Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
19 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Inċident tat-traffiku kkawżat mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li kien qiegħed isuq vettura taħt l-influwenza ta’ sustanza li toħloq dipendenza – Azzjoni ta’ rkupru mibdija mill-assiguratur kontra d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni – Leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali li ma jippermettux lill-qorti tnaqqas l-ammont mitlub mill-assiguratur – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 14 u 47 – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”
Fil-Kawża C‑29/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Diċembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura
KOOPERATIVA poisťovňa, a.s. Vienna Insurance Group
vs
O. A.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President ta’ Awla, R. Frendo, N. Jääskinen, M. Condinanzi u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Larišová u A. Lukáčik, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, R. Lindenthal u A. Manzaneque Valverde, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), moqrija flimkien mal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn KOOPERATIVA poisťovňa, a.s. Vienna Insurance Group (iktar ’il quddiem “Kooperativa”), kumpannija tal-assigurazzjoni, u O. A., id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, dwar talba għar-rimbors tal-kumpens imħallas lill-vittma ta’ inċident tat-traffiku abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 1, 2, 20, 49 u 50 tad-Direttiva 2009/103 jipprovdu:
“(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal‑24 ta’ April, 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10)], it-tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat‑30 ta’ Diċembru, 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3)], it-tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE tal‑14 ta’ Mejju, 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249)], u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Mejju, 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur [u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE u 88/357/KEE] (ir-raba’ Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-vetturi) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331)] ġew emendati kemm-il darba, b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, dawn l-erba’ Direttivi għandhom jiġu kodifikati kif ukoll id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/14/KE tal‑11 ta’ Mejju, 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE, 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur [(ĠU 2005, L 149, p. 14)].
(2) Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għal dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ inċident. Għandha wkoll importanza ewlenija għal impriżi ta’ assigurazzjoni billi tikkostitwixxi parti importanti tan-negozju tal-assigurazzjoni li ma tirrigwardax il-ħajja, konklużi fil-Komunità. […]
[…]
(20) Il-vittmi tal-inċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn fil-Komunità jseħħu l-inċidenti.
[…]
(49) Persuni ġuridiċi li bil-liġi huma surrogati lill-parti li tkun sofriet ħsara fil-pretensjonijiet tagħha kontra l-persuna responsabbli għall-inċident jew tal-impriża ta’ assigurazzjoni ta’ dan tal-aħħar (bħal ma huma, per eżempju, impriżi oħra ta’ assigurazzjoni jew korpi ta’ sigurtà soċjali) m’għandhomx ikunu intitolati li jippreżentaw pretensjoni korrispondenti lill-korp ta’ indennizz.
(50) Huwa meħtieġ li l-korp ta’ indennizz għandu jkollu d-dritt ta’ surroga safejn hu jkun indennizza l-parti li tkun sofriet ħsara. Sabiex tkun iffaċilitata l-azzjoni tal-korp ta’ indennizz kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni meta din tkun naqset li taħtar rappreżentant jew tkun manifestament ittardjat fil-pagament ta’ pretensjoni, il-korp ta’ indennizz fl-Istat tal-parti li tkun sofriet ħsara għandu jgawdi wkoll minn dritt awtomatiku għal ħlas lura b’surroga fid-drittijiet tal-parti li tkun sofriet ħsara min-naħa tal-korp korrispondenti fl-Istat ta’ fejn l-impriża ta’ assigurazzjoni tkun stabbilita. Dan il-korp hu l-iżjed addattat biex jibda l-proċeduri ta’ rikors kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni.”
4 L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jipprovdi, fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tiegħu:
“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.
Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.”
5 L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Klawsoli ta’ esklużjoni”, jipprovdi:
“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident, fejn dik id-dispożizzjoni statutorja jew klawsola kuntrattwali tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:
(a) persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għal dan,
(b) persuni li ma jkollhomx liċenza li tippermettilhom isuqu l-vettura konċernata,
(c) persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura konċernata.
Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jkun jista’ juri li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.
L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu jekk u sakemm il-vittma tkun tista’ takkwista kumpens għall-ħsara li tkun saritilha mingħand korp ta’ sigurtà soċjali.”
6 L-Artikolu 24 tal-istess direttiva, intitolat “Il-Korpi ta’ kumpens”, jipprovdi:
“1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew japprova korp ta’ kumpens responsabbli biex jipprovdi kumpens lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara fil-każi imsemmija fl-Artikolu 20(1).
[…]
(2) Il-korp ta’ kumpens li jkun ta kumpens lill-parti li tkun sofriet ħsara fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu għandu jkun intitolat jitlob rimborż tas-somma mħallsa bħala kumpens mill-korp ta’ kumpens fl-Istat Membru tal-istabbiliment tal-impriża ta’ assigurazzjoni li tkun ħarġet il-polza.
Dan il-korp tal-aħħar għandu jkun surrogat fid-drittijiet tal- parti li tkun sofriet ħsara kontra l-persuna li kkawżat l-inċident jew l-impriża ta’ assigurazzjoni tagħha safejn il-korp ta’ kumpens fl-Istat Membru tar-residenza tal-parti li tkun sofriet ħsara jkun ipprovda kumpens għat-telf jew għall-korriment subit.
Kull Stat Membru huwa obbligat li jirrikonoxxi din is-surroga kif prevista minn kull Stat Membru ieħor.
[…]”
7 L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2009/103 intitolat “Kumpens”, jipprovdi:
“1. Jekk ikun impossibbli li tkun identifikata l-vettura jew jekk, fi żmien xahrejn wara l-inċident, ma jkunx possibbli li tkun identifikata l-impriża ta’ assigurazzjoni, il-parti li tkun sofriet ħsara tista’ tagħmel talba għal kumpens lill-korp ta’ kumpens fl-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha. […] F’dan il-każ, il-korp ta’ kumpens għandu jkollu pretensjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24(2):
(a) meta l-impriża ta’ assigurazzjoni ma tkunx tista’ tiġi identifikata, kontra l-fond ta’ garanzija tal-Istat Membru li fih il-vettura normalment tkun ibbażata;
(b) fil-każ ta’ vettura li ma tkunx identifikata, kontra l-fond ta’ garanzija tal-Istat Membru li fih ikun seħħ l-inċident;
(c) fil-każ ta’ vetturi minn pajjiż terz: kontra l-fond ta’ garanzija tal-Istat Membru li fih ikun seħħ l-inċident.
[…]”
8 Kif jirriżulta mill-Artikoli 29 u 30 tagħha, din id-Direttiva 2009/103 ħassret u ssostitwiet, b’effett mis‑27 ta’ Ottubru 2009 id-Direttiva 72/166, it-Tieni Direttiva 84/5, it-Tielet Direttiva 90/232, id-Direttiva 2000/26 kif ukoll id-Direttiva 2005/14, kif emendati bid-direttivi msemmija fl-Anness I, Parti A tal-imsemmija Direttiva 2009/103.
Id-dritt Slovakk
Il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja
9 Iż-zákon č. 381/2001 Z. z. o povinnom zmluvnom poistení zodpovednosti za škodu spôsobenú prevádzkou motorového vozidla (il-Liġi Nru 381/2001 dwar il-Kuntratt ta’ Assigurazzjoni Obbligatorja għar-Responsabbiltà Ċivili fir-Rigward tal-Użu ta’ Vettura bil-Mutur, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja”) tittrasponi d-Direttiva 2009/103 fid-dritt Slovakk.
10 L-Artikolu 1(2) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja jipprovdi li għandhom japplikaw regoli speċifiċi għall-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, sakemm din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. Nota ta’ qiegħ il-paġna relatata ma’ din id-dispożizzjoni tirreferi għall-atti leġiżlattivi applikabbli għall-assigurazzjoni tar-responsabbiltà, jiġifieri ż-zákon č. 40/1964 Zb. Občiansky zákonník (il-Liġi Nru 40/1964 dwar il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) kif ukoll iż-zákon č. 95/2002 Z. z. o poisťovníctve (il-Liġi Nru 95/2002 dwar l-Assigurazzjoni) tal‑1 ta’ Frar 2002.
11 L-Artikolu 12 tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, intitolat “Dritt tal-assiguratur għar-rimbors tal-kumpens tal-assigurazzjoni”, jipprovdi:
“1) L-assiguratur għandu, fil-konfront tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, dritt għar-rimbors tal-benefiċċju ta’ assigurazzjoni kollu jew parti minnu li huwa ħallas f’isem id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ dannu li jirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur jekk id-detentur tal-polza
(a) ikkawża d-dannu b’mod intenzjonali jew kien qiegħed isuq taħt l-influwenza ta’ sustanza li toħloq dipendenza,
[…]”
Il-Kodiċi Ċivili
12 L-Artikolu 450 tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:
“Għal raġunijiet ta’ ekwità, il-qorti għandha tnaqqas id-danni b’mod xieraq. Għal dan l-għan, din għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-mod li bih seħħ id-dannu kif ukoll is-sitwazzjoni personali u finanzjarja tal-persuna fiżika li kkawżatu; hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni tal-persuna fiżika li sofriet id-dannu. L-ebda tnaqqis ma huwa possibbli meta d-dannu jiġi kkawżat intenzjonalment.”
13 L-Artikolu 822 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:
“Fil-kuntest tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, l-assigurat għandu d-dritt, fil-każ li jseħħ l-avveniment assigurat, li l-assiguratur iwettaq f’ismu l-kumpens għad-dannu li għalih huwa responsabbli l-assigurat, konformement mat-termini tal-polza ta’ assigurazzjoni.”
14 L-Artikolu 826 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi dan li ġej:
“Jekk il-persuna assigurata tikkawża danni minħabba l-konsum tal-alkoħol jew ta’ sustanzi li joħolqu dipendenza, l-assiguratur għandu d-dritt li jitlob lill-persuna assigurata l-kumpens xieraq għall-kumpens li huwa jkun ipprovda minflokha.”
15 L-Artikolu 827 tal-istess kodiċi jipprovdi:
“Fil-każ ta’ kumpens għal dannu f’isem l-assigurat, l-assiguratur għandu jissostitwixxi d-dritt tal-assigurat għal kumpens jew għal kull dritt simili li dan tal-aħħar ikun kiseb kontra terz abbażi tar-responsabbiltà tiegħu għad-dannu. Jekk l-assiguratur jiġi sostitwit bi dritt għal kumpens kontra persuna fiżika, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 450 għandhom japplikaw mutatis mutandis.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
16 Il-konvenut fil-kawża prinċipali, O. A., ikkawża inċident tat-traffiku waqt li kien qiegħed isuq vettura taħt l-influwenza ta’ sustanza li toħloq dipendenza. Fil-kuntest tal-proċeduri kriminali sussegwenti għal dan l-inċident, huwa ġie rrikonoxxut ħati ta’ reati ta’ offiża fuq il-persuna kif ukoll ta’ perikolu għal ħaddieħor taħt l-influwenza ta’ sustanza li toħloq dipendenza u ġie kkundannat iħallas lill-persuna li sofriet id-dannu l-ammont ta’ 94 682 koruna Slovakka (SKK) (madwar EUR 3 142) bħala danni.
17 Kooperativa, l-assiguratur tal-karozza misjuqa minn O. A., ħallas lill-persuna li sofriet id-dannu mill-inċident is-somma ta’ EUR 11 228 minħabba dannu għall-ħajja soċjali tagħha.
18 Kooperativa sussegwentement talbet mingħand O. A., abbażi tal-Artikolu 12 tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, ir-rimbors ta’ din is-somma, minħabba li dan kien qiegħed isuq il-vettura taħt l-influwenza ta’ sustanza li toħloq dipendenza. O. A. ma ħallasx l-ammont mitlub, billi invoka s-sitwazzjoni soċjali diffiċli tiegħu.
19 Kooperativa adixxiet lill-Okresný súd Humenné (il-Qorti Distrettwali ta’ Humenné, is-Slovakkja) li, permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2017 mogħtija fil-kontumaċja, laqgħet dan ir-rikors. Din is-sentenza ġiet annullata mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), li hija l-qorti tar-rinviju, u l-kawża ntbagħtet lura lil din il-qorti.
20 Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2018, l-Okresný súd Humenné (il-Qorti Distrettwali ta’ Humenné) laqgħet ir-rikors ta’ Kooperativa, deċiżjoni li ġiet, mill-ġdid, annullata mill-qorti tar-rinviju, li ordnat lil din il-qorti teżamina, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-proporzjonalità tas-somma mitluba mill-kumpannija ta’ assigurazzjoni minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar il-kumpens għad-dannu kellhom japplikaw f’dan il-każ.
21 Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Frar 2019, l-Okresný súd Humenné (il-Qorti Distrettwali ta’ Humenné) laqgħet, għat-tielet darba, ir-rikors ta’ KOOPERATIVA fl-intier tiegħu, billi enfasizzat li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax dritt għal kumpens, iżda dritt tal-assiguratur li jikseb, permezz ta’ azzjoni ta’ rkupru kontra d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, ir-rimbors tal-kumpens imħallas lill-vittma tal-inċident. B’hekk, din il-qorti qieset li l-Artikolu 450 tal-Kodiċi Ċivili, li jawtorizza lill-qorti tnaqqas id-danni b’mod xieraq, ma kienx japplika f’dan il-każ.
22 Billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka), il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2020, ikkonfermat is-sentenza tal-Okresný súd Humenné (il-Qorti Distrettwali ta’ Humenné) tat‑13 ta’ Frar 2019 sa fejn din ordnat il-ħlas minn O. A. lil Kooperativa tas-somma ta’ EUR 3 742,70, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju eżerċitat is-setgħa ta’ moderazzjoni, skont l-Artikolu 450 tal-Kodiċi Ċivili, peress li, fid-dawl tal-kundanna ta’ O. A. għall-ħlas ta’ danni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u tas-sitwazzjoni soċjali tiegħu, il-ħlas tal-ammont mitlub minn Kooperativa jista’ jkollu bħala konsegwenza li din ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tiżgura kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti.
23 Din is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2020 ġiet annullata permezz ta’ digriet mogħti, fid‑29 ta’ Ġunju 2021, min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) adita b’appell ippreżentat minn Kooperativa. Din l-aħħar qorti enfasizzat, filwaqt li fakkret il-ġurisprudenza preċedenti tagħha, li l-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja hija lex specialis meta mqabbla mas-sistema ġenerali tal-Kodiċi Ċivili u ma tipprevedix possibbiltà, għall-qorti nazzjonali, li timmodera l-ammont mitlub mill-assiguratur mingħand id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru għar-rimbors tal-kumpens imħallas lill-vittma ta’ inċident tat-traffiku f’isem il-persuna assigurata.
24 Adita bir-rinviju tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovakkja), il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, ċaħdet ir-rikors ta’ Kooperativa, billi rreferiet għas-sitwazzjoni soċjali ta’ O. A. u għall-ġurisprudenza tal-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka), li tipprovdi li qorti hija obbligata biex teżamina s-sitwazzjoni tal-persuna li kkawżat id-dannu u biex tiddetermina b’mod xieraq l-ammont li għandu jiġi allokat fil-kuntest tal-azzjoni ta’ rkupru mressqa kontra l-persuna responsabbli għall-inċident b’tali mod li tipproduċi effett dissważiv, iżda mingħajr ma tiġi ppreġudikata b’mod eċċessiv is-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna kkonċernata.
25 Din is-sentenza ġiet annullata permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2024 tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) li bbażat ruħha fuq ġurisprudenza differenti tal-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka), li kkonkludiet li l-qorti nazzjonali ma kinitx awtorizzata timmodera l-ammont li għandu jiġi allokat fil-kuntest tal-azzjoni ta’ rkupru tal-assiguratur.
26 Adita b’rinviju tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), il-qorti tar-rinviju tindika, qabel kollox, li, fiż-żmien tal-fatti, il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, li tittrasponi d-Direttiva 2009/103, kienet tapplika, filwaqt li l-Kodiċi Ċivili kien jirregola l-azzjoni ta’ rkupru fil-kuntest tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, b’mod partikolari fl-Artikoli 822 u 826 tiegħu. L-Artikolu 450 ta’ dan il-kodiċi kien jagħti lill-qorti setgħa ta’ moderazzjoni li tippermettilha, għal raġunijiet ta’ ekwità, tevalwa n-natura xierqa tas-somma dovuta lill-assiguratur fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru.
27 Issa, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li din is-setgħa ta’ moderazzjoni ma kinitx tapplika sa fejn ma hijiex espressament prevista mil-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, b’tali mod li l-assiguratur biss jista’ jnaqqas l-ammont dovut lilu għall-azzjoni ta’ rkupru. Skont il-qorti tar-rinviju, din il-ġurisprudenza tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li, fis-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni, il-pożizzjoni tal-persuna assigurata tkun inqas favorevoli minn dik f’sitwazzjoni simili rregolata mid-dritt nazzjonali.
28 Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kawża prinċipali tirrigwarda dritt li l-kumpannija ta’ assigurazzjoni tislet minn kuntratt konkluż ma’ detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni, li jibbenefika mill-kwalità ta’ konsumatur skont id-Direttiva 93/13. Issa, peress li din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-konsumaturi, kull dritt kuntrattwali eżerċitat minn kummerċjant għandu jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Konsegwentement, din il-qorti, filwaqt li tirreferi wkoll għall-prinċipju ta’ ekwivalenza, tqis li qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tevalwa u, jekk ikun il-każ, tnaqqas, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-ammont li għandu jitħallas lill-professjonist.
29 Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisprudenza li tgħid li qorti ma għandhiex il-possibbiltà li timmodera, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-ammont li għandu jingħata lill-assiguratur fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru mressqa minnu kontra l-assigurat tiegħu tmur kontra l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta, peress li ma tippermettix l-intervent ta’ arbitru indipendenti li jista’ jevalwa ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża.
30 F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-[Direttiva 2009/103], u d-[Direttiva 93/13], moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 17 tal-[Karta], fil-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru mressqa minn assiguratur kontra persuna li kkawżat id-dannu li jirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, ma tippermettix lill-qorti tevalwa u tnaqqas b’mod xieraq, għal motivi ta’ ekwità, l-ammont tad-dritt ta’ rkupru tal-assiguratur, għalkemm skont ir-regoli ġenerali tal-Kodiċi Ċivili, il-qorti tista’, għal motivi ta’ ekwità, tevalwa u tnaqqas b’mod xieraq id-dritt għal kumpens meta tiddeċiedi fuq l-azzjoni għal kumpens għad-dannu?”
Fuq l-ammissibbiltà
31 Il-Gvern Slovakk jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-Kummissjoni Ewropea tindika, min-naħa tagħha, li din it-talba ma tinkludix deskrizzjoni suffiċjentement iddettaljata tal-fatti u tal-kuntest ġuridiku biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domanda preliminari.
32 Fl-ewwel lok, il-Gvern Slovakk u, essenzjalment, il-Kummissjoni jsostnu li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Gvern Slovakk isostni li l-qorti tar-rinviju ma esponietx raġunijiet li jagħmlu neċessarja interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti s-sentenza tagħha u ma ppreċiżatx ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija tirrileva l-assenza, f’din id-deċiżjoni, ta’ kull kronoloġija tal-fatti li jippermettu li tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttivi 2009/103 u 93/13 kif ukoll tal-indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dawn id-direttivi li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba.
33 Fit-tieni lok, il-Gvern Slovakk isostni li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex relatata mas-suġġett tal-kawża prinċipali.
34 Fit-tielet lok, dan il-gvern isostni li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx kif il-leġiżlazzjoni Slovakka inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta ma jistgħux, waħedhom, jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
35 F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument li jgħid li l-qorti tar-rinviju la esponiet b’mod ċar ir-raġunijiet li jirrendu neċessarja interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti s-sentenza tagħha u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn l-atti u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domanda preliminari u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 12 tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2009/103, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi biżżejjed elementi biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżamina jekk din id-direttiva tirregolax is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ assiguratur biex jikseb, permezz ta’ azzjoni għall-irkupru, ir-rimbors mill-assigurat tas-somom imħallsa f’ismu fil-kuntest tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur.
36 It-tieni nett, għandu jitqies li l-assenza ta’ kronoloġija tal-fatti rrilevata mill-Kummissjoni ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula, peress li, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, id-Direttiva 2009/103 kkodifikat id-Direttivi 72/166, 84/5, 90/232, 2000/26 u 2005/14 u mill-premessi 2 u 20 tagħha jirriżulta li hija ssegwi l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija minn dawn id-direttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut, C‑236/23, EU:C:2024:761, punti 29 u 30). Minn dan isegwi li d-determinazzjoni tad-direttiva applikabbli ratione temporis ma hijiex indispensabbli għal dan l-għan.
37 It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-indikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2009/103 ma hijiex indispensabbli biex tingħata risposta b’mod utli għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-obbligi eventwalment imposti minn din id-direttiva f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni ta’ rkupru mill-assiguratur kontra l-assigurat tiegħu.
38 Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardawx effettivament l-għan tad-Direttiva 2009/103, din il-kwistjoni hija konfuża ma’ dik tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u taqa’, għaldaqstant, taħt l-eżami tal-mertu tad-domanda magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 30).
39 L-istess japplika għall-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li tiddependi mir-risposta għad-domanda dwar jekk id-Direttiva 2009/103 tirregolax sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u taqax ukoll taħt l-eżami tal-mertu tad-domanda preliminari.
40 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Direttiva 93/13, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda riferiment għal klawżola kuntrattwali li tista’ tkun rilevanti fir-rigward ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha għal sempliċi osservazzjoni ġenerali li tgħid li d-dritt tal-assiguratur, eżerċitat permezz tal-azzjoni ta’ rkupru, huwa bbażat fuq kuntratt ta’ assigurazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissodisfax, fuq dan il-punt, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura.
41 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, ħlief sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13.
Fuq id-domanda preliminari
42 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2009/103, moqrija flimkien mal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta u fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jippermettux lill-qorti tevalwa u, jekk ikun il-każ, tnaqqas, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-ammont mitlub mill-assiguratur fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru kontra d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, responsabbli għal inċident tat-traffiku, għar-rimbors tal-kumpens imħallas lill-vittma f’isem dan tal-aħħar, abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur.
43 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk tali dispożizzjonijiet jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103.
44 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2009/103 ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tipprevedi dritt tal-assiguratur għar-rimbors mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, responsabbli għal inċident tat-traffiku, tas-somom imħallsa lill-vittma f’isem dan tal-aħħar, bħala assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur u lanqas, a fortiori, il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali dritt.
45 Minn dan jista’ jiġi dedott li tali dritt ma huwiex irregolat mid-Direttiva 2009/103.
46 Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-kuntest u mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur.
47 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103, id-dispożizzjonijiet legali jew il-klawżoli kuntrattwali li jeskludu mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn ċerti kategoriji ta’ sewwieqa jitqiesu mingħajr effett, iżda biss fir-rigward tar-rikors ta’ terzi vittmi ta’ inċident.
48 Bl-istess mod, mill-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 2009/103, moqrija fid-dawl tal-premessi 49 u 50 tagħha, jirriżulta li d-drittijiet ta’ surroga u ta’ azzjoni ta’ rkupru rregolati minn din id-direttiva huma dawk mogħtija lill-korpi ta’ kumpens responsabbli għall-kumpens tal-persuni leżi f’sitwazzjonijiet partikolari fejn il-mekkaniżmu tal-assigurazzjoni obbligatorja jirriskja li ma jkunx biżżejjed biex jiżgura protezzjoni lill-vittmi tal-inċidenti fit-toroq.
49 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għanijiet, id-direttivi kkodifikati mid-Direttiva 2009/103 kienu intiżi, minn naħa, biex jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li huma abbord tagħhom u, min-naħa l-oħra, biex jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, irrispettivament mill-post fit-territorju tal-Unjoni fejn seħħ l-inċident, għanijiet li din id-direttiva tfittex, essenzjalment, min-naħa tagħha, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 20 tagħha (sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Nastolo, C‑370/24, EU:C:2025:300, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, tali għanijiet ma humiex relatati mal-azzjoni ta’ rkupru li l-assiguratur jista’ jeżerċita kontra d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni tiegħu stess sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom imħallsa lill-vittma f’isem dan tal-aħħar.
50 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2009/103 hija kkaratterizzata mill-protezzjoni tal-persuni leżi u li din id-direttiva ma tirregola, għaldaqstant, la l-eżistenza u lanqas, a fortiori, il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ azzjoni ta’ rkupru mill-assiguratur intiża għar-rimbors mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, responsabbli għal inċident tat-traffiku, tas-somom imħallsa f’ismu bħala assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur.
51 Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lil terzi minħabba vetturi bil-mutur ma hijiex intiża biex tarmonizza s-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi biex jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu tal-vetturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, KBC Verzekeringen, C‑286/22, EU:C:2023:767, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Issa, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda problema tad-dritt ċivili, u b’mod iktar preċiż id-dritt tal-assiguratur li jimponi fuq id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, responsabbli għal inċident tat-traffiku, l-oneru finanzjarju rrappreżentat mill-kumpens mogħti lill-vittma tiegħu u l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ tali dritt ta’ azzjoni għal irkupru, li ma jaqax taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur.
53 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott, essenzjalment, fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, ma jipprekludix li dispożizzjonijiet legali jew kuntrattwali jipprevedu l-possibbiltà ta’ tali azzjoni ta’ rkupru tal-assiguratur kontra persuna assigurata li tkun ikkawżat inċident taħt l-influwenza tal-alkoħol (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez, C‑129/94, EU:C:1996:143, punti 22 sa 24).
54 Minn dan jirriżulta li l-eżistenza stess ta’ dritt tal-assiguratur għar-rimbors mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, responsabbli għal inċident tat-traffiku, tal-ammont tal-kumpens imħallas lill-vittma f’isem dan tal-aħħar, abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kif ukoll, konsegwentement, il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali dritt jaqgħu taħt id-dritt tal-Istati Membri u mhux taħt id-dritt tal-Unjoni.
55 Minn dan isegwi li r-risposta għad-domanda dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax, għal raġunijiet ta’ ekwità, tnaqqas tali ammont mitlub mill-assiguratur taqa’ esklużivament taħt l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li jaqgħu biss fuq il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat.
56 Minn dan isegwi wkoll li, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Artikoli 17 u 47 tagħha ma jistgħux ikunu applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni biex tagħti interpretazzjoni tagħha dwarha.
57 L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Fil-fatt, peress li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex intiż biex japplika, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni biex tagħti interpretazzjoni dwarha.
58 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2009/103 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jippermettux lill-qorti tevalwa u, jekk ikun il-każ, tnaqqas, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-ammont mitlub mill-assiguratur fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru kontra d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, responsabbli għal inċident tat-traffiku, bħala rimbors tal-kumpens imħallas lill-vittma f’isem din tal-aħħar, abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur.
Fuq l-ispejjeż
59 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà
għandha tiġi interpretata fis-sens li:
ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jippermettux lill-qorti tevalwa u, jekk ikun il-każ, tnaqqas, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-ammont mitlub mill-assiguratur fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru kontra d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, responsabbli għal inċident tat-traffiku, bħala rimbors tal-kumpens imħallas lill-vittma f’isem din tal-aħħar, abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur.
Firem
* Lingwi tal-kawża is-Slovakk.