European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/853

18.3.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/853

tal-14 ta’ Marzu 2024

li taċċetta talba ppreżentata mir-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għan-nuqqas temporanju ta’ applikazzjoni tal-punt 7.3.1.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 għal-linja 502 bejn Cáceres u Valencia de Alcántara

(notifikata bid-dokument C(2024) 1571)

(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Jannar 2023, Spanja ppreżentat talba lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797, biex ma tapplikax il-punt 7.3.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (2) għall-installazzjoni ta’ GSM-R (Sistema Globali għall-Komunikazzjoni Mobbli — Ferrovija) fuq il-linja 502 minn Cáceres (il-punt kilometriku 332 + 529), Arroyo de Malpartida, Valencia de Alcántara sal-punt kilometriku 428 + 500, għal total ta’ 88 km fuq linja Iberika bil-gejġ (il-proġett). It-talba kienet akkumpanjata minn fajl li kien fih il-ġustifikazzjoni għat-talba u li jispeċifika d-dispożizzjonijiet alternattivi li dak l-Istat Membru biħsiebu japplika. Il-fajl ġie kkompletat b’dossier komplementari ppreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2023 fuq talba tal-Kummissjoni.

(2)

Wara l-preżentazzjoni tat-talba, ir-Regolament (UE) 2016/919 tħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 (3). Fis-sustanza, ir-rekwiżit li jiġi installat GSM-R stabbilit fil-punt 7.3.1 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 ġie inkluż fil-punt 7.3.1.1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/1695. Għalhekk, it-talba oriġinali jenħtieġ li titqies bħala talba biex temporanjament ma jiġix applikat il-punt 7.3.1.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695.

(3)

Il-linja 502 bejn Cáceres u Valencia de Alcántara hija linja b’ammont żgħir ta’ traffiku, bi frekwenza ta’ ferrovija waħda ’l hemm u ’l hawn kull jumejn. Meta t-talba ġiet ippreżentata, ma kien hemm l-ebda talba biex jitħaddmu iktar ferroviji fuq dik il-linja. Il-linja hija parti min-network komprensiv Ewropew u l-installazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) mhijiex mistennija qabel l-2040.

(4)

It-talba tikkonċerna t-tiġdid tat-tagħmir maġenb il-binarji li attwalment huwa mgħammar b’ASFA analoġika (sistema tal-klassi B), sistema ta’ imblukkar tat-telefown u l-ebda sistema ta’ komunikazzjoni bir-radju. Il-proġett jinkludi l-installazzjoni ta’ sistema awtomatika ta’ imblukkar, it-tiġdid tal-lokkjaturi u l-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ komunikazzjoni bbażata fuq sistemi ta’ komunikazzjoni bis-satellita u GSM (kummerċjali). Huwa mistenni li jibda joffri s-servizz minn Diċembru 2025.

(5)

It-talba ġiet ippreżentata abbażi tal-Artikolu 7(1), il-punt (c) tad-Direttiva (UE) 2016/797, jiġifieri n-nuqqas ta’ vijabbiltà ekonomika għat-tqegħid fis-servizz sa Ġunju 2026 tat-tagħmir ta’ maġenb il-binarji, inkluż is-sistema ta’ komunikazzjoni bit-teknoloġija GSM-R kif stabbilit fil-punt 7.3.1.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695.

(6)

Il-kumplessità tal-GSM-R u l-kost tal-installazzjoni relatat ma jistgħux jiġu amortizzati fuq linji b’domanda baxxa ħafna għall-użu, kif inhu l-każ għal-linja 502. L-istudju tal-kost tal-proġett juri li l-installazzjoni tas-soluzzjoni GSM-R timplika kost 26 darba ogħla mis-soluzzjoni finalment proposta mill-applikant (iktar minn EUR 4 miljun meta mqabbel ma’ EUR 0,150 miljun). Dan il-kost ma jistax jiġi ġġustifikat, minħabba l-ammont żgħir ta’ traffiku tal-linja. Il-kost tal-manutenzjoni għas-soluzzjoni prevista huwa ta’ 2 % meta mqabbel mal-installazzjoni tal-GSM-R.

(7)

Bħala dispożizzjonijiet alternattivi, l-awtoritajiet Spanjoli qed jippjanaw li jużaw sistemi bis-satellita u GSM (kummerċjali) għall-komunikazzjoni operattiva (inkluż verżjonijiet sussegwenti tal-GSM). Dik is-soluzzjoni hija konformi mal-Istudju dwar il-fattibbiltà tal-Komunikazzjoni bis-Satellita għall-komunikazzjoni ferrovjarja mwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA) (4) fl-2016 u kkontemplata fil-Grupp ta’ Ħidma Funzjonali u l-Grupp tal-Arkitettura u t-Teknoloġija FRMCS (sistema ta’ komunikazzjoni futura tal-ġestjoni bir-radju), Frar 2020 — Każ 6 (Użu tal-Komunikazzjoni bis-Satellita). L-awtoritajiet Spanjoli studjaw ukoll l-użu tal-komunikazzjoni bis-satellita f’networks b’ammont żgħir ta’ traffiku u r-riżultati tal-ittestjar tal-komunikazzjoni bis-satellita għas-sezzjoni Cáceres — Valencia de Alcántara kienu sodisfaċenti.

(8)

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1), il-punt (c), u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jenħtieġ li jitqiesu ssodisfati għal-linja 502 minn Cáceres (il-punt kilometriku 332 + 529), Arroyo de Malpartida, Valencia de Alcántara sal-punt kilometriku 428 + 500. Għalhekk, it-talba ppreżentata minn Spanja biex temporanjament ma tapplikax il-punt 7.3.1.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695, filwaqt li ttaffi n-nuqqas ta’ applikazzjoni bl-installazzjoni ta’ sistema ta’ komunikazzjoni bis-satellita u GSM (kummerċjali, inkluż verżjonijiet sussegwenti), jenħtieġ li tiġi aċċettata.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba ta’ Spanja biex temporanjament ma tapplikax il-punt 7.3.1.1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 għas-sezzjoni tal-linja 502 tan-network ferrovjarju Spanjol, li tinsab fil-limiti ġeografiċi minn Cáceres (il-punt kilometriku 332 + 529), Arroyo de Malpartida, Valencia de Alcántara sal-punt kilometriku 428 + 500, hija aċċettata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fid-data meta l-użu tal-FRMCS jew ta’ sistema tar-radju moderna ekwivalenti oħra ssir obbligatorja għan-network ferrovjarju komprensiv Ewropew.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/919/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità relatata mas-subsistemi tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/919 (ĠU L 222, 8.9.2023, p. 380, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1695/oj).

(4)  https://www.era.europa.eu/system/files/2022-11/Study%20on%20feasibility%20of%20satcom%20for%20railway%20applications%20by%20INDRA_ALG.pdf


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/853/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)