|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/5094 |
20.10.2026 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Lejn qafas ċar tal-UE għall-istazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi: niżguraw stazzjonar ġenwin, ċertezza legali u kompetizzjoni ġusta
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2026/5094)
Relatur:
David HAFNER|
Konsulenti |
Herwig VERSCHUEREN (għar-relatur tal-Grupp II) Jukka AHTELA (għall-Grupp I) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
19.2.2026 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
25.6.2026 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
15.7.2026 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
607 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
196/6/13 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW (KESE)
|
1.1. |
jinnota li l-istazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi ħdan il-qafas ibbażat fuq it-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)) huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni ġenerali tal-UE applikabbli għall-istazzjonar tal-ħaddiema u msawwar ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE). Id-differenzi fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni fl-Istati Membri jistgħu jwasslu għal inċertezza legali, riskji ta’ abbuż u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ġusta, li jistgħu jheddu li jipperikolaw il-fiduċja fis-suq intern u l-leġittimità tiegħu; |
|
1.2. |
jappella għal aktar ċarezza dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni u applikazzjoni aktar konsistenti tal-qafas eżistenti tal-UE, inkluża gwida aktar ċara u aktar aċċessibbli għall-ġurisprudenza rilevanti, sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali, kundizzjonijiet ekwi u protezzjoni effettiva tal-ħaddiema kif ukoll tan-negozji; |
|
1.3. |
jenfasizza li l-istazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jrid jikkorrispondi ma’ forniment ġenwin ta’ servizzi transfruntiera u m’għandu qatt jagħti aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li jirċievi jew biex il-ħaddiema jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ impriża oħra; |
|
1.4. |
jinnota li l-Istati Membri jżommu l-kompetenza, skont l-Artikolu 79(5) tat-TFUE, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għad-dħul u l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom, u jissottolinja li l-arranġamenti abbużivi tal-istazzjonar ma jridux jintużaw biex jiġu evitati dawn il-kompetenzi; |
|
1.5. |
jenfasizza li l-kundizzjonijiet ewlenin li jirregolaw l-istazzjonar legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tar-residenza legali, l-impjieg abitwali fl-Istat Membru li qed jibgħat u r-rekwiżit li ma jitfittixx aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li jirċievi, jeħtieġu kjarifika adegwata fir-rigward tal-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar prattiku tagħhom; |
|
1.6. |
jilqa’ l-ftehim politiku reċenti dwar ir-reviżjoni tar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali li jirrikjedi tliet xhur ta’ affiljazzjoni minn qabel mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li jkun qed jibgħat qabel l-istazzjonar; |
|
1.7. |
jissottolinja li stazzjonar ġenwin jippresupponi rabta reali u verifikabbli bejn il-ħaddiem u s-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li jkun qed jibgħat, u jappella biex jiġu żgurati kriterji ċari u operattivi biex tiġi vvalutata din ir-rabta, billi jiġu inklużi elementi bħall-impjieg effettiv, il-kopertura minn sistemi ta’ sigurtà soċjali u, fejn applikabbli, il-konformità mal-obbligi tat-tassazzjoni u l-eżistenza ta’ attività ekonomika reali fl-Istat Membru li qed jibgħat mill-impjegatur biex jiġu evitati kumpaniji tal-isem. L-emendi li ntlaħaq qbil dwarhom reċentement għar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jipprovdu punt ta’ referenza importanti dwar kif għandha tiġi vvalutata r-rabta mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li jibgħat; |
|
1.8. |
jinnota evidenza ta’ sitwazzjonijiet ta’ ħaddiema li jiġu reklutati fi Stat Membru wieħed primarjament għall-fini li jiġu stazzjonati fi Stat Membru ieħor, li jista’ jqajjem mistoqsijiet dwar jekk ir-rekwiżit ta’ impjieg abitwali huwiex issodisfat; |
|
1.9. |
jenfasizza r-rwol dejjem jikber tal-intermedjarji, tal-ktajjen ta’ reklutaġġ u tal-aġenziji tax-xogħol temporanju fl-istazzjonar taċ-ċittadinit ta’ pajjiżi terzi; jappella li r-regoli jiġu implimentati aħjar biex jiġi żgurat li tali arranġamenti jikkorrispondu għal forniment ġenwin ta’ servizzi, ma jiġux abbużati biex tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni irregolari u ma jissarfux biss għal sempliċi provvista ta’ ħaddiema, inkluż permezz ta’ applikazzjoni aktar stretta tal-kriterji relatati ma’ attivitajiet sostanzjali u l-prevenzjoni ta’ kumpaniji tal-isem; |
|
1.10. |
jinnota li n-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-istazzjonar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jista’ jirriżulta f’sitwazzjonijiet ta’ impjieg u residenza illegali, u dan joħloq riskji legali kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegaturi; għalhekk jissottolinja l-ħtieġa ta’ infurzar effettiv mill-Istati Membri; |
|
1.11. |
jisħaq fuq l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, inkluż billi jissaħħaħ il-mandat tagħha u jiġi żgurat li tkun attrezzata b’riżorsi adegwati, b’mod partikolari għall-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet miftiehma u konġunti, il-medjazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-monitoraġġ tax-xejriet tal-istazzjonar li jinvolvu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż permezz ta’ għodod diġitali kondiviżi, b’involviment aktar b’saħħtu tal-imsieħba soċjali. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-Pakkett dwar il-Mobbiltà Ġusta tax-Xogħol li jmiss bħala opportunità biex tkompli tissaħħaħ il-mobbiltà ġusta tal-ħaddiema, inkluż permezz tal-iżvilupp tal-Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali (ESSPASS) biex jiġu appoġġjati d-diġitalizzazzjoni u l-verifika transfruntiera tal-attestazzjonijiet tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari ċ-ċertifikati fil-forma ta’ Dokumenti Portabbli A1; |
|
1.12. |
jenfasizza l-vulnerabbiltà partikolari tal-ħaddiema stazzjonati ta’ pajjiżi terzi, li hija aggravata minn problemi marbuta mal-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-qafas legali u infurzar insuffiċjenti, u jappella għal aċċess imtejjeb għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ informazzjoni mmirati u kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali. Jappella wkoll għal appoġġ adegwat mill-UE, inklużi finanzjament u programmi, biex jiġu żgurati informazzjoni u gwida effettivi u aċċessibbli għall-ħaddiema stazzjonati ta’ pajjiżi terzi, bl-involviment attiv tal-imsieħba soċjali, u għal miżuri ta’ appoġġ adegwati biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema. |
2. Kummenti ġenerali
Il-mobilità tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern: qafas legali
|
2.1. |
Ir-rapport ta’ Letta ġustament jenfasizza li s-suq uniku Ewropew kien pedament ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent, konverġenza, progress soċjali, u titjib tal-istandards tal-għajxien fil-kontinent (1). Il-mobbiltà tal-ħaddiema fi ħdan l-UE hija parti essenzjali mis-suċċess tas-suq uniku. Din tinkludi movimenti fl-UE ta’ persuni fiżiċi minn Stat Membru għal ieħor għall-fini ta’ impjieg jew il-forniment ta’ servizzi. Tirrifletti l-kapaċità li wieħed jaħdem fi Stat Membru ieħor abbażi tal-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 tat-TFUE) u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 tat-TFUE). Dan tal-aħħar jirreferi għall-attività ta’ kumpanija li tibgħat (jiġifieri “tistazzjona”) ħaddiema għal perjodu limitat minn Stat Membru għal ieħor. |
|
2.2. |
Il-ħaddiema li jeżerċitaw il-moviment liberu huma integrati fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li jkun se jirċievi, u l-ħaddiema stazzjonati jiċċaqilqu fil-qafas tal-libertà biex temporanjament jipprovdu servizzi mill-impjegaturi tagħhom u jibqgħu integrati fis-suq tax-xogħol tal-Istat li qed jibgħat. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu u jgħixu legalment fi Stat Membru ma għandhomx id-dritt għall-moviment liberu bħala ħaddiema (ħlief f’ċerti kundizzjonijiet għal residenti fit-tul), iżda jistgħu jiġu stazzjonati mill-impjegatur tagħhom. |
|
2.3. |
Bl-iżvilupp tas-suq uniku, għadd dejjem jikber ta’ impriżi għamlu użu leġittimu mill-istazzjonar tal-ħaddiema, inkluż dak ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, biex jipprovdu servizzi bejn il-fruntieri, u b’hekk ikkontribwew għall-funzjonament tas-suq uniku u għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Id-drittijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiema stazzjonati huma ggarantiti mid-Direttiva 96/71/KE (2) dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema [kif emendata mid-Direttiva Nru 2018/957/UE (3)], id-Direttiva 2014/67/UE (4) dwar l-Infurzar u d-Direttiva (UE) Nru 2020/1057 (5) dwar l-istazzjonar fis-settur tat-trasport bit-triq. Id-drittijiet tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema stazzjonati huma indirizzati fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 (6) u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 (7) dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Dawn l-istrumenti japplikaw irrispettivament min-nazzjonalità tal-ħaddiem stazzjonat u għalhekk jinkludu ċittadini ta’ pajjiżi terzi (8). F’każ ta’ bżonn, dan il-qafas legali ġie ċċarat sa ċertu punt u kkomplementat mill-ġurisprudenza tal-QĠUE, inkluż dwar l-istazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
|
2.4. |
L-istazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ forniment ta’ servizzi transfruntiera huwa kopert mil-leġiżlazzjoni ġenerali tal-UE dwar l-istazzjonar peress li mhuwiex regolat minn leġiżlazzjoni speċifika tal-UE. Madankollu, jiġi definit fil-qafas tal-QĠUE fl-hekk imsejħa ġurisprudenza Vander Elst, li hija bbażata fuq il-libertà tal-impjegatur li jipprovdi servizzi (9). Il-QĠUE ċċarat li l-Istat Membru li qed jirċievi ma jistax jobbliga ċittadini stazzjonati ta’ pajjiżi terzi jkollhom awtorizzazzjoni minn qabel, bħal permess tax-xogħol, peress li dawn il-ħaddiema diġà huma impjegati legalment fl-Istat Membru li qed jibgħat. Il-QĠUE tqis li dawn il-ħaddiema ma għandhom l-ebda intenzjoni li jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li qed jirċievi, peress li jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tagħhom malli jlestu dmirijiethom. Madankollu, l-Istat Membru li jirċievi jista’ jitlob lill-fornitur tas-servizzi juri li ċittadin stazzjonat ta’ pajjiż terz jinsab f’sitwazzjoni legali fl-Istat Membru li qed jibgħat fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħar-residenza, il-permess tax-xogħol u l-kopertura tas-sigurtà soċjali u li dawn il-ħaddiema qed iwettqu l-attività ewlenija tagħhom fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizzi. Dawn il-ħaddiema ma għandhomx ifittxu aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li jirċievi. |
|
2.5. |
Barra minn hekk, il-QĠUE sostniet li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tistax tintuża għal skopijiet oħra għajr it-twettiq tas-servizz inkwistjoni (10). Dan japplika meta dawn il-ħaddiema jwettqu kompiti taħt is-superviżjoni u l-awtorità tal-impriża stabbilita fl-Istat Membru li jkun qed jirċievi. L-Istat Membru li jirċievi jista’ jirrikjedi wkoll li dawn il-ħaddiema jiksbu permess ta’ residenza wara l-ewwel tliet xhur, li huma koperti minn viża ta’ Schengen, sabiex ikun jista’ jivverifika li jinsabu f’sitwazzjoni legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ residenza, l-awtorizzazzjoni għax-xogħol u l-kopertura tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru fejn l-impriża kkonċernata timpjega lil dawn il-ħaddiema, u sabiex ikun jista’ jivverifika li dawn ma jirrappreżentawx theddida għall-ordni pubbliku. |
Ħtieġa għal kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern
|
2.6. |
Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza u tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE u dik nazzjonali tiddependi minn kif l-Istati Membri japplikawha. Skont is-sejbiet tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tal-2023, f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri l-awtoritajiet kompetenti japplikaw u jinterpretaw ir-regoli li jirregolaw l-istazzjonar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluża l-ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE dwar l-interazzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-regoli dwar l-istazzjonar u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema, b’modi differenti (11). B’riżultat ta’ dan, għad hemm xi inċertezza dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar mhux uniformi tal-kriterji li abbażi tagħhom l-istazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi huwa leġittimu minħabba l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għalhekk, biex jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta, infurzar effettiv tal-istandards tax-xogħol u l-funzjonament adegwat tas-suq intern sar importanti li tiġi żgurata ċ-ċarezza ta’ dawn il-kriterji u jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-infurzar adegwat tagħhom. Kwalunkwe inċertezza għall-impjegaturi li jfittxu li jikkonformaw mal-liġi tista’ jdgħajjef il-kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku u tista’ żżid ir-riskju li l-ħaddiema jistgħu jkunu esposti għal prattiki abbużivi. |
|
2.7. |
Dan in-nuqqas ta’ ċarezza dwar l-applikazzjoni tar-regoli u l-ġurisprudenza tal-QĠUE jista’ jsir partikolarment problematiku f’arranġamenti ta’ stazzjonar għall-finijiet ta’ reklutaġġ u fi strutturi kumplessi ta’ sottokuntrattar li jinvolvu intermedjarji tax-xogħol jew aġenziji tax-xogħol temporanju. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jista’ jkun diffiċli għall-awtoritajiet tal-infurzar u l-atturi tas-suq tax-xogħol li jiddistingwu bejn forniment ta’ servizzi transfruntiera ġenwini u arranġamenti abbużivi li jevitaw ir-regoli nazzjonali dwar il-migrazzjoni. |
|
2.8. |
Fl-istess ħin, l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi stazzjonati qed jiżdied fl-Istati Membri li għalihom hemm data disponibbli (12), u skont is-sejbiet interni dwar spezzjonijiet miftiehma u konġunti kkoordinati mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, hemm indikazzjonijiet li l-każijiet li jinvolvu ċittadini ta’ pajjiżi terzi stazzjonati spiss ikunu assoċjati ma’ ksur aktar sinifikanti u serju, inkluż tar-regoli dwar l-istazzjonar. Dan jista’ jfisser li l-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi qed jiġu stazzjonati f’xenarji li mhumiex koperti minn din il-ġurisprudenza jew mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’każijiet bħal dawn, hemm ir-riskju li l-impjieg u r-residenza ta’ dawn il-ħaddiema fl-Istat Membru li jirċievi jkunu illegali. Konsegwentement, hemm ir-riskju li l-impjegatur jiġi ppenalizzat talli impjega ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr il-permess meħtieġ (13) u fl-istess ħin hemm ir-riskju wkoll li l-ħaddiema inkwistjoni jiġu misjuba ħatja ta’ impjieg u residenza illegali (14). Din is-sitwazzjoni toħloq sfidi legali sinifikanti għall-partijiet kollha involuti u għandha tiġi indirizzata bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet adatti. F’ċerti każijiet, dan jista’ jitqies li jipperikola l-kompetenza tal-Istati Membri, kif rikonoxxuta fl-Artikolu 79(5) tat-TFUE, li jiddeterminaw il-volumi ta’ dħul fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bl-iskop li jfittxu xogħol. |
|
2.9. |
Għalhekk, huwa tajjeb li jkun hemm kjarifika mmirata tal-implimentazzjoni tal-qafas legali applikabbli peress li din tappoġġja l-kompetizzjoni ġusta, tibni l-fiduċja fis-sistema tal-istazzjonar u tippermetti lill-awtoritajiet jivvalutaw b’mod aktar konsistenti u b’ċertezza legali akbar jekk stazzjonar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxix forniment ġenwin ta’ servizzi transfruntiera jew kompetizzjoni inġusta li tikser ir-regoli tas-suq uniku. Il-kjarifika tal-kundizzjonijiet li japplikaw għall-istazzjonar u l-gwida għall-infurzar u l-applikazzjoni tipproteġi lill-ħaddiema u fl-istess ħin tipprovdi lin-negozji bil-prevedibbiltà li jeħtieġu biex joperaw b’fiduċja fis-suq uniku mingħajr ma jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta. |
Vulnerabbiltà inerenti tal-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi stazzjonati
|
2.10. |
Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma affettwati b’mod sproporzjonat minn arranġamenti abbużivi ta’ stazzjonar (15). F’ċerti każijiet, il-vulnerabbiltà tagħhom tista’ tkun marbuta mad-dipendenza legali u ekonomika tagħhom mill-impjegaturi. Din id-dipendenza tista’ tkun akbar minħabba li jkollhom għarfien limitat ta’ drittijiethom, ostakli lingwistiċi u kundizzjonijiet tal-għajxien prekarji, li jistgħu jagħmluha diffiċli biex il-ħaddiema jasserixxu d-drittijiet tagħhom jew jirrapportaw prattiki abbużivi. Bl-involviment tal-Istati Membri u tal-imsieħba soċjali, l-għarfien limitat tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati jista’ jiġi indirizzat billi jiġi żgurat li tingħata biżżejjed informazzjoni u jkun hemm aktar għarfien dwar id-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll ikun hemm kampanji ta’ informazzjoni mmirati għall-impjegaturi dwar l-obbligi tagħhom. Il-prattiki abbużivi huma partikolarment prevalenti f’setturi b’riskju għoli, bħall-kostruzzjoni, l-agrikoltura u t-trasport (16). Dan iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jpoġġi fi żvantaġġ lill-kumpaniji li jkunu qed jaġixxu b’mod ġust. |
Dimensjoni u karatteristiċi
|
2.11. |
L-istazzjonar tal-ħaddiema sar dejjem aktar komponent tal-forniment tas-servizzi fis-suq intern. Studji reċenti, ibbażati fuq data amministrattiva mill-Istati Membri, juru li dan il-fenomenu huwa bbażat fuq xejriet ċari aktar milli fuq każijiet iżolati (17). Kull sena fis-suq intern jiġu stazzjonati madwar żewġ miljun ħaddiem. Fil-kuntest ta’ dan il-fenomenu usa’, l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi stazzjonati qiegħed dejjem jiżdied. L-għadd ta’ ċertifikati fil-forma ta’ Dokumenti Portabbli A1 maħruġa għall-ħaddiema stazzjonati żdied b’mod sinifikanti matul l-aħħar deċennju, u diversi Stati Membri jirrapportaw proporzjon dejjem akbar ta’ ħaddiema stazzjonati li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi (18). |
|
2.12. |
L-evidenza minn sorsi amministrattivi nazzjonali u studji analitiċi tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol turi wkoll li l-istazzjonar tal-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi mhuwiex distribwit b’mod ugwali madwar l-UE (19). Minflok, huwa marbut b’mod qawwi ma’ ktajjen speċifiċi ta’ reklutaġġ u migrazzjoni li jgħaqqdu lil pajjiżi terzi, lill-Istati Membri li jibagħtu u lis-swieq tax-xogħol li jirċievu fl-Unjoni Ewropea. |
|
2.13. |
Id-distribuzzjoni tal-istazzjonar skont is-settur turi wkoll xejriet ċari. L-għadd ta’ ħaddiema stazzjonati ta’ pajjiżi terzi huwa partikolarment għoli f’setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema affettwati minn nuqqas ta’ ħaddiema u kkaratterizzati minn ktajjen ta’ sottokuntrattar u arranġamenti kumplessi ta’ provvista ta’ ħaddiema, b’mod partikolari l-kostruzzjoni, l-agrikoltura, il-loġistika u ċerti segmenti tas-setturi tal-manifattura u tas-servizzi (20). |
|
2.14. |
L-evidenza kollha disponibbli turi li l-istazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhuwiex fenomenu marġinali jew iżolat iżda jifforma parti mill-funzjonament tas-suq intern. Is-sistema spiss tikkombina r-reklutaġġ minn pajjiżi terzi lejn l-Istat Membru li qed jibgħat, il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza u ta’ xogħol fl-Istat Membru li qed jibgħat, u l-istazzjonar sussegwenti ta’ ħaddiema fi Stat Membru (li jirċievi) ieħor. B’riżultat ta’ dan, l-istazzjonar tal-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi jista’ jinvolvi l-migrazzjoni irregolari ta’ dawn il-ħaddiema lejn l-Istat Membru li jirċievi u jista’ jqajjem mistoqsijiet usa’ dwar l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-UE li jirregolaw l-istazzjonar tal-ħaddiema kif ukoll ir-regoli dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema li ġejjin minn barra l-UE. |
3. Kummenti speċifiċi
Rabta bejn il-ħaddiem u l-Istat Membru li qed jibgħat
|
3.1. |
Fil-prattika, ta’ spiss ikun diffiċli jiġi determinat jekk ħaddiem jistax jitqies bħala impjegat abitwalment fl-Istat Membru li qed jibgħat. Jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu reklutati fi Stat Membru wieħed u sussegwentement jiġu stazzjonati f’ieħor ftit wara, pereżempju meta l-kumpanija li tibgħat tingħata kuntratt fi ħdan proċess ta’ akkwist. F’każijiet bħal dawn, ir-relazzjoni ta’ impjieg fl-Istat Membru li qed jibgħat tkun teżisti biss għal perjodu limitat qabel l-istazzjonar u tista’ tqajjem mistoqsijiet dwar jekk il-ħaddiem jistax ġenwinament jitqies bħala parti mis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru. Hemm linji gwida ulterjuri fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2014/67/UE dwar l-Infurzar, li tistabbilixxi kriterji biex jiġi ddeterminat jekk ħaddiem ikunx qed iwettaq xogħol temporanjament fi Stat Membru differenti minn dak li normalment jaħdem fih. Barra minn hekk, l-emendi miftiehma reċentement għar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jeħtieġu tliet xhur ta’ affiljazzjoni minn qabel mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li qed jibgħat. L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/67/UE dwar l-Infurzar jistabbilixxi wkoll kriterji biex jiġi ddeterminat jekk l-impriża ta’ stazzjonar twettaqx attivitajiet sostanzjali, differenti minn dawk purament interni ta’ ġestjoni u/jew amministrattivi, fl-Istat Membru li qed jibgħat (21). |
|
3.2. |
Gwida aktar ċara dwar l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-istazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-interazzjoni tagħha mar-regoli eżistenti li jiddefinixxu l-impjieg abitwali fl-Istat Membru li qed jibgħat tista’ tgħin biex tittejjeb il-konsistenza fil-valutazzjoni ta’ jekk is-sitwazzjonijiet ta’ stazzjonar li jinvolvu ċittadini ta’ pajjiżi terzi humiex ġenwini, u biex jiġi żgurat li l-qafas tal-istazzjonar jiġi applikat u infurzat kif suppost f’konformità mal-iskop maħsub tiegħu. Skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2014/67/UE dwar l-Infurzar, il-valutazzjoni ta’ dawk l-elementi trid tiġi adattata għal kull każ speċifiku u tqis l-ispeċifiċitajiet tas-sitwazzjoni. |
Aġenziji tax-xogħol temporanju u ktajjen tal-provvista tax-xogħol
|
3.3. |
Analiżi reċenti mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tenfasizza r-rwol dejjem jikber tal-ktajjen ta’ reklutaġġ strutturati fl-istazzjonar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi madwar l-UE (22). Spiss, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu stazzjonati bħala parti minn strutturi tranżnazzjonali kumplessi tal-provvista tax-xogħol li jinvolvu diversi intermedjarji u sottokuntratturi. |
|
3.4. |
F’ħafna każijiet, il-ħaddiema l-ewwel jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru wieħed u sussegwentement jiġu stazzjonati fi Stati Membri oħra. Dawn il-perkorsi ta’ mobbiltà jistgħu jinvolvu aġenziji ta’ reklutaġġ, intermedjarji tax-xogħol jew kumpaniji ta’ sottokuntrattar li jikkoordinaw l-istazzjonar transfruntier tal-ħaddiema. |
|
3.5. |
Il-ktajjen tal-provvista tal-istazzjonar spiss jinvolvu diversi saffi ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-impriża riċeventi fl-Istat Membru li jirċievi, l-intermedjarji li jorganizzaw il-provvista ta’ ħaddiema u l-impriża li formalment taġixxi bħala l-impjegatur tal-istazzjonar fl-Istat Membru li qed jibgħat. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-impjegatur stabbilit fl-Istat Membru li qed jibgħat jista’ jiffunzjona primarjament bħala nodu organizzattiv fi ħdan katina usa’ tal-provvista tax-xogħol aktar milli bħala impriża li timpjega ħaddiema għal attivitajiet imwettqa f’dak l-Istat Membru. F’ċerti każijiet, dan jista’ jqajjem mistoqsijiet dwar jekk l-impriża li qed tibgħat għadhiex tista’ titqies li qed twettaq attivitajiet sostanzjali fit-territorju tal-Istat Membru li qed jibgħat. |
|
3.6. |
Barra minn hekk, ir-rwol dejjem jikber tal-aġenziji tax-xogħol temporanju u intermedjarji oħra f’dawn l-arranġamenti jista’ jqajjem ukoll mistoqsijiet fundamentali dwar ir-relazzjoni bejn il-forniment ta’ servizzi transfruntiera u l-politiki nazzjonali dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema. Meta l-aġenziji jirreklutaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġejjin minn barra l-UE, jorganizzaw id-dħul tagħhom permezz ta’ Stat Membru wieħed u sussegwentement jistazzjonawhom fi Stat Membru ieħor, jidher li fil-fatt huma l-intermedjarji privati li jiddeterminaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol nazzjonali tal-Istat Membru li jirċievi. Kif iddikjarat minn diversi Stati Membri, dan jipperikola d-dritt tagħhom, kif rikonoxxut fl-Artikolu 79(5) tat-TFUE, li jiddeterminaw il-volumi ta’ dħul fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bl-iskop li jfittxu xogħol (23). Il-politiki dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema tal-Istat Membru li jirċievi jirriskjaw li jiġu evitati bl-użu (u l-abbuż) tal-libertà li jiġu fornuti servizzi. |
Brussell, il-15 ta’ Lulju 2026.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Séamus BOLAND
(1) Letta E. (2024), Much more than a market, (Ħafna aktar milli suq [mhux disponibbli bil-Malti]), p. 14.
(2) Id-Direttiva 96/71/Ke tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/71/oj).
(3) Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/957/oj).
(4) Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L, 2024/159, 28.5.2024, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/67/oj).
(5) Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/1057/oj).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/883/oj).
(7) Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/987/oj).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1231/2010 (ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1231/oj) estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali biex jinkludi ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma legalment residenti fi Stat Membru u li jinsabu f’sitwazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri. Il-QĠUE interpretat b’mod wiesgħa l-kundizzjonijiet għar-residenza legali fi Stat Membru, inklużi ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu temporanjament fi Stat Membru abbażi ta’ viża temporanja: QĠUE C-477/17 Balandin.
(9) Ara l-ġurisprudenza tal-QĠUE f’: C-43/93 Vander Elst; C-445/03 Kummissjoni vs Lussemburgu; C-244/04 Kummissjoni vs il-Ġermanja; C-168/04 Kummissjoni vs l-Awstrija; C-91/13 Essent; C-18/17 Danieli; C-540/22 SN u oħrajn.
(10) Ara l-ġurisprudenza tal-QĠUE f’: C-445/03 Kummissjoni vs Lussemburgu; C-244/04 Kummissjoni vs Ġermanja; C-540/22 SN u oħrajn.
(11) ELA (2023), Report on the cooperation practices, possibilities and challenges between Member States — specifically in relation to the posting of third-country nationals (mhux disponibbli bil-Malti).
(12) De Wispelaere, F., De Smedt L. u Pacolet, J. (2025), Posting of workers — Collection of data from the prior declaration tools — Reference year 2023, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (mhux disponibbli bil-Malti).
(13) Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/52/oj).
(14) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/115/oj).
(15) Letta E. (2024), p. 104; Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/957, li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, COM(2024) 320; Awtorità Ewropea tax-Xogħol (2023); Awtorità Ewropea tax-Xogħol (2025).
(16) Awtorità Ewropea tax-Xogħol (2023).
(17) De Wispelaere et al. (2025).
(18) Ibid.
(19) Awtorità Ewropea tax-Xogħol (2025).
(20) Awtorità Ewropea tax-Xogħol (2023); Awtorità Ewropea tax-Xogħol (2025).
(21) Ara wkoll is-sentenza tal-QĠUE fil-kawża C-784/19 Team Power Europe dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-istazzjonar tar-Regolament 883/2004.
(22) Awtorità Ewropea tax-Xogħol (2025).
(23) Position paper from the Netherlands, Belgium, Denmark, Germany, Italy, Latvia and Luxembourg — EU policy priorities for the Commission period 2024-2029: Foster genuine and fair posting of third country nationals (TCNs).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5094/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)