SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
28 ta’ Frar 2013 ( *1 )
“Appell — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea — Konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet fil-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella lejn il-Ġordan — Investigazzjoni tal-OLAF — Komunikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-OLAF lill-awtoritajiet nazzjonali — Kostituzzjoni ta’ garanziji — Talba għal rimbors tal-ispejjeż relatati — Rabta kawżali — Appell inċidentali — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tad-dekorrenza”
Fil-Kawża C-460/09 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-18 ta’ Novembru 2009,
Inalca SpA – Industria Alimentari Carni,stabbilita f’Castelvetro (l-Italja),
Cremonini SpA, stabbilita f’Castelvetro,
irrappreżentati minn C. D’Andria u F. Sciaudone, avukati,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u P. Rossi, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, J-J. Kasel (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Inalca SpA – Industria Alimentari Carni (iktar ’il quddiem “Inalca”) u Cremonini SpA (iktar ’il quddiem “Cremonini”) qegħdin jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali) tal-4 ta’ Settembru 2009, Inalca u Cremonini vs Il-Kummissjoni (T-174/06, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-kumpens għad-danni allegatament subiti minnhom wara l-komunikazzjoni, lill-awtoritajiet Taljani, tal-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) sabiex tiġi vverifikata l-leġittimità ta’ ċerti ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella lejn il-Ġordan. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif ġew esposti fil-punti 1 sa 20 tad-digriet appellat, jistgħu jitqassru kif ġej: |
|
3 |
Inalca u Cremonini jagħmlu parti minn grupp ta’ kumpanniji li jopera fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti intiżi għall-industrija tal-ikel, kif ukoll fir-ristoranti. |
|
4 |
Wara investigazzjoni li twettqet fil-Ġordan fix-xhur ta’ Frar u ta’ Marzu 1998, fil-kuntest tas-sistema tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Lulju 1998 l-unità ta’ koordinazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi (UCLAF), prekursur tal-OLAF, informat lill-awtoritajiet Taljani, li fuq total ta’ 37 978 tunnellata ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella esportati barra mill-Komunità Ewropea mingħajr ebda dikjarazzjoni doganali ta’ tqegħid fis-suq tal-Ġordan, 2 272 tunnellata minnhom kienu ġejjin mill-Italja. F’din l-ittra, l-UCLAF stiednet lill-awtoritajiet Taljani sabiex ifittxu isem l-esportatur sabiex jinbdew il-proċeduri ta’ rkupru tal-ħlasijiet lura u, jekk tiġi kkonstatata kompliċità, jinbdew proċeduri kriminali. |
|
5 |
Permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Jannar 1999, l-amministrazzjoni Taljana kompetenti nnotifikat lil Inalca u lil Cremonini bid-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjonijiet ikkontestati, kontra liema deċiżjonijiet Inalca u Cremonini ppreżentaw rikorsi amministrattivi. Dawn ir-rikorsi amministrattivi ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjonijiet tas-7 ta’ Marzu 2000. |
|
6 |
Fis-16 ta’ Frar 1999, ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-UCLAF ġew ikkomunikati mill-Ministeru tal-Finanzi Taljan lill-awtorità ġudizzjarja u nfetħet proċedura kriminali kontra r-rappreżentanti legali ta’ Inalca u ta’ Cremonini. |
|
7 |
Fit-30 ta’ Novembru 1999, l-appellanti ħarġu żewġ poloz ta’ garanzija (“polizze fideiussorie”) sabiex jiksbu s-sospensjoni tal-proċedura ta’ rkupru tal-ammonti li għandhom jitħallsu lura. |
|
8 |
L-ilment li wassal għall-investigazzjoni kriminali ġie arkivjat fit-18 ta’ Diċembru 2002. Permezz ta’ sentenza mogħtija fis-16 ta’ Jannar 2004, it-Tribunale civile di Roma (il-Qorti Ċivili ta’ Ruma) kkonstatat li l-ilmenti magħmula kontra Inalca fid-deċiżjoni ta’ rkupru tal-15 ta’ Jannar 1999 kienu infondati u li l-ammont li ntalab ir-rimbors tiegħu ma kienx dovut minnha. Permezz ta’ sentenza mogħtija fis-27 ta’ April 2005, din il-qorti għamlet l-istess konstatazzjoni f’dak li jikkonċerna lil Cremonini. |
|
9 |
Permezz ta’ ittri tat-22 u t-23 ta’ Marzu 2004 rispettivament, it-talba ta’ Inalca sabiex tiġi rtirata d-deċiżjoni ta’ rkupru tal-15 ta’ Jannar 1999 li tikkonċernaha intlaqgħet u l-polza ta’ garanzija magħmula minn din il-kumpannija ġiet irrilaxxata. Bl-istess mod, permezz ta’ ittri tat-22 u t-23 ta’ Diċembru 2004 rispettivament, it-talba ta’ Cremonini sabiex tiġi rtirata d-deċiżjoni ta’ rkupru tal-15 ta’ Jannar 1999 li tikkonċernaha ġiet milqugħa u l-polza ta’ garanzija magħmula minn din il-kumpannija ġiet ukoll irrilaxxata. |
|
10 |
Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2005, Inalca talbet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tħallasha kumpens għad-danni li hija tallega li subiet minħabba l-investigazzjoni mibdija mill-UCLAF u minħabba l-konklużjonijiet mibgħuta minn din tal-aħħar lill-awtoritajiet Taljani. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2005, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lil Inalca li huwa ma tax segwitu għal din it-talba għall-kumpens, peress li l-eventwali dritt għal kumpens kien, fi kwalunkwe każ, “preskritt, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja”. |
|
11 |
Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Marzu 2006, Inalca u Cremonini talbu lill-Kummissjoni sabiex tikkumpensahom tad-danni subiti, stmati għal total ta’ EUR 2 861 000. Il-Kummissjoni ma tatx segwitu lil din it-talba. |
|
12 |
Permezz tad-Deċiżjoni Nru 2006/678/KE, tat-3 ta’ Ottubru 2006, dwar il-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jiġu applikati, fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-ispejjeż iffinanzjati mit-Taqsima “Garanzija” tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), f’ċerti każijiet ta’ irregolaritajiet imwettqa minn operaturi (ĠU L 278, p. 24), il-Kummissjoni neħħiet mil-lista tal-komunikazzjonijiet li jikkonċernaw l-irregolaritajiet dawk innotifikati lir-Repubblika Taljana u li jirrigwardaw il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella lejn il-Ġordan. |
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet kkontestat
|
13 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju 2006, Inalca u Cremonini ppreżentaw azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li biha huma talbu li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-kumpens tad-danni allegatament subiti, stmati f’valur ta’ EUR 2 861 000, kif ukoll għall-ħlas tal-interessi kumpensatorji relatati magħhom kif ukoll l-interessi moratorji eventwali. |
|
14 |
Permezz ta’ att separat tat-18 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fuq il-bażi li l-imsemmi rikors kien ġie preskritt skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
15 |
Fil-punt 45 tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li mill-Artikolu 288 KE u mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens tad-dannu subit jiddependu minn bosta kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ att illeċitu tal-istituzzjonijiet Komunitarji, ta’ dannu reali u ta’ rabta kawżali bejniethom (sentenza tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 9). |
|
16 |
Fil-punt 46 tad-digriet appellat il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jibda jiddekorri minn meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu tal-kumpens, b’mod partikolari meta d-dannu li għandu jiġi kkumpensat ikun ikkonkretizza ruħu (digriet tat-18 ta’ Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, C-136/01 P, Ġabra p. I-6565, punt 30, u s-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C-282/05 P, Ġabra p. I-2941, punt 29). |
|
17 |
F’dan ir-rigward fil-punt 47 tad-digriet appellat il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, fil-każijiet fejn ir-responsabbiltà tal-Komunità toriġina minn att leġiżlattiv, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn meta l-effetti dannużi ta’ dak l-att ikunu seħħew [sentenza Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29]. Il-Qorti Ġenerali żiedet li dan japplika wkoll fi kwistjonijiet li jqumu, bħal f’dan il-każ, minn atti individwali, fejn dan it-terminu jibda jiddekorri biss mill-mument li fih ikun seħħ effettivament id-dannu [sentenza Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 sa 33]. |
|
18 |
Minn dan, fil-punt 49 tad-digriet appellat il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li kien hemm lok li d-determinazzjoni tal-mument preċiż li fih l-allegati effetti dannużi seħħew b’mod effettiv fir-rigward ta’ Inalca u ta’ Cremonini ssir billi jiġu eżaminati sussegwentement id-diversi danni li għalihom dawn talbu kumpens. |
|
19 |
Fir-rigward tad-dannu materjali, qabelxejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 51 tad-digriet appellat, li d-dannu marbut mal-kostituzzjoni tal-poloz ta’ garanzija ma’ kumpannija tal-assigurazzjoni seħħ b’mod ċert fit-30 ta’ Novembru 1999, data li fiha Inalca u Cremonini kkonkludew l-imsemmija poloz. Madankollu, fil-punti 59 u 64 tad-digriet appellat il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li d-dannu li jirriżulta mill-ispejjeż marbuta mal-kostituzzjoni tal-poloz ta’ garanzija kien ta’ natura kontinwa u li l-azzjoni intiża għall-kumpens għal dan id-dannu għaldaqstant kien ammissibbli inkwantu kien jikkonċerna l-kuntratti li ġġeddu wara s-27 ta’ Ġunju 2001. |
|
20 |
Imbagħad, fir-rigward tal-ispejjeż inkorsi għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ konsulenza legali, kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal li l-ġestjoni tal-fajl inkwistjoni ġabet magħha, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 71 u 73 tad-digriet appellat, li d-danni li rriżultaw minn dawn l-ispejjeż kienu ta’ natura istantanja, u li konsegwentement, ir-rikors għad-danni li jikkonċernahom kien preskritt. |
|
21 |
Fl-aħħar nett, sa fejn it-talba għall-kumpens għad-dannu allegatament subit fil-forma ta’ profitt mitluf minħabba t-tnaqqis tar-riżorsi finanzjarji li rriżulta mill-ħlas tal-primjums li sar biex joħorġu l-poloz ta’ garanzija u l-ispejjeż ta’ assistenza u konsulenza legali kif ukoll l-ispejjeż tal-persunal ma kinitx preċiża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 74 tad-digriet appellat, li l-imsemmija talba kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
|
22 |
Għal dak li jirrigwarda d-danni morali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 77 tad-digriet appellat, li l-azzjoni f’dan ir-rigward kienet preskritta, inkwantu d-dannu allegat kien seħħ malli nbdew il-proċeduri nazzjonali, fl-1999 u fl-2000, jiġifieri iktar minn ħames snin qabel il-preżentata tar-rikors quddiemha. Fil-punt 78 tad-digriet appellat, hija ċaħdet l-argument ta’ Inalca u ta’ Cremonini li bih sostnew li dan id-dannu kien ta’ natura kontinwa sal-ġurnata tas-sentenza tas-27 ta’ April 2005 u żiedet tgħid, fil-punt 79 tal-istess digriet, li fi kwalunkwe każ, Inalca u Cremonini llimitaw ruħhom biex jinvokaw effett ħażin fuq ir-reputazzjoni kummerċjali tagħhom mingħajr ma pprovdew l-iċken prova dwar dan is-suġġett. |
|
23 |
Fil-punt 81 tad-digriet appellat il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li għaldaqstant ir-rikors kien ammissibbli biss inkwantu kien jitlob il-kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-ħlas tal-primjums marbuta mal-ħruġ tal-poloz ta’ garanzija mis-27 ta’ Ġunju 2001. |
|
24 |
Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 85 tad-digriet appellat, li peress li waħda mit-tliet kundizzjonijiet għall-iskattar tar-responsabbiltà tal-Komunità ma kinitx sodisfatta, it-talbiet għall-kumpens kellhom jiġu miċħuda, mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra kinux sodisfatti. |
|
25 |
Wara li ppreċiżat li l-qorti Komunitarja ma kinitx marbuta teżamina d-diversi kundizzjonijiet f’ordni partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset opportun li l-ewwel nett tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali. |
|
26 |
Fil-punt 90 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, mingħajr madankollu ma ddeċidiet fuq il-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Komunità tad-dannu kkaġunat bid-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-15 ta’ Jannar 1999, li d-dannu li rriżulta mill-ħruġ tal-poloz ta’ garanzija ma kienx ikkaġunat direttament bl-ittra tal-UCLAF tas-6 ta’ Lulju 1998. |
|
27 |
Minn dan, fil-punt 94 tad-digriet appellat il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li r-rikors għad-danni ppreżentat minn Inalca u Cremonini, sa fejn kien ammissibbli, kellu jiġi miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
28 |
Fit-18 ta’ Novembru 2009, Inalca u Cremonini ressqu appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
29 |
Fil-11 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, ressqet appell inċidentali. |
It-talbiet tal-partijiet
|
30 |
Inalca u Cremonini jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
31 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appelli
|
32 |
Inalca u Cremonini jqajmu seba’ aggravji insostenn tal-appell tagħhom, liema motiv jirrigwardaw essenzjalment kwistjonijiet sostantivi. |
|
33 |
Fil-kuntest tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed dwar l-ammissibbiltà tar-rikors inizjali. |
|
34 |
Peress li hemm biss lok li tingħata deċiżjoni fuq l-appell prinċipali jekk l-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni jiġi miċħud, f’dan il-każ, l-ewwel għandu jiġi analizzat dan l-appell inċidentali. |
Fuq l-appell inċidentali
L-argumenti tal-partijiet
|
35 |
L-uniku aggravju mqajjem mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 46 u 47 tad-digriet appellat, fid-determinazzjoni tad-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet għad-danni. |
|
36 |
Prinċipalment, il-Kummissjoni tfakkar li, fil-każ ta’ fejn ir-responsabbiltà tal-Komunità tkun toriġina minn att leġiżlattiv u fejn id-dannu li jirriżulta minnu jimmanifesta ruħu sussegwentement fir-rigward ta’ individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, stabbilixxiet sistema partikolari fir-rigward ta’ dik li tirriżulta mill-Artikolu 46 tal-Istatut tagħha. Minkejja li l-Kummissjoni żżid li mitigazzjoni waħda oħra biss saret lill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġustament, fir-rigward tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-vittma li setgħet issir taf biss tard bil-fatt li jiġġenera d-dannu (sentenza tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punti 50 u 51), hija madankollu tqis li l-ġurisprudenza f’dan il-qasam ma hijiex stabbilita u teħtieġ kjarifika fil-kuntest tal-preżenti appell. |
|
37 |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali minn naħa illimitat l-applikazzjoni tas-sistema partikolari stabbilita bis-sentenza Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għal każijiet fejn ir-responsabbiltà tkun toriġina minn att leġiżlattiv (digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2001, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, T-124/99, Ġabra p. II-53), iżda, min-naħa l-oħra estendiet għal każijiet oħra [ara, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T-28/03, Ġabra p. II-1357, punt 59, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2005, Ehcon vs Il-Kummissjoni, T-140/04, Ġabra p. II-3287, punt 39]. |
|
38 |
Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-imsemmija sistema partikolari kienet tapplika biss fil-każijiet fejn ir-responsabbiltà kienet toriġina minn att leġiżlattiv (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C-51/05 P, Ġabra p. I-5341, punt 54) filwaqt li f’kawżi oħra hija semmiet, bħala obiter dictum, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq [digriet tat-18 ta’ Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq; is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2009, Transports Schiocchet – Excursions vs Il-Kummissjoni, C-335/08 P, punt 33]. |
|
39 |
Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja naqset milli tipprovdi motivazzjoni xierqa talli applikat is-sistema partikolari għat-tilwimiet li oriġinaw minn atti leġiżlattivi, anki f’każijiet oħra bħal, f’dan il-każ, meta d-dannu allegat joriġina minn ittra indirizzata mill-UCLAF lil awtoritajiet nazzjonali. |
|
40 |
Skont il-Kummissjoni, tali estensjoni tar-regola tal-ġurisprudenza tirriskja li tneħħi kull sustanza tad-dispożizzjoni ċara tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
41 |
Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta fil-punt 47 tad-digriet appellat iddeċidiet li l-azzjoni għall-kumpens li kellha quddiemha kienet tikkonċerna kwistjoni li oriġinat minn atti individwali fis-sens tas-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li l-ittra indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali ma kinitx tikkostitwixxi att individwali li jipproduċi effetti vinkolanti fil-konfront tad-destinatarju tiegħu. Insostenn ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1995, Nutral vs Il-Kummissjoni (C-476/93 P, Ġabra p. I-4125, punt 30), dwar każ analogu li minnu rriżulta li l-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu biss sempliċi rakkomandazzjonijiet jew opinjonijiet nieqsa minn kull effett legali. |
|
42 |
B’mod iktar sussidjarju, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bidlet arbitrarjament il-kriterji adottati fis-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, anki jekk jiġi aċċettat li din kienet kwistjoni li oriġinat minn att individwali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punti 46 u 47 tad-digriet appellat, li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mid-data li fiha d-dannu seħħ b’mod effettiv minflok ma qieset bħala punt tat-tluq tal-preskrizzjoni d-data tal-fatt dannuż, jew saħansitra anki, jekk ikun il-każ, mid-data li fiha Inalca u Cremonini saru jafu b’dan il-fatt. |
|
43 |
Inalca u Cremonini jqisu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam hija ċara u jikkontestaw l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tas-sentenzi ċċitati fil-kuntest tal-appell inċidentali tagħha. Inalca u Cremonini madankollu jfakkru li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tista’ tiġi kkritikata għal raġunijiet esposti b’mod ħafna iktar sħiħ fil-kuntest tal-ewwel aggravju li huma qajmu fl-appell prinċipali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
44 |
Sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-preskrizzjoni tal-azzjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għall-fatti tal-kawża. |
|
45 |
Qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-qorti tal-Ġustizzja, l-azzjonijiet kontra l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali huma preskritti wara ħames snin minn meta jseħħ il-fatt li jikkawżaha. |
|
46 |
Hekk kif il-Qorti Ġenerali fakkar fil-punti 45 sa 84 tad-digriet appellat, mingħajr ma ġie kontradett mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, l-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu subit skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, iseħħu meta l-kundizzjonijiet kollha dwar l-illegalità tal-aġir li l-istituzzjonijiet huma akkużati bih, dwar ir-realtà tad-dannu u dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat ikunu sodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9; tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 106; kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-419/08 P, Ġabra p. I-2259, punt 40). |
|
47 |
Fil-punt 46 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrilevat li skont ġurisprudenza stabbilita sew, minn dan jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tibda tiddekorri meta l-kundizzjonijiet li l-obbligu ta’ kumpens ikun suġġett għalihom jiġu sodisfatti u, b’mod partikolari, meta d-dannu li għandu jiġi kkumpensat jikkonkretizza ruħu [sentenzi Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54; kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C-469/11 P, punt 34]. |
|
48 |
Huwa, għal darb’oħra, billi bbażat ruħha fuq ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qorti Ġenerali, fil-punt 47 tad-digriet ikkontestat fakkret li fil-każijiet fejn ir-responsabbiltà tal-Komunità tkun ikkawżata minn att leġiżlattiv, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta l-effetti dannużi ta’ dan l-att iseħħu [sentenzi Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007 Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29] u li, bl-istess mod, fil-kwistjonijiet li joriġinaw minn atti individwali, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss fil-mument fejn id-dannu jseħħ b’mod effettiv [ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, punt 30; Transports Schiocchet – Excursions vs Il-Kummissjoni, punt 33, kif ukoll Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 38]. |
|
49 |
Huwa abbażi ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti Ġenerali ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni bħala il-mument fejn seħħew l-effetti dannużi allegati minn Inalca u Cremonini. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, prinċipalment issostni li l-ġurisprudenza ma hijiex uniformi u li hija meħtieġa kjarifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
51 |
Jekk wieħed jippresupponi li tali argument huwa ammissibbli fil-kuntest ta’ dan l-appell, filwaqt li dan ma huwiex direttament dirett kontra punt partikolari tad-digriet appellat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-digriet tas-17 ta’ Jannar 2001, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, ġiet iċċensurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta stabbilixxiet il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu tal-preskrizzjoni skont l-okkorrenza tal-fatt li kkawża d-dannu (digriet tat-18 ta’ Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). |
|
52 |
Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa invokat mill-Kummissjoni, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma huwiex l-okkorrenza tal-fatt li jikkawża d-dannu, peress li, b’mod partikolari, wieħed ma jistax jopponi lir-rikorrent bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni li huwa qabel ma jibdew jidhru l-effetti dannużi tal-imsemmi fatt (sentenza Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11). |
|
53 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex issostni li s-sistema stabbilita bis-sentenza Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tapplika biss fil-każijiet fejn ir-responsabbiltà toriġina minn att leġiżlattiv, il-Kummissjoni twettaq interpretazzjoni ħażina tal-imsemmija sentenza. |
|
54 |
Fil-fatt it-tilwima inkwistjoni f’din il-kawża kienet oriġinat minn att leġiżlattiv tal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma kinitx obbligata ssegwi r-raġunament tagħha dwar każijiet li jirrigwardaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali fit-tilwimiet li jirriżultaw minn att individwali. Kuntrarjament għal dak li allegat il-Kummissjoni, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, iċċitata iktar ’il fuq, ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet eskludiet l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, meta r-responsabbiltà tal-Komunità toriġina minn att individwali. |
|
55 |
Reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, fil-każijiet ta’ tilwimiet li jkunu oriġinaw minn atti individwali, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta d-deċiżjoni tkun ipproduċiet l-effetti dannużi tagħha fir-rigward tal-persuni li hija tikkonċerna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). |
|
56 |
Fir-rigward tal-argument ippreżentat sussidjarjament mill-Kummissjoni, ibbażat fuq is-sentenza Nutral vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li l-ittra indirizata lill-awtoritajiet nazzjonali ma jikkostitwixxix att individwali li jipproduċi effetti vinkolanti fir-rigward ta’ Inalca u ta’ Cremonini, għandu jiġi kkonstatat li din is-sentenza ittrattat il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament u li l-informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni legali tal-att ikkontestat ma tistax tiġi trasposta għall-kuntest tad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali. |
|
57 |
Għaldaqstant, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni f’din it-tilwima, ma huwiex ta’ importanza jekk l-ittra indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali tistax tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jemendaw is-sitwazzjoni ta’ Inalca u ta’ Cremonini b’mod distint. |
|
58 |
Fi kwalunkwe każ, u sa fejn mill-punt 49 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri sa mill-mument fejn l-effetti dannużi allegati minn Inalca u Cremonini seħħew effettivament, in-natura individwali jew leġiżlattiv tal-att inkwistjoni ma hijiex determinanti. |
|
59 |
Fir-rigward tal-argument imressaq mill-Kummissjoni iktar sussidjarjament, li jgħid li l-Qorti Ġenerali kellu jqis bħala l-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni d-data li fiha l-fatt li jikkawża preġudizzju seħħ, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta, fil-punt 49 tad-digriet appellat, iddeċidiet li għandu jiġi ddeterminat il-mument preċiż li fih l-effetti dannużi allegati f’din l-ittra seħħew effettivament fir-rigward ta’ Inalca u ta’ Cremonini. |
|
60 |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li huwa allegat mill-Kummissjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jibdiex jiddekorri fid-data tal-fatt li jikkawża preġudizzju, iżda mil-mument fejn id-deċiżjoni kontenzjuża tipproduċi l-effetti dannużi tagħha fir-rigward tal-persuni li hija tikkonċerna, jiġifieri fil-mument fejn il-preġudizzju effettivament twettaq fil-ħsieb tal-imsemmija persuni [ara s-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30]. |
|
61 |
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li l-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq l-appell prinċipali
Fuq l-ewwel motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
62 |
L-ewwel aggravju mqajjem minn Inalca u Cremonini huwa bbażat fuq in-natura kontradittorja tal-motivazzjoni tad-digriet appellat u fuq ksur tal-ġurisprudenza Komunitarja, peress li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punt 55 tad-digriet appellat, id-deċiżjoni Nru 2006/678 filwaqt li, sal-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali li huma kienu jinstabu fiha fir-rigward tal-eżistenza u l-ammont tad-dannu subit, immanifestat ruħha kuljum u damet sal-2006 sabiex seħħet b’mod definittiv. |
|
63 |
Inalca u Cremonini jsostnu wkoll żball ta’ liġi tal-qorti Ġenerali meta, fl-istess punt 55 tad-digriet appellat, hija bbażat ruħha fuq id-digriet tas-17 ta’ Jannar 2001, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, sabiex tikkonkludi li kien hemm konfużjoni bejn il-kriterju proċedurali dwar il-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni u l-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà. Issa, kuntrarjament għall-avveniment li ttieħed inkunsiderazzjoni f’dan id-digriet sabiex tiġi ddeterminata l-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmi terminu, id-Deċiżjoni Nru 2006/678 ma affettwatx l-unika sfera suġġettiva tagħhom. |
|
64 |
Abbażi tas-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tfakkar li fir-rigward tal-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, ma huwiex rilevanti li l-aġir illegali tal-Unjoni jkun ġie kkonstatat b’deċiżjoni ġudizzjarja jew li jkun ġie rrikonoxxut mill-allegat awtur tad-dannu. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
65 |
Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 53 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza li skontha t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss fil-mument fejn il-preġudizzju pekunjarju jkun effettivament twettaq, jiġifieri, f’dak li jikkonċerna b’mod ktar partikolari l-konstituzzjoni ta’ garanziji bankarji, sa mill-mument fejn l-ispejjeż marbuta mal-konstituzzjoni ta’ tali garanziji jkunu ġew iġġenerati. |
|
66 |
Fil-punt 54 ta’ dan id-digriet il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mill-proċess jirriżulta li l-ispejjeż relatati maż-żewġ poloz ta’ garanzija ġew iġġenerati mid-data li fiha dawn il-kuntratti ġew konklużi, jiġifieri fit-30 ta’ Novembru 1999, u l-ewwel primjum annwali kien dovut f’din l-istess data. |
|
67 |
Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali warrbet l-argument imressaq minn Inalca u Cremonini li jgħid li l-effetti dannużi seħħew b’mod ċert biss fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 2006/678, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni inkwistjoni ma tħallsux lilhom b’mod indebitu. |
|
68 |
Il-Qorti Ġenerali żiedet li l-fatt li Inalca u Cremonini, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 2006/678, qiesu li ma kellhomx l-elementi kollha li jippermettulhom li juru b’mod suffiċjenti skont il-liġi r-responsabbiltà tal-Komunità fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, ma huwiex rilevanti, inkella tinħoloq konfużjoni bejn il-kriterju proċedurali dwar il-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni u l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kundizzjonijiet sostantivi meħtieġa għall-iskattar tal-imsemmija responsabbiltà. |
|
69 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argument ta’ Inalca u ta’ Cremonini, li jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni Nru 2006/678, għandu jiġi ddikjarat bħala infondat. |
|
70 |
Fir-rigward tal-allegat żnaturament tad-digriet tas-17 ta’ Jannar 2001, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, mogħti mill-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għarfien preċiż u ddettaljat tal-fatti mill-vittma ma huwiex wieħed mill-elementi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jibda jiddekorri t-terminu tal-preskrizzjoni (digriet tat-18 ta’ Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). Bl-istess mod, l-evalwazzjoni suġġettiva tar-realtà tad-dannu mill-vittma ta’ dan id-dannu ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni tal-azzjoni mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, punt 61, kif ukoll Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 37). |
|
71 |
Barra minn hekk, sa fejn ġie deċiż li, sabiex jingħata bidu għat-terminu ta’ preskrizzjoni ma huwiex rilevanti li l-aġir illegali tal-Komunità jkun ġie kkonstatat b’deċiżjoni ġudizzjarja [sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31], il-fatt li istituzzjoni tirrikonoxxi, hija stess, li kienet aġixxiet b’mod illegali lanqas ma jista’ jkollu effett fuq id-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni. |
|
72 |
Konsegwentement, l-argument dwar allegat żnaturament tad-digriet tas-17 ta’ Jannar 2001, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ukoll għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
73 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
74 |
It-tieni motiv imqajjem minn Inalca u Cremonini huwa bbażat fuq in-natura kontradittorja u illoġika tal-motivazzjoni tad-digriet appellat, kemm fir-rigward tal-ksur tal-ġurisprudenza f’dak li jikkonċerna l-preskrizzjoni tar-rikors għar-rigward tal-ispejjeż ta’ assistenza u ta’ konsulenza legali kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal. |
|
75 |
Inalca u Cremonini jilmentaw li l-Qorti Ġenrali kisret il-prinċipju ġenerali fil-qasam tad-dannu ta’ natura kontinwa, imsemmi fil-punti 56 u 57 tad-digriet appellat, billi fil-punti 71 u 72 qieset li d-danni inkwistjoni ma kellhomx tali natura kontinwa. Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradittorja sa fejn hija stess tirrikonoxxi li d-danni inkwistjoni ma setgħux jiġu kkwantifikati b’mod definittiv sa mill-bidu tal-proċeduri inkwisjtoni. Inalca u Cremonini jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fil-qasam tat-tassazzjoni tal-ispejjeż, li tiddetermina l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż skont in-numru ta’ sigħat tax-xogħol maħduma u tirrikonoxxi wkoll in-natura mhux istantanja tas-servizzi ta’ għoti ta’ pariti legali. |
|
76 |
Skont il-Kummissjoni, it-tieni aggravju huwa infondat. Minn naħa, Inalca u Cremonini ħawdu l-kwantifikazzjoni definittiva tal-ammont tad-dannu allegat mal-evalwazzjoni tan-natura kontinwa ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment li sar għall-ġurisprudenza fil-qasam tat-tassazzjoni tal-ispejjeż ma huwiex xieraq. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
77 |
F’dak li jirrigwarda danni ta’ natura kontinwa, fil-punt 56 tad-digriet appellat il-Qorti Ġenerali fakkar li meta d-danni ma jkunux ġew ikkawżati b’mod istantanju, iżda huma jkomplu jseħħu għal ċertu perijodu, id-dritt għal kumpens jirrigwarda perijodi suċċessivi. |
|
78 |
Fil-punt 71 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fil-każ ineżami, id-danni kkostitwiti mill-ispejjeż ta’ assistenza u ta’ konsulenza legali kif ukoll mill-ispejjeż tal-persunal inkorsi kienu ta’ natura istantanja, sa fejn huma twettqu b’mod effettiv fid-data li fih ingħata bidu għal kull waħda mill-proċeduri nazzjonali inkwistjoni. |
|
79 |
Fil-punt 72 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali żiedet li, anki jekk id-danni allegati ma setgħux jiġu kkwantifikati b’mod definittiv sa mill-bidu tal-proċeduri nazzjonali, huma jirriżultaw b’mod ċert mill-bidu ta’ dawn il-proċeduri. |
|
80 |
Issa, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Inalca u ta’ Cremonini, dannu jitqies li għandu natura kontinwa minħabba l-fatt li dan l-ammont jiżdied bi proporzjoni man-numru ta’ ġranet li jkunu għaddew [sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35]. |
|
81 |
Konsegwentement, huwa mingħajr kontradizzjoni ta’ motivazzjoni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-danni allegati, ikkostitwiti mill-ispejjeż ta’ assistenza u konsulenza legali, kif ukoll mill-ispejjeż tal-persunal li l-ġestjoni tal-fajls inkwistjoni ġabet magħha, ma kellhomx natura ta’ dannu kontinwu. Fil-fatt, minkejja li fid-data tal-bidu ta’ kull waħda mill-proċeduri inkwistjoni d-danni inkwistjoni kienu għadhom ma ġewx iffissati b’mod definittiv, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ammonti tagħhom ma żdidux bi proporzjoni man-numru ta’ ġranet li kienu għaddew iżda minħabba d-diversi istanzi ġudizzjarji mibdija. |
|
82 |
F’dan il-kuntest, ir-riferiment li Inalca u Cremonini għamlu għall-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam tat-tassazzjoni tal-ispejjeż ukoll għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, is-sempiċi fatt li l-ammont tal-ispejjeż jiġi ddeterminat skont in-numru ta’ sigħat maħduma ma jistax ikollu effett fuq in-natura tad-dannu kkostitwit minn servizz ta’ konsulenza legali. |
|
83 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tielet motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
84 |
It-tielet motiv imqajjem minn Inalca u Cremonini huwa bbażat fuq żnaturament tal-argumenti ppreżentati u minn ksur tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-talba għal kumpens tad-dannu subit fil-forma ta’ telf ta’ profitt. |
|
85 |
Inalca u Cremonini jqisu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 74 tad-digriet appellat, qieset li nuqqas ta’ preċiżjoni f’dak li jikkonċerna t-talba għal kumpens tad-dannu subit fil-forma ta’ telf ta’ profitt minħabba t-tnaqqis tad-disponibbiltajiet finanzjarji tagħhom wara l-ħlas tal-primjums relattivi għall-kuntratti ta’ garanzija ta’ ħlas u għall-ispejjeż ta’ assistenza u ta’ konsulenza legali kif ukoll ta’ persunal. |
|
86 |
Filwaqt li jfakkru l-iżviluppi ppreżentati fil-kuntest tar-rikors promotur tagħhom fl-ewwel istanza, Inalca u Cremonini jsostnu li huma ma kinux illimitaw ruħhom li jsostnu b’mod ġenerali li s-somom mitlufa setgħu jintużaw għall-parteċipazzjoni f’sejħiet għal offerti li jeħtieġu l-ħlas ta’ kawzjoni, iżda li huma kienu pprovdew lill-Qorti Ġenerali b’diversi provi. Huma jibbażaw ruħhom fuq ġurisprudenza li tgħid li l-qorti tista’ tikkuntenta ruħha bi stimi abbażi ta’ valuri tal-istatistika medji sa fejn jista’ jkun diffiċli, u saħansitra impossibbli għar-rikorrent li jikkwantifika b’mod eżatti d-dannu li huwa jallega li sostna (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-203, punti 63 sa 65). |
|
87 |
Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju huwa infondat. Fil-fatt, Inalca u Cemonini naqsu milli jippreċiżaw minn liema sejħiet għal offerti huma ġew esklużi u b’liema mod il-ħruġ ta’ poloz ta’ garanzija ikkawżalhom l-esklużjoni minn dawn is-sejħiet għal offerti. Barra minn hekk, ir-riferiment li sar għas-sentenza Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex rilevanti. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
88 |
Għandu jitfakkar li, fil-punt 74 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali analizzat it-talba għall-kumpens għad-dannu allegatament subit fil-forma ta’ nuqqas ta’ rebħ minħabba t-tnaqqis tar-riżorsi finanzjarji wara l-ħlas tal-primjums marbuta mal-kostituzzjoni tal-poloz ta’ garanzija u tal-ispejjeż ta’ assistenza u ta’ konsulenza legali kif ukoll tal-ispejjeż tal-persunal. Peress li Inalca u Cremonini llimitaw ruħhom li jsostnu b’mod ġenerali li s-somom hekk mitlufa setgħu jintużaw sabiex jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti li jeħtieġu l-ħlas ta’ kawżjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-talba għandha natura astratta u ċaħditha bħala inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
|
89 |
Sa fejn jirriżulta minn dan l-aggravju li din hija biss sempliċi formulazzjoni mill-ġdid tal-argumenti li diġà ġew ippreżentati fl-ewwel istanza fir-rigward tad-dannu allegatament subit fil-forma ta’ telf ta’ profitt, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-verità, Inalca u Cremonini qegħdin ifittxu li jikkontestaw l-evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet f’dan ir-rigward. |
|
90 |
Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija l-Qorti Ġenerali biss li għandha ġurisdizzjoni sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn, mid-dokumenti tal-proċess li tressqu quddiemha tirriżulta ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tagħha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tad-distorsjoni tal-provi li jiġu prodotti quddiemha, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Legris Industries vs Il-Kummissjoni, C-289/11 P, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
91 |
F’dan il-każ, Inalca u Cremonini la jibbażaw l-allegazzjonijiet tagħhom fuq ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali u lanqas fuq żnaturament tal-provi prodotti quddiemha. Għall-kuntrarju, huma jikkritikaw l-evalwazzjoni, bħala tali, magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq l-imsemmija provi u l-argumenti mressqa minn din tal-aħħar meta ddeċidiet li t-talba għall-kumpens għad-dannu allegat fil-forma ta’ telf ta’ profitt ma kinitx preċiża biżżejjed. |
|
92 |
F’dan ir-rigward, is-sentenza Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, invokata minn Inalca u Cremonini ma hijiex rilevanti, sa fejn il-punti ċċitati bl-ebda mod ma jagħmlu riferiment għall-obbligu li għandhom ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jippreċiżaw il-portata eżatta tad-dannu u li jiġi kkwantifikat l-ammont tal-kumpens mitlub, iżda jirrigwardaw il-prinċipji li għandhom jirregolaw il-metodu ta’ kif għandu jiġi kkalkolat it-telf ta’ profitt, b’mod iktar partikolari meta dan jikkonsisti fi dħulijiet ipotetiċi u dħulijiet alternattivi. |
|
93 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq il-ħames motiv
– L-argumenti tal-partijiet
|
94 |
Il-ħames motiv imqajjem minn Inalca u Cremonini, li għandu jiġi analizzat minn qabel, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq ksur tal-ġurisprudenza fil-qasam tad-danni morali u fuq in-natura manifestament illoġika tal-motivazzjoni. |
|
95 |
Inalca u Cremonini jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 79 tad-digriet appellat iddeċidiet li t-talba għall-kumpens tad-danni morali ma kinitx preċiża. Fil-fatt, minn naħa, l-att promotur kellu l-provi kollha neċessarji. Min-naħa l-oħra, minħabba karatteristiċi tad-danni morali, li, per definizzjoni, huwa impossibbli li jiġu kkwantifikati, Inalca u Cremonini ssuġġettaw ruħhom għall-evalwazzjoni xierqa tal-Qorti Ġenerali. Billi ċaħdet din it-talba, il-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza applikabbli għal dan il-qasam (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T-203/96, Ġabra p. II-4239, punt 108). |
|
96 |
Barra minn hekk, ir-riferiment li sar fil-punt 79 tad-digriet appellat għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 ta’ dan tal-aħħar jikkostitwixxi żball ta’ liġi addizzjonali. Fil-fatt, il-prinċipji stabbiliti f’dawn il-kawżi dwar danni materjali ma jistgħux jiġu trasposti għall-kwistjoni preżenti, liema kwistjoni tikkonċerna esklużivament il-kumpens għal danni morali. |
|
97 |
Il-Kummissjoni tfakkar li t-talba għall-kumpens tad-danni morali ġiet iddikjarata inammissibbli mhux biss minħabba l-preskrizzjoni, iżda wkoll peress li hija ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, il-ħames aggravju ma huwiex fondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
98 |
Għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tad-danni morali fil-forma ta’ effett ħażin fuq ir-reputazzjoni kummerċjali ta’ Inalca u ta’ Cremonini minħabba l-involviment tagħhom fi proċeduri amministrattivi, ċivili u kriminali, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 77 tad-digriet appellat ikkonstatat li dan id-dannu seħħ meta nbdew dawn il-proċeduri matul is-snin 1999 u 2000 u li, konsegwentement, l-azzjoni relattiva għalih hija preskritta. |
|
99 |
Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali injorat l-argument ta’ Inalca u ta’ Cremonini li jgħid li dan id-dannu kellu natura kontinwa sal-għoti tas-sentenza tat-Tribunale civile di Roma fl-2005. Hija ppreċiżat li d-danni morali allegati, anki jekk wieħed jaċċetta li damu sa din id-data, seħħew kollha kemm huma sa minn meta Inalca u Cremonini u d-diriġenti tagħhom ġew involuti fil-proċeduri msemmija iktar ’il fuq fl-1999 u fl-2000. Billi għamlet riferiment għall-karatteristiċi li dannu għandu jkollu sabiex jiġi kklassifikat bħala “dannu kontinwu”, bħalma huma dawk li jirriżultaw mill-punti 56 u 57 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-danni morali allegati ma jistgħux jiġu assimilati ma’ tali dannu. |
|
100 |
Fil-punt 79 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali żiedet li, “barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, [...] it-talba għall-kumpens tad-danni morali hija nieqsa mill-preċiżjoni neċessarja u fi kwalunkwe ipoteżi għandha tiġi ddikjarata inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(ċ), [...]tar-Regoli tal-Proċedura [tagħha]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
101 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li din iċ-ċaħda, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tat-talba għall-kumpens għad-danni morali allegati hija bbażata fuq żewġ raġunijiet distinti. |
|
102 |
F’dak li jirrigwarda t-tieni raġuni kkontestata fil-kuntest tal-ħames aggravju, dwar in-natura astratta tar-rikors, il-Qorti Ġenerali, ġustament u mingħajr ma wettqet ksur tal-ġurisprudenza, fakkret li r-rikors għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat id-dannu allegat u li tiġi evalwata n-natura u l-portata tiegħu. |
|
103 |
F’dan ir-rigward, l-argument ta’ Inalca u ta’ Cremonini li jikkonsisti fl-affermazzjoni li r-rekwiżiti minimi meħtieġa fil-livell tar-rikors, b’mod konformi mal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, huma applikabbli biss għad-danni materjali u għaldaqstant ma japplikawx għall-ipoteżi tad-danni morali, għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, dan l-argument ma huwa bbażat fuq ebda element ġuridiku ta’ natura li jikkontesta s-soluzzjoni li l-Qorti Ġenerali waslet għaliha. |
|
104 |
F’dak li jikkonċerna l-argument ta’ Inalca u ta’ Cremonini dwar l-impossibbiltà li d-danni morali jiġu kkwantifikati, għandu jitfakkar li ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari meta jkun diffiċli li d-dannu allegat jiġi kkwantifikat, ma huwiex indispensabbli li l-portata eżatta tiegħu tiġi ppreċiżata fir-rikors u lanqas li jiġi kkwantifikat l-ammont tal-kumpens mitlub (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1979, Granaria vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 90/78, Ġabra p. 1081, 1090, u tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il-Parlament, C-150/03 P, Ġabra p. I-8691, punt 62). Madankollu, Inalca u Cremonini ma stabbilixxewx, u lanqas ma allegaw, l-eżistenza ta’ ċirkostanzi partikolari li jiġġustifikaw l-ommissjoni li dan il-kap ta’ dannu jiġi ppreċiżat fir-rikors. |
|
105 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq ir-raba’ aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
106 |
Ir-raba’ aggravju mqajjem minn Inalca u Cremonini huwa bbażat fuq ksur tal-ġurisprudenza Komunitarja u min-natura manifestament illoġika tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali sa fejn dan tal-aħħar qies li d-danni morali subiti minn Inalca u Cremonini seħħew kollha kemm huma fl-1999 u l-2000 u li għaldaqstant ma setgħux jitqiesu bħala dannu kontinwu. |
|
107 |
Inalca u Cremonini jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma tagħti ebda importanza lill-karatteristiċi partikolari tad-danni morali u tinjora l-fatt li, min-natura tiegħu stess, id-dannu mhux materjali ma jintemmx fil-mument li fih huwa jseħħ, iżda jkompli sal-mument fejn l-avveniment li jsewwi dan id-dannu jseħħ. F’dan ir-rigward, Inalca u Cremonini jagħmlu riferiment b’mod partikolari għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T-48/05, Ġabra p. II-1585, punti 400 sa 411) kif ukoll is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il-Kummissjoni (F-23/05, ĠabraSP p. I-A-1-00121 u II-A-1-657, punt 203). |
|
108 |
Huma jżidu li r-riferiment li sar fil-punt 78 tad-digriet appellat għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 56 u 57 ta’ dan tal-aħħar jikkostitwixxi żball ta’ liġi addizzjonali. Fil-fatt, il-prinċipji identifikati f’dawn il-kawżi dwar danni materjali ma jistgħux jiġu trasposti għall-preżenti kwistjoni, liema kwistjoni tikkonċerna n-natura kontinwa tad-danni morali. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
109 |
Hekk kif jirriżulta mill-punti 100 u 101 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-talba għall-kumpens tad-danni morali allegati hija bbażata fuq żewġ raġunijiet distinti. |
|
110 |
Fir-rigward tal-arguemnti dwar ir-raba’ aggravju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn huwa diretti kontra l-ewwel motiv li fuqu bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad it-talba għall-kumpens għad-danni morali allegat minħabba preskrizzjoni tal-azzjoni relattiva għaliha. |
|
111 |
Anki jekk wieħed jassumi li dawn l-argumenti huma fondati, qabelxejn dawn għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali waslet għaliha fil-punt 79 tad-digriet appellat, li tiddikjara, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, it-talba għall-kumpens tad-danni morali bħala inammissibbli. |
|
112 |
Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
Fuq is-sitt aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
113 |
Is-sitt aggravju mqajjem minn Inalca u Cremonini huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li jikkonċerna l-kundizzjoni ta’ kawżalità bejn il-fatt ġeneratur li l-Kummissjoni hija kkritikata bih u d-dannu allegat, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li hemm assenza ta’ rabta kawżali. |
|
114 |
Inalca u Cremonini jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni li, fil-verità, kulma huma kienu għamlu kien li osservaw waħda miż-żewġ obbligazzjonijiet alternattivi li rriżultaw mid-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-15 ta’ Jannar 1999. L-eżistenza tar-rabta kawżali hija kkonfermata mill-fatt li, ladarba l-ineżistenza tad-djun tal-Kummissjoni ġiet ikkonstatata, l-awtoritajiet irrilaxxaw immedjatament il-garanziji. |
|
115 |
Barra minn hekk, Inalca u Cremonini jikkonfutaw l-argument inċidentali fformulat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 93 tad-digriet appellat, li jgħid li ma ġiex stabbilit li l-intervent tal-awtoritajiet Taljani ma kienx ta’ natura li jikser ir-rabta kawżali diretta bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu allegat. |
|
116 |
Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
117 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 88 tad-digriet appellat, li d-dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkritikat u jikkostitwixxi l-kawża determinanti ta’ dan id-dannu. |
|
118 |
Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll, fil-punt 91 tad-digriet appellat, li meta deċiżjoni li timponi l-ħlas ta’ multa tkun tinkludi l-fakultà li tiġi kkostitwita garanzija għall-imsemmi ħlas u l-interessi moratorji, fl-istennija għar-riżultat ta’ azzjoni mressqa kontra din id-deċiżjoni, id-dannu li jikkonsisti fl-ispejjeż tal-garanzija ma jkunx jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni, iżda mill-għażla tal-persuna kkonċernata stess li tikkostitwixxi garanzija minflok ma teżegwixxi l-obbligu ta’ rimbors immedjatament. |
|
119 |
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 92 tad-digriet appellat, li, f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-15 ta’ Jannar 1999 ma kienu jinkludu ebda obbligu li jiġu kkostitwiti garanziji, imma kienu jħallu l-għażla għall-evalwazzjoni ħielsa ta’ Inalca u ta’ Cremonini. Hija żiedet, hekk kif qajjem l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, kieku Inalca u Cremonini għażlu r-rimbors immedjat tas-sussidji fuq l-esportazzjoni, huma kienu jevitaw li jkollhom iħallsu l-ispejjeż marbuta mal-kostituzzjoni tal-imsemmija poloz. |
|
120 |
Konsegwentement, fil-punt 93 tad-digriet appellat, huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali setgħet diddeduċi li, anki jekk wieħed jassumi li l-intervent tal-awtoritajiet Taljani ma kienx ta’ natura li jikser ir-rabta kawżali bejn l-aġir li l-Kummissjoni hija kkritikata bih u d-dannu allegat, ma teżisti ebda rabta kawżali diretta bejn dan l-aġir u l-imsemmi dannu. |
|
121 |
Il-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali la tista’ tiġi kkontestata mill-argument ta’ Inalca u Cremonini intiż sabiex isostnu li kulma għamlu huma kien li josservaw waħda miż-żewġ obbligi alternattivi previsti bid-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-15 ta’ Jannar 1999 u lanqas ma tista’ tiġi kkontestata bil-fatt li l-garanzijiet ġew rilaxxati immedjatament ladarba l-ineżistenza ġie stabbilit li ma kien hemm ebda dejn dovut. |
|
122 |
Fir-rigward tal-argument kontra l-punt 93 tad-digriet appellat, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament ifformulat mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt jibda mill-premessa li tgħid li l-intervent tal-awtoritajiet Taljani ma kinitx ta’ natura li tikser ir-rabta’ kawżali bejn l-aġir li l-Kummissjoni hija kkritikata biħ u d-dannu allegat. |
|
123 |
F’dan ir-rigward, ma huwiex ta’ importanza li wieħed isir jaf jekk il-premessa għandhiex titqies bħala stabbilita, hekk kif jissuġġerixxu Inalca u Cremonini fil-kuntest ta’ dan il-motiv, jew bħala mhux stabbilita, hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kull argument dwar din il-premessa għandu jiġi kklassifikat bħala ineffettiv sa fejn ikun hemm bżonn, fi kwalunkwe każ, li jiġi konkluż li hemm assenza ta’ rabta kawżali bejn l-ittra tal-UCLAF tas-6 ta’ Lulju 1998 u l-ħlas tal-ispejjeż relattivi għall-poloz ta’ garanzija. |
|
124 |
Għaldaqstant, is-seba’ aggravu għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
Fuq is-seba’ aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
125 |
Permezz tas-seba’ u l-aħħar aggravju tal-appell, Inalca u Cremonini jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat minħabba li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli tal-proċedura. Fil-fatt, mhux biss il-proċedura tal-ewwel istanza damet iktar minn tliet snin, iżda, fuq kollox, kulma l-Qorti Ġenerali għamlet kien li ddeċidiet dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors. |
|
126 |
Prinċipalment, Inalca u Cremonini jsostnu li, fir-rigward tal-oriġini fattwali u proċedurali ta’ dan l-appell, ma huwiex neċessarju li jintwera li d-dewmien eċċessiv tal-proċedura kellu effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima. Sussidjarjament, huma jqisu li, qabelxejn, id-digriet appellat huwa vvizzjat b’diversi żbalji ta’ liġi. Sussegwentement huma jżidu li, billi kienet imbarazzata li damet iktar minn tliet snin sabiex issolvi biss il-kwistjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ħassitha obbligata tiddeċiedi wkoll fuq il-mertu tat-tilwima, u b’hekk iċċaħdet minn strumenti proċedurali oħra li kienu jippermettulha li tasal għal konklużjonijiet li ma fihom ebda żball ta’ liġi. Fl-aħħar nett, Inalca u Cremonini jirriżervaw id-dritt li jressqu azzjoni għall-kumpens għad-danni fir-rigward tad-dannu subit minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċedura mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
127 |
Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju wkoll għandu jiġi miċħud. Hija żżid li r-riferiment li sar għal eventwali azzjoni ġdida għall-kumpens għad-dannu kkawżat mid-dewmien eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jikkonferma li tali azzjoni ma taqax fil-portata ta’ dan l-appell. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
128 |
Għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ fin-nuqqas ta’ kull indizju li juri li t-tul tal-proċeduri kellu impatt fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, l-aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali qabżet il-ħtiġijiet marbuta mal-osservanza tat-terminu raġonevoli ma jistax, bħala regola ġenerali, iwassal għall-annullament tas-sentenza mogħtija minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 203). |
|
129 |
Fir-rigward tal-indizji li jipprevalixxu ruħhom minnhom Inalca u Cremonini, għandu jiġi kkonstatat li d-digriet appellat ma huwa vvizzjat minn ebda żball ta’ liġi u li l-istrumenti proċedurali differenti ma kellhom ebda impatt fuq ir-riżultat li waslet għalih il-Qorti Ġenerali. |
|
130 |
Fi kwalunkwe każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, u kif meqjus minn Inalca u Cremonini stess, in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni f’terminu raġonevoli, jekk jiġi stabbilit, jista’ jagħti lok għal talba għad-danni permezz ta’ azzjoni mressqa kontra l-Unjoni taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. |
|
131 |
Għaldaqstant, is-seba’ u l-aħħar aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
132 |
Billi ebda wieħed mill-aggravji invokati minn Inalca u Cremonini ma intlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
133 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikoli 184(1) u 190(1) tiegħu, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Inalca u Cremonini tilfu l-aggravji tagħhom, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż relattivi għall-appell prinċipali, kif mitlub mill-Kummissjoni. Billi l-Kummissjoni tilfet l-aggravju tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż relattivi għal dan l-appell inċidentali, kif mitlub minn Inalca u Cremonini. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.