European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2601

16.12.2025

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2601

tal-15 ta’ Diċembru 2025

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/2585 tal-15 ta’ Diċembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 765/2006 (2).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK (3).

(3)

Fil-15 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/2585, li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

(4)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2025/2585 tintroduċi kriterju addizzjonali għall-elenkar ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu responsabbli għal, jimplimentaw, jappoġġaw, jibbenefikaw minn, ikunu involuti fi jew jiffaċilitaw azzjonijiet jew politiki attribwibbli lir-Repubblika tal-Belarussja li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, f'organizzazzjoni internazzjonali, jew f'pajjiż terz, jew li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità jew l-indipendenza ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jew ta' pajjiż terz, inkluż f'każijiet fejn dan jirriżulta fit-tfixkil tal-funzjonament tal-infrastruttura kritika, fejn ikun raġonevoli li wieħed jemmen li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kienu mill-inqas konxji mill-effetti potenzjali. Il-kuntest politiku u r-raġunijiet ta' politika għall-istabbiliment ta' dawk il-miżuri restrittivi jinsabu fil-premessi ta' dik id-Deċiżjoni.

(5)

Dik l-emenda teħtieġ li tiġi riflessa fir-Regolament (KE) Nru 765/2006 sabiex tippermetti l-implimentazzjoni korretta u uniformi tal-projbizzjoni madwar l-Unjoni.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 765/2006 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6a.   L-Anness I għandu jikkonsisti wkoll f’lista:

(a)

tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li, f’konformità mal-Artikolu 4(1), il-punt (ea), tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK, ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli għal azzjonijiet jew politiki attribwibbli lir-Repubblika tal-Belarussja li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, f’organizzazzjoni internazzjonali jew f’pajjiż terz, jew li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità jew l-indipendenza ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jew ta’ pajjiż terz, li jimplimentaw jew jappoġġaw tali azzjonijiet jew politiki jew li jibbenefikaw minnhom jew jipparteċipaw fihom jew jiffaċilitawhom, permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, direttament jew indirettament, l-appoġġ jew b’xi mod ieħor l-iffaċilitar tal-użu tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza;

(ii)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, direttament jew indirettament, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor ta’ kwalunkwe azzjoni mmirata lejn il-funzjonament ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, l-attivitajiet ekonomiċi jew is-servizzi ta’ interess pubbliku, inkluż permezz ta’ dħul mhux awtorizzat fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż l-ispazju tal-ajru tiegħu, jew bil-għan li tinterferixxi mal-infrastruttura kritika, jew li tagħmlilha ħsara jew teqridha, inkluż permezz ta’ sabotaġġ jew attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi bħala parti minn attivitajiet ibridi;

(iii)

l-ippjanar u d-direzzjoni ta' azzjonijiet mifruxa jew sistematiċi li jfixklu l-funzjonament tal-infrastruttura kritika, l-involviment dirett jew indirett fihom, l-appoġġ għalihom, jew inkella l-iffaċilitar tagħhom;

(b)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li, f’konformità mal-Artikolu 4(1), il-punt (cb) tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK, ġew identifikati mill-Kunsill bħala li jappoġġaw il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi involuti fl-attivitajiet imsemmija fil-punt (a);

(c)

il-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li, f’konformità mal-Artikolu 4(1), il-punt (e) tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK, ġew identifikati mill-Kunsill bħala persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) jew (b).”

;

(2)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   L-Anness I għandu jinkludi wkoll persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-paragrafi 5, 6, 6a(a), 7 u 7a.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L, 2025/2585, 16.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2585/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/765/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/642/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2601/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)