SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni 2014/145/PESK – Artikolu 2(1)(a) u (d) – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent minħabba l-appoġġ mogħti għall-azzjonijiet jew għall-politiki tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina u l-appoġġ materjali jew finanzjarju pprovdut lil persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet – Effett tal-assenza ta’ tbegħid u tal-attitudni passiva tar-rikorrent”
Fil-Kawża C‑702/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑16 ta’ Novembru 2023,
Gennady Nikolayevich Timchenko, residenti f’Genève (l-Isvizzera), irrappreżentat minn S. Bonifassi, T. Bontinck u E. Fedorova, avocats,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M.‑C. Cadilhac u V. Piessevaux, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, E. Regan, J. Passer u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ April 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑252/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2023:496), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż, l-ewwel nett, għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/337 tat‑28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 59, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 112), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/336 tat‑28 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 58, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 113) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti inizjali kontenzjużi”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ żamma kontenzjużi”), sa fejn l-atti inizjali u ta’ żamma kontenzjużi (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kontenzjużi”) jikkonċernawh, u, it-tieni nett, li jinkiseb kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi. |
Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża huwa espost fil-punti 2 sa 18 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dan jista’ jiġi miġbur fil-qosor u kkompletat kif ġej. |
Id-Deċiżjoni 2014/145
|
3 |
Wara l-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fil‑25 ta’ Frar 2022, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal‑25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1). |
|
4 |
L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/145”), jipprojbixxi d-dħul jew it-tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri ta’ persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji previsti, b’mod partikolari, fil-punti (a) u (b) tagħha, filwaqt li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji previsti b’mod partikolari fil-punti (a) u (d) tiegħu, liema kriterji huma, essenzjalment, identiċi għal dawk previsti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/145. |
|
5 |
L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata jaqra kif ġej: “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:
[…]
[…]” |
Ir-Regolament Nru 269/2014
|
6 |
Fil‑25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 51, p. 1). |
|
7 |
F’dan il-kuntest, il-Kunsill introduċa, fl-Artikolu 3(1)(a) u (d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64), kif emendat bir-Regolament 2022/330 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014”), l-istess kriterji bħal dawk imsemmija fil-punt 5 ta’ din is-sentenza sabiex jiġu ffriżati, konformement mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu b’mod partikolari lill-persuni fiżiċi li jissodisfaw dawn il-kriterji. |
L-atti kontenzjużi
L-atti inizjali kontenzjużi
|
8 |
Fit‑28 ta’ Frar 2022, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta l-atti inizjali kontenzjużi. Permezz ta’ dawn l-atti, isem l-appellant ġie miżjud, taħt in-numru 694, fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2014/145 u, taħt dan in-numru wkoll, f’dik li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 għall-motivi segwenti: “Gennady [Nikolayevich] Timchenko huwa konoxxenza għal żmien twil tal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin u huwa deskritt b’mod ġenerali bħala wieħed mill-persuni ta’ fiduċja tiegħu. Huwa qed jibbenefika mill-konnessjonijiet tiegħu ma’ persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet. Huwa fundatur u azzjonist ta’ Volga Group, grupp ta’ investiment b’portafoll ta’ investimenti f’setturi ewlenin tal-ekonomija Russa. Volga Grupp jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija Russa u l-iżvilupp tagħha. [Gennady Nikolayevich] [h]uwa wkoll azzjonist ta’ Bank Rossiya li huwa meqjus bħala l-bank personali ta’ Uffiċjali Għolja tal-Federazzjoni Russa. Wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, il-Bank Rossiya fetaħ fergħat fil-Krimea kollha u f’Sevastopol, biex b’hekk ikkonsolida l-integrazzjoni tagħhom fil-Federazzjoni Russa. Barra minn dan, Bank Rossiya għandu interessi importanti fin-National Media Group li, min-naħa tiegħu, jikkontrolla l-istazzjonijiet televiżivi li jappoġġaw attivament il-politika tal-gvern Russu ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ ta’ azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Huwa responsabbli wkoll għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju u materjali, u li jibbenefika minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.” |
L-atti ta’ żamma kontenzjużi
|
9 |
Fl‑14 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adotta l-atti ta’ żamma kontenzjużi, li żammew l-inklużjoni ta’ isem l-appellant fil-listi inkwistjoni abbażi tal-istess motivi bħal dawk riprodotti fil-punt preċedenti. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
10 |
Permezz ta’ rikors tad‑9 ta’ Mejju 2022, ikkompletat b’nota ta’ adattament fil‑25 ta’ Novembru 2022, l-appellant talab lill-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kontenzjużi, sa fejn dawn jinkludu ismu fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, kif ukoll tikkumpensa d-dannu morali li huwa jallega li ġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ dawn l-atti. Fil-kuntest tar-rikors għal annullament tiegħu, huwa kkontesta b’mod partikolari l-evalwazzjoni tal-Kunsill li tgħid li l-kriterju dwar l-appoġġ materjali jew finanzjarju tal-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet, previst fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145 (iktar ’il quddiem il-“kriterju (d)”), u dak dwar l-appoġġ għal azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali tal-Ukraina, stabbilit fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem il-“kriterju (a)”) kienu ssodisfatti fir-rigward tiegħu. Huwa qies li, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kunsill kien wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. |
|
11 |
Fir-rigward tal-kriterju (d), dwar, b’mod partikolari, il-persuni fiżiċi li jipprovdu appoġġ materjali jew finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina jew li jibbenefikaw minn dawn il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 97, 106 u 108 tas-sentenza appellata, li mill-elementi tal-proċess jirriżulta, minn naħa, li l-appellant, ħabib ta’ V. Putin, kien it-tieni l-ikbar azzjonist tal-Bank Rossiya u li kien jagħmel parti minn nukleu stabbli ta’ azzjonisti maġġoritarji ta’ dan il-bank magħrufa għall-prossimità tagħhom ma’ V. Putin, b’tali mod li l-influwenza sinjifikattiva ħafna tiegħu fuq it-teħid ta’ deċiżjoni fl-imsemmi bank ma tistax tiġi miċħuda, u, min-naħa l-oħra, li kienu jeżistu indizji preċiżi, konkreti u konkordanti li jistabbilixxu li l-Bank Rossiya huwa l-bank personali tal-uffiċjali għolja tal-Federazzjoni Russa, inkluż tal-President tagħha, V. Putin. |
|
12 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 109 u 110 tas-sentenza appellata, li, sa fejn, b’mod partikolari, il-miżuri restrittivi ma humiex sanzjonijiet kriminali, persuna fiżika tista’ tkun is-suġġett ta’ miżuri restrittivi għall-atti mwettqa minn kumpannija li tagħha tkun azzjonista meta hija tkun teżerċita influwenza sinjifikattiva ħafna jew saħansitra determinanti fuq din il-kumpannija, b’mod partikolari meta l-pożizzjonijiet li dan l-azzjonist jadotta jistgħu jinfluwenzaw is-sens tad-deċiżjonijiet meħuda mill-imsemmija kumpannija. Għalhekk hija kkonkludiet essenzjalment, fil-punti 111 u 114 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, iqis li, permezz tal-Bank Rossiya, li huwa l-bank personali tal-uffiċjali għolja tal-Federazzjoni Russa, l-appellant, li, minn naħa, ma setax jinjora li dan il-bank kien jipprovdi appoġġ finanzjarju lil V. Putin u li, min-naħa l-oħra, ħalla dan l-istat ta’ fatt jippersisti filwaqt li kellu s-setgħa li jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-imsemmi bank u, kif jirriżulta mill-punt 112 tas-sentenza appellata, seta’ jitbiegħed pubblikament mill-politika mmexxija mill-istess bank jew jittrasferixxi l-parteċipazzjoni tiegħu fih, kien huwa stess ipprovda appoġġ finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, f’dan il-każ lil V. Putin. |
|
13 |
Fir-rigward tal-kriterju (a), dwar, b’mod partikolari, il-persuni fiżiċi responsabbli għal azzjonijiet jew għal politiki kontra l-Ukraina jew li jsostnu jew jimplimentaw tali azzjonijiet jew politiki, il-Qorti Ġenerali fakkret, qabelxejn, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li dan il-kriterju kien jimplika li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta, diretta jew indiretta, bejn l-attivitajiet jew l-azzjonijiet tal-persuna jew tal-entità kkonċernata u s-sitwazzjoni fl-Ukraina li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali żiedet li l-imsemmi kriterju jippreżupponi għalhekk li jintwera li l-persuna kkonċernata, bl-aġir tagħha, saret responsabbli għal azzjonijiet jew għal politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. Sussegwentement hija ddeċidiet, fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl tal-provi prodotti, il-Bank Rossiya kien appoġġja l-politika ta’ annessjoni tal-Krimea, fis-sens tal-imsemmi kriterju. Fil-punt 120 tal-imsemmija sentenza, hija fl-aħħar nett irrilevat, fid-dawl b’mod partikolari tar-raġunijiet imsemmija fil-kuntest tal-analiżi relatata mal-kriterju (d), li l-Kunsill seta’ validament iqis li l-appellant, billi adotta attitudni passiva fir-rigward tal-appoġġ tal-Bank Rossiya għall-politika ta’ annessjoni tal-Krimea, kien huwa stess ta appoġġ għall-azzjonijiet u għall-politiki li jikkompromettu s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. |
|
14 |
Peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi l-oħra tal-appellant kif ukoll it-talba tiegħu għad-danni, hija ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
15 |
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
16 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
|
17 |
L-appellant iqajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet, fl-interpretazzjoni tal-kriterju (d), meta qieset li l-appoġġ materjali jew finanzjarju previst minn dan il-kriterju seta’ jintwera permezz tal-assenza ta’ oppożizzjoni, min-naħa tal-persuna suġġetta għall-miżuri restrittivi, fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda mill-entità meqjusa bħala direttament responsabbli għal tali appoġġ u, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kriterju (a), billi qieset li l-appoġġ previst minn dan il-kriterju seta’ jintwera mill-assenza ta’ tbegħid, min-naħa ta’ tali persuna, mill-politika u mid-deċiżjonijiet ta’ tali entità. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
18 |
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod wiesa’ wisq, bi ksur tal-ġurisprudenza applikabbli, il-kunċett ta’ “appoġġ materjali jew finanzjarju”, fis-sens tal-kriterju (d). B’mod partikolari, fil-punti 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, bħala l-uniku element li kien jippermettilha tikkonkludi li l-appellant stess kien ipprovda appoġġ finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet, li l-assenza ta’ tbegħid tal-appellant mill-politika ta’ appoġġ materjali jew finanzjarju mogħti mill-Bank Rossiya lil dawn il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet kienet tikkostitwixxi approvazzjoni tal-inqas taċita ta’ din il-politika u, għaldaqstant, appoġġ għaliha, fis-sens tal-kriterju (d). |
|
19 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellant, issostitwixxiet ukoll il-motivi esposti mill-Kunsill fl-atti kontenzjużi b’dawk tagħha stess. |
|
20 |
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 112 tas-sentenza appellata tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-appoġġ materjali jew finanzjarju għandu jkun ta’ ċerta importanza kwantitattiva jew kwalitattiva b’mod li jippermetti effettivament it-tkomplija tal-operazzjonijiet militari tal-Federazzjoni Russa fl-Ukraina, kif jirriżulta barra minn hekk mill-għanijiet imfittxija mill-kriterju (d). Tali importanza hija nieqsa f’dan il-każ, peress li l-appoġġ li bih huwa akkużat ir-rikorrent huwa biss appoġġ indirett ibbażat mhux fuq atti, iżda fuq l-assenza ta’ aġir pożittiv jew l-assenza ta’ tbegħid a posteriori. |
|
21 |
It-tieni nett, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali ma żguratx ruħha li l-atti kontenzjużi kienu bbażati fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, peress li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-Kunsill ma kien ipproduċa ebda prova insostenn tal-allegazzjoni li tgħid li huwa għandu, kif jirriżulta mill-punti 106 u 110 tas-sentenza appellata, setgħa suffiċjenti sabiex ikun f’pożizzjoni, flimkien mal-azzjonisti l-oħra tal-Bank Rossiya, li jinfluwenza d-deċiżjonijiet meħuda minn dan tal-aħħar, u għalhekk il-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq preżunzjonijiet. Għalhekk, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma weġbitx għall-argument tiegħu li jgħid li huwa ma kellux is-setgħa li jinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ dan il-bank u li sempliċement warrbet id-difiża tiegħu mingħajr ebda raġuni oħra ħlief il-fatt li huwa kellu jitbiegħed mill-politika mmexxija mill-imsemmi bank. |
|
22 |
Fl-aħħar mill-aħħar, l-interpretazzjoni hekk estensiva adottata mill-Qorti Ġenerali tal-kriterju (d) wasslet lil din tal-aħħar sabiex tivvalida l-possibbiltà għall-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi sproporzjonati kontra persuna fiżika li għandha biss rabta indiretta u remota ħafna mal-allegati atti ta’ appoġġ materjali jew finanzjarju, filwaqt li l-appellant madankollu ppreċiża fir-replika tiegħu li huwa ma għandux l-intenzjoni li jqajjem ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
23 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tal-appellant. B’mod partikolari, huwa jqis li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx l-assenza ta’ tbegħid bħala element kostituttiv tal-kriterju (d), iżda ttrattat dan l-aspett bħala element fattwali, li jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 115 tas-sentenza appellata. Issa, il-Kunsill ifakkar li, ħlief fil-każ ta’ żnaturament mhux invokat f’dan il-każ mill-appellant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura ta’ appell. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fir-rigward tal-allegazzjonijiet li permezz tagħhom dan l-appellant għandu l-intenzjoni li jikkontesta l-evalwazzjoni ta’ ċerti punti ta’ fatt u ta’ prova mill-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, l-argumenti tal-imsemmi appellant għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà
|
24 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix għalhekk, mingħajr ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, C‑31/23 P, EU:C:2024:851, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Min-naħa l-oħra, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali testendi, b’mod partikolari, għall-kwistjoni dwar jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova ġewx osservati (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Bank Tejarat vs Il‑Kunsill, C‑248/17 P, EU:C:2018:967, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali siltet minnhom (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-Kunsill iqis, essenzjalment, li, billi jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonkludiet li huwa kien ipprovda appoġġ finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet, fis-sens tal-kriterju (d), minħabba s-sempliċi fatt tal-assenza ta’ tbegħid tiegħu mill-politika ta’ appoġġ ipprovduta mill-Bank Rossiya lil dawn il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-appellant ma jibbażax l-ewwel aggravju tiegħu fuq punti ta’ liġi, iżda jfittex li jikkontesta l-evalwazzjoni fattwali li l-Qorti Ġenerali wettqet ta’ din l-assenza ta’ tbegħid. |
|
27 |
Dan il-motiv ta’ inammissibbiltà ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, mill-appell jirriżulta b’mod ċar li, permezz ta’ tali kritika, l-appellant ma għandux l-intenzjoni li jikkontesta l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali relatati mal-assenza ta’ tbegħid tiegħu mill-politika mmexxija mill-Bank Rossiya, iżda jilmenta li l-Qorti Ġenerali sempliċement siltet minn dan l-element fattwali biss il-konsegwenza li huwa kien pprovda appoġġ, fis-sens tal-kriterju (d), li jaqa’ taħt is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. |
|
28 |
It-tieni nett, il-Kunsill isostni li l-appellant jipprova jikkontesta l-evalwazzjoni ta’ ċerti punti ta’ fatt u ta’ provi mill-Qorti Ġenerali, mingħajr madankollu ma jinvoka l-iżnaturament tagħhom, li jivvizzja l-ewwel aggravju ta’ inammissibbiltà. |
|
29 |
Dan il-motiv l-ieħor ta’ inammissibbiltà lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-appellant, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, jikkontesta ċerti punti ta’ fatt, dan huwa għaliex huwa jqis li l-Qorti Ġenerali kkonstatat u evalwat dawn il-punti ta’ fatt fl-assenza ta’ kwalunkwe prova prodotta mill-Kunsill. Issa, l-ilment intiż li jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet il-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ fatti mingħajr ma żgurat ruħha li dawn kienu sostnuti minn provi jwassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab teżerċita stħarriġ fuq eventwali ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova mill-Qorti Ġenerali, li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. |
|
30 |
Minn dan isegwi li l-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fir-rigward tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda u li dan tal-aħħar huwa ammissibbli fl-intier tiegħu. |
– Fuq il-mertu
|
31 |
Fl-ewwel lok, insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kriterju (d) sa fejn din il-qorti bbażat ruħha biss, fil-punti 111 u 112 tas-sentenza appellata, fuq l-assenza ta’ tbegħid tiegħu mill-politika mmexxija mill-Bank Rossiya sabiex tikkonkludi li l-Kunsill seta’ validament iqis li huwa kien jipprovdi, permezz ta’ dan il-bank, appoġġ finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, fis-sens ta’ dan il-kriterju, minkejja li tali assenza ta’ tbegħid ma tikkostitwixxix att pożittiv u dirett ta’ appoġġ ta’ importanza kwantitattiva jew kwalitattiva suffiċjenti. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-appellant jinterpreta b’mod żbaljat is-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx tali assenza ta’ tbegħid bħala element kostituttiv ta’ “appoġġ materjali jew finanzjarju lil persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet” imsemmi fil-kriterju (d). |
|
33 |
Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punti 99 sa 111 ta’ dik is-sentenza, il-fatti u l-provi li wassluha sabiex tqis li l-appellant, ħabib ta’ V. Putin u t-tieni l-ikbar azzjonist tal-Bank Rossiya, kien jikkostitwixxi, flimkien ma’ tlieta oħra mill-ħbieb ta’ dan tal-aħħar, il-blokk stabbli u maġġoritarju tas-soċji ta’ dan il-bank u li għalhekk kien azzjonist influwenti ħafna tiegħu, b’tali mod li ma setax ma jkunx jaf, fid-data tal-inklużjoni inizjali tiegħu jew taż-żamma tal-inklużjoni tiegħu, li l-Bank Rossiya kien jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet bħalma huwa V. Putin, fis-sens ta’ dan il-kriterju. |
|
34 |
Abbażi ta’ tali elementi, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, irrikonoxxiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li, f’dan il-każ partikolari li jirriżulta, kif indikat fil-punt 110 tas-sentenza appellata, miċ-“ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża”, kienu jeżistu indizji suffiċjentement preċiżi, konkreti u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li, permezz tal-Bank Rossiya, li huwa l-bank personali tal-uffiċjali għolja tal-Federazzjoni Russa, l-appellant ipprovda appoġġ finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, fis-sens tal-kriterju (d). |
|
35 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ċertament ħadet inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ tbegħid tal-appellant mill-politika ta’ finanzjament tal-Bank Rossiya. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, billi ddeċidiet, fl-aħħar parti tas-sentenza tal-punt 111 tas-sentenza appellata, introdotta minn “min-naħa l-oħra”, kif ukoll fil-punti 112 u 115 tagħha, li l-appellant ma kienx tbiegħed mill-politika mmexxija minn dan il-bank fir-rigward tal-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet, kemm jekk qabel jew wara l-inklużjoni inizjali tiegħu, il-Qorti Ġenerali, mhux talli ma żiditx element kostituttiv għall-kriterju (d), iżda vverifikat essenzjalment jekk kinux jeżistu provi li jiskaġunaw lill-appellant. |
|
36 |
Konsegwentement, kuntrarjament għall-ilment allegat mill-appellant, ir-riferiment għal assenza ta’ tbegħid jirrappreżenta biss wieħed mill-indizji fost oħrajn li abbażi tagħhom, kif ġie espost fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, mingħajr ma ssostitwixxiet il-motivi tal-Kunsill b’dawk tagħha, kif barra minn hekk enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-miżuri restrittivi li għalihom kien suġġett l-appellant skont il-kriterju (d) kienu fondati. |
|
37 |
Fit-tieni lok, l-appellant, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova billi naqset milli tivverifika jekk il-fatt li huwa kellu, kif jirriżulta mill-punti 106 u 110 tas-sentenza appellata, setgħa suffiċjenti sabiex ikun f’pożizzjoni, flimkien mal-azzjonisti l-oħra tal-Bank Rossiya, li jinfluwenza d-deċiżjonijiet meħuda minn dan tal-aħħar kienx sostnut minn provi, peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq preżunzjonijiet. |
|
38 |
Għandu jitfakkar li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni li isem persuna jiġi inkluż jew jinżamm fil-lista ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi, b’mod partikolari, li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għall-persuna kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li hija l-bażi ta’ din id-deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom meqjus suffiċjenti minnu nnifsu sabiex isostni l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il‑Kunsill, C‑530/17 P, EU:C:2018:1031, punt 22). |
|
39 |
Kif fakkret ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, tali evalwazzjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu, peress li l-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk huwa jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim li kontrih tkun qed tittieħed azzjoni (sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punti 50 u 52). Barra minn hekk, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi allegati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. Għalkemm ma huwiex meħtieġ li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati, huwa madankollu importanti li l-informazzjoni jew il-provi prodotti jsostnu l-motivi allegati kontra l-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121 u 122). |
|
40 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punti 103 sa 105 u 107 tas-sentenza appellata, fuq provi sabiex tikkonstata, fil-punt 106 ta’ dik is-sentenza, li l-appellant, bħala t-tieni azzjonist tal-Bank Rossiya kklassifikat bħala bank personali ta’ V. Putin u uffiċjali għolja tal-Federazzjoni Russa, kien jagħmel parti minn “nukleu stabbli ta’ azzjonisti maġġoritarji magħrufa għall-prossimità tagħhom ma’ V. Putin” u għar-rabtiet ta’ solidarjetà tagħhom tal-inqas kapitalistiċi. Fil-punt 106 tas-sentenza appellata, moqri flimkien mal-punt 110 tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’tali konfigurazzjoni sostnuta mill-provi msemmija iktar ’il fuq fir-rigward b’mod partikolari tal-kompożizzjoni tal-azzjonisti u tal-importanza kapitalistika tal-kumpannija kkonċernata, l-influwenza sinjifikattiva ħafna tal-appellant fuq it-teħid ta’ deċiżjoni ta’ dan il-bank ma setgħetx tiġi miċħuda, fejn tali evalwazzjoni tal-fatti ma taqax, kif tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza u fid-dawl tal-fatt li l-appellant ma jsostni ebda żnaturament, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
|
41 |
Fir-rigward tal-fatt li l-Qorti Ġenerali astjeniet milli tivverifika jekk id-diversi azzjonisti kinux jaġixxu b’mod konġunt u għalhekk kinux jeżerċitaw flimkien kontroll fuq it-teħid ta’ deċiżjoni tal-Bank Rossiya, għandu jitqies li dan il-fatt huwa irrilevanti, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset essenzjalment li, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova li turi tbegħid min-naħa tiegħu, l-appellant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, neċessarjament appoġġja deċiżjonijiet tal-Bank Rossiya intiżi li jagħtu appoġġ finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi fatt jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament mill-fatt li, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 103 sa 106 u 111 tas-sentenza appellata fir-rigward ta’ diversi provi, l-azzjonisti maġġoritarji ta’ dan il-bank, komposti mill-appellant u minn tliet persuni oħra, kienu stabbli u li l-membri tiegħu kellhom rabtiet ta’ ħbiberija jew ta’ solidarjetà kemm bejniethom kif ukoll fir-rigward ta’ V. Putin. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli bbażat ir-raġunament tagħha fuq preżunzjonijiet f’dan ir-rigward. |
|
42 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-appellant, fl-appell tiegħu, ma jikkontestax il-punti 70 sa 87 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonfermat is-saħħa probatorja tal-provi li fuqhom bbażat ruħha fil-punti 99 sa 107 ta’ dik is-sentenza, għandu jiġi miċħud l-ilment tal-appellant ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova. |
|
43 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
44 |
Fil-kuntest tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant iqis li, billi kkonstatat l-eżistenza ta’ appoġġ, fis-sens tal-kriterju (a), mis-sempliċi fatt tal-attitudni passiva tiegħu adottata fir-rigward tal-politika mmexxija mill-Bank Rossiya fil-Krimea, il-Qorti Ġenerali interpretat, fil-punti 118 u 120 tas-sentenza appellata, il-kunċett ta’ appoġġ b’mod inkompatibbli mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 117 ta’ dik is-sentenza u għalhekk wettqet żball ta’ liġi. |
|
45 |
Fil-fatt, anki jekk jitqies, min-naħa tal-Bank Rossiya, aġir li permezz tiegħu dan kien responsabbli għal azzjonijiet jew politiki li jikkompromettu l-integrità territorjali tal-Ukraina, fis-sens tal-kriterju (a), dan ir-raġunament ma jistax jiġi traspost kif inhu għall-appellant sabiex jiġi applikat dan il-kriterju fil-konfront tiegħu. B’mod partikolari, il-fatt li jiġu inklużi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi kriterju, persuni li ma jappoġġjawx, permezz ta’ att pożittiv u konkret, l-azzjonijiet u l-politiki mmexxija ma jippermettix li jiġi kkaratterizzat appoġġ konkret u li tiġi stabbilita rabta suffiċjenti bejn il-persuna inkluża fil-lista u s-sitwazzjoni miġġielda. Fi kwalunkwe każ, il-kunċett ta’ azzjoni jew ta’ attività, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 117 tas-sentenza appellata, ma jistax jinkludi attitudni passiva jew astensjoni bħal dik ikkunsidrata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 120 ta’ dik is-sentenza. |
|
46 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali vvalidat interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kriterju (a) li ma tippermettix li jiġu adottati miżuri restrittivi mmirati u, għaldaqstant, proporzjonati u xierqa. |
|
47 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tal-appellant filwaqt li jirrileva li, sa fejn dan tal-aħħar jipprova jikkontesta punti ta’ fatt mingħajr ma jinvoka kwalunkwe żnaturament, l-argumenti tiegħu għandhom f’dan ir-rigward, għal raġunijiet identiċi għal dawk esposti fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, jiġu ddikjarati inammissibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
48 |
Peress li, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, id-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jitqies li huwa fondat sa fejn l-atti kontenzjużi stabbilixxew u żammew miżuri restrittivi kontra l-appellant minħabba li dan tal-aħħar jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet, fis-sens tal-kriterju (d), żball tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-motiv dwar l-appoġġ, mill-appellant, għal azzjonijiet jew għal politiki msemmija fil-kriterju (a), jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax iwassal għall-annullament ta’ dan id-dispożittiv, b’tali mod li, mingħajr ma huwa barra minn hekk neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
50 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
51 |
Peress li l-appellant tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.