Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

1 ta’ Lulju 2026 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ komunikazzjoni satellitari, ta’ tagħmir u servizzi relatati – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 – Kriterji ta’ għoti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Obbligu li l-offerti jiġu eżaminati skont il-kriterji stabbiliti fid-dokumenti tal-kuntratt – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Telf ta’ opportunità – Kumpens”

Fil-Kawża T‑105/24,

Airbus Defence and Space SAS, stabbilita f’Toulouse (Franza),

Marlink Events SAS, stabbilita fi Choisy-le-Roi (Franza),

irrappreżentati minn F. Salat-Baroux, M. Lordonnois u Q. Lejeune, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (AED), irrappreżentata minn G. Serra u E. Robert, bħala aġenti, assistiti minn P. de Bandt, Z. Irusta Ortega u M.‑R. Gherghinaru, avukati,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, J. Svenningsen, C. Mac Eochaidh (Relatur), J. Martín y Pérez de Nanclares u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑16 ta’ Ottubru 2024 u t-tweġibiet tal-AED u tar-rikorrenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Ottubru 2024 u fl‑4 ta’ Novembru 2024 rispettivament,

–        il-miżura istruttorja tas‑16 ta’ Diċembru 2024 u t-tweġiba tal-AED tas‑7 ta’ Jannar 2025,

–        il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑31 ta’ Marzu 2025 u t-tweġibiet tar-rikorrenti u tal-AED ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ April 2025 u fil‑25 ta’ April 2025 rispettivament,

–        il-miżura istruttorja tal‑21 ta’ Mejju 2025 u t-tweġiba tal-AED tat‑23 ta’ Mejju 2025,

–        l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti u tar-rappreżentanti tagħhom u dawk tal-AED ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Ġunju 2025 u fil‑15 ta’ Lulju 2025 rispettivament,

–        il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑24 ta’ Ottubru 2025 u t-tweġibiet tar-rikorrenti u tal-AED ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Novembru 2025,

–        il-miżura istruttorja tas‑6 ta’ Novembru 2025 u t-tweġiba tal-AED tal‑21 ta’ Novembru 2025,

–        l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rappreżentanti tar-rikorrenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Jannar 2026,

wara s-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2025, li nżammet parzjalment in camera,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti, Airbus Defence and Space SAS u Marlink Events SAS, jitolbu, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (AED) tat‑12 ta’ Diċembru 2023 li tiċħad l-offerta tal-konsorzju li huma kienu jikkostitwixxu flimkien (iktar ’il quddiem il-“konsorzju”) ippreżentata fil-kuntest tas-sejħa għal offerti 23.ISE.JP.001 intitolata “Provvista ta’ komunikazzjoni sattellitari fil-frekwenzi C, Ku, (civ)Ka, L u UHF, ta’ tagħmir tal-frekwenzi (mil)Ka & X u servizzi relatati” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”) u li tagħti l-imsemmi kuntratt lil Telespazio France SAS (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023”). Barra minn hekk, huma jitolbu l-annullament tal-ittra tal-AED tat‑23 ta’ Jannar 2024 li permezz tagħha din l-aġenzija kkonfermat b’mod partikolari r-riżultat tal-proċedura tas-sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024”) kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-AED tal‑24 ta’ Jannar 2024 li tiffirma l-kuntratt inkwistjoni ma’ Telespazio France. Abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu, barra minn hekk, il-kumpens għad-dannu li huma allegatament ġarrbu minħabba dawn l-atti.

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tal‑25 ta’ Marzu 2023, ippubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2023/S 104‑326179), skont kuntratt ta’ provvista kollettiva konkluż bejn l-AED u ċertu numru ta’ Stati Membri u ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-AED nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

3        Il-kuntratt inkwistjoni kien fil-forma ta’ ftehim qafas (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”) ta’ tul massimu ta’ 48‑il xahar, li jikkonsisti fil-provvista lill-Istati Membri u lill-organi li huma partijiet fil-kuntratt ta’ provvista kollettiva ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni satellitari, ta’ tagħmir u diversi servizzi relatati.

4        Ir-regoli kollha li kellhom josservaw l-offerenti kienu jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u r-rekwiżiti li kellhom jiġu ssodisfatti għas-servizzi meħtieġa kienu deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-imsemmi kuntratt (iktar ’il quddiem l-“ispeċifikazzjonijiet tekniċi”).

5        Skont il-punt 2.14.4.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar l-evalwazzjoni finali, il-kuntratt inkwistjoni kellu jingħata lill-offerent li l-offerta tiegħu kienet l-iktar vantaġġuża fuq il-livell ekonomiku abbażi ta’ żewġ kriterji ta’ evalwazzjoni, jiġifieri kriterju tekniku u kriterju finanzjarju. Kull wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji kien kompost minn subkriterji, li, huma stess, kienu xi drabi komposti minn diversi subkriterji.

6        Fl‑4 ta’ Diċembru 2023, il-kumitat responsabbli mill-evalwazzjoni tal-offerti ħareġ ir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu fuq iż-żewġ offerti rċevuti għall-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri dak ippreżentat mill-konsorzju u dak ippreżentat minn Telespazio France.

7        Fit‑12 ta’ Diċembru 2023, abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-għoti fil-konklużjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni, l-AED adottat id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023.

8        Fit‑13 ta’ Diċembru 2023, l-AED ikkomunikat lil Airbus Defence and Space, bħala l-kap ewlieni tal-konsorzju, id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023. Fl-anness għal dik id-deċiżjoni kien hemm estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni.

9        Minn dik id-data beda terminu ta’ sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt inkwistjoni (standstill) li ta lill-offerenti għaxart ijiem sabiex jissottomettu lill-AED kummenti, rimarki jew talbiet għal reviżjoni jew għal korrezzjoni tal-evalwazzjoni.

10      Fil‑21 u fit‑22 ta’ Diċembru 2023, Airbus Defence and Space, f’isem il-konsorzju, ifformulat diversi osservazzjonijiet dwar ir-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni u dwar l-allegat nuqqas ta’ konformità tal-offerta ta’ Telespazio France.

11      Fit‑8 ta’ Jannar 2024, l-AED ikkomunikat fl-istess ħin lill-konsorzju u lil Telespazio France d-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-iffirmar tal-ftehim qafas ma’ din tal-aħħar sabiex teżamina l-osservazzjonijiet ifformulati mill-konsorzju.

12      Fit‑12 ta’ Jannar 2024, l-AED bagħtet sensiela ta’ mistoqsijiet lil Telespazio France dwar ċerti punti tal-offerta tagħha, li għalihom din tal-aħħar wieġbet fis‑16 ta’ Jannar 2024.

13      Fis‑16 ta’ Jannar 2024, ir-rikorrenti talbu lill-AED tipprovdilhom il-marki miksuba minn kull offerent fir-rigward tas-subkriterji finanzjarji u tas-subpartijiet ta’ dawn is-subkriterji finanzjarji.

14      Permezz tal-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024, l-AED indikat lir-rikorrenti li hija kienet neħħiet is-sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt inkwistjoni, ikkonfermatilhom ir-riżultat tal-proċedura tas-sejħa għal offerti u wieġbet uħud mill-osservazzjonijiet u mit-talbiet tagħhom (ara l-punti 10 u 13 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, l-AED semmiet li hija ċaħdet it-talba indikata fil-punt 13 iktar ’il fuq.

15      Permezz ta’ att tal‑24 ta’ Jannar 2024 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024”) ġie approvat l-iffirmar tal-ftehim qafas bejn l-AED u Telespazio France.

16      Permezz ta’ avviż tad‑29 ta’ Jannar 2024 (iktar ’il quddiem l-“avviż tal-għoti”), l-AED ippubblikat l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lil Telespazio France.

II.    It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali:

–        tannulla d-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023;

–        tannulla l-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024;

–        tannulla d-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024;

–        tikkundanna lill-AED tikkumpensa, minn naħa, lil Airbus Defence and Space l-ammont ta’ EUR 21 650 734 u, min-naħa l-oħra, lil Marlink Events l-ammont ta’ EUR 2 552 350 li jikkorrispondi għad-dannu mġarrab minħabba l-atti kkontestati, fejn dawn l-ammonti għandhom jiġu miżjuda bl-interessi moratorji u kapitalizzati;

–        tikkundanna lill-AED għall-ispejjeż.

18      L-AED titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq it-talbiet għal annullament

1.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

19      L-AED, mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, issostni li t-talbiet għall-annullament tal-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024 u tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 kif ukoll it-talba għall-annullament tal-avviż tal-għoti li r-rikorrenti ressqu għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

a)      Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà diretta kontra t-talba għall-annullament tal-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024

20      L-AED issostni li l-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024 ma tipproduċix effetti distinti minn dawk li jirriżultaw mid-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023 sa fejn din l-ittra sempliċement tikkonferma, wara analiżi tal-osservazzjonijiet ifformulati mill-konsorzju, ir-riżultati tal-evalwazzjoni kif jinsabu fid-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023, li għalhekk din l-ittra tikkostitwixxi att purament konfermattiv tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023 u li għalhekk ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat.

21      Ir-rikorrenti jwieġbu li t-talba għall-annullament tal-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024 hija ammissibbli.

22      Rikors għal annullament ippreżentat kontra att purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata u li għalhekk tkun saret definittiva huwa inammissibbli. Att għandu jitqies li huwa sempliċement jikkonferma deċiżjoni preċedenti jekk ma jkun fih ebda element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti u jekk qabel l-adozzjoni tiegħu ma jkunx twettaq eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dik id-deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, Securitec vs Il‑Kummissjoni, T‑661/18, EU:T:2020:319, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Qabel ma tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024 tinkludix att purament konfermattiv tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023, għandu jiġi vverifikat jekk din l-aħħar deċiżjoni kinitx saret definittiva fir-rigward tar-rikorrenti fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, Securitec vs Il‑Kummissjoni, T‑661/18, EU:T:2020:319, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fil-fatt, fil-każ fejn id-deċiżjoni kkonfermata ma tkunx saret definittiva fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annullament, il-persuna kkonċernata jkollha d-dritt tikkontesta jew id-deċiżjoni kkonfermata, jew id-deċiżjoni konfermattiva, jew it-tnejn li huma (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, Securitec vs Il‑Kummissjoni, T‑661/18, EU:T:2020:319, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorsi previsti f’dan l-artikolu għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-att, minn meta dan jiġi kkomunikat lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skont il-każ. Konformement mal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dan it-terminu għandu jiżdied darba b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

26      F’dan il-każ, ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat fil‑21 ta’ Frar 2024, jiġifieri f’data li fiha t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023, li ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fit‑13 ta’ Diċembru 2023, kien għadu għaddej. Dan ma huwiex ikkontestat mill-AED.

27      Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti setgħu għalhekk validament jippreżentaw ir-rikors tagħhom mhux biss kontra d-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023, iżda wkoll kontra d-deċiżjoni konfermattiva ta’ dik id-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024.

28      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-AED għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà diretta kontra t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024

29      L-AED tqis li r-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024, sa fejn din id-deċiżjoni tikkostitwixxi att ta’ sempliċi eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023 u li għalhekk ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat.

30      Ir-rikorrenti jikkontestaw dan l-argument. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li, peress li l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kien għadu suġġett għall-firma effettiva ta’ dan il-kuntratt ma’ Telespazio France, id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 ipproduċiet effetti legali distinti mid-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023 u mill-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024 u kellha bħala effett l-eżekuzzjoni ċerta tal-kuntratt, u b’hekk ikkawżatilhom dannu dirett u ċert. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jaffermaw li, kieku kellu jitqies li d-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 kienet tikkonferma d-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023, allura kellu jiġi kkonstatat li, peress li din l-aħħar deċiżjoni kienet għadha ma saritx definittiva fil-mument tal-preżentata tar-rikors, huma setgħu wkoll jikkontestaw id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024.

31      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ biss il-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet u mill-korpi jew organi tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi.

32      Hija ġurisprudenza stabbilita li t-talbiet intiżi għall-annullament, fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE, ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet f’kuntest purament kuntrattwali, li huma indissoċjabbli minnhom, huma inammissibbli (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2024, Inivos u Inivos vs Il‑Kummissjoni, T‑38/21, EU:T:2024:100, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-iffirmar tal-ftehim qafas ma’ Telespazio France huwa, mid-definizzjoni tiegħu stess, inerenti għall-proċess kuntrattwali, mingħajr ma tkun tista’, f’dan ir-rigward, tiġi identifikata, f’dan il-każ, deċiżjoni separabbli mill-imsemmi proċess, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi ftehim qafas jipproduċi u jeżawrixxi l-effetti kollha tiegħu fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali li tgħaqqad lill-partijiet inkwistjoni mal-kuntratt, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti huma terzi.

34      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2024 għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

c)      Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà relatata mal-avviż tal-għoti

35      L-AED issostni li r-rikorrenti ma jistgħux jitolbu l-annullament tal-avviż tal-għoti sa fejn, fil-fehma tagħha, dan l-att sempliċement jagħmel pubbliku l-kontenut tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023 u li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att li jista’ jiġi kkontestat sa fejn jikkostitwixxi att ta’ sempliċi eżekuzzjoni.

36      Ir-rikorrenti ma kkontestawx dan l-argument.

37      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-avviż tal-għoti ma jikkostitwixxix att li l-annullament tiegħu ntalab mir-rikorrenti permezz ta’ dan ir-rikors u li għalhekk ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tal-imsemmi att.

38      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-AED għandha għalhekk tiġi miċħuda.

2.      Fuq il-fondatezza tat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati

39      Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023 u tal-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi, ibbażati, essenzjalment:

–        l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2022/2434 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Diċembru 2022 (ĠU 2022, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 84, p. 26) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2018”);

–        it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-Artikoli 151 u 167 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 56 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L, 2023/90063 u fil-ĠU L, 2025/90115), imwettqa fl-analiżi tal-konformità tal-offerta ta’ Telespazio France;

–        it-tielet wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa fl-analiżi tal-offerta ta’ Telespazio France u tal-offerta tal-konsorzju fir-rigward tar-rekwiżit fakultattiv O‑007 u fuq żnaturament tad-dokumenti tal-proċess;

–        ir-raba’ wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq fl-analiżi tal-offerta ta’ Telespazio France fir-rigward tal-kriterju “Scenario C” u fuq żnaturament tad-dokumenti tal-proċess;

–        il-ħames wieħed, fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettqa fl-eżami tal-offerta ta’ Telespazio France fir-rigward tar-rekwiżiti fakultattivi O‑002 u O‑003 u fuq żnaturament tad-dokumenti tal-proċess;

–        is-sitt wieħed, fuq żball ta’ liġi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettqa fl-eżami tal-offerta tal-konsorzju fir-rigward tal-kriterju “Equipment” u fuq żnaturament tad-dokumenti tal-proċess;

–        is-seba’ wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq fl-eżami tal-offerta tal-konsorzju fir-rigward tal-kriterju “Scenario B” u fuq żnaturament tad-dokumenti tal-proċess.

a)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018

40      Ir-rikorrenti jsostnu li l-AED wettqet ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 sa fejn hija ċaħdet it-talba tagħhom intiża għall-komunikazzjoni tal-marki miksuba miż-żewġ offerenti relatati mas-subkriterji finanzjarji u mas-subpartijiet tagħhom (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

41      L-AED tikkontesta dan l-argument.

42      Hija ssostni li hija kkomunikat lir-rikorrenti, fid-deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023, l-isem tal-offerent rebbieħ, jiġifieri Telespazio France, kif ukoll il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tagħha u l-valur tal-ftehim qafas. Barra minn hekk, hija tindika li fl-anness ta’ dik id-deċiżjoni kien hemm tabella li tispeċifika, għal kull offerta, il-marki totali tal-kriterju tekniku u tal-kriterju finanzjarju, il-marki mwieżna għal dawn iż-żewġ kriterji kif ukoll il-marka globali. Hija tqis li din l-informazzjoni kienet suffiċjenti sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

43      Barra minn hekk, l-AED tafferma li tali obbligu ma kienx jeħtieġ li jingħata wkoll aċċess għall-marki li jikkorrispondu għas-subkriterji finanzjarji u għas-subpartijiet tagħhom sa fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni kien jikkostitwixxi ksur tar-regoli ta’ kunfidenzjalità tal-offerti u seta’ jikkawża dannu ċar għall-interessi kummerċjali ta’ Telespazio France u tas-subappaltaturi tagħha billi jiżvela l-prezzijiet proposti minnha fl-offerta tagħha.

44      Skont l-Artikolu 33(1) u l-Artikolu 48 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1353 tal‑4 ta’ Awwissu 2016 dwar ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/643/PESK (ĠU 2016, L 219, p. 98), l-AED hija suġġetta, f’dan il-każ, għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, huwa abbażi tal-Artikolu 170(3) ta’ dan ir-regolament li l-AED ċaħdet it-talba tar-rikorrenti sabiex jiksbu l-marki dwar is-subkriterji finanzjarji u s-subpartijiet tagħhom. Dan l-artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 113(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), liema regolament huwa espressament imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 2016/1353.

45      L-Artikolu 170(3)(a) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jipprovdi li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika lil kull offerent li l-offerta tiegħu hija konformi mad-dokumenti tal-kuntratt u li jagħmel talba bil-miktub l-isem tal-offerent li lilu jingħata l-kuntratt u l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, il-prezz imħallas jew il-valur tal-kuntratt. Barra minn hekk, l-aħħar subparagrafu tal-imsemmi paragrafu jipprovdi li “l-awtorità kontraenti tista’ tiddeċiedi li żżomm ċerta informazzjoni fejn ir-rilaxx tagħha jkun jimpedixxi l-infurzar tal-liġi jew imur kontra l-interess pubbliku, jew ikun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ atturi ekonomiċi, jew jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ġusta bejniethom”.

46      Dan l-approċċ huwa konformi mal-iskop tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, li jgħid li għandu jintwera b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom u sabiex il-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑447/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:553, punt 72).

47      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/24, “[m]alajr kemm jista’ jkun, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jgħarrfu lil kull kandidat u offerent bid-deċiżjonijiet li ħadu rigward il-konklużjoni ta’ ftehim qafas, [u] l-għoti ta’ kuntratt”.

48      Skont l-Artikolu 55(2)(c) tad-Direttiva 2014/24, fuq talba tal-kandidat jew tal-offerent ikkonċernat, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkomunikaw, fl-iqsar żmien possibbli u mhux iktar tard minn ħmistax-il jum minn meta jirċievu talba bil-miktub, lil kull offerent li jkun għamel offerta ammissibbli, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tad-detentur jew tal-partijiet għall-ftehim qafas. Madankollu, l-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li “[l]-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jżommu mistura ċerta informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, rigward l-għoti ta’ kuntratt, [u] il-konklużjoni ta’ ftehim qafas […], fejn l-għoti ta’ din l-informazzjoni xxekkel l-infurzar tal-liġi, jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew tkun tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi ekonomiċi”.

49      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, f’dan ir-rigward, li teżisti simetrija relattiva bejn l-obbligi imposti fuq l-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 55(2)(c) u (3) tad-Direttiva 2014/24 u dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018. L-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 55(2)(c) u (3) tad-Direttiva 2014/24 hija għalhekk rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018.

50      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi bbilanċjata l-projbizzjoni li tiġi żvelata l-informazzjoni kunfidenzjali kkomunikata minn operaturi ekonomiċi mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għal amministrazzjoni tajba, li minnu jirriżulta l-obbligu ta’ motivazzjoni, awtorità kontraenti għandha turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-informazzjoni li għaliha jintalab l-aċċess jew, tal-inqas, parti minnha, hija kunfidenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 122).

51      F’dan il-każ, mill-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024 jirriżulta li l-AED sempliċement semmiet li l-komunikazzjoni tal-marki finanzjarji, fil-livell granulari mitlub mir-rikorrenti, tikser ir-regoli ta’ kunfidenzjalità tal-offerti li jinsabu fit-Taqsima 2.13.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tikkawża dannu fundamentali għall-interessi kummerċjali ta’ Telespazio France u tas-subappaltaturi tagħha billi tiżvela informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

52      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis, qabelxejn, li l-kunfidenzjalità tal-offerti ma tistax tipprekludi, fiha nnifisha, li tintlaqa’ talba magħmula skont l-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, għaliex inkella din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda mill-effett utli tagħha.

53      Sussegwentement, kif teħtieġ il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq, l-AED ma spjegatx, fl-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024, sa fejn il-komunikazzjoni tal-marki tas-subkriterji finanzjarji u tas-subpartijiet tagħhom lir-rikorrenti kienet ta’ natura li tippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ Telespazio France billi tiżvela informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali li tikkonċernaha. Fil-fatt, huwa biss fir-risposta li hija tagħti bidu għal spjegazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ regola ta’ tlieta, il-komunikazzjoni tal-imsemmija marki setgħet twassal għall-iżvelar tal-prezzijiet proposti minn Telespazio France.

54      Madankollu, diġà ġie deċiż li, sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, awtorità kontraenti ma tistax sempliċement, bi tweġiba għal talba magħmula skont l-Artikolu 170(3)(a) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, tagħmel dikjarazzjonijiet ġenerali u astratti fis-sens li l-komunikazzjoni tad-data mitluba mill-offerent eskluż tirriskja li tippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ ċerti operaturi ekonomiċi. Fil-fatt, l-awtorità kontraenti hija mistennija turi, b’mod konkret u preċiż, li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni mitluba tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-offerenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2020, Intercontact Budapest vs CdT, T‑640/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:167, punt 50).

55      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali għandu jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, fl-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti li tippermettilu jivverifika jekk id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-għoti tal-kuntratt hijiex ivvizzjata minn xi żbalji jew illegalitajiet, offerent eskluż ma jkollux il-possibbiltà, fil-prattika, li jinvoka d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 121 sa 123).

56      Għalhekk, f’dan il-każ, l-assenza totali ta’ informazzjoni dwar il-komponenti tal-marki dwar il-kriterju finanzjarju setgħet iċċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li jivverifikaw jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati kinux ivvizzjati b’illegalità f’dan ir-rigward. Għalhekk, hija l-awtorità kontraenti li għandha tidentifika, fost il-marki li għalihom intalab l-aċċess, dawk li setgħu, jekk ikun xieraq, jiġu trażmessi lir-rikorrenti minħabba li dawn il-marki ma kinux jippreġudikaw l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ Telespazio France, kif ukoll il-marki li ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ tali komunikazzjoni, filwaqt li tispjega r-raġunijiet li jipprekludu din il-komunikazzjoni.

57      Fil-kontroreplika, l-AED tiġġustifika r-rifjut tagħha li tibgħat il-marki mitluba mir-rikorrenti permezz ta’ żewġ argumenti ġodda, li għandhom jiġu miċħuda.

58      Fil-kuntest tal-ewwel argument, l-AED issostni li t-trażmissjoni lir-rikorrenti tal-prezzijiet medji ta’ Telespazio France setgħet tagħtihom vantaġġ billi kienet tippermettilhom “li jkunu jafu l-pożizzjonijiet kummerċjali tagħha”. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li tali argument ma huwiex suffiċjentement sostnut sa fejn ma huwiex ippreċiżat dak li jikkostitwixxu f’dan il-każ dawn il-“pożizzjonijiet kummerċjali”.

59      Fil-kuntest tat-tieni argument, l-AED issostni li l-fatt li r-rikorrenti kienu jokkupaw, jew tal-inqas waħda minnhom kienet tokkupa, pożizzjoni importanti f’ċerti swieq jipprekludi li l-marki mitluba jiġu kkomunikati lilhom. Madankollu, dan l-argument lanqas ma huwa suffiċjentement sostnut, sa fejn l-AED la tippreċiża r-rikorrenti kkonċernata u lanqas is-swieq inkwistjoni.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, billi ma ġġustifikatx b’mod suffiċjentement iddettaljat, fl-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024, iċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti, l-AED kisret l-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 u b’hekk kisret il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

61      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’, mingħajr ma huwa neċessarju li tintlaqa’ t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti, intiża sabiex tinkiseb il-komunikazzjoni tad-dettalji tal-marki dwar il-kriterju finanzjarju.

62      Sa fejn it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija akkumpanjata minn talba għad-danni, hemm madankollu lok, f’dan il-każ, li jitkompla l-eżami tat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati sakemm in-nuqqas fil-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet ma jipprekludix lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eurosupport – Fineurop support vs EIGE, T‑450/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:137, punt 56).

b)      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-Artikoli 151 u 167 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 56 tad-Direttiva 2014/24 imwettqa fl-analiżi tal-konformità tal-offerta ta’ Telespazio France

63      Fir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li l-AED wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 167 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 sa fejn hija tat il-kuntratt inkwistjoni lil Telespazio France filwaqt li l-offerta tagħha ma kinitx konformi ma’ diversi rekwiżiti obbligatorji li kienu jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, jiġifieri r-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑002, M‑009, M‑014, M‑022 u M‑039.

64      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsemmu li ċerti operaturi satellitari, jiġifieri [kunfidenzjali] (1), kienu indikawlhom preċedentement li l-konsorzju kien l-uniku offerent li talab impenn kuntrattwali skont is-sejħa għal offerti inkwistjoni, li Telespazio France ma setgħetx għalhekk ikkonkludiet kuntratti ma’ dawn l-operaturi ta’ satelliti speċifikament għall-bżonnijiet tas-sejħa għal offerti inkwistjoni u li għalhekk hija ma setgħetx tipproduċi, fl-offerta tagħha, il-provi li hija kienet ikkonkludiet kuntratt mal-operaturi ċċitati iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti jżidu li, peress li [kunfidenzjali] kienu kkonfermawlhom espressament li Telespazio France ma kinitx ikkonkludiet kuntratt ma’ dawn il-kumpanniji għas-sejħa għal offerti inkwistjoni, dan kien ifisser li dawn l-operaturi satellitari kienu neċessarjament qiesu li l-kuntratti li huma setgħu jikkonkludu għal finijiet oħra ma’ Telespazio France ma setgħux, fl-istat attwali, ikopru l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

65      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub li huma ppreżentaw lill-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Ġunju 2025, wara t-trażmissjoni ta’ estratt mill-offerta ta’ Telespazio France (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet bil-miktub tat‑13 ta’ Ġunju 2025”), ir-rikorrenti jsostnu, barra minn hekk, li l-AED kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2014/24. Ir-rikorrenti jindikaw, f’dan ir-rigward, li, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014 li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, kull offerent kellu jipprovdi “provi bil-miktub” ta’ kuntratti li huwa kien ikkonkluda mal-operaturi satellitari, li ppermettu li jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti obbligatorji. Madankollu, skont ir-rikorrenti, l-offerta ta’ Telespazio France ma kinitx tinkludi provi bil-miktub suffiċjenti f’dan ir-rigward, għalhekk ma kinitx konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u kellha tiġi miċħuda mill-AED.

66      F’dawn l-istess osservazzjonijiet bil-miktub, ir-rikorrenti jallegaw, barra minn hekk, li l-AED kisret l-Artikolu 151 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 sa fejn hija ppermettiet lil Telespazio France tikkompleta l-offerta tagħha b’mod sostanzjali billi bagħtitilha diversi talbiet għal kjarifika intiżi sabiex hija tibgħatilha l-provi bil-miktub li ma kinux ġew ipprovduti fl-offerta tagħha.

67      L-AED tikkontesta dawn l-argumenti.

68      Fir-risposta, l-AED issostni li hija rċeviet, mingħand Telespazio France, provi bil-miktub suffiċjenti li din tal-aħħar kellha kuntratti ma’ operaturi ta’ satelliti sabiex toffri s-servizzi tagħha. B’mod partikolari, l-AED tqis li Telespazio France setgħet tirreferi għal kuntratti konklużi ma’ operaturi satellitari li jkopru l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt u li kien irrilevanti li ċerti operaturi ta’ satelliti kienu indikaw lill-konsorzju li dan tal-aħħar kien l-uniku offerent li talab impenn kuntrattwali għas-sejħa għal offerti.

69      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha magħmula bi tweġiba għall-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti tat‑13 ta’ Ġunju 2025, l-AED ittenni li Telespazio France pprovdiet fl-offerta tagħha provi bil-miktub suffiċjenti dwar ir-rekwiżiti M‑001, M‑009 u M‑014. Barra minn hekk, l-AED issostni, fir-rigward tat-talbiet għal kjarifika indirizzati lil Telespazio France, li huwa fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza li jirriżulta li hija, kull darba li hija tqis li dan kien neċessarju, talbet lil din tal-aħħar tipprovdi informazzjoni addizzjonali għal dik diġà ppreżentata fl-offerta inizjali.

70      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ippreżentat mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom tat‑13 ta’ Ġunju 2025 (ara l-punti 65 u 66 iktar ’il fuq), li huwa bbażat fuq punti ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura, jiġifieri fuq l-estratt tal-offerta ta’ Telespazio France li ġie kkomunikat mill-AED wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑16 ta’ Ottubru 2024, huwa ammissibbli, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

71      Fir-rigward tal-kwistjoni sostantiva dwar jekk l-offerta ta’ Telespazio France kinitx konformi mar-rekwiżiti obbligatorji kollha, mill-Artikolu 167(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jirriżulta li l-kuntratti jingħataw abbażi ta’ kriterji ta’ għoti, sakemm l-awtorità kontraenti tkun ivverifikat inter alia li l-offerta tikkonforma mar-rekwiżiti minimi speċifikati fid-dokumenti tal-kuntratt u li l-kandidat jew l-offerent jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni speċifikati fl-imsemmija dokumenti. F’dan is-sens, l-Artikolu 168(6) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jipprevedi li “[i]t-talbiet għall-parteċipazzjoni u l-offerti li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti minimi kollha stabbiliti fid-dokumenti tal-akkwist għandhom jiġu miċħuda”. Bl-istess mod, mill-punt 29.3 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li jirreferi għall-punt 12.2 ta’ dan l-istess anness, jirriżulta li ma humiex ammissibbli l-offerti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti minimi ddefiniti fid-dokumenti tal-kuntratt.

72      F’dan il-kuntest, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk l-interpretazzjoni adottata mill-awtorità kontraenti ta’ kundizzjoni prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt hijiex korretta jew le. Din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata skont l-għan tagħha, l-istruttura u l-formulazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2009, Antwerpse Bouwwerken vs Il‑Kummissjoni, T‑195/08, EU:T:2009:491, punti 51 u 53).

73      Fir-rigward tal-possibbiltà li kandidat jintalab jikkoreġi żbalji materjali manifesti fid-dokumenti relatati mal-applikazzjoni, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 151 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jippermetti lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, meta parteċipant jonqos milli jippreżenta dokumenti jew milli jissottometti dikjarazzjonijiet, li jitolbu jipprovdi l-informazzjoni nieqsa jew li jiċċara d-dokumenti ta’ sostenn. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 151 tal-imsemmi regolament jipprevedi li din l-informazzjoni, dawn il-kjarifiki jew dawn il-konfermi ma għandhomx jimmodifikaw b’mod sostanzjali d-dokumenti relatati mal-applikazzjoni.

74      F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-assenza ta’ produzzjoni ta’ dokument ta’ sostenn meħtieġ mid-dokumenti tal-kuntratt timplika neċessarjament l-irregolarità tal-offerta kollha kemm hi u l-impossibbiltà għall-awtorità kontraenti li tagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 151 imsemmi iktar ’il fuq sabiex tagħmel tajjeb għal din l-assenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2024, Institut Jožef Stefan vs Il‑Kummissjoni, T‑134/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:907, punti 59 u 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, skont il-punti 1.4.1.1 u 1.4.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, kull offerent kellu jipprovdi fl-offerta tiegħu l-“provi bil-miktub” li huwa kellu kuntratti mad-diversi operaturi ta’ satelliti li jippermettulu jipprovdi s-servizzi deskritti fir-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014 u li, skont il-punt 2.14.4.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-assenza ta’ tali provi bil-miktub kellha twassal għaċ-ċaħda tal-offerta mill-awtorità kontraenti.

76      Għalhekk, fir-rigward tal-istħarriġ tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar il-produzzjoni ta’ provi bil-miktub, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punti 1.4.1.1 u 1.4.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, dawn jimponu espressament fuq l-offerenti l-obbligu li jipprovdu, fl-offerta tagħhom, “provi bil-miktub” li jattestaw li huma għandhom kuntratti konklużi mad-diversi operaturi ta’ satelliti li jippermettulhom jipprovdu s-servizzi deskritti fir-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014. Dan ir-rekwiżit huwa, barra minn hekk, imsaħħaħ mill-punt 2.14.4.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jipprevedi b’mod espliċitu li l-assenza ta’ tali provi twassal għaċ-ċaħda tal-offerta. Tali formulazzjoni, ċara u nieqsa minn ambigwità, hija għalhekk ta’ natura imperattiva.

77      Fir-rigward tal-għan tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq, dawn huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l-offerenti jkollhom effettivament, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-offerta tagħhom, il-mezzi neċessarji sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014, li jirrigwardaw elementi essenzjali tas-servizz. Ir-rekwiżit ta’ “provi bil-miktub” għandu għalhekk l-għan li jiżgura l-ġenwinità u l-kredibbiltà tal-impenji tekniċi li jinsabu fl-offerti, billi jeskludi l-proposti bbażati fuq kapaċitajiet ipotetiċi jew li għadhom ma ġewx iggarantiti.

78      Barra minn hekk, fir-rigward tal-istruttura li fiha jaqgħu d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li dawn jirrigwardaw rekwiżiti kklassifikati bħala obbligatorji u li huma akkumpanjati minn konsegwenza espliċita ta’ esklużjoni. Huma għalhekk jagħmlu parti minn mekkaniżmu ta’ eliminazzjoni minn qabel tal-offerti mhux konformi, intiż sabiex jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza bejn l-offerenti.

79      Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq, tal-għan tagħhom u tal-post tagħhom fl-istruttura tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-Qorti Ġenerali tqis li kull offerent kellu jipproduċi fl-offerta tiegħu, bħala “provi bil-miktub”, jew kopja tal-partijiet rilevanti tal-kuntratti effettivament konklużi, jew, tal-inqas, attestazzjoni tal-operatur satellitari kkonċernat, sabiex l-awtorità kontraenti tkun tista’ tivverifika li l-kapaċitajiet satellitari meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni kienu effettivament disponibbli.

80      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fl-offerta tagħha, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti M‑001, M‑009 u M‑014, Telespazio France kienet ibbażat ruħha kemm fuq il-kapaċitajiet tal-operaturi satellitari li magħhom hija kienet ikkonkludiet kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid, iżda wkoll fuq dawk tal-operaturi satellitari li magħhom wieħed mis-subappaltaturi tagħha (iktar ’il quddiem is-“subappaltatur”) kien ikkonkluda kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid.

81      B’hekk, Telespazio France pprovdiet, fl-offerta tagħha, l-elementi li ġejjin, bħala “provi bil-miktub”:

–        dikjarazzjoni fuq l-unur tal‑5 ta’ Settembru 2023, magħmula mill-kumpannija omm tagħha, jiġifieri Telespazio SpA, li tindika li, skont ir-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014, Telespazio France kellha kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ kapaċitajiet satellitari ma’ 12‑il operatur differenti;

–        awtorizzazzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid tat‑3 ta’ Awwissu 2023 stabbilita mill-operatur A, li ismu kien jinsab fil-lista tat‑12‑il operatur inkwistjoni iktar ’il fuq, u li tawtorizza lil Telespazio France tbigħ mill-ġdid il-kapaċitajiet satellitari tagħha;

–        awtorizzazzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ data mhux magħrufa stabbilita mill-operatur B, li ismu kien jinsab fil-lista tat‑12‑il operatur inkwistjoni iktar ’il fuq, u li tawtorizza lil Telespazio France tbigħ mill-ġdid il-kapaċitajiet satellitari tagħha;

–        dikjarazzjoni fuq l-unur tas‑7 ta’ Settembru 2023, magħmula mill-kumpannija omm tas-subappaltatur ta’ Telespazio France, li tindika li, konformement mar-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014, is-subappaltatur ta’ Telespazio France kien awtorizzat ibigħ mill-ġdid kapaċitajiet satellitari minn 20 operatur differenti.

82      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ fil-punt 76 iktar ’il fuq, l-offerta ta’ Telespazio France la kienet tinkludi kopji ta’ partijiet rilevanti ta’ kuntratti konklużi mal-operaturi satellitari u lanqas attestazzjoni ta’ dawn l-operaturi, bl-eċċezzjoni tal-operaturi A u B. L-offerta ta’ Telespazio France għalhekk ma kinitx tinkludi “provi bil-miktub” ta’ dawn il-kuntratti għall-operaturi minbarra l-operaturi A u B.

83      Fil-fatt, iż-żewġ dikjarazzjonijiet fuq l-unur imsemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, provi bil-miktub suffiċjenti fis-sens tar-rekwiżiti M‑001, M‑009 u M‑014. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma jistax jingħata valur probatorju lil dikjarazzjoni fuq l-unur u, a fortiori, lil sempliċi dikjarazzjoni, ħlief jekk din id-dikjarazzjoni tkun ikkorroborata minn provi oħra. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dikjarazzjoni inkwistjoni toriġina minn persuna jew minn entità li jista’ jkollha interess dirett fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni, T‑292/15, EU:T:2018:103, punti 136 u 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan il-każ, l-ewwel dikjarazzjoni fuq l-unur ġiet redatta minn Telespazio SpA, jiġifieri l-kumpannija omm ta’ Telespazio France. Peress li dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom interessi konverġenti, jiġifieri li Telespazio France tirbaħ il-kuntratt inkwistjoni, l-imsemmija dikjarazzjoni ma tistax tikkostitwixxi, waħedha, prova suffiċjenti, tal-inqas għall-kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid tal-kapaċitajiet mal-operaturi ta’ satelliti elenkati f’din id-dikjarazzjoni minbarra l-operaturi A u B.

85      L-istess raġunament għandu jiġi applikat għat-tieni dikjarazzjoni fuq l-unur prodotta minn Telespazio France fl-offerta tagħha. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tfasslet mill-kumpannija omm tas-subappaltatur ta’ Telespazio France. Peress li dawn il-kumpanniji għandhom interessi konverġenti, jiġifieri li Telespazio France tirbaħ il-kuntratt inkwistjoni, l-imsemmija dikjarazzjoni ma tistax tikkostitwixxi, waħedha, prova suffiċjenti li dan is-subappaltatur kellu kuntratti mal-operaturi ta’ satelliti li huma elenkati fid-dokument. Kif jispjegaw ir-rikorrenti, skont l-Artikoli 2.6 u 2.14 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fejn kandidat kellu l-intenzjoni li jirrikorri, għal ċerti servizzi, għal subappaltatur, dan is-subappaltatur kellu jissodisfa r-rekwiżiti obbligatorji previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, b’dan il-mod, jiġġustifika “provi bil-miktub” li jikkorrispondu għas-servizzi li s-subappaltatur kien mistenni jissodisfa fl-offerta, li hija ħaġa li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-AED.

86      Il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 82 iktar ’il fuq hija kkorroborata mill-kontenut ta’ żewġ talbiet għal kjarifika indirizzati lil Telespazio France mill-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti tal-AED f’dan ir-rigward.

87      Għalhekk, fil-kuntest tat-talba għal kjarifika tas‑26 ta’ Ottubru 2023, dan il-kumitat iddikjara li huwa qies li, fl-offerta ta’ Telespazio France, kienu “nieqsa” l-provi bil-miktub fir-rigward tar-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014 u li “l-uniċi provi bil-miktub irċevuti [fl-offerta] [kienu] l-attestazzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid ipprovduti mill-[operatur A] u [mill-operatur B]”, li jindika li l-kumitat ta’ evalwazzjoni qies li l-ewwel dikjarazzjoni fuq l-unur ma kinitx tikkostitwixxi prova bil-miktub suffiċjenti. F’din l-istess talba għal kjarifika, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien barra minn hekk talab lil Telespazio France tibgħatlu provi bil-miktub dwar l-operaturi “l-oħra” li kienu msemmija fil-katalgu ta’ servizz li jinsab fl-offerta.

88      Bl-istess mod, fil-kuntest tat-talba għal kjarifika tas‑7 ta’ Novembru 2023, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkonstata li Telespazio France ma kinitx ipproduċiet il-provi bil-miktub dwar il-kuntratti konklużi bejn is-subappaltatur tagħha u l-operaturi satellitari indikati fl-offerta tagħha u talabha tipprovdilu l-imsemmija provi.

89      Barra minn hekk, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-elementi pprovduti minn Telespazio France wara l-preżentata tal-offerta tagħha, wara talbiet għal kjarifika, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk hija kinitx ipproduċiet il-provi bil-miktub skont ir-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014, mill-proċess jirriżulta li Telespazio France ma pprovdiet, f’din l-okkażjoni, la kopja tal-partijiet rilevanti tal-kuntratt u lanqas attestazzjoni għall-parti l-kbira tal-operaturi li kienu elenkati fid-dikjarazzjonijiet fuq l-unur imsemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq. Għalhekk, anki f’dan il-każ, l-offerta ta’ Telespazio tkun titqies bħala mhux konformi.

90      Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, l-AED kisret l-Artikolu 151 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 billi ppermettiet lil Telespazio France tikkompleta l-offerta tagħha b’mod sostanzjali, jiġifieri billi talbitha tipproduċi, fil-kuntest taż-żewġ talbiet għal kjarifika msemmija fil-punti 87 u 88 iktar ’il fuq, il-provi bil-miktub li ma kinux jinsabu, fil-fehma tagħha, fl-offerta tagħha, li kienet ħaġa li hija ma kinitx awtorizzata tagħmel skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 74 iktar ’il fuq. Huwa minnu li din il-ġurisprudenza kienet ġiet żviluppata f’kuntest fejn l-offerent ma kien ipprovda, fl-offerta tiegħu, l-ebda waħda mid-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, filwaqt li, f’dan il-każ, Telespazio France kienet ipprovdiet ċerti dokumenti, jiġifieri dawk imsemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq. Madankollu, tali ġurisprudenza għandha tiġi applikata wkoll għal sitwazzjonijiet bħal dawk f’dan il-każ fejn offerent ma jkunx ipprovda l-provi kollha meħtieġa mir-rekwiżiti obbligatorji.

91      Dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-argumenti żviluppati mill-AED fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

92      F’dan ir-rigward, l-AED issostni li hija ma setgħetx timponi, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, tip ta’ prova speċifika sabiex turi r-rabtiet bejn l-offerenti u l-operaturi satellitari, li xejn ma kien jipprojbixxi lil Telespazio France milli tipproduċi dikjarazzjonijiet fuq l-unur bħala provi bil-miktub sabiex tissodisfa r-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014, li t-talbiet għal kjarifika msemmija fil-punti 87 u 88 iktar ’il fuq kienu intiżi biss sabiex jitolbu lil Telespazio France tikkomunika informazzjoni addizzjonali għal dik li diġà tinsab fl-offerta, li hija kienet ipproċediet bl-istess mod mar-rikorrenti b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li, kieku tali approċċ restrittiv tal-provi bil-miktub kien ġie applikat għall-offerta tar-rikorrenti, din l-offerta ma kinitx titqies bħala konformi.

93      Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, l-AED ma hijiex akkużata talli ma imponietx tip ta’ prova bil-miktub speċifika fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Kif ġie indikat fil-punti 82 u 89 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li la l-elementi pprovduti fl-offerta ta’ Telespazio France u lanqas l-elementi pprovduti sussegwentement minn din il-kumpannija ma kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014 u li l-offerta kellha għalhekk tiġi miċħuda mill-AED bħala mhux konformi mar-rekwiżiti obbligatorji. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 90 iktar ’il fuq, l-AED ma kellhiex raġun titlob lil Telespazio France, permezz ta’ talbiet għal kjarifika, tipproduċi l-provi bil-miktub li ma kinux ġew prodotti meta ġiet ippreżentata l-offerta. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kumment tal-AED dwar l-assenza ta’ produzzjoni ta’ provi bil-miktub mir-rikorrenti għal diversi operaturi satellitari msemmija fl-offerta tagħhom, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-offerta tar-rikorrenti kienet ġiet iddikjarata konformi mill-AED matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, li l-kwistjoni tal-konformità ta’ din l-offerta ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors. Fuq dan il-punt, l-argument tal-AED jikser ukoll il-prinċipju li ħadd ma jista’ jikkontesta dak li huwa jkun irrikonoxxa preċedentement (nemo potest venire contra factum proprium) (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Frar 2014, Marszałkowski vs UASI, C‑177/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:183, punti 73 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-offerta ta’ Telespazio France ma kinitx konformi mar-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014.

95      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-AED wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 167(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 meta aċċettat l-offerta ta’ Telespazio France.

96      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jintlaqa’.

97      Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li t-tielet motiv għandu jiġi analizzat, għall-finijiet ta’ kompletezza.

c)      Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-offerta ta’ Telespazio France u tal-offerta tal-konsorzju fir-rigward tar-rekwiżit fakultattiv O‑007 u fuq żnaturament tad-dokumenti tal-proċess

98      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-AED wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-offerta ta’ Telespazio France u ta’ dik tal-konsorzju f’dak li jirrigwarda rekwiżit fakultattiv li kien jinsab fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, jiġifieri r-rekwiżit fakultattiv O‑007. Huma jsostnu li, fin-nuqqas ta’ dawn l-iżbalji, il-konsorzju kellu jingħata l-kuntratt inkwistjoni.

99      Barra minn hekk, huma jikkritikaw lill-AED bi “żnaturament tad-dokumenti tal-proċess”.

100    L-AED tikkontesta dawn l-argumenti. B’mod partikolari, hija tindika li hija ma wettqet l-ebda żnaturament tal-fatti.

101    Preliminarjament, fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti ma spjegawx fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom liema dokumenti tal-proċess kienu ġew żnaturati u fiex kien jikkonsisti dan l-“iżnaturament”.

102    Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi. Dawn l-elementi għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies bħala ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi, li fuqhom dan ir-rikors ikun fondat, jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors (ara d-digriet tad‑9 ta’ Lulju 2019, Scaloni u Figini vs Il‑Kummissjoni, T‑158/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:491, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    It-tielet motiv, sa fejn huwa bbażat fuq żnaturament tad-dokumenti tal-proċess, għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

104    Il-bqija tat-tielet aggravju jista’ jinqasam f’żewġ partijiet distinti.

1)      Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-offerta tal-konsorzju

105    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-AED wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tat punt wieħed biss lill-offerta tal-konsorzju fir-rigward tar-rekwiżit fakultattiv O‑007.

106    Skont ir-rikorrenti, Airbus Defence and Space kienet iddeċidiet, fl‑2021, li tinvesti fi programm [kunfidenzjali] sabiex b’hekk Airbus Defence and Space tkun tista’ toffri lill-klijenti tagħha kapaċità UHF ġdida. Ir-rikorrenti jsostnu li l-programm [kunfidenzjali], li kien jikkostitwixxi offerta ta’ kapaċità ġdida disponibbli f’suq saturat, seta’ neċessarjament jiġi evalwat biss b’mod preferenzjali meta mqabbel mal-offerti eżistenti.

107    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jaffermaw li, fl-ittra tat‑23 ta’ Jannar 2024, l-argument oppost mill-AED li l-kapaċità li tirriżulta mill-programm [kunfidenzjali] kienet disponibbli biss lil [kunfidenzjali] u għalhekk kienet tikkostitwixxi dgħufija għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ma jistax jintlaqa’, peress li t-tul tal-kuntratt kien ta’ 48 xahar mill-iffirmar tiegħu, jiġifieri sal‑24 ta’ Jannar 2028, u li l-kapaċità li tirriżulta mill-programm [kunfidenzjali] kienet għalhekk intiża sabiex tkopri l-parti l-kbira tat-tul ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt u ma kellhiex ekwivalenti fis-suq.

108    Għaldaqstant, ir-rikorrenti jsostnu li l-AED kellha tagħti marka ta’ 2 minn 2 lill-konsorzju, u mhux marka ta’ 1 minn 2, fir-rigward tar-rekwiżit fakultattiv O‑007.

109    L-AED tikkontesta dawn l-argumenti.

110    Preliminarjament, għandu jiġi spjegat fiex jikkonsisti r-rekwiżit fakultattiv O‑007 u l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tiegħu.

111    Ir-rekwiżit fakultattiv O‑007 kien jikkonċerna s-servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli permezz tas-satellita fil-frekwenza UHF (IW jew DAMA). Peress li dan kien rekwiżit fakultattiv, l-offerenti ma kinux obbligati jippreżentaw dan is-servizz fl-offerta tagħhom.

112    F’dan ir-rigward, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienu jippreċiżaw, fit-Taqsima 1.4.1.5.3 tagħhom, li “[l]-offerenti [kienu] mistiedna jispjegaw fil-proposta tagħhom il-kapaċità tagħhom li jipprovdu, u taħt liema kundizzjonijiet, aċċess għan-networks ta’ komunikazzjoni satellitari UHF, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jikru jew li jbigħu, u taħt liema kundizzjonijiet, terminals ta’ komunikazzjoni satellari UHF”. Dan ir-rekwiżit fakultattiv O‑007 kien immarkat abbażi ta’ żewġ punti.

113    Bħala parti mill-evalwazzjoni tagħha taż-żewġ offerti rċevuti, l-AED tat il-marki li ġejjin:

–        għal Telespazio France, il-marka ta’ 2 minn 2; ma’ din il-marka kien hemm in-nota li ġejja: “Minbarra l-kapaċitajiet tas-satelliti [kunfidenzjali], is-sejħa għal offerti tipproponi kapaċitajiet [kunfidenzjali] disponibbli minn satelliti [kunfidenzjali]”;

–        għall-konsorzju, il-marka ta’ 1 minn 2; ma’ din il-marka kien hemm in-nota li ġejja: “Hija biss il-kapaċità tas-satelliti [kunfidenzjali] (ikkundizzjonata minn illanċjar b’suċċess) li qiegħda tiġi proposta, li hija kkunsidrata bħala dgħufija”.

114    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kif jirrikonoxxu barra minn hekk ir-rikorrenti, il-kapaċità li tirriżulta mill-programm [kunfidenzjali] kienet disponibbli biss, l-iktar kmieni, fil-[kunfidenzjali], jiġifieri diversi xhur wara l-bidu tal-eżekuzzjoni tal-ftehim qafas li ġie ffirmat fl‑24 ta’ Jannar 2024, u li din il-kapaċità ma setgħetx għalhekk tiġi proposta matul parti sostanzjali tal-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim qafas li kien ta’ massimu ta’ 48 xahar.

115    It-tieni nett, għandu, barra minn hekk, jiġi osservat li din il-kapaċità ġdida kienet dipendenti fuq [kunfidenzjali], li kien jikkostitwixxi riskju sinjifikattiv, kif issostni l-AED mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti fuq dan il-punt.

116    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li l-AED ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tat marka ta’ punt minn tnejn lill-offerta tal-konsorzju, fir-rigward tar-rekwiżit fakultattiv O‑007.

117    L-ewwel parti tat-tielet motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda.

2)      Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-offerta ta’ Telespazio France

118    Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-AED wettqet żewġ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-offerta ta’ Telespazio France f’dak li jikkonċerna r-rekwiżit fakultattiv O‑007.

119    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jindikaw [kunfidenzjali]. Madankollu, skont ir-rikorrenti, dan il-kuntratt kien jipprevedi [kunfidenzjali] li kellu bħala konsegwenza li kien impossibbli għal Telespazio France li tibbaża ruħha, fil-kuntest tal-offerta tagħha, fuq il-kapaċitajiet UHF marbuta mal-imsemmi kuntratt. Fl-osservazzjonijiet tagħhom tat‑13 ta’ Ġunju 2025, ir-rikorrenti jsostnu li Telespazio France barra minn hekk ma rnexxilhiex turi li hija kellha awtorizzazzjoni li tippermettilha tbigħ mill-ġdid dawn il-kapaċitajiet [kunfidenzjali]. B’hekk, skont ir-rikorrenti, l-AED wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li Telespazio France setgħet validament issemmi dawn il-kapaċitajiet fl-offerta tagħha.

120    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li Telespazio France lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tipproponi, fl-offerta tagħha, kapaċitajiet UHF permezz ta’ ftehim kummerċjali konkluż ma’ [kunfidenzjali]. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom tat‑13 ta’ Ġunju 2025, ir-rikorrenti jżidu li Telespazio France barra minn hekk ma ddettaljatx biżżejjed, fl-offerta tagħha, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-kapaċitajiet UHF li hija setgħet tipproponi permezz ta’ dan il-ftehim. Skont ir-rikorrenti, l-AED wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li Telespazio France setgħet validament tipproponi dawn il-kapaċitajiet fl-offerta tagħha.

121    L-AED tikkontesta dawn l-argumenti.

122    L-ewwel nett, l-AED tafferma li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li [kunfidenzjali] imsemmija fil-punt 119 iktar ’il fuq kienu jipprekludu lil Telespazio France milli tipproponi l-kapaċitajiet UHF korrispondenti fl-offerta tagħha.

123    It-tieni nett, l-AED tafferma li Telespazio France kienet f’pożizzjoni li turi, fl-offerta tagħha, li hija kellha kapaċitajiet UHF li kienu immedjatament disponibbli permezz tal-ftehim kummerċjali [kunfidenzjali] inkwistjoni fil-punt 120 iktar ’il fuq.

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-AED issostni, essenzjalment, li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jinvokaw żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-offerta ta’ Telespazio France, li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata u li, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

125    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tqis li l-argumenti li ġew żviluppati mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom tat‑13 ta’ Ġunju 2025 għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 70 iktar ’il fuq.

126    Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali tfakkar li mit-taqsima tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirrigwardaw ir-rekwiżit fakultattiv O‑007 (ara l-punt 112 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-offerenti kienu meħtieġa jiddeskrivu preċiżament fl-offerta tagħhom “il-kapaċità tagħhom li jipprovdu, u taħt liema kundizzjonijiet, aċċess għan-networks ta’ komunikazzjoni satellitari UHF, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jikru jew li jbigħu, u taħt liema kundizzjonijiet, terminals ta’ komunikazzjoni satellari UHF”.

127    Kif issemmi l-AED fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Telespazio France indikat fl-offerta tagħha li hija kienet f’pożizzjoni tipproponi kapaċitajiet UHF permezz tal-kuntratt [kunfidenzjali] imsemmi fil-punt 119 iktar ’il fuq u permezz tal-ftehim kummerċjali ma’ [kunfidenzjali] imsemmi fil-punt 120 iktar ’il fuq.

128    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntratt [kunfidenzjali], il-Qorti Ġenerali tqis li l-AED wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li Telespazio France setgħet tipproponi fl-offerta tagħha kapaċitajiet UHF permezz ta’ dan il-kuntratt.

129    Fil-fatt, mill-offerta ta’ Telespazio France jirriżulta li din tal-aħħar ma wrietx, b’mod preċiż, kuntrarjament għal dak li kien meħtieġ fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (ara l-punt 126 iktar ’il fuq), il-mod kif hija setgħet tbigħ mill-ġdid dawn il-kapaċitajiet fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni. Kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet [kunfidenzjali] li jinsabu fl-offerta ta’ Telespazio France huma insuffiċjenti sabiex juru li din tal-aħħar kienet għalhekk f’pożizzjoni li tipprovdi kapaċitajiet UHF lill-AED permezz ta’ dan il-kuntratt. Fil-fatt, għalkemm dawn l-ittri jidhru li jindikaw li Telespazio France setgħet tbigħ mill-ġdid kapaċitajiet UHF f’[kunfidenzjali], huma ma jipprovawx, bħala tali, li Telespazio France setgħet tipproponi dawn il-kapaċitajiet fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni, [kunfidenzjali]. Dawn l-ittri lanqas ma jipprovaw li l-kapaċitajiet UHF proposti minn Telespazio France setgħu jintużaw f’[kunfidenzjali].

130    Dan huwa kkorroborat ukoll minn [kunfidenzjali].

131    L-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti l-oħra mressqa mill-AED.

132    L-ewwel nett, l-AED issostni li, peress li hija parti terza għall-kuntratt [kunfidenzjali], hija ma kinitx marbuta b’[kunfidenzjali].

133    Dan l-argument huwa irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk Telespazio France tatx biżżejjed dettall u pprovatx, fl-offerta tagħha, li hija kienet f’pożizzjoni li tipproponi l-kapaċitajiet UHF inkwistjoni u jekk, fuq din il-bażi, l-AED kellhiex teħodhom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha. Kif intqal iktar ’il fuq, l-offerta ta’ Telespazio France la tinkludi spjegazzjonijiet iddettaljati u lanqas provi li juru li hija setgħet tipproponi dawn il-kapaċitajiet lill-AED fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni, li kellu jwassal lil din tal-aħħar sabiex twarrab dan l-element fl-evalwazzjoni tal-offerta ta’ Telespazio France fir-rigward tar-rekwiżit fakultattiv O‑007.

134    It-tieni nett, l-AED tindika li hija għandha tħassib dwar il-legalità tal-[kunfidenzjali] skont id-dritt tal-kompetizzjoni u d-dritt tal-kuntratti pubbliċi.

135    Dan l-argument huwa madankollu ineffettiv, sa fejn, jekk [kunfidenzjali] inkwistjoni kienu jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni, kif timplika l-AED, dan ikun jimplika n-nullità tal-kuntratt u, konsegwentement, in-nuqqas ta’ kapaċità satellitari għal Telespazio France. Fi kwalunkwe każ, l-argument la huwa sostnut u lanqas ipprovat.

136    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ftehim kummerċjali konkluż ma’ [kunfidenzjali], il-Qorti Ġenerali tqis li l-AED wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li Telespazio France kienet għamlet preċiżazzjonijiet suffiċjenti, fl-offerta tagħha, fir-rigward tal-kapaċitajiet UHF li hija setgħet tipproponi lill-AED permezz ta’ dan il-ftehim.

137    Fil-fatt, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-offerta ta’ Telespazio France kienet impreċiża f’dan ir-rigward, meta, kif diġà ssemma fil-punt 126 iktar ’il fuq, l-offerenti kienu meħtieġa jispeċifikaw b’mod preċiż il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-kapaċitajiet UHF, f’kuntest fejn ma huwiex ikkontestat li l-offerta ta’ kapaċitajiet UHF kienet partikolarment rari.

138    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-kundizzjonijiet eżatti għal dan l-aċċess ma kinux suffiċjentement iddettaljati fl-offerta ta’ Telespazio France, jiġifieri, pereżempju, [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, fl-offerta ta’ Telespazio France, kien hemm kwistjoni ta’ [kunfidenzjali]. Bl-istess mod, din hija kwistjoni ta’ aċċess għal [kunfidenzjali], mingħajr ma huma ddettaljati, hawnhekk ukoll, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għal dawn is-satelliti.

139    L-eżistenza ta’ dawn l-impreċiżjonijiet fl-offerta ta’ Telespazio France hija kkorroborata mill-fatt li l-AED kellha tibgħat lil dan l-offerent talba għal kjarifika, fit‑12 ta’ Jannar 2024, li fiha hija staqsiet lil Telespazio France dwar punti essenzjali tal-ftehim kummerċjali ma’ [kunfidenzjali], bħal [kunfidenzjali].

140    Dawn l-elementi ma humiex ikkontestati mill-argumenti l-oħra żviluppati mill-AED fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

141    Fir-rigward tal-argument tal-AED li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma kinux jeżiġu l-produzzjoni ta’ prova bil-miktub tal-ftehim kummerċjali ma’ [kunfidenzjali], il-Qorti Ġenerali tqis li, għalkemm huwa minnu li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma kinux jeżiġu mill-offerenti l-produzzjoni ta’ tali dokument, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-offerenti kellhom jiddeskrivu b’mod preċiż ħafna fl-offerta tagħhom il-kundizzjonijiet għall-bejgħ mill-ġdid tal-kapaċitajiet UHF proposti, li ma kienx il-każ fir-rigward tal-offerta ta’ Telespazio France.

142    Fir-rigward tal-argument tal-AED li Telespazio ma bagħtitx informazzjoni ġdida, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal kjarifika, meta mqabbla ma’ dik l-informazzjoni diġà trażmessa fl-offerta tagħha, dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, tali argument ma jippermettix li jiġi kkontestat il-fatt li Telespazio France ma ddettaljatx biżżejjed fl-offerta tagħha l-kundizzjonijiet għall-bejgħ mill-ġdid tal-kapaċitajiet UHF proposti.

143    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tintlaqa’ u, għaldaqstant, f’dak ir-rigward, it-tielet motiv.

d)      Konklużjoni dwar il-fondatezza tat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati

144    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, peress li l-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv intlaqgħu, tal-inqas parzjalment, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tar-raba’, tal-ħames, tas-sitt u tas-seba’ motiv.

B.      Fuq it-talba għad-danni

145    Ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma illegali u li l-AED b’hekk għandha responsabbiltà fil-konfront tagħhom. Huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex l-AED tiġi kkundannata tikkumpensahom għat-telf ta’ opportunità li jingħataw il-kuntratt u għall-ispejjeż u għall-piżijiet sostnuti sabiex jippreżentaw l-offerta tagħhom.

146    L-AED titlob li t-talba għad-danni tiġi miċħuda.

1.      Fuq il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni

147    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

148    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, għal aġir illegali tal-korpi tagħha huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ilmentat tal-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 39 sa 42; tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punti 106 u 164 sa 166, u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 28).

149    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-aġir illegali ta’ istituzzjoni, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 42 u 43, u tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 173).

150    Fir-rigward tal-kundizzjoni li tirrigwarda r-realtà tad-dannu, għandu jitfakkar li r-responsabbiltà tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita biss jekk ir-rikorrent ikun ġarrab dannu “reali u ċert”. F’dan ir-rigward, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni provi konklużivi sabiex jistabbilixxi kemm l-eżistenza kif ukoll il-portata ta’ tali dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni, T‑88/09, EU:T:2011:641, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Fir-rigward tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta kawżali, din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta fejn ikun hemm rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-illegalità mwettqa mill-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi prova tagħha. L-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss għad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari tal-istituzzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Lulju 2007, Yedaş Tarim ve Otomotiv Sanayi ve Ticaret vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑255/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2007:414, punt 61).

152    Peress li waħda mit-tliet kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra humiex issodisfatti (sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81, u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 33).

a)      Fuq l-illegalitajiet

153    F’dan il-każ, it-talba għad-danni hija bbażata fuq l-istess illegalitajiet bħal dawk invokati insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom tat‑13 ta’ Ġunju 2025, essenzjalment, li l-illegalitajiet imwettqa mill-AED u mqajma b’mod partikolari f’dawn l-osservazzjonijiet kienu jiġġustifikaw il-fondatezza tat-talba għad-danni.

154    Madankollu, ir-rikorrenti ma sostnewx, la fir-rikors tagħhom u lanqas fl-osservazzjonijiet bil-miktub tat‑13 ta’ Ġunju 2025, li l-illegalitajiet imwettqa mill-AED kienu jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi.

155    L-AED lanqas ma indikat, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, jekk l-illegalitajiet imqajma kinux jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi.

156    Waqt is-seduta, il-partijiet ġew mistoqsija dwar, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk kienx il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tiddetermina jekk illegalità kinitx tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, mingħajr ma kien neċessarju għar-rikorrent li jqajjem tali klassifikazzjoni fir-rikors tiegħu, u, min-naħa l-oħra, jekk tali ksur kienx twettaq f’dan il-każ.

157    Ir-rikorrenti wieġbu, essenzjalment, li l-eżistenza ta’ tali ksur setgħet tiġi dedotta indirettament mir-rikors u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tat‑13 ta’ Ġunju 2025 u li l-irregolaritajiet osservati kienu ta’ gravità tali li kienu jeħtieġu kumpens.

158    L-AED, min-naħa tagħha, indikat li r-rikorrenti ma kinux urew, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-illegalitajiet imqajma kienu jikkostitwixxu tali ksur, li hija għalhekk ma setgħetx tikkontesta, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-eżistenza ta’ tali ksur u li l-Qorti Ġenerali ma tistax tipproċedi ex officio b’tali klassifikazzjoni. L-AED żiedet li, fi kwalunkwe każ, l-illegalitajiet imqajma ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi.

159    Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit, jiġifieri l-ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, il-ġurisprudenza tippreċiża li tali dispożizzjoni għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi meta toħloq favur dawn tal-aħħar vantaġġ li jista’ jiġi kklassifikat bħala dritt kweżit, kemm jekk għandha l-funzjoni li tipproteġi l-interessi tagħhom jew li tagħti, favur individwi, drittijiet li l-kontenut tagħhom jista’ jiġi identifikat b’mod suffiċjenti (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 140; ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2022, QI et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, T‑868/16, EU:T:2022:58, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata.

160    Fir-rigward tat-tieni rekwiżit, jiġifieri l-ksur suffiċjentement serju, il-kriterju meqjus deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur huwiex suffiċjentement serju huwa l-ksur gravi u manifest, mill-istituzzjoni, tal-limiti imposti fuq is-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 43, u tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 67; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 69). Meta dik l‑istituzzjoni jkollha biss setgħa ta’ evalwazzjoni kunsiderevolment imnaqqsa, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur tad‑dritt tal-Unjoni jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l‑eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 47). Għalhekk, element determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju huwa l-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs CEVA u Pfizer, C‑198/03 P, EU:C:2005:445, punti 65 u 66).

161    Madankollu, ma teżisti l-ebda rabta awtomatika bejn l-assenza ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata u l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minkejja li hija ta’ natura determinanti, il-portata tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata ma tikkostitwixxix kriterju esklużiv (sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punti 59 u 60, u tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Bawtry Carbon International vs Il‑Kummissjoni, T‑637/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:626, punti 84 u 85).

162    F’dan ir-rigward, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata, id-diffikultajiet tal-applikazzjoni jew tal-interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura kif ukoll in-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 42; tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punt 62, u tat‑8 ta’ Diċembru 2021, Dyson et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:870, punti 22 u 38).

163    Minn dan isegwi li sempliċi żbalji ta’ evalwazzjoni ma humiex suffiċjenti bħala tali sabiex ksur jiġi kklassifikat bħala manifest u gravi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il‑Kummissjoni, T‑212/03, EU:T:2008:315, punt 85). Hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li, f’ċirkustanzi analogi, ma kinitx titwettaq minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 43).

164    Preliminarjament, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali hijiex f’pożizzjoni li tikklassifika ex officio illegalità bħala ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, għandu jiġi rrilevat li l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti taqa’ taħt ir-rwol tal-qorti tal-Unjoni. Meta l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti jirriżultaw mill-proċess u jkunu ġew diskussi b’mod kontradittorju bejn il-partijiet, kif kien il-każ hawnhekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tipproċedi hija stess bil-klassifikazzjoni ta’ illegalità kkonstatata bħala li tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, u dan anki jekk ir-rikorrent ma jkunx indirizza din il-kwistjoni b’mod espliċitu fir-rikors tiegħu. Tali konstatazzjoni tirriżulta, barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li hija l-parti li tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li għandha turi l-eżistenza ta’ illegalità kif ukoll li għandha tipproduċi l-prova, minn naħa, ta’ rabta kawżali bejn din l-illegalità u d-dannu kkawżat u, min-naħa l-oħra, tar-realtà ta’ dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 62, u tas‑7 ta’ Lulju 2021, HTTS vs Il‑Kunsill, T‑692/15 RENV, EU:T:2021:410, punt 61). B’kuntrast, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-illegalità bħala suffiċjentement serja ma hijiex suġġetta għall-produzzjoni ta’ provi mir-rikorrent, kif inhu kkonfermat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 162 iktar ’il fuq.

165    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 151 u tal-Artikolu 167(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 li ġew ikkonstatati fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni motiv jikkostitwixxux ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, għandhom isiru l-konstatazzjonijiet li ġejjin.

166    Minn naħa, jista’ jitqies li d-dispożizzjonijiet miksura f’dan il-każ għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi sa fejn għandhom il-funzjoni li jipproteġu l-interessi tagħhom (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 159 iktar ’il fuq).

167    Fil-fatt, kemm l-Artikolu 151 kif ukoll l-Artikolu 167(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jirregolaw b’mod preċiż l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. B’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi mhux biss sabiex jiggarantixxu l-ġestjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni, iżda wkoll sabiex jipproteġu lill-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti billi jiżgurawlhom li l-offerta tagħhom ser tiġi eżaminata fl-osservanza ta’ regoli oġġettivi u prevedibbli. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jagħtu lill-offerenti drittijiet proċedurali li huma jistgħu jinvokaw quddiem il-qorti tal-Unjoni, b’tali mod li l-ksur tagħhom jista’ jikkostitwixxi l-ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

168    L-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li ġie identifikat f’dan il-każ u li jirrigwarda l-assenza ta’ ċaħda minn awtorità kontraenti ta’ offerta li ma hijiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huwa bbażat fuq l-istess loġika. Fil-fatt, tali ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-verifika tal-konformità tal-offerti jista’ jippreġudika d-drittijiet tal-offerenti l-oħra, li għandhom id-dritt li l-offerti kompetituri jiġu evalwati biss jekk josservaw ir-rekwiżiti obbligatorji stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

169    Min-naħa l-oħra, l-illegalitajiet ikkonstatati fil-kuntest tat-tieni motiv għandhom jiġu kklassifikati bħala ksur suffiċjentement serju.

170    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tqis li l-AED ma setgħetx ma tkunx konxja tar-regola ċara li Telespazio France kellha tippreżenta, fl-offerta tagħha, provi bil-miktub li hija u s-subappaltatur tagħha kellhom kuntratti mal-operaturi ta’ satelliti kkonċernati sabiex joffru s-servizzi deskritti fir-rekwiżiti obbligatorji M‑001, M‑009 u M‑014 u li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni kien iwassal għaċ-ċaħda tal-offerta minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħha. Fil-fatt, din il-kundizzjoni kienet ġiet introdotta mill-AED stess fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

171    It-tieni nett, mill-formulazzjoni taż-żewġ talbiet għal kjarifika mibgħuta mill-kumitat tal-offerti tal-AED lil Telespazio France jirriżulta b’mod ċar li dan il-kumitat kien iqis li tali provi bil-miktub ma kinux ġew ipprovduti minn Telespazio France għall-operaturi satellitari li kienu elenkati fiż-żewġ dikjarazzjonijiet fuq l-unur imsemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq, bl-eċċezzjoni tal-operaturi A u B (ara l-punti 86 u 88 iktar ’il fuq). Kif ġie indikat fil-punti 82 u90 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tadotta l-analiżi tal-kumitat f’dan ir-rigward u minn dan tiddeduċi li l-AED ma kellhiex alternattiva oħra ħlief li tiċħad l-offerta ta’ Telespazio France bħala mhux konformi u ma setgħet, fl-ebda każ, tawtorizza lil Telespazio France tikkompletaha billi tagħtiha l-possibbiltà li tipproduċi l-provi bil-miktub neqsin wara l-preżentazzjoni tal-offerta tagħha. Huwa għalhekk ikkunsidrat li l-AED ma kellhiex marġni ta’ evalwazzjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, hija ma setgħetx ma tkunx taf li l-offerta ta’ Telespazio France ma kinitx konformi.

172    It-tielet nett, kif issemma fil-punt 89 iktar ’il fuq, anki fl-ipoteżi fejn id-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti wara l-preżentazzjoni tal-offerta kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li Telespazio France ma pprovdiet, wara l-preżentazzjoni tal-offerta tagħha, la kopja tal-partijiet rilevanti tal-kuntratt u lanqas attestazzjoni għall-parti l-kbira tal-operaturi li kienu elenkati fid-dikjarazzjonijiet fuq l-unur imsemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq u li, anki f’dan il-każ, l-offerta ta’ Telespazio France kellha titqies bħala mhux konformi. F’dan ir-rigward, l-AED lanqas ma setgħet ma tkunx konxja li l-provi bil-miktub meħtieġa ma kinux ġew prodotti minn Telespazio France.

173    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li l-AED ma kelliex marġni ta’ evalwazzjoni f’dan il-każ, li s-sitwazzjoni li kellha tiġi rregolata ma kinitx kumplessa, li d-dispożizzjonijiet li ġew miksura ma kienu jinvolvu l-ebda diffikultà ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni u li l-ksur imwettaq f’dan il-każ jista’ jiġi kklassifikat bħala mhux skużabbli. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-irregolaritajiet ikkonstatati ma kinux jitwettqu minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 162 u 163 iktar ’il fuq).

174    Minn dan isegwi li dan l-iżball kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 151 u tal-Artikolu 167(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li ġew ikkonstatati fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni motiv, jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi.

175    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jirrigwardaw l-offerta ta’ Telespazio France u li ġew ikkonstatati fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv jikkostitwixxux ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, għandhom isiru l-konstatazzjonijiet li ġejjin.

176    Kif ġie rrilevat fil-punti 126 sa 143 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li, fl-offerta tagħha, Telespazio France ma kinitx spjegat u wriet b’mod suffiċjenti li hija setgħet tipproponi kapaċitajiet UHF, kemm permezz tal-kuntratt [kunfidenzjali] imsemmi fil-punt 119 iktar ’il fuq kif ukoll permezz tal-ftehim kummerċjali konkluż ma’ [kunfidenzjali] imsemmi fil-punt 120 iktar ’il fuq, u dan minkejja li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienu jeżiġu mill-offerenti deskrizzjoni preċiża tal-kapaċità tagħhom li jipprovdu aċċess għan-networks ta’ komunikazzjoni satellitari UHF, kif ukoll il-kundizzjonijiet għal din il-provvista. Għalhekk ġie kkunsidrat li, billi tat il-marka massima għar-rekwiżit fakultattiv O‑007, jiġifieri 2 punti minn 2, l-AED wettqet żewġ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

177    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, f’dan ir-rigward, [kunfidenzjali] li tipprekludi lil Telespazio France milli ssemmi dan il-kuntratt fl-offerta tagħha (ara l-punt 130 iktar ’il fuq), li kellu jwassal għal viġilanza ikbar min-naħa tal-AED fir-rigward tal-provi prodotti fl-offerta ta’ Telespazio France. Barra minn hekk, il-kontenut tat-talba għal kjarifika jindika b’mod ċar li l-AED ma kinitx issodisfatta bil-livell ta’ dettall ipprovdut minn Telespazio France fl-offerta tagħha fir-rigward tal-ftehim kummerċjali ma’ [kunfidenzjali] (ara l-punt 139 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-AED ma setgħetx ma tkunx taf li l-offerta ta’ Telespazio France kellha ċertu numru ta’ nuqqasijiet li ma kinux jippermettulha tikseb il-marka massima fir-rigward tar-rekwiżit fakultattiv O‑007.

178    Minn naħa, b’mod simili għal dak li ġie ddikjarat fil-punt 166 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ osservanza mill-AED tan-neċessità għall-offerenti li jiddeskrivu fid-dettall il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-kapaċitajiet UHF proposti jista’ jippreġudika d-drittijiet tal-offerenti l-oħra, li għandhom id-dritt li l-offerti kompetituri jiġu evalwati korrettament skont ir-regoli li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

179    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tqis għalhekk li l-AED kisret b’mod gravi u manifest il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali tqis, fil-fatt, li l-AED kellha marġni ta’ evalwazzjoni dgħajjef f’dan il-każ, li s-sitwazzjoni li kellha tiġi rregolata ma kinitx kumplessa, li r-regoli li nkisru ma kienu jinvolvu l-ebda diffikultà ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni u li l-ksur imwettaq f’dan il-każ jista’ jiġi kklassifikat bħala mhux skużabbli. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-irregolaritajiet ikkonstatati ma kinux jitwettqu minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti (ara l-punt 173 iktar ’il fuq).

180    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis għalhekk li l-irregolaritajiet ikkonstatati fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi.

b)      Fuq id-danni invokati u r-rabta kawżali bejn il-ksur suffiċjentement serju kkonstatat u l-imsemmija danni

181    Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ diversi każijiet ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, għandu jiġi ddeterminat jekk id-danni invokati mir-rikorrenti humiex reali u ċerti u jekk, skont il-każ, teżistix rabta diretta ta’ kawża u effett bejn il-ksur ikkonstatat u l-imsemmija danni.

182    Ir-rikorrenti jqisu li ġarrbu żewġ kapijiet ta’ danni distinti kkostitwiti, l-ewwel nett, mit-telf ta’ opportunità li jintrebaħ il-kuntratt inkwistjoni u, it-tieni nett, minn piżijiet u spejjeż li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

1)      Fuq l-ewwel kap ta’ dannu kkostitwit mit-telf ta’ opportunità li jintrebaħ il-kuntratt inkwistjoni

183    Ir-rikorrenti jqisu li għandhom jiġu kkumpensati individwalment għat-telf ta’ opportunità li jingħataw il-kuntratt inkwistjoni. Huma jallegaw li, peress li l-offerta ta’ Telespazio France kellha tiġi miċħuda minħabba n-natura mhux konformi tagħha jew peress li kellha, tal-inqas, tiġi kklassifikata fit-tieni pożizzjoni, il-kuntratt inkwistjoni kellu jingħata lill-konsorzju. Huma jsostnu, barra minn hekk, li huwa improbabbli li, kieku dan kien il-każ, l-AED kienet tiddeċiedi li ma tagħtix il-kuntratt inkwistjoni.

184    Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-AED, il-ġurisprudenza ma tqisx li għall-kumpens għat-telf ta’ opportunità jeħtieġ li jintwera li “mingħajr ebda dubju” il-kuntratt kien jinkiseb, iżda li l-kandidat eskluż b’mod irregolari kellu opportunità “reali u mhux ipotetika” li jingħata l-kuntratt.

185    L-AED tikkontesta dawn l-argumenti u tafferma li r-rikorrenti ma jurux li huma “mingħajr ebda dubju” kienu ser jirbħu l-kuntratt kontenzjuż fl-assenza tal-allegati illegalitajiet li huma jallegaw.

186    F’dan ir-rigward, l-AED tirrileva li l-probabbiltà li r-rikorrenti jingħataw il-kuntratt inkwistjoni kienet kważi noneżistenti sa fejn, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 171 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, hija setgħet, qabel l-iffirmar tal-kuntratt, tannulla l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, mingħajr ma l-konsorzju jkun jista’ jippretendi li jirċievi xi kumpens.

187    Barra minn hekk, l-AED issostni li, skont il-ftehim qafas, hija ma kellha l-ebda obbligu li tixtri s-servizzi proposti mill-offerent li rebaħ il-kuntratt inkwistjoni.

188    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-AED tafferma li r-rikorrenti baqgħu ma wrewx l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir illegali u l-allegat dannu li huma ġarrbu.

189    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi ddeterminata n-natura reali tat-telf ta’ opportunità, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrent ġie mċaħħad minn opportunità ġenwina li jikseb il-kuntratt inkwistjoni. L-eżistenza ta’ opportunità ġenwina ma tiddependix mil-livell ta’ probabbiltà li din l-opportunità sseħħ, għaliex dan il-fattur imsemmi l-aħħar jittieħed inkunsiderazzjoni sussegwentement, jekk din l-eżistenza tiġi rrikonoxxuta, sabiex tiġi stabbilita l-portata tad-dannu materjali mġarrab u l-kumpens tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punti 86 u 87). Madankollu, jekk jiġi pprovat li l-opportunità li jinkiseb il-kuntratt inkwistjoni ma kinitx teżisti, ma jistax ikun hemm dannu f’dan ir-rigward.

190    Kif jirriżulta mill-punti 174 u 180 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li l-AED, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, wettqet diversi każijiet ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi. Dan il-ksur fundamentalment ivvizzja l-imsemmija proċedura u affettwa l-opportunità tar-rikorrenti, li l-offerta tagħhom ġiet ikklassifikata fit-tieni post, li jingħataw il-kuntratt inkwistjoni.

191    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dannu invokat fir-rigward tat-telf ta’ opportunità għandu, f’dan il-każ, jiġi kkunsidrat bħala reali u ċert, minħabba li ġie pprovat li r-rikorrenti, bħala offerent eskluż, b’mod definittiv tilfu l-opportunità li jingħataw il-kuntratt u li din l-opportunità kienet “ġenwina”.

192    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fl-argumenti tagħha miġbura fil-qosor fil-punt 186 iktar ’il fuq, l-AED tassimila b’mod żbaljat id-danni bbażati fuq lucrum cessans u dawk ibbażati fuq it-telf ta’ opportunità. Madankollu, dawn iż-żewġ danni ma humiex l-istess. Fil-fatt, il-lucrum cessans huwa intiż għall-kumpens għat-telf tal-kuntratt innifsu, filwaqt li t-telf tal-opportunità huwa intiż sabiex jinkiseb il-kumpens għat-telf ta’ opportunità li jiġi konkluż l-imsemmi kuntratt (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni, T‑292/15, EU:T:2018:103, punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, ir-rikorrenti jinvokaw l-eżistenza ta’ telf ta’ opportunità li jiksbu l-kuntratt inkwistjoni, li tista’ tiġi kklassifikata bħala ġenwina. Għaldaqstant, l-argumenti tal-AED għandhom jiġu miċħuda.

193    Barra minn hekk, il-fatt li l-awtorità kontraenti qatt ma hija obbligata tagħti kuntratt pubbliku ma jipprekludix il-konstatazzjoni ta’ telf ta’ opportunità f’dan il-każ. Fil-fatt, għalkemm dan il-fatt jista’ jaffettwa ċ-ċertezza ta’ offerent li jirbaħ il-kuntratt, u, għaldaqstant, ikollu impatt fuq il-portata tad-dannu relatat, huwa ma jistax jeskludi kull probabbiltà li jirbaħ l-imsemmi kuntratt u għalhekk jikkontesta l-eżistenza ta’ telf ta’ opportunità. Fi kwalunkwe każ, għalkemm huwa minnu li l-awtorità kontraenti tista’ dejjem, sal-iffirmar tal-kuntratt, jew tirrinunzja għall-kuntratt jew tannulla l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, mingħajr ma l-kandidati jew l-offerenti jkunu jistgħu jippretendu li jingħataw xi kumpens, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-ipoteżijiet ta’ rinunzja għall-kuntratt jew ta’ annullament tal-proċedura ma mmaterjalizzawx u li, minħabba ksur suffiċjentement serju kkonstatat, ir-rikorrenti tilfu l-possibbiltà li jirbħu dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni, T‑292/15, EU:T:2018:103, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata).

194    Għal dawn l-istess raġunijiet, huwa irrilevanti li, skont il-ftehim qafas, l-AED ma kellhiex obbligu ta’ xiri f’dan il-każ. Fil-fatt, din il-karatteristika tal-ftehim qafas ma għandha l-ebda effett fuq il-fatt li r-rikorrenti tilfu l-opportunità li jingħataw il-kuntratt, peress li l-għoti tal-kuntratt iseħħ qabel l-eżekuzzjoni tal-imsemmi ftehim qafas. B’kuntrast, din il-karatteristika tal-ftehim qafas għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-portata tad-dannu.

195    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-dannu jirriżulta direttament u immedjatament mill-ksur suffiċjentement serju li ġie kkonstatat. Fil-fatt, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dannu allegat. Huwa ċert li, billi naqset, inter alia, milli tiċħad l-offerta ta’ Telespazio France bħala mhux konformi, l-AED ivvizzjat il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u, konsegwentement, direttament affettwat il-possibbiltajiet tar-rikorrenti li jingħataw il-kuntratt.

196    Peress li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-AED wettqet il-ksur suffiċjentement serju kkonstatat u li r-rikorrenti stabbilixxew li ġarrbu dannu minħabba t-telf ta’ opportunità li jintrebaħ il-kuntratt, u peress li l-imsemmi dannu huwa ta’ natura reali u ċerta u jirriżulta direttament mill-imsemmi ksur, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-kumpens ta’ dan tal-aħħar għat-telf ta’ opportunità huma ssodisfatti.

2)      Fuq it-tieni kap ta’ dannu kkostitwit mill-piżijiet u mill-ispejjeż li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti

197    Ir-rikorrenti jallegaw li, minħabba l-illegalità tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, huma għandhom jiġu kkumpensati għall-piżijiet u għall-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-sejħa għal offerti.

198    F’dan ir-rigward, huma jqisu li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ rimbors tal-ispejjeż tal-kandidatura li hija prevista fil-punt 2.10 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma tistax tapplika peress li l-ksur li jivvizzja l-proċedura pprekluda lill-konsorzju milli jikseb il-kuntratt.

199    Ir-rikorrenti jaffermaw li, fir-rigward ta’ Airbus Defence and Space, il-preparazzjoni tal-offerta ppreżentata mill-konsorzju kienet tinkludi l-piżijiet u l-ispejjeż li ġejjin, jiġifieri EUR 5 635, bħala spejjeż ta’ komunikazzjoni, EUR 33, bħala spejjeż ta’ catering, EUR 409 575, bħala spejjeż tal-persunal, EUR 1 037, bħala spejjeż tal-ikel, EUR 1 788, bħala spejjeż ta’ traduzzjoni u EUR 165, bħala spejjeż ta’ trasport, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 418 234. Barra minn hekk, ir-rikorrenti pprovdew tabella Excel li telenka dawn il-piżijiet u spejjeż.

200    Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsostnu li, fir-rigward ta’ Marlink Events, il-preparazzjoni tal-offerta ppreżentata mill-konsorzju kienet tinkludi l-piżijiet u l-ispejjeż segwenti, jiġifieri EUR 33 750, bħala spejjeż tal-persunal, EUR 1 100, bħala spejjeż ta’ trasport, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 34 850. Barra minn hekk, ir-rikorrenti pprovdew dikjarazzjoni maħruġa mid-Direttur Ġenerali ta’ Marlink Events li ssemmi dawn l-ispejjeż u piżijiet.

201    L-AED tikkontesta dawn l-argumenti.

202    Għandu jitfakkar li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi lill-qorti tal-Unjoni sabiex jistabbilixxi l-eżistenza u l-portata tad-dannu tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 1976, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni, 26/74, EU:C:1976:69, punti 22 sa 24, u digriet tas‑7 ta’ Lulju 2006, Établissements Toulorge vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑167/02, mhux ippubblikat, EU:T:2006:193, punt 29).

203    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti sempliċement, minn naħa, iddeskrivew l-ispejjeż ta’ komunikazzjoni, ta’ catering, tal-ikel, ta’ traduzzjoni u ta’ trasport kif ukoll l-ispejjeż tal-persunal li ġew sostnuti u, min-naħa l-oħra, ipprovdew, f’dak li jirrigwarda Airbus Defence and Space, tabella Excel tal-ispejjeż sostnuti u, f’dak li jirrigwarda Marlink Events, dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali tagħha li ssemmi l-ispejjeż sostnuti, mingħajr madankollu ma jipprovdu dokumenti ta’ sostenn tal-kontabbiltà u dawk finanzjarji tal-ispejjeż u tal-piżijiet sostnuti, bħal fatturi.

204    Għaldaqstant, fid-dawl b’mod partikolari tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq, għandu jitqies li r-rikorrenti ma pprovawx l-ammont tal-ispejjeż u tal-piżijiet allegati u li t-talba għad-danni, sa fejn din it-talba hija intiża għar-rimbors tal-ispejjeż u tal-piżijiet sostnuti, għandha għalhekk tiġi miċħuda.

2.      Fuq l-ammont tal-kumpens dovut lil kull rikorrenti għat-telf ta’ opportunità

205    Ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex jiġi kkalkolat il-kumpens dovut lil kull waħda minnhom għat-telf ta’ opportunità, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont totali tal-kuntratt inkwistjoni, stmat għal EUR 250 miljun, u li dan jiġi mmultiplikat bi kriterju ta’ tqassim bejn Airbus Defence and Space u Marlink Events, evalwat, abbażi tal-fatturi stabbiliti abbażi tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt preċedenti, għal 89.4 % għal Airbus Defence and Space u għal 10.6 % għal Marlink Events. Sussegwentement, hemm lok li l-ammonti ffatturati minn kull waħda miż-żewġ rikorrenti jiġu mmultiplikati bir-rati ta’ marġni ta’ profitt nett li kull waħda minnhom tilħaq, abbażi tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt preċedenti, jiġifieri 10 %, u li l-ammonti għal kull waħda miż-żewġ rikorrenti jiġu mmultiplikati b’rata ta’ probabbiltà li tingħata l-kuntratt, evalwata għal 95 %. Ir-rikorrenti jqisu, fuq din il-bażi, li l-ammont tal-kumpens jista’ jiġi evalwat għal EUR 21 232 500 għal Airbus Defence and Space u għal EUR 2 517 500 għal Marlink Events.

206    Fir-rikors, ir-rikorrenti jipprovdu lista tal-fatturi stabbiliti abbażi tal-kuntratt preċedenti, sabiex jipprovaw il-kriterju ta’ tqassim bejn Airbus Defence and Space u Marlink Events, kif ukoll dikjarazzjonijiet tad-Direttur Finanzjarju ta’ Airbus Defence and Space u tad-Direttur Ġenerali ta’ Marlink Events sabiex jiġġustifikaw dan il-kriterju ta’ tqassim u r-rati ta’ marġni ta’ profitt nett imwettqa matul il-kuntratt preċedenti.

207    Fir-replika, ir-rikorrenti jipprovdu, barra minn hekk, fatturi maħruġa bejn Ottubru 2021 u Marzu 2024 sabiex jikkonfermaw it-tqassim tal-kompiti bejn Airbus Defence and Space u Marlink Events fil-kuntest tal-kuntratt preċedenti, kif ukoll estratt mir-rapport finanzjarju tal‑2023 tal-grupp Airbus li jindika li r-rata ta’ marġni ta’ profitt gross għall-grupp kienet ta’ 15.3 %, jiġifieri rata ogħla mir-rata indikata fil-punt 205 iktar ’il fuq. Minbarra dan, ir-rikorrenti jipprovdu addendum għall-ftehim qafas li jikkorrispondi għall-kuntratt preċedenti li juri, fil-fehma tagħhom, li l-limitu massimu tal-kuntratt preċedenti kien intlaħaq, kif ukoll komunikazzjoni tal-AED dwar previżjoni ta’ żieda fir-rati ta’ tkabbir tal-ordnijiet li tiġġustifika l-limitu massimu ta’ EUR 250 miljun tal-ftehim qafas il-ġdid.

208    L-AED tikkontesta dawn l-argumenti.

209    Hija tafferma li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkonfermat l-ammont tad-diversi parametri meħuda inkunsiderazzjoni minnhom fil-kalkoli tagħhom tal-kumpens.

210    Għalhekk, fir-rigward tal-ammont tal-fatturi maħruġa minn kull waħda mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratt preċedenti, l-AED issostni li dawn tal-aħħar ma pprovdewx l-imsemmija fatturi fil-kuntest tar-rikors u li, fi kwalunkwe każ, dawn il-fatturi huma irrilevanti fir-rigward tal-kuntratt inkwistjoni.

211    Barra minn hekk, skont l-AED, id-dikjarazzjonijiet li huma indikati fil-punt 206 iktar ’il fuq la jippermettu li jintwera li għandha tiġi applikata rata ta’ marġni ta’ profitt nett ta’ 10 % għall-ammont massimu tal-valur tal-kuntratt inkwistjoni, u lanqas li għandha tiġi applikata rata ta’ probabbiltà li jingħata l-kuntratt inkwistjoni ta’ 95 %. Dwar dan l-aħħar punt, l-AED issostni li din ir-rata għandha tkun qrib iż‑0 %.

212    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li l-kumpens għat-telf ta’ opportunità għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-elementi kollha speċifiċi għaċ-ċirkustanzi tal-każ. Fuq dan il-punt, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali għandha marġni ta’ evalwazzjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġuriżdizzjoni assoluta tagħha, fir-rigward tal-metodu li għandu jintuża sabiex issir tali determinazzjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni, T‑292/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:84, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens għat-telf ta’ opportunità għal kull waħda miż-żewġ rikorrenti, għandu qabelxejn jiġi kkalkolat il-marġni ta’ profitt nett li kull rikorrenti setgħet tilħaq li kieku l-konsorzju rebaħ il-kuntratt. Għal dan l-għan, għandha tiġi mmultiplikata stima tal-ammont tax-xiri li kienet tagħmel l-AED mingħand il-konsorzju, li kieku dan tal-aħħar kien kiseb il-kuntratt inkwistjoni, bi stima tas-sehem ta’ dan ix-xiri għal kull rikorrenti u bi stima tar-rata ta’ marġni ta’ profitt nett għal kull rikorrenti. Fl-aħħar nett, hemm lok li dan l-ammont jiġi mmultiplikat bi stima tar-rata ta’ probabbiltà għar-rikorrenti li jingħataw il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni, T‑292/15, EU:T:2018:103, punt 220).

214    L-ewwel nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammont tax-xiri mwettaq mill-AED permezz tal-ftehim qafas, il-Qorti Ġenerali tqis li ma huwiex rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont imsemmi mir-rikorrenti, jiġifieri EUR 250 miljun. Fil-fatt, l-AED ma għandha l-ebda obbligu ta’ xiri permezz tal-ftehim qafas u għalhekk ma huwiex ċert li l-limitu massimu ta’ xiri li jista’ jsir permezz tal-ftehim qafas kien jintlaħaq li kieku r-rikorrenti rebħu l-kuntratt inkwistjoni. B’mod partikolari, il-fatt, enfasizzat mir-rikorrenti, li dan kien il-każ fir-rigward tal-kuntratt preċedenti ma jikkontradixxix din il-konstatazzjoni, peress li l-kuntratt inkwistjoni huwa indipendenti mill-kuntratt preċedenti. Fl-aħħar nett, il-komunikazzjoni tal-AED, ipprovduta mir-rikorrenti, dwar il-previżjoni ta’ żieda fir-rati ta’ tkabbir tal-ordnijiet ma turix li l-limitu massimu tal-ftehim qafas kien jintlaħaq.

215    Wara l-miżura istruttorja tas‑6 ta’ Novembru 2025, l-AED ipprovdiet lill-Qorti Ġenerali bl-ammont totali ffatturat minn Telespazio France, mill-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni sad-data tas‑7 ta’ Novembru 2025 inkluża. Dan l-ammont, li huwa ta’ natura kunfidenzjali, ġie sussegwentement ikkomunikat lir-rappreżentanti tar-rikorrenti li ppreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Qorti Ġenerali tqis li dan l-ammont jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stmat l-ammont li r-rikorrenti kienu jiffatturaw lill-AED matul il-perijodu kollu ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim qafas, li kieku rebħu l-kuntratt inkwistjoni.

216    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif enfasizzaw ir-rikorrenti mingħajr ma ġew kontradetti mill-AED, l-ammont tax-xiri mwettaq minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-kuntratt preċedenti kien laħaq il-limitu massimu ta’ EUR 77.5 miljun.

217    B’hekk, fid-dawl tal-elementi kollha speċifiċi għaċ-ċirkustanzi tal-każ, tkun evalwazzjoni ġusta tal-ammont li r-rikorrenti kienu jiffatturaw lill-AED matul il-perijodu kollu ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim qafas, li kieku rebħu l-kuntratt inkwistjoni, jekk dan l-ammont jiġi stabbilit għal EUR 65 miljun.

218    It-tieni nett, fir-rigward tat-tqassim tal-fatturazzjonijiet bejn Airbus Defence and Space u Marlink Events, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti pprovdew, fl-anness tar-rikors, lista tal-fatturazzjonijiet magħmula mill-AED fil-kuntest tal-kuntratt preċedenti kif ukoll dikjarazzjonijiet tad-Direttur Finanzjarju ta’ Airbus Defence and Space u tad-Direttur Ġenerali ta’ Marlink Events sabiex jiġġustifikaw il-kriterju ta’ tqassim. Barra minn hekk, fl-anness tar-replika, ir-rikorrenti pprovdew il-fatturi maħruġa bejn Ottubru 2021 u Marzu 2024 fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt preċedenti.

219    L-AED indikat, fit-tweġiba tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑27 ta’ Ottubru 2025, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar l-eżattezza tal-evalwazzjoni mwettqa mir-rikorrenti u li għalhekk hija ma kkontradixxietx din l-evalwazzjoni, u dan minkejja li hija kienet id-destinatarja tal-imsemmija fatturi.

220    Il-Qorti Ġenerali tqis, f’dan ir-rigward, li, fid-dawl tad-diffikultà li jiġi evalwat it-tqassim eżatt tal-fatturazzjonijiet stabbiliti mir-rikorrenti fil-każ li dawn ikunu rebħu l-kuntratt, u fid-dawl tal-elementi kollha speċifiċi għaċ-ċirkustanzi tal-każ, tkun evalwazzjoni ġusta ta’ dan it-tqassim jekk jiġi ffissat għal 89.4 % għal Airbus Defence and Space u 10.6 % għal Marlink Events.

221    It-tielet nett, fir-rigward tar-rata ta’ marġni ta’ profitt nett għal kull waħda miż-żewġ rikorrenti, dawn ipprovdew, fl-anness tar-rikors, dikjarazzjonijiet li ġejjin rispettivament mid-Direttur Finanzjarju ta’ Airbus Defence and Space u mid-Direttur Ġenerali ta’ Marlink Events u, anness mar-replika, estratt mir-rapport finanzjarju tal‑2023 tal-grupp Airbus li jindika li r-rata ta’ marġni ta’ profitt gross għall-grupp kienet tammonta għal 15.3 %.

222    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li dawn id-dokumenti ma humiex ta’ natura li juru li r-rata ta’ marġni ta’ profitt nett kienet ta’ 10 % għal kull waħda miż-żewġ rikorrenti, fir-rigward tal-kuntratt preċedenti. Fil-fatt, f’kull waħda miż-żewġ dikjarazzjonijiet, huwa indikat li “l-għan ta’ profittabbiltà għal dan il-proġett kien stabbilit għal 10 %”. Sa fejn din hija kwistjoni ta’ “għan ta’ profittabbiltà”, dan l-element ma jippermettix li jiġi ddeterminat li rata ta’ marġni ta’ profitt nett ta’ 10 % effettivament intlaħqet. Barra minn hekk, għalkemm kull waħda miż-żewġ dikjarazzjonijiet hija akkumpanjata minn tliet rapporti mfassla mill-awdituri għall‑2020, għall‑2021 u għall‑2022, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa fejn dawn ir-rapporti jikkorroboraw rata ta’ marġni ta’ profitt nett ta’ 10 % fir-rigward tal-kuntratt preċedenti. Minbarra dan, ma huwiex ċert li r-rati ta’ marġni ta’ profitt nett osservati fir-rigward tal-kuntratt preċedenti kienu jkunu identiċi għal dawk osservati fir-rigward ta’ dan il-ftehim qafas, fil-każ li r-rikorrenti rebħu l-kuntratt inkwistjoni. Fl-aħħar nett, ir-rata ta’ marġni ta’ profitt indikata fir-rapport finanzjarju tal‑2023 tal-grupp Airbus ma hijiex rata ta’ marġni ta’ profitt nett, iżda rata tal-marġni ta’ profitt gross, u ma ntweriex li rata tal-marġni ta’ profitt osservabbli fil-livell tal-grupp Airbus kollu kemm hu tkun applikabbli wkoll għall-kuntratt inkwistjoni.

223    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fid-dawl tad-diffikultà li jiġu evalwati l-ammonti ta’ dan l-indikatur għal kull waħda miż-żewġ rikorrenti u fid-dawl tal-elementi kollha speċifiċi għaċ-ċirkustanzi tal-każ, tkun evalwazzjoni ġusta tal-imsemmija ammonti jekk ir-rata ta’ marġni ta’ profitt nett tiġi ffissata għal 7 % għal kull waħda miż-żewġ rikorrenti.

224    Ir-raba’ nett, fir-rigward tar-rata ta’ probabbiltà li jintrebaħ il-kuntratt, din ir-rata kienet ġiet evalwata għal 95 % mir-rikorrenti (ara l-punt 205 iktar ’il fuq). Il-Qorti Ġenerali tadotta din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, kieku l-offerta ta’ Telespazio France kienet ġiet miċħuda bħala mhux konformi, il-konsorzju probabbilment kien jirbaħ il-kuntratt peress li żewġ offerenti biss kienu pparteċipaw fis-sejħa għal offerti u l-offerta tal-konsorzju kienet tqieset konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

225    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ammont tal-kumpens dovut lil Airbus Defence and Space għat-telf ta’ opportunità jikkorrispondi għall-prodott tal-istima tax-xiri mwettaq mill-AED permezz tal-ftehim qafas, jiġifieri EUR 65 miljun, permezz tal-istima tas-sehem ta’ dan ix-xiri li kienet twettaq Airbus Defence and Space, jiġifieri 89.4 %, permezz tal-istima tar-rata ta’ marġni ta’ profitt nett li Airbus Defence and Space kienet twettaq, jiġifieri 7 %, u permezz tar-rata ta’ probabbiltà li jintrebaħ il-kuntratt, jiġifieri 95 %. L-ammont tal-kumpens dovut lil Airbus Defence and Space għat-telf ta’ opportunità għalhekk jammonta għal EUR 3 864 315.

226    Bl-istess mod, l-ammont tal-kumpens dovut lil Marlink Events għat-telf ta’ opportunità jikkorrispondi għall-prodott tal-istima tax-xiri mwettaq mill-AED permezz tal-ftehim qafas, jiġifieri EUR 65 miljun, permezz tal-istima tas-sehem ta’ dan ix-xiri li kienet twettaq Marlink Events, jiġifieri 10.6 %, permezz tal-istima tar-rata ta’ marġni ta’ profitt nett li kienet twettaq Marlink Events, jiġifieri 7 %, u permezz tar-rata ta’ probabbiltà li jintrebaħ il-kuntratt, jiġifieri 95 %. L-ammont tal-kumpens dovut lil Marlink Events għat-telf ta’ opportunità għalhekk jammonta għal EUR 458 185.

3.      Fuq l-interessi moratorji u kapitalizzati

227    Ir-rikorrenti jallegaw li l-kumpens li għandha tħallas l-AED lil kull waħda minnhom għandu jiġi miżjud bl-interessi moratorji u kapitalizzati.

228    Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li huwa biżżejjed li fit-talba għad-danni jissemma li l-kumpens jiġi miżjud bl-interessi moratorji u kapitalizzati sabiex jibbenefikaw minn dawn l-interessi u li r-rata applikata hija dik stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’3.5 punti.

229    L-AED tikkontesta dawn l-argumenti.

230    Skont l-AED, ir-rikorrenti ma jurux, fir-rikors, li d-danni li huma jallegaw għandhom jiġu miżjuda bl-interessi moratorji. Barra minn hekk, l-AED tosserva li r-rikorrenti la jippreċiżaw ir-rata u lanqas il-modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni tagħhom.

231    Minbarra dan, l-AED tafferma li r-rikorrenti lanqas ma wrew għal liema raġuni jew fuq liema bażi legali dawn l-interessi, jekk jitqiesu dovuti, għandhom jiġu kkapitalizzati.

232    Konsegwentement, l-AED tqis li t-talba tar-rikorrenti dwar l-għoti ta’ interessi moratorji kapitalizzati għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

233    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji huwa intiż li jikkumpensa b’rata fissa n-nuqqas ta’ tgawdija ta’ kreditu u li jinkoraġġixxi lid-debitur jeżegwixxi, fl-iqsar żmien possibbli, l-obbligu tiegħu li jħallas dan il-kreditu. Tali obbligu jista’ jiġi previst biss meta l-kreditu prinċipali jkun ċert fir-rigward tal-ammont tiegħu jew tal-inqas determinabbli abbażi ta’ elementi oġġettivi stabbiliti (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

234    L-obbligu li jitħallsu interessi moratorji jitnissel mis-sentenza li tikkonstata l-obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu. Ir-rata tal-interessi li għandha tiġi applikata hija kkalkolata abbażi tar-rata stabbilita mill-BĊE gћall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, li kienet tapplika matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti perċentwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni, T‑292/15, EU:T:2018:103, punti 222 u 223 u l-ġurisprudenza ċċitata).

235    Konsegwentement, il-kumpens intiż għat-telf ta’ opportunità għandu jiżdied bl-interessi moratorji, mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sal-ħlas sħiħ, u r-rata tagħhom hija dik stabbilita mill-BĊE gћall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

236    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemm l-ebda ċirkustanza partikolari ta’ dan il-każ li tiġġustifika l-kapitalizzazzjoni tal-interessi moratorji dovuti lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 54), liema ċirkustanzi barra minn hekk ma ssemmewx mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom.

4.      Konklużjoni

237    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ammont totali tal-kumpens dovut lil Airbus Defence and Space jammonta għal EUR 3 864 315 u li l-ammont totali tal-kumpens dovut lil Marlink Events jammonta għal EUR 458 185.

238    Barra minn hekk, konformement mal-punti 235 u 236 iktar ’il fuq, dan il-kumpens għandu jiġi miżjud bl-interessi moratorji, mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sal-ħlas sħiħ, u r-rata tagħhom hija dik stabbilita mill-BĊE gћall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, u dan mingħajr kapitalizzazzjoni.

IV.    Fuq l-ispejjeż

239    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-AED tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea tad-Difiża (AED) tat‑12 ta’ Diċembru 2023 li tiċħad l-offerta tal-grupp magħmul minn Airbus Defence and Space SAS u Marlink Events SAS, ippreżentata fil-kuntest tas-sejħa għal offerti 23.ISE.JP.001 intitolata “Provvista ta’ komunikazzjoni sattellitari fil-frekwenzi C, Ku, (civ)Ka, L u UHF, ta’ tagħmir tal-frekwenzi (mil)Ka & X u servizzi relatati” u li tagħti l-imsemmi kuntratt lil Telespazio France SAS, u d-deċiżjoni tal-AED tat‑23 ta’ Jannar 2024, li permezz tagħha hija, b’mod partikolari, ikkonfermat lill-konsorzju r-riżultat tal-proċedura tas-sejħa għal offerti u ċaħdet it-talba ta’ Airbus Defence and Space u ta’ Marlink Events għall-komunikazzjoni ta’ ċerti marki miksuba matul l-evalwazzjoni tal-offerti, huma annullati.

2)      L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-AED, hija obbligata tikkumpensa lil Airbus Defence and Space u lil Marlink Events għad-dannu mġarrab għat-telf ta’ opportunità, għall-konsorzju fformat minn dawn iż-żewġ kumpanniji, li jingħataw il-kuntratt imsemmi fil-punt 1 tad-dispożittiv.

3)      L-ammont tal-kompens dovut mill-Unjoni, irrappreżentata mill-AED, lil Airbus Defence and Space huwa stabbilit għal EUR 3 864 315, flimkien ma’ interessi moratorji li jibdew jiddekorru mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sakemm isir il-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) gћall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

4)      L-ammont tal-kompens dovut mill-Unjoni, irrappreżentata mill-AED, lil Marlink Events huwa stabbilit għal EUR 458 185, flimkien ma’ interessi moratorji li jibdew jiddekorru mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sakemm isir il-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-BĊE gћall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

5)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

6)      L-AED hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Svenningsen

Mac Eochaidh

Martín y Pérez de Nanclares

 

      Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Lulju 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Informazzjoni kunfidenzjali oskurata.