European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1698

13.7.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1698

tal-10 ta’ Lulju 2026

li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn avvenimenti klimatiċi avversi u diżastri naturali fil-Kroazja, f’Ċipru, fil-Portugall, fir-Rumanija u fis-Slovenja f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Matul ir-rebbiegħa u s-sajf tal-2025, il-Kroazja ntlaqtet minn diversi avvenimenti klimatiċi avversi. L-istaġun tat-tkabbir beda b’żewġ perjodi ta’ kesħa, f’nofs Marzu u fil-bidu ta’ April, bil-ġlata. Fl-istess perjodu, kien hemm ukoll xita u nixfa żejda li affettwaw ir-rendimenti ta’ ċerti għelejjel. L-effett ikkombinat ta’ dawn l-avversitajiet ikkawża ħsara sinifikanti fil-produzzjoni tal-għanbaqar, tal-ġellewż, tal-vinji, tal-alfalfa u tal-pitravi taz-zokkor.

(2)

Matul ix-xhur tas-sajf tal-2025, Ċipru ntlaqat minn nixfa severa, ikkawżata minn nuqqas ta’ xita u sħana estrema. In-nuqqas ta’ xita kien diġà evidenti minn Mejju. In-nixfa estiża kkawżat impatti irriversibbli fuq diversi setturi agrikoli u għelejjel, li wasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni tal-frott taċ-ċitru, tal-banana, tat-tin, tar-rummien, tal-bajtar tax-xewk, tal-vinji, taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, taċ-ċereali, tal-foraġġ u tal-prodotti tal-apikultura. Din ikkawżat ukoll żieda sinifikanti fil-kostijiet tal-għalf għall-bovini, għan-nagħaġ u għall-mogħoż.

(3)

Matul Jannar u Frar 2026, il-Portugall intlaqat mill-maltempata Kristin. Xita qawwija ħafna, irjieħ qawwijin u mewġiet kbar ikkawżaw għargħar u inċidenti severi relatati mat-temp li qerdu l-art agrikola u l-infrastruttura. Il-maltempata kkawżat telf konsiderevoli fil-produzzjoni agrikola. L-impatti mifruxa fejn seħħet il-maltempata affettwaw il-produzzjoni agrikola tal-għelejjel li jinħartu, iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda, il-frott u l-ħxejjex, is-settur tal-inbid u s-settur tal-bhejjem.

(4)

Matul ix-xhur tas-sajf tal-2025, ir-Rumanija ntlaqtet minn avvenimenti klimatiċi avversi serji. Ir-Rumanija batiet minn nixfa estrema, li bdiet f’Ġunju u kompliet sew f’Awwissu, b’mewġiet ta’ sħana ripetuti. Dan it-temp sħun u xott ħafna seħħ fil-perjodu ta’ żvilupp sħiħ tal-għelejjel, u kkawża ħsara sinifikanti lill-qamħirrum u lill-ġirasol.

(5)

Matul ir-rebbiegħa tal-2025, is-Slovenja ntlaqtet minn żewġ perjodi ta’ kesħa f’Marzu u f’April, b’temperaturi taħt il-livell tal-iffriżar f’diversi postijiet. L-effett ikkombinat ta’ dawn iż-żewġ perjodi ta’ ġlata fil-bidu tal-perjodu tat-tkabbir ikkawża ħsara sinifikanti fil-produzzjoni tat-tuffieħ.

(6)

Il-ħsara sinifikanti kkawżata lill-agrikoltura mill-avvenimenti klimatiċi avversi u mid-diżastri naturali u t-telf ta’ introjtu li jirriżulta minnhom għall-produtturi affettwati fil-Kroazja, f’Ċipru, fil-Portugall, fir-Rumanija u fis-Slovenja jipperikolaw il-vijabbiltà ekonomika tal-azjendi agrikoli f’dawk l-Istati Membri.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li tiġi adottata miżura eċċezzjonali biex jiġu indirizzati l-problemi speċifiċi li rriżultaw mill-avvenimenti klimatiċi avversi u mid-diżastri naturali fil-Kroazja, f’Ċipru, fil-Portugall, fir-Rumanija u fis-Slovenja.

(8)

Il-ħsara u t-telf ekonomiku sinifikanti mġarrbin mill-produtturi agrikoli minħabba avvenimenti klimatiċi avversi u diżastri naturali jikkostitwixxu problema speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ma tistax tiġi indirizzata faċilment mill-miżuri meħudin skont l-Artikoli 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Is-sitwazzjoni mhijiex marbuta speċifikament ma’ disturb uniku identifikat fis-suq jew ma’ theddida preċiża assoċjata miegħu. Barra minn hekk, mhijiex sitwazzjoni li tirrikjedi miżuri biex jiġi miġġieled it-tixrid tal-mard tal-annimali jew it-telf fil-fiduċja tal-konsumaturi minħabba riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti.

(9)

Jenħtieġ li l-ammont li jrid isir disponibbli għall-Kroazja, għal Ċipru, għall-Portugall, għar-Rumanija u għas-Slovenja jiġu ddeterminati billi jitqies, b’mod partikolari, il-piż rispettiv tal-Istat Membru fis-settur agrikolu tal-Unjoni, abbażi tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll tal-impatt tal-avvenimenti klimatiċi avversi u tad-diżastri naturali fil-Kroazja, f’Ċipru, fil-Portugall, fir-Rumanija u fis-Slovenja.

(10)

Jenħtieġ li l-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja jqassmu l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza permezz tal-iktar kanali effettivi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ġusti u mhux diskriminatorji li jqisu l-firxa tad-diffikultajiet u l-ħsara ekonomika reali li qed jiffaċċjaw il-bdiewa affettwati, bħal pereżempju perċentwal minimu ta’ telf fil-produzzjoni fis-settur jew fl-għelejjel eliġibbli. Jenħtieġ li jiżguraw li l-bdiewa affettwati jkunu l-benefiċjarji aħħarin tal-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza u jenħtieġ li jevitaw kwalunkwe distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.

(11)

Billi l-ammont li jrid jiġi allokat lill-Kroazja, lil Ċipru, lill-Portugall, lir-Rumanija u lis-Slovenja jindirizza biss parzjalment id-diffikultajiet ekonomiċi mġarrba mill-bdiewa affettwati, jenħtieġ li l-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja jitħallew jagħtu appoġġ nazzjonali addizzjonali lildawk il-bdiewa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament.

(12)

Sabiex il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja jingħataw il-flessibbiltà li jqassmu l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza skont iċ-ċirkostanzi tal-bdiewa affettwati, jenħtieġ li tkun possibbli l-kumulazzjoni ta’ dak l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, mingħajr ma jingħata kumpens żejjed lill-bdiewa affettwati.

(13)

Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, jenħtieġ li l-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja jqisu l-appoġġ mogħti fil-qafas ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni jew ta’ skemi privati ta’ assigurazzjoni bħala rispons għat-telf ekonomiku mġarrab.

(14)

Peress li l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza mill-Unjoni huwa stabbilit f’euro, biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u simultanja jeħtieġ li tiġi ffissata data għall-konverżjoni fil-munita nazzjonali tal-ammont allokat lil Stat Membru li ma adottax l-euro bħala l-munita nazzjonali tiegħu, kif inhu l-każ għar-Rumanija. Billi dan ir-Regolament ma jipprevedix skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza, jixraq li għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (3) titqies id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament bħala l-event operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(15)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din il-miżura eċċezzjonali, jenħtieġ li l-benefiċjarji jirċievu malajr l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu żgurati monitoraġġ f’waqtu tal-baġit tal-Unjoni kif ukoll segwitu aġġornat u użu effiċjenti tar-riżerva għall-agrikoltura, biex b’hekk tiġi massimizzata d-disponibbiltà tagħha u tissaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons fil-pront għall-kriżijiet emerġenti. Għalhekk, jixraq li tiġi definita data ta’ eliġibbiltà biex l-Istati Membri jħallsu dak l-appoġġ lill-benefiċjarji. Kull pagament li jsir wara dik id-data jenħtieġ li jitqies ineliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni.

(16)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Unjoni tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Kroazja, minn Ċipru, mill-Portugall, mir-Rumanija u mis-Slovenja skont din il-miżura eċċezzjonali biss meta nefqa bħal din issir sa ċerta data ta’ eliġibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza mill-Unjoni jitħallas sat-28 ta’ Frar 2027.

(17)

Peress li l-ebda pagament li jsir wara t-28 ta’ Frar 2027 ma jrid jitqies eliġibbli, ma jridx japplika l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127, li jipprevedi tnaqqis proporzjonali tal-pagamenti ta’ kull xahar li jsiru wara l-iskadenza.

(18)

Jenħtieġ li l-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari deskrizzjoni tal-miżuri, tal-kriterji li ntużaw biex jiġu ddeterminati s-setturi agrikoli u l-għelejjel eliġibbli, u ż-żoni ġeografiċi affettwati, ħalli l-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-effiċjenza tal-miżura introdotta b’dan ir-Regolament.

(19)

Sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa jirċievu l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li l-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja jimplimentaw dan ir-Regolament mingħajr dewmien. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(20)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għandu jkun disponibbli appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza mill-Unjoni b’ammont totali ta’ EUR 56 600 000 għall-Kroazja, għal Ċipru, għall-Portugall, għar-Rumanija u għas-Slovenja bħala appoġġ eċċezzjonali lill-bdiewa soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   In-nefqa tal-Unjoni mġarrba f’konformità ma’ dan ir-Regolament ma għandhiex taqbeż l-ammont totali ta’:

(a)

EUR 4 400 000 għall-Kroazja;

(b)

EUR 4 600 000 għal Ċipru;

(c)

EUR 30 000 000 għall-Portugall;

(d)

EUR 14 800 000 għar-Rumanija;

(e)

EUR 2 800 000 għas-Slovenja.

3.   Il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja għandhom jużaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2 għal miżuri li għandhom l-għan li jikkumpensaw lill-bdiewa affettwati l-iktar, għat-telf ekonomiku tagħhom li rriżulta minn avvenimenti klimatiċi avversi u diżastri naturali fl-2025 u fl-2026 u li kellhom impatt fuq il-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli tagħhom.

L-għelejjel jew is-setturi agrikoli li ġejjin huma eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza mill-Unjoni:

(a)

fil-Kroazja: l-għanbaqar, il-ġellewż, il-vinji, l-alfalfa u l-pitravi taz-zokkor;

(b)

f’Ċipru: il-frott taċ-ċitru, il-banana, it-tin, ir-rummien, il-bajtar tax-xewk, il-vinji, iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda, iċ-ċereali, l-għelejjel tal-foraġġ, l-apikultura, il-bovini, in-nagħaġ u l-mogħoż;

(c)

fil-Portugall: l-għelejjel li jinħartu, iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda, il-frott u l-ħxejjex, is-settur tal-inbid u s-settur tal-bhejjem;

(d)

fir-Rumanija: il-ġirasol u l-qamħirrum;

(e)

fis-Slovenja: it-tuffieħ.

4.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu implimentati abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ġusti u nondiskriminatorji li jqisu t-telf ekonomiku reali mġarrab mill-bdiewa affettwati. Il-miżuri għandhom jitfasslu b’tali mod li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw l-ebda distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.

5.   L-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza pprovdut skont dan ir-Regolament għandu jkun limitat għall-kumpens lill-bdiewa għat-telf ta’ introjtu li rriżulta direttament mill-ħsara lis-setturi eliġibbli u lill-produzzjoni tal-għelejjel. L-ebda telf ekonomiku ieħor ma għandu jkun eliġibbli għall-appoġġ skont dan ir-Regolament.

6.   Il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja għandhom jiżguraw li, meta l-bdiewa ma jkunux il-benefiċjarji diretti tal-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza mill-Unjoni, il-benefiċċju ekonomiku ta’ dak l-appoġġ jingħadda kollu kemm hu lill-bdiewa.

7.   In-nefqa imġarrba mill-Kroazja, minn Ċipru, mill-Portugall, mir-Rumanija u mis-Slovenja msemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-pagamenti għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 għandha tkun eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza mill-Unjoni biss jekk dawk il-pagamenti jkunu saru sat-28 ta’ Frar 2027.

8.   Għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127, l-event operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 1(2), il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament għandu jkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

9.   Tista’ ssir kumulazzjoni tal-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza mill-Unjoni previst f’dan ir-Regolament ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

10.   Il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja jistgħu jagħtu appoġġ nazzjonali addizzjonali għall-miżuri meħuda skont il-paragrafu 3 sa massimu ta’ 200 % tal-ammonti stabbiliti fil-paragrafu 2, abbażi tal-istess kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, diment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw l-ebda distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni. L-għelejjel agrikoli u s-setturi eliġibbli għal appoġġ nazzjonali addizzjonali għandhom ikunu l-istess bħal dawk eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza mill-Unjoni. Il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja għandhom iħallsu l-appoġġ nazzjonali addizzjonali sat-30 ta’ April 2027.

11.   Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, meta jingħata appoġġ finanzjarju skont dan ir-Regolament, il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja għandhom iqisu l-appoġġ mogħti fil-qafas ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni jew ta’ skemi privati bħala rispons għat-telf ekonomiku kkonċernat.

Artikolu 2

1.   Mingħajr dewmien, u mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2026, il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan li ġej, b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(3):

(a)

deskrizzjoni tal-miżuri li jridu jittieħdu;

(b)

il-kriterji li ntużaw biex jiġu ddeterminati s-setturi agrikoli u l-għelejjel eliġibbli u ż-żoni ġeografiċi affettwati;

(c)

il-kriterji li ntużaw biex jiġu ddeterminati l-bdiewa eliġibbli tal-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza u l-ammonti relatati;

(d)

il-metodi u l-proċess li ntużaw għat-tqassim tal-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza tal-Unjoni lill-bdiewa;

(e)

l-impatt maħsub tal-miżuri bil-ħsieb li l-bdiewa jiġu kkumpensati għat-telf ekonomiku li rriżulta mit-telf fil-produzzjoni;

(f)

l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġi vverifikat li l-miżuri jħallu l-impatt maħsub;

(g)

l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu evitati d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kumpens żejjed;

(h)

il-previżjoni għall-pagamenti tan-nefqa tal-Unjoni diżaggregati għal kull xahar sat-28 ta’ Frar 2027;

(i)

il-livell ta’ appoġġ nazzjonali addizzjonali li jingħata skont l-Artikolu 1(9);

(j)

l-azzjonijiet li jridu jittieħdu biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tal-bdiewa u biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

2.   Sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2027, il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammonti totali mħallsa għal kull miżura, meta applikabbli, diżaggregati skont l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza mill-Unjoni u l-appoġġ nazzjonali addizzjonali, l-għadd u t-tip ta’ benefiċjarji u valutazzjoni tal-effettività tal-miżura.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/127/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1698/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)