibbli biss wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan is-sens skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195 u li tali deċiżjoni kienet nieqsa. Hija ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kellu jqis li l-parteċipazzjoni tagħha f’din il-pjattaforma kienet possibbli peress li, l-ewwel nett, il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħha li jinsabu fl-Artikolu 1(6) kienu ssodisfatti minħabba r-riskji li jippreżentaw l-assenza ta’ parteċipazzjoni tagħha għas-sigurtà tas-sistema, it-tieni nett, li r-raġunijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ tali parteċipazzjoni fl-ittra tas‑17 ta’ Diċembru 2020 kienu żbaljati, it-tielet nett, li l-Bord tal-Appell għandu jkollu l-kompetenza sabiex jivverifika jekk il-kundizzjonijiet tal-imsemmija parteċipazzjoni humiex issodisfatti u, ir-raba’ nett, li d-digriet tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Swissgrid vs Il‑Kummissjoni (T‑127/21, mhux ippubblikat, EU:T:2022:868), li jiċħad ir-rikors għal annullament tagħha kontra l-ittra tas‑17 ta’ Diċembru 2020 bħala inammissibbli huwa irrilevanti. F’dan ir-rigward hija fakkret waqt is-seduta li dan id-digriet kien ġie annullat permezz tas-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2025, Swissgrid vs Il‑Kummissjoni (C‑121/23 P, EU:C:2025:83). |
|
22 |
L-ACER u l-Kummissjoni jqisu li l-Bord tal-Appell ma wettaqx l-allegat żball ta’ liġi. L-ACER tenfasizza, barra minn hekk, li l-argument tar-rikorrenti ppreżentat għall-ewwel darba fir-replika huwa inammissibbli. |
|
23 |
Preliminarjament, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-ACER ibbażata fuq in-natura inammissibbli tal-argument ippreżentat mir-rikorrenti fir-replika tagħha minħabba li dan jixbah il-preżentazzjoni tardiva ta’ motiv ġdid għandha tiġi miċħuda. |
|
24 |
Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, espliċitament jew impliċitament, fir-rikors u li għandu rabta stretta ma’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Sabiex jitqies li huwa estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew l-ilmenti inizjalment spjegati fir-rikors, rabta mill-qrib biżżejjed sabiex jista’ jitqies bħala li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2017, Petrov et vs Il‑Parlament, T‑452/15, EU:T:2017:822, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu fuq l-assenza ta’ deċiżjoni li tawtorizzaha tipparteċipa fil-pjattaforma aFRR. Għaldaqstant, billi sostniet, fir-replika tagħha, li l-Bord tal-Appell kellu jeżamina l-fondatezza tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħha jew, tal-inqas, jeżamina jekk il-kundizzjonijiet ta’ tali parteċipazzjoni kinux issodisfatti, ir-rikorrenti sempliċement żviluppat l-argument li jinsab fir-rikors tagħha. |
|
26 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament 2017/2195, intitolat “Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni” jipprevedi fil-paragrafu 6 tiegħu li “[l]-pjattaformi Ewropej għall-iskambju tal-prodotti standard għall-ibbilanċjar tal-enerġija jistgħu jinfetħu għat-TSOs li joperaw l-Iżvizzera diment li l-liġi nazzjonali tagħha tkun timplimenta d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq tal-elettriku u diment li jkun hemm ftehim intergovernattiv dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-elettriku bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera, jew jekk l-esklużjoni tal-Iżvizzera tista’ twassal għal flussi ta’ enerġija fiżika mhux skedati minn ġewwa l-Iżvizzera u b’hekk tipperikola s-sigurtà tas-sistema fir-Reġjun.” |
|
27 |
Skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, “[s]oġġett għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 6, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard għall-enerġija tal-ibbilanċjar għandha tiddeċidiha l-Kummissjoni abbażi ta’ opinjoni tal-[ACER] u t-TSOs kollha f’konformità mal-proċeduri stipulati fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 4[; i]d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tat-TSOs Żvizzeri għandhom ikunu konsistenti mad-drittijiet u mar-responsabbiltajiet tat-TSOs li joperaw fl-Unjoni, sabiex ikun hemm funzjonament mingħajr xkiel tas-suq tal-ibbilanċjar fil-livell tal-Unjoni u sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-partijiet konċernati kollha.” |
|
28 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, VR Bank Ravensburg-Weingarten,C‑536/22, EU:C:2024:234, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Għandu jiġi kkonstatat li minn interpretazzjoni kemm letterali kif ukoll kuntestwali tar-Regolament 2017/2195 jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2017/2195 jipprevedi ċ-ċirkustanzi li fihom tista’ sseħħ ammissjoni tat-TSOs Svizzeri għall-pjattaformi Ewropej għall-iskambju ta’ prodotti standard tal-ibbilanċjar u, fosthom, l-eventwalità li flussi fiżiċi ta’ elettriku mhux skedati jgħaddu mill-Isvizzera u jheddu s-sigurtà tas-sistema tar-reġjun, il-paragrafu 7 ta’ dan l-istess artikolu jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita bl-għan li tinkiseb tali ammissjoni. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195 hija ċara. Minn dan jiġi dedott li għalkemm l-ACER u t-TSOs tal-Unjoni huma mitluba jagħtu l-opinjoni tagħhom, hija l-Kummissjoni li għandha s-setgħa ta’ deċiżjoni u li, fl-eżerċizzju tagħha, hija ma tiħux biss inkunsiderazzjoni l-effetti fuq is-sigurtà tas-sistema, iżda tivverifika wkoll li d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tat-TSOs Svizzeri huma koerenti ma’ dawk tat-TSOs tal-Unjoni. |
|
31 |
Minn dan jirriżulta, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell ġustament qies li, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, ir-rikorrenti ma kellhiex id-dritt li tipparteċipa fil-pjattaforma aFRR, peress li huwa stabbilit, minn naħa, li l-imsemmija pjattaforma taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjattaforma Ewropea għall-iskambju ta’ prodotti standard tal-ibbilanċjar” użat fl-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195 u, min-naħa l-oħra, li ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan is-sens ma ġiet adottata. |
|
32 |
Fit-tieni lok u konsegwentement, peress li mill-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195 jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tadotta deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaformi u f’dan il-kuntest, li teżamina jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(6) tal-imsemmi regolament humiex issodisfatti, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma eżaminax jekk l-imsemmija kundizzjonijiet kinux issodisfatti jew jekk il-Kummissjoni kellhiex tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 1(7) ta’ dan ir-regolament. |
|
33 |
Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li huma irrilevanti l-kritika tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tas‑17 ta’ Diċembru 2020 fir-rigward tal-effetti fuq is-sigurtà tas-sistema li timplika l-assenza ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma aFRR, kif ukoll ir-riferiment għas-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2025, Swissgrid vs Il‑Kummissjoni (C‑121/23 P, EU:C:2025:83), li tannulla d-digriet tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Swissgrid vs Il‑Kummissjoni (T‑127/21, mhux ippubblikat, EU:T:2022:868), li kien iddikjara inammissibbli r-rikors għal annullament li hija kienet ippreżentat kontra l-imsemmija ittra. |
|
34 |
Fil-fatt, fl-eventwalità stess li l-Qorti Ġenerali jkollha, wara t-tkomplija tal-proċedura fil-Kawża T‑127/21, tannulla l-eventwali deċiżjoni ta’ rifjut li tinsab fl-ittra tas‑17 ta’ Diċembru 2020, tali annullament ma jipproduċix effetti ekwivalenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza lill-Isvizzera tipparteċipa fil-pjattaforma aFRR skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, l-effetti tal-annullament ikunu limitati għal eliminazzjoni retroattiva tal-imsemmija deċiżjoni mill-ordinament ġuridiku. Il-partijiet b’hekk isibu ruħhom fis-sitwazzjoni fejn huma kienu qabel is‑17 ta’ Diċembru 2020, sitwazzjoni kkaratterizzata minn assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195. |
|
35 |
Fit-tielet lok, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għan-neċessità għall-ACER u għall-Bord tal-Appell li jkunu f’pożizzjoni li jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma aFRR kinux issodisfatti, sabiex jiġi evitat li teżisti “lakuna serja fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni”, lanqas ma jista’ jintlaqa’. |
|
36 |
Permezz ta’ tali argument, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li teżisti lakuna fl-istħarriġ ġudizzjarju tal-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195, li tmur kontra l-Unjoni tad-dritt, li fiha l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom, b’mod partikolari, mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt (sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23, ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑336/09 P, EU:C:2012:386, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
F’dan ir-rigward, sa fejn hija l-Kummissjoni li għandha tieħu d-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, huwa possibbli għar-rikorrenti, fl-eventwalità li hija tqis li l-Kummissjoni tirrifjuta, b’mod żbaljat, li tadotta tali deċiżjoni li tagħmel użu mir-rimedju legali previst fl-Artikolu 265 TFUE, li jirrigwarda n-nuqqas li tittieħed azzjoni minħabba n-nuqqas li tittieħed deċiżjoni jew li tittieħed pożizzjoni (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1971, Deutscher Komponistenverband vs Il‑Kummissjoni, 8/71, EU:C:1971:82, punt 2, ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑196/12, EU:C:2013:753, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 għaċ-ċirkustanzi tal-każ
|
39 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 billi qies li d-Deċiżjoni Nru 15/2022 ma kinitx tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Fil-kuntest tal-ewwel parti, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni ż-żieda permezz tad-Deċiżjoni Nru 15/2022 ta’ kundizzjoni addizzjonali għall-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma aFRR meta mqabbla mal-qafas ta’ implimentazzjoni kif kien jirriżulta mid-Deċiżjoni Nru 03/2020, peress li ma jkunx iktar suffiċjenti li hija tikseb deċiżjoni li tawtorizzaha tipparteċipa skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, iżda li jeħtieġ ukoll li din tkun suġġetta għad-dritt tal-Unjoni. Permezz tat-tieni parti tagħha, hija tqis li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-effetti tad-Deċiżjoni Nru 15/2022 fuq il-kuntratti li hija parti għalihom. |
|
40 |
L-ACER, sostnuta mill-Kummissjoni, tqis li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942. L-ACER issostni wkoll li t-tieni parti tal-motiv hija inammissibbli. |
|
41 |
Fil-punti 62 sa 67 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-Deċiżjoni Nru 15/2022 ma kinitx tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha minħabba, l-ewwel nett, li l-imsemmija sitwazzjoni legali ma kinitx irregolata mid-Deċiżjoni Nru 15/2022, iżda mir-Regolament 2017/2195, it-tieni nett, li, sa fejn ir-rikorrenti ma kellhiex dritt tipparteċipa fil-pjattaforma aFRR skont id-Deċiżjoni Nru 03/2020, ma setax jitqies li d-Deċiżjoni Nru 15/2022 kienet taffettwaha direttament u individwalment u, it-tielet nett, li l-parteċipazzjoni fil-passat tar-rikorrenti fi proġetti ta’ pjattaforma jew fil-kuntratti relatati kienet irrilevanti. |
|
42 |
L-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942 intitolat “Deċiżjonijiet soġġetti għal appell”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji, tista’ tappella kontra deċiżjoni msemmija [fl-Artikolu 2(d)] li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna”. |
|
43 |
Peress li din id-dispożizzjoni hija ispirata minn dik dwar ir-rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod iktar partikolari, fuq l-ewwel parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata ma’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li meta r-rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, dan ikun disponibbli biss jekk l-effetti legali vinkolanti tal-att ikkontestat ikunu ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu. Min-naħa l-oħra, fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ rikors għal annullament kontra att li tiegħu huwa ma huwiex id-destinatarju, dan ir-rekwiżit jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar il-fatt li r-rikorrent ikun affettwat direttament u individwalment mill-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 37 u 38). |
|
45 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-interess dirett, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att li jkun is-suġġett tar-rikors teħtieġ li dan l-att jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplimentawh, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Fir-rigward tal-interess individwali, skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex id-destinatarju ta’ att tista’ tippretendi li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk tkun ippreġudikata mill-att inkwistjoni, minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tal-att (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, ara wkoll is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġu eżaminati żewġ partijiet tal-motiv. |
Fuq l-ewwel parti tal-motiv
|
48 |
Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni Nru 15/2022 żiedet kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tagħha, minbarra dik marbuta mal-kisba ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195. Essenzjalment, hija ssostni li, anki fil-każ li hija tikseb deċiżjoni mil-Kummissjoni li tawtorizza l-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma aFRR skont l-imsemmi Artikolu 1(7), hija ma tissodisfax id-definizzjoni ta’ “TSO Membru” li tinsab fil-qafas ta’ implimentazzjoni wara l-emenda tagħha bid-Deċiżjoni Nru 15/2022. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li tali argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-qafas ta’ implimentazzjoni, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 15/2022. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “TSO li għalih japplika r-Regolament 2017/2195” li issa jinsab fid-definizzjoni ta’ “TSO Membru” (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) jista’ jiġi interpretat biss bħala li jinkludi lir-rikorrenti, fil-każ li hija tkun kisbet deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma aFRR skont l-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195. |
|
50 |
Fil-fatt, sa fejn id-Deċiżjoni Nru 15/2022 ġiet adottata abbażi tar-Regolament 2017/2195, id-dispożizzjonijiet tal-qafas ta’ implimentazzjoni, kif emendat b’din id-deċiżjoni, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jkollhomx sens ċar u nieqes minn ambigwità u li għalhekk ma tkun teħtieġ ebda interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, Daimler vs Il‑Kummissjoni, T‑359/19, EU:T:2021:568, punt 92). |
|
51 |
Issa, peress li r-Regolament 2017/2195 jipprevedi espliċitament il-parteċipazzjoni tat-TSOs Svizzeri fil-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 1(6) u (7) tiegħu, minn dan jirriżulta neċessarjament li l-kunċett ta’ “TSO li għalih japplika r-Regolament [2017/2195]” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(q) tal-qafas ta’ implimentazzjoni għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi TSO Svizzeru li l-parteċipazzjoni tiegħu ġiet aċċettata skont dan ir-regolament. |
|
52 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it-tieni parti tal-motiv
|
53 |
Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tinvoka l-effetti tal-emenda tal-formulazzjoni tal-kuntest ta’ implimentazzjoni fuq il-ftehim ta’ kooperazzjoni Picasso sabiex issostni li d-Deċiżjoni Nru 15/2022 biddlet b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. |
– Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni parti, ikkontestata mill-ACER
|
54 |
L-ACER tqis li din il-parti tal-motiv hija inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti ma pprovdietx il-kopja tal-ftehim ta’ kooperazzjoni Picasso fl-anness tar-rikors tagħha u tirreferi b’mod vag u ġenerali għall-kontenut tiegħu. |
|
55 |
Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża, it-talbiet u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan jibbaża ruħu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, EU:T:1993:39, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta jiġi invokat ilment insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, T‑538/11, EU:T:2015:188, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tas‑27 ta’ Novembru 2020, PL vs Il‑Kummissjoni, T‑728/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:575, punt 64). |
|
56 |
Ir-rikorrenti, l-ewwel nett, issostni li għandha dritt kuntrattwali li tipparteċipa fil-pjattaforma aFRR bis-saħħa tal-ftehim ta’ kooperazzjoni Picasso. It-tieni nett, hija tqis li l-qafas ta’ implimentazzjoni, kif jinsab fl-anness tad-Deċiżjoni Nru 15/2022, iwassal sabiex iċaħħadha minn dan id-dritt kuntrattwali. It-tielet nett, minn applikazzjoni b’analoġija tal-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Alrosa vs Il‑Kummissjoni (T‑170/06, EU:T:2007:220, punt 39), u tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni (T‑873/16, EU:T:2018:904, punti 22 sa 27), hija tiddeduċi li d-Deċiżjoni Nru 15/2022 biddlet b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. |
|
57 |
Tali argument huwa kompletament konformi mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
58 |
Dak li l-ACER tikkontesta pjuttost jirrigwarda l-assenza ta’ prova mir-rikorrenti tal-premessa fattwali li fuqha huwa bbażat dan l-argument, jiġifieri l-eżistenza ta’ dritt kuntrattwali li tipparteċipa fil-pjattaforma aFRR bis-saħħa tal-ftehim ta’ kooperazzjoni Picasso, sa fejn hija ma pprovdietx f’anness mar-rikors tagħha kopja ta’ dan il-ftehim. |
|
59 |
Huwa minnu li r-rikorrenti ma pproduċietx kopja tal-ftehim ta’ kooperazzjoni Picasso annessa mar-rikors tagħha. Fir-replika tagħha, hija ġġustifikat din l-assenza bil-kumplessità u bit-tul ta’ dan id-dokument u bin-natura inutli ta’ tali produzzjoni, iżda pproduċiet prova f’dan is-sens. Wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti kkomunikat lill-Qorti Ġenerali kopja tal-ftehim ta’ kooperazzjoni Picasso kif ukoll tal-ftehim prinċipali. |
|
60 |
Skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-“provi għandhom jiġu prodotti jew proposti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti” u, skont il-paragrafu 2 il-“partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.” |
|
61 |
Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ġġustifikat, fis-sens tal-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura, id-dewmien fl-offerta ta’ prova tagħha, billi enfasizzat, essenzjalment, li hija kienet tqis li ma kienx neċessarju li turi l-eżistenza fil-konfront tagħha ta’ dritt kuntrattwali li tipparteċipa fil-pjattaforma aFRR. |
|
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa mill-att ta’ appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti sostniet li d-Deċiżjoni Nru 15/2022 kienet taffettwa d-drittijiet kuntrattwali tagħha, kif ġabar fil-qosor il-Bord tal-Appell fil-punt 48 tad-Deċiżjoni kkontestata. Issa, l-imsemmija kummissjoni ċaħdet dan l-argument bħala irrilevanti pjuttost milli minħabba l-assenza ta’ prova mir-rikorrenti tad-drittijiet li hija invokat, billi enfasizzat fil-punt 64 tad-Deċiżjoni kkontestata li l-parteċipazzjoni fil-passat għal proġetti ta’ pjattaforma jew għal arranġamenti kuntrattwali ma setgħetx tiġi invokata b’mod li jikkontesta d-dispożizzjonijiet partikolari li jinsabu fir-Regolament 2017/2195. Għaldaqstant, ir-rikorrenti setgħet leġittimament tqis li ma kellhiex turi l-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet kuntrattwali li l-materjalità tagħhom ma kinitx ġiet ikkontestata mill-Bord tal-Appell. |
|
63 |
L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-ACER għandha għalhekk tiġi miċħuda. |
– Fuq l-eżami tal-mertu tat-tieni parti
|
64 |
Fir-rigward tal-eżami tal-mertu ta’ din il-parti tal-motiv, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti hija firmatarja kemm tal-ftehim prinċipali kif ukoll tal-ftehim ta’ kooperazzjoni Picasso. |
|
65 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kuntratti li r-rikorrenti hija parti fihom għandhom l-għan li jirregolaw il-funzjonament tal-pjattaforma aFRR b’estensjoni tar-Regolament 2017/2195 u tal-qafas ta’ implimentazzjoni. Għalhekk, mill-qari tal-preambolu tal-ftehim prinċipali, komuni għall-pjattaformi kollha previsti mir-Regolament 2017/2195, jirriżulta li dan huwa intiż li jiddetermina l-qafas tal-obbligi reċiproċi tal-partijiet dwar l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-operat tal-imsemmija pjattaformi u konformement mal-oqfsa ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-regolament. Bl-istess mod, mill-preambolu tal-ftehim ta’ kooperazzjoni Picasso jirriżulta li dan ġie adottat b’estensjoni tar-Regolament 2017/2195, tal-qafas ta’ implimentazzjoni u tal-ftehim prinċipali. |
|
66 |
Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-emenda tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “TSO Membru” wasslet sabiex iċċaħħad lir-rikorrenti mill-eżerċizzju tad-drittijiet kuntrattwali tagħha u, għaldaqstant, ipproduċiet direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq. |
|
67 |
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-għan tal-pjattaforma aFRR jikkonsisti fl-iskambju ta’ prodotti standard tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika. |
|
68 |
It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, anki qabel id-Deċiżjoni Nru 15/2022, ir-rikorrenti ma kellhiex dritt kuntrattwali inkundizzjonat li tuża l-pjattaforma aFRR għal tali finijiet. |
|
69 |
Fil-fatt, huwa stabbilit bejn il-partijiet, minn naħa, li din il-possibbiltà ma hijiex offruta lit-“TSOs membri” kollha, iżda biss lil dawk li jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ “TSO parteċipant” u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratti li għalihom ir-rikorrenti hija parti jikkundizzjonaw il-possibbiltà għar-rikorrenti li tipparteċipa fil-pjattaforma aFRR għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 1 tar-Regolament 2017/2195, kif juri, b’mod partikolari, il-punt 8.3 tal-ftehim prinċipali. |
|
70 |
It-tielet nett, sa fejn, qabel id-Deċiżjoni Nru 15/2022, ir-rikorrenti, abbażi tal-kuntratti inkwistjoni, u dan indipendentement mill-klassifikazzjoni eventwali tagħha bħala “TSO membru”, ma kellhiex id-dritt kuntrattwali li tuża l-pjattaforma aFRR għal skambju ta’ prodotti standard tal-enerġija tal-ibbilanċjar fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan is-sens, ma jistax jitqies li d-Deċiżjoni Nru 15/2022 ċaħditha minn tali dritt u għaldaqstant ipproduċiet direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq. |
|
71 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta ċaħad l-appell bħala inammissibbli minħabba li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 ma kinux issodisfatti. |
|
72 |
Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet motiv, ippreżentat sussidjarjament u bbażat, essenzjalment, fuq l-illegalità tar-Regolament 2017/2195
|
73 |
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE kontra r-Regolament 2017/2195 fil-każ li l-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaformi tal-ibbilanċjar, minkejja li tali esklużjoni tipperikola s-sigurtà tal-operat tas-sistema. |
|
74 |
L-ACER tqis li dan il-motiv huwa inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti ma ppreżentatx rikors għal annullament kontra r-Regolament 2017/2195 u ma turix li kien jeżisti dubju dwar l-ammissibbiltà ta’ tali rikors. |
|
75 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifika li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52). |
|
76 |
L-eċċezzjoni ta’ illegalità hija kkostitwita minn ħames partijiet ibbażati, rispettivament, essenzjalment, l-ewwel nett, fuq ksur mill-Kummissjoni tal-portata tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 3(h) u (i) u tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54), it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 218(6) TFUE, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera tat‑22 ta’ Lulju 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 104, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ kummerċ liberu”) u, il-ħames nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ prevenzjoni li jirriżulta mid-dritt internazzjonali konswetudinarju. |
|
77 |
L-ACER, sostnuta mill-Kummissjoni, tqis li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda. |
Fuq l-ewwel parti tal-motiv
|
78 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza sabiex tirregola l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaforma aFRR fir-Regolament 2017/2195. Minn naħa, hija ssostni li l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaforma aFRR tixbah qasam essenzjali li ma jistax ikun is-suġġett ta’ att ta’ implimentazzjoni. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, billi adottat regoli dwar din il-kwistjoni, marret lil hinn mill-portata tas-setgħa mogħtija lilha billi rregolat qasam li fir-rigward tiegħu r-Regolament 2019/943 huwa sieket u billi rrikonoxxiet lilha nnifisha setgħa diskrezzjonali llimitata sabiex tiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-pjattaformi tal-ibbilanċjar. |
|
79 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2017/2195 għandu bħala bażi legali l-Artikolu 18(3)(b) u (d), u (5) tar-Regolament Nru 714/2009. Sa fejn mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(5) ta’ dan l-aħħar regolament jirriżulta li, fir-rigward tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, il-Kummissjoni tista’ tadotta biss linji gwida, is-setgħat tagħha, fid-dawl tad-distinzjoni magħmula mit-Trattat FUE fl-Artikoli 290 u 291 tiegħu bejn “att delegat” u “att ta’ implimentazzjoni”, jaqgħu taħt din it-tieni kategorija. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mir-Regolament 2019/943, li wettaq riformulazzjoni tar-Regolament Nru 714/2009 li d-dispożizzjoni korrispondenti tiegħu, jiġifieri l-Artikolu 61(4) sa (6), tirreferi espliċitament għall-adozzjoni ta’ “atti ta’ implimentazzjoni”. |
|
80 |
Skont l-Artikolu 291(2) TFUE meta jkun hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni li huma legalment vinkolanti, dawn l-atti jagħtu kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi debitament iġġustifikati u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 TUE, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. |
|
81 |
Meta setgħa ta’ implimentazzjoni tingħata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE, hija għandha l-obbligu li tippreċiża l-kontenut tal-att leġiżlattiv, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 43). |
|
82 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, adozzjoni tar-regoli essenzjali tal-qasam previst hija rriżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni u dawn ir-regoli essenzjali tal-qasam ikkonċernat għandhom jiddaħħlu fil-leġiżlazzjoni bażika. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika, li għall-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu fir-responsabbiltajiet proprji tal-leġiżlatur tal-Unjoni, ma jkunux is-suġġett ta’ delega u lanqas jidhru f’atti ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 64 sa 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
Il-kwistjoni dwar liema huma l-elementi ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju u teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-partikolaritajiet tal-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 67 u 68). |
|
84 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tippreċiża l-att leġiżlattiv jekk id-dispożizzjonijiet tal-att ta’ implimentazzjoni li hija tadotta, minn naħa, jirrispettaw l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv u, min-naħa l-oħra, huma neċessarji jew utli għall-implimentazzjoni tiegħu mingħajr ma jikkompletawh jew jemendawh, anki fl-elementi mhux essenzjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑65/13, EU:C:2014:2289, punti 45 u 46). |
|
85 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ. |
|
86 |
Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 714/2009 u mill-premessa 2 tar-Regolament 2019/943, dawn għandhom bħala għan il-ħolqien ta’ suq intern tal-elettriku, abbażi ta’ regoli ekwi għall-kummerċ transkonfinali tal-elettriku sabiex tittejjeb il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku. Ir-Regolament 2017/2195 jaqa’ fil-perspettiva tat-twettiq ta’ dan l-għan, kif jixhdu l-premessi 1 u 10 tiegħu, li minnhom jirriżulta li l-imsemmi regolament jirrigwarda l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-ibbilanċjar, li għandha tiġi ffaċilitata bl-istabbiliment ta’ pjattaformi Ewropej komuni fid-dawl tal-ħolqien ta’ suq intern tal-enerġija kompletament funzjonali u interkonness. |
|
87 |
Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tenfasizza, il-Konfederazzjoni Svizzera, minħabba r-rifjut tagħha tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), ma qablitx mal-proġett ta’ totalità ekonomika integrata ma’ suq uniku, ibbażat fuq regoli komuni bejn il-membri tagħha, iżda ppreferiet it-triq ta’ arranġamenti bilaterali mal-Unjoni u mal-Istati Membri tagħha, f’oqsma speċifiċi. Għaldaqstant, il-Konfederazzjoni Svizzera ma aderixxietx mas-suq intern tal-Unjoni (sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2009, Grimme,C‑351/08, EU:C:2009:697, punt 27, u tas‑7 ta’ Marzu 2013, L‑Isvizzera vs Il‑Kummissjoni, C‑547/10 P, EU:C:2013:139, punti 78 u 79). |
|
88 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-esklużjoni tat-TSOs li jeżerċitaw fl-Isvizzera mill-parteċipazzjoni fil-pjattaformi previsti fir-Regolament 2017/2195, bla ħsara għal arranġament bilaterali alternattiv li jibqa’ dejjem possibbli, hija kompletament iġġustifikata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 714/2009 u, b’mod partikolari, ta’ dak tal-ħolqien ta’ suq intern. |
|
89 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel waħda miż-żewġ ipoteżijiet enfasizzati mill-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2017/2195 tirrigwarda preċiżament l-ipoteżi tal-adozzjoni ta’ arranġament bilaterali mal-Konfederazzjoni Svizzera, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 87 iktar ’il fuq, peress li tirrigwarda l-possibbiltà li “l-liġi nazzjonali [tal-Isvizzera] tkun timplimenta d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq tal-elettriku u diment li jkun hemm ftehim intergovernattiv dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-elettriku bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera”. |
|
90 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-tieni ipoteżi enfasizzata mill-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2017/2195 tirrigwarda l-eventwalità “jekk l-esklużjoni tal-Iżvizzera tista’ twassal għal flussi ta’ enerġija fiżika mhux skedati minn ġewwa l-Iżvizzera u b’hekk tipperikola s-sigurtà tas-sistema fir-Reġjun”. Għandu jiġi kkonstatat li, billi ppermettiet, bħala eċċezzjoni, il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni unilaterali tal-Isvizzera fil-pjattaformi għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà tas-sistema, il-Kummissjoni llimitat ruħha għall-adozzjoni ta’ regola “neċessarja jew utli” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, peress li kkonċiljat l-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-Isvizzera fis-suq intern mar-rekwiżit li tiġi żgurata s-sigurtà u l-affidabbiltà tas-sistema, li kien jidher b’mod trasversali fir-Regolament Nru 714/2009 u li jinsab ukoll fir-Regolament 2019/943. |
|
91 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni tad-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195, għandu jiġi rrilevat li din ma hijiex inkompatibbli man-natura ta’ att ta’ implimentazzjoni tar-Regolament 2017/2195. Fil-fatt, din is-setgħa diskrezzjonali hija inerenti għall-eżami tal-kwistjonijiet dwar jekk l-esklużjoni tal-Isvizzera tistax twassal sabiex jgħaddu flussi fiżiċi ta’ elettriku mhux skedati, jekk dawn jistgħux jheddu s-sigurtà tas-sistema tar-reġjun u jekk id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tat-TSOs Svizzeri humiex koerenti ma’ dawk tat-TSOs li jeżerċitaw fl-Unjoni. Ma hijiex simili għall-eżerċizzju ta’ għażla politika fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq. |
|
92 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx il-limiti tal-kompetenza ta’ implimentazzjoni tagħha meta adottat ir-Regolament 2017/2195. |
|
93 |
Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tal-motiv tiġi miċħuda. |
Fuq it-tieni parti tal-motiv
|
94 |
Ir-rikorrenti tallega li r-Regolament 2017/2195, sa fejn jeskludiha mill-pjattaforma aFRR, imur kontra l-Artikolu 3(h) u (i) tar-Regolament 2019/943 kif ukoll l-Artikolu 6(3) tal-istess regolament. |
|
95 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/943, dan huwa intitolat “Prinċipji dwar it-tħaddim tas-swieq tal-elettriku” u jaqa’ taħt il-Kapitolu II dwar ir-“regoli ġenerali għas-suq tal-elettriku”. Skont din id-dispożizzjoni: “L-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-operaturi tas-suq u l-operaturi delegati għandhom jiżguraw li s-swieq tal-elettriku jitħaddmu skont il-prinċipji li ġejjin: […]
[…]” |
|
96 |
Għandu jiġi kkonstatat li ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-TSOs li jistgħu jipparteċipaw fil-pjattaforma aFRR li tinsab fl-Artikolu 1 tar-Regolament 2017/2195 u dawn l-għanijiet. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni fl-imsemmija pjattaforma ma tikkostitwixxix l-uniku mezz sabiex jintlaħaq l-għan spjegat fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament 2019/943. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat‑2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (ĠU 2017, L 220, p. 1) jipprevedi espliċitament li, “[m]eta żona sinkronika tkun tkopri kemm TSOs tal-Unjoni kif ukoll TSOs ta’ pajjiżi terzi, fi żmien 18‑il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, it-TSOs kollha tal-Unjoni f’dik iż-żona sinkronika għandhom ifittxu li jikkonkludu ftehim mat-TSOs tal-pajjiżi terzi li mhumiex marbutin b’dan ir-Regolament li jistabbilixxi l-bażi għall-kooperazzjoni tagħhom rigward it-tħaddim sigur tas-sistema u li jistabbilixxi l-arranġamenti sabiex dawk it-TSOs ta’ pajjiżi terzi jkunu konformi mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament”. |
|
97 |
Bl-istess mod, għalkemm l-għan ta’ kooperazzjoni reġjonali li jinsab fl-Artikolu 3(i) tar-Regolament 2019/943 jista’ jiġi interpretat bħala li jinkludi l-kooperazzjoni mat-TSOs ta’ pajjiżi terzi, kif tenfasizza, b’mod partikolari, il-premessa 70 tar-Regolament 2019/943 fir-rigward tal-operat sigur tas-sistema, din il-kooperazzjoni mhux neċessarjament issir permezz ta’ aċċess għall-pjattaformi previsti mir-Regolament 2017/2195, iżda tista’ tieħu l-forma ta’ ftehimiet bejn it-TSOs tal-Unjoni u t-TSOs tal-pajjiżi terzi kkonċernati, kif jixhed l-Artikolu 13 tar-Regolament 2017/1485 iċċitat fil-punt 96 iktar ’il fuq. |
|
98 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament 2019/943, dan jippreċiża li “[s]-swieq tal-ibbilanċjar għandhom jiżguraw is-sigurtà operazzjonali filwaqt li jippermettu l-użu massimu u l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapaċità transżonali fil-limiti kollha ta’ żmien”. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dan l-għan għandu jiġi rrikonċiljat mal-istabbiliment ta’ “regoli ġusti stabbiliti għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku, u b’hekk titkabbar il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku” li jinsab fl-Artikolu 1(c) ta’ dan l-istess regolament u l-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-Isvizzera fis-suq intern. Għal raġunijiet analogi għal dawk diġà esposti fil-punti 90 u 91 iktar ’il fuq, tali konċiljazzjoni titwettaq preċiżament mill-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195, sa fejn dan jipprevedi l-possibbiltà ta’ aċċess tar-rikorrenti għall-pjattaforma aFRR, għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà tas-sistema filwaqt li jiġi żgurat kontroll tal-konsistenza tad-drittijiet u tar-responsabbiltajiet tat-TSOs li joperaw fl-Unjoni u fl-Isvizzera. |
|
99 |
Għaldaqstant, anki t-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it-tielet parti tal-motiv
|
100 |
Skont ir-rikorrenti, jekk l-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195 kellu jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-Kummissjoni tirrifjuta l-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaformi tal-ibbilanċjar fl-eventwalità stess li jiġi konkluż ftehim bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Unjoni, id-deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-ftehim adottat skont l-Artikolu 218(6) TFUE tista’ titlef l-effett tagħha. |
|
101 |
Għalhekk, dan il-motiv huwa bbażat fuq il-premessa li, fl-eventwalità li jiġi konkluż ftehim bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Unjoni, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li teskludi li dan il-ftehim jipproduċi l-effetti tiegħu billi ma tadottax id-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 1(7) tar-Regolament 2017/2195. |
|
102 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali premessa hija żbaljata. |
|
103 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta b’dawn il-ftehimiet u, konsegwentement, dawn jipprevalu fuq l-atti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
104 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali għandha effett dirett meta, fid-dawl tal-kliem tagħha kif ukoll tal-għan u tan-natura tal-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u preċiż li ma huwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ ebda att ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 1987, Demirel,12/86, EU:C:1987:400, punt 14, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Gazprom Neft vs Il‑Kunsill, T‑735/14 u T‑799/14, EU:T:2018:548, punt 150). |
|
105 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta teżisti leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt sekondarju teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
106 |
Minn dan jirriżulta li, fl-eventwalità stess li d-dispożizzjoni tal-ftehim internazzjonali li tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-imsemmi ftehim. |
|
107 |
Għaldaqstant, it-tielet parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq ir-raba’ parti tal-motiv
|
108 |
Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament 2017/2195 jikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni ta’ enerġija elettrika li tmur kontra l-Artikolu 13(1) tal-Ftehim ta’ kummerċ liberu, applikabbli għall-enerġija elettrika. Hija ssostni li l-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 13(1) jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati tal-Unjoni huma ssodisfatti. Għaldaqstant, sa fejn ir-Regolament 2017/2195 iwassal sabiex jipprekludi lir-rikorrenti milli tissottometti offerti permezz tal-pjattaforma aFRR, filwaqt li dan ir-regolament jipprevedi li l-enerġija tal-ibbilanċjar fl-Unjoni tista’ tiġi skambjata biss permezz tal-pjattaformi tal-ibbilanċjar, dan imur kontra l-Artikolu 13(1) tal-Ftehim ta’ kummerċ liberu. Barra minn hekk, ebda ġustifikazzjoni abbażi tas-sigurtà pubblika skont l-Artikolu 20 tal-imsemmi ftehim ma hija applikabbli. |
|
109 |
Skont l-Artikolu 13(1) tal-Ftehim ta’ kummerċ liberu, “ebda restrizzjoni kwantitattiva ġdida fuq l-importazzjoni u lanqas miżura li għandha effett ekwivalenti ma għandhom jiġu introdotti fil-kummerċ bejn il-Komunità u l-Isvizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
110 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-legalità tar-Regolament 2017/2195 tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ kummerċ liberu. |
|
111 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tat-Trattat dwar is-suq intern, fosthom l-Artikolu 28 TFUE, ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “restrizzjoni kwantitattiva” u ta’ “miżuri li għandhom effett ekwivalenti” li jinsabu fl-Artikolu 13(1) tal-Ftehim ta’ kummerċ liberu, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espressi għal dan l-għan previsti mill-ftehim innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 1982, Polydor u RSO Records, 270/80, EU:C:1982:43, punti 14 sa 16; tat‑12 ta’ Novembru 2009, Grimme,C‑351/08, EU:C:2009:697, punt 29; u tal‑24 ta’ Settembru 2013, Demirkan,C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 44). Madankollu, l-ebda stipulazzjoni f’dan is-sens ma tidher fil-Ftehim ta’ kummerċ liberu. |
|
112 |
Sussegwentement, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 86 u 87 iktar ’il fuq, mill-qari flimkien tal-premessi 1 u 10 tar-Regolament 2017/2195 jirriżulta li l-ħolqien ta’ pjattaformi komuni jaqa’ fil-perspettiva tal-implimentazzjoni tas-suq intern tal-elettriku, jiġifieri ta’ totalità ekonomika integrata ibbażata fuq l-osservanza ta’ regoli komuni li għalihom il-Konfederazzjoni Svizzera ma aderixxietx, peress li ppreferiet it-triq ta’ arranġamenti bilaterali mal-Unjoni u mal-Istati Membri tagħha, f’oqsma speċifiċi. |
|
113 |
Fl-aħħar nett, kif issostni l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-għan u l-iskop tal-Ftehim ta’ kummerċ liberu, kif stabbiliti fl-Artikolu 1 tiegħu, huma li “jippromwovu, permezz tal-espansjoni tal-kummerċ reċiproku, l-iżvilupp armonjuż tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’kuntrast ma’ dan, il-Ftehim ta’ kummerċ liberu ma għandux bħala għan il-ħolqien ta’ spazju ekonomiku b’ambjent regolatorju omoġenju. |
|
114 |
Minn dan isegwi li l-esklużjoni tar-rikorrenti mill-parteċipazzjoni fil-pjattaforma aFRR ma tistax titqies bħala restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni tal-enerġija tal-ibbilanċjar, jew bħala miżura li għandha effett ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ kummerċ liberu. |
|
115 |
Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma hijiex suġġetta għall-osservanza tal-istess regoli komuni bħat-TSOs tal-Unjoni u ma tistax, għaldaqstant, titqies li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tat-TSOs tal-Unjoni meta mqabbla mal-għan tal-ħolqien ta’ suq intern tal-elettriku. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni arbitrarja fir-rigward tagħha. |
|
116 |
Għaldaqstant, ir-raba’ parti għandha tiġi miċħuda. |
Fuq il-ħames parti tal-motiv
|
117 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, fil-każ li r-Regolament 2017/2195 kellu jiġi interpretat bħala li jeskludi l-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma aFRR, dan ir-regolament imur manifestament kontra l-prinċipju ta’ prevenzjoni li jirriżulta mid-dritt internazzjonali konswetudinarju, li l-Unjoni hija obbligata tosserva skont l-Artikolu 3(5) TUE. Hija tenfasizza li din ir-regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju timplika li t-territorju tagħha ma jintużax għall-finijiet ta’ atti li jmorru kontra d-drittijiet ta’ Stati oħra. F’dan il-każ, il-Kummissjoni manifestament kisret l-obbligu tagħha li turi d-diliġenza meħtieġa sabiex tipprevjeni l-okkorrenza ta’ danni sinjifikattivi fit-territorju Svizzeru minħabba diversi flussi fiżiċi ta’ elettriku mhux skedati permezz tal-Isvizzera li jistgħu jinħolqu minn pjattaforma aFRR li tiffunzjona mingħajr il-parteċipazzjoni tagħha u minħabba l-effetti ta’ konġestjoni u l-konsegwenzi negattivi tagħhom li jirriżultaw minn dan. |
|
118 |
Hemm lok li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta tal-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. Konsegwentement, meta hija tadotta att, hija marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
119 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li, mis-sentenza tagħha L-Istrett ta’ Korfu ((Ir‑Renju Unit vs L‑Albanija), tad‑9 ta’ April 1949, Ġabra 1949, p. 22), il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) enfasizzat, abbażi ta’ ċerti prinċipji ġenerali li huma rrikonoxxuti sew, l-“obbligu, għal kull Stat, li ma jħallix l-użu tat-territorju tiegħu għall-finijiet ta’ atti li jmorru kontra d-drittijiet ta’ Stati oħra”. L-eżistenza ta’ din ir-regola konswetudinarja ġiet imfakkra mill-QIĠ, b’mod partikolari, fis-sentenza tagħha Fabbriki tal-polpa tal-karta fuq ix-xmara tal-Urugwaj ((L‑Arġentina vs L‑Urugwaj) tal‑20 ta’ April 2010, Ġabra 2010, p. 45 u 46, punt 101), li minnha jirriżulta, essenzjalment, li suġġett tad-dritt internazzjonali huwa suġġett għal obbligu ta’ diliġenza meħtieġ fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu. |
|
120 |
It-tieni nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jkun jista’ jiġi invokat minn parti fil-kawża għall-finijiet tal-eżami mill-qorti tal-Unjoni tal-validità ta’ att tal-Unjoni, huwa neċessarju li, minn naħa, dan ikun jista’ jikkontesta l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta l-imsemmi att u, min-naħa l-oħra, l-att inkwistjoni jkun jista’ jaffettwa drittijiet li l-parti fil-kawża tislet mid-dritt tal-Unjoni jew joħloq fir-rigward tagħha obbligi fir-rigward ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
121 |
F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti fir-rigward tar-rikorrenti. |
|
122 |
Minn naħa, huwa stabbilit li l-Isvizzera tagħmel parti miż-żona sinkronika tal-Ewropa kontinentali u hija, de facto, ġeografikament imdawra minn Stati Membri tal-Unjoni. Minn din il-perspettiva, jista’ jitqies li l-prinċipju ta’ prevenzjoni jista’ jikkontesta l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta leġiżlazzjoni li jista’ jkollha effett fuq l-imsemmija żona sinkronika kollha, inkluża l-Isvizzera. |
|
123 |
Min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrenti hija l-operatur uniku tas-sistema tal-elettriku Svizzeru, fl-eventwalità li l-assenza ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma aFRR ikollha l-konsegwenza li hija jkollha tieħu l-miżuri involuti fi flussi fiżiċi ta’ elettriku mhux skedati, jista’ jitqies li r-Regolament 2017/2195 joħloq obbligi fir-rigward tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq. |
|
124 |
It-tielet nett, peress li prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma għandux l-istess grad ta’ preċiżjoni li jkollha dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jasal biss sal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
125 |
Din it-tielet kundizzjoni, b’kuntrast ma’ dan, ma tistax titqies li hija ssodisfatta. |
|
126 |
Minn naħa, kif diġà ġie espost fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq, id-dritt tal-Unjoni, permezz tal-Artikolu 13 tar-Regolament 2017/1485, jipprevedi espliċitament il-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn TSO tal-Unjoni u TSO ta’ pajjiż terz meta dawn ikunu preżenti fl-istess żona sinkronika. Minn dan jirriżulta li l-assenza ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-pjattaforma aFRR bl-ebda mod ma teskludi kollaborazzjoni bejn ir-rikorrenti u t-TSOs tal-Unjoni fir-rigward tas-sigurtà tas-sistema fiż-żona sinkronika, li hija, għall-kuntrarju, promossa. |
|
127 |
Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 90 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament 2017/2195 jipprevedi l-possibbiltà għar-rikorrenti li tipparteċipa fil-pjattaforma aFRR, fil-każ li l-Kummissjoni tqis li “l-esklużjoni tal-Iżvizzera tista’ twassal għal flussi ta’ enerġija fiżika mhux skedati minn ġewwa l-Iżvizzera u b’hekk tipperikola s-sigurtà tas-sistema fir-Reġjun” u sakemm id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tat-TSOs Svizzeri jkunu konsistenti ma’ dawk tat-TSOs li joperaw fl-Unjoni. |
|
128 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni, b’mod manifest, kisret l-obbligu ta’ diliġenza meħtieġ mill-Unjoni li jirriżulta mir-regola konswetudinarja invokata mir-rikorrenti billi llimitat, bħala prinċipju, il-parteċipazzjoni fil-pjattaforma aFRR biss għat-TSOs tal-Unjoni. |
|
129 |
Għaldaqstant, il-ħames parti għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, dan il-motiv u r-rikors fl-intier tagħhom għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l-ispejjeż
|
130 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-ACER, konformement mat-talbiet tagħha. |
|
131 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Škvařilová-Pelzl Nõmm Steinfatt Kukovec Meyer Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Ottubru 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.