SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

28 ta’ Mejju 2020 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal – Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol – Artikolu 16 – Dikjarazzjoni ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol – Artikolu 22 – Kumitat Mediku – Rifjut ta’ rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun ta’ marda – Irregolarità tal-opinjoni tal-Kumitat Mediku”

Fil-Kawża T‑213/19,

AW, irrappreżentat minn L. Levi u S. Rodrigues, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn T. Lazian u I. Lázaro Betancor, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Parlament tas-7 ta’ Awwissu 2018 li jiċħdu t-talbiet għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun ta’ marda mressqa mir-rikorrent fil-15 u fit-28 ta’ Lulju 2016,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, I. Reine u L. Truchot (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-26 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

Id-dritt

[omissis]

Fuq il-fondatezza tar-rikors

[omissis]

31

Ir-rikorrent isostni li matul il-laqgħa tal-Kumitat Mediku tal-10 ta’ April 2018 ma ġewx ikkomunikati lil dan il-Kumitat numru ta’ dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun tal-mard inkwistjoni. Dan iżid li, fit-12 ta’ April 2018, it-tabib B bagħat dawn l-istess dokumenti lit-tabib C, iżda li dan irrifjuta li jittrażmettihom lill-Kumitat Mediku, biex jikkonforma ruħu mal-“istruzzjonijiet” li dan irċieva mingħand il-Parlament sabiex ma jiħux inkunsiderazzjoni dokumenti mibgħuta wara t-30 ta’ Marzu 2017. Issa, skont ir-rikorrent, kien biss il-Kumitat Mediku, u mhux l-Awtorità tal-Ħatra, li kellu jiddeċiedi dwar ir-rilevanza tad-dokumenti li jistgħu jkunu utli għalih.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ma ġiex adit b’fajl komplet li jiġbor fih id-dokumenti kollha ppreżentati mir-rikorrent sa mill-ftuħ, f’Lulju 2016, tal-proċeduri ta’ rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun tal-mard inkwistjoni, il-Kumitat Mediku ma kellux id-dokumenti kollha disponibbli li setgħu jkunu utli għalih sabiex iwettaq l-evalwazzjonijiet tiegħu, bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regoli dwar l-Assigurazzjoni.

[omissis]

44

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal relattivi għall-Kumitat Mediku adit fil-kuntest tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li l-evalwazzjoni definittiva tal-kwistjonijiet kollha ta’ natura medika tiġi fdata lil esperti mediċi (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1991, Il-Kummissjoni vs Gill, C‑185/90 P, EU:C:1991:380, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Ġunju 2000, C vs Il‑Kunsill, T‑84/98, EU:T:2000:156, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kompitu tal-Kumitat Mediku li jevalwa b’oġġettività u b’indipendenza sħiħa evalwazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ natura medika jeżiġi li l-libertà ta’ evalwazzjoni tiegħu tkun sħiħa. L-evalwazzjonijiet mediċi fil-veru sens tal-kelma, magħmula mill-Kumitat Mediku, għandhom jitqiesu bħala finali meta dawn ikunu maħruġa f’kundizzjonijiet regolari. Il-qorti tal-Unjoni tista’ biss tivverifika, minn naħa, jekk l-imsemmi kumitat ġiex ikkostitwit u ffunzjonax b’mod regolari u, min-naħa l-oħra, jekk l-opinjoni tiegħu hijiex regolari (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑551/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:751, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 22(3) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni jirriżulta li, sabiex Kumitat Mediku jagħti parir mediku b’mod regolari, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jsir jaf bid-dokumenti kollha disponibbli u li jistgħu jkunu utli għalih fl-evalwazzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1997, R vs Il‑Kummissjoni, T‑187/95, EU:T:1997:119, punt 49, u tat-3 ta’ Marzu 2004, Vainker vs Il‑Parlament, T‑48/01, EU:T:2004:61, punt 132).

46

F’dan ir-rigward, għalkemm id-dokumenti kollha ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol jaqgħu taħt is-sistema prevista mir-Regoli dwar l-Assigurazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1991, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, C‑283/90 P, EU:C:1991:361, punt 25), la l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ir-regoli komuni li jirriżultaw minnhom, ma jinkludu fihom dispożizzjonijiet li jispeċifikaw in-natura tad-dokumenti li għandu jinkludi l-fajl tal-Kumitat Mediku, imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(3) ta’ dawn ir-regoli.

47

Min-naħa l-oħra, mill-kliem stess ta’ dan l-aħħar test jirriżulta li l-fajl għandu jinkludi d-dokumenti kollha disponibbli u li jistgħu jkunu utli għall-Kumitat Mediku sabiex dan ikun jista’ jwettaq l-evalwazzjonijiet neċessarji għat-tfassil tar-rapport tiegħu.

48

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-Parlament ma kkomunikax lill-Kumitat Mediku ċerti dokumenti inizjalment trażmessi mir-rikorrent insostenn tat-talbiet tiegħu għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun tal-mard inkwistjoni.

49

Mill-proċess jirriżulta li ma huwiex ikkontestat li d-dokumenti li ma ġewx ikkomunikati lill-Kumitat Mediku huma d-dokumenti elenkati, fir-rigward tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun tal-uġigħ fl-ispina, fil-paġna 45 tal-Anness A 9 u, fir-rigward tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun tal-ortikarja minħabba l-istress, fil-paġna 176 tal-Anness A 10 (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”). Id-dokumenti kontenzjużi kienu 15 fir-rigward tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun tal-uġigħ fl-ispina u 19 fir-rigward tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun tal-ortikarja minħabba l-istress. Dawn kienu jinkludu, b’mod partikolari, rapporti mediċi li kienu jikkonkludu li dan il-mard kien ikkaġunat mix-xogħol kif ukoll diversi ftehim tas-Sistema Komuni ta’ Assigurazzjoni tal-Mard tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni (SKAM) dwar it-trattamenti segwiti mir-rikorrent.

50

Il-Parlament jesponi li huwa eskluda dawn id-dokumenti wara li qies li dawn kienu jirrepetu l-kontenut ta’ dokumenti kkomunikati preċedentement.

51

Fit-tweġibiet tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Parlament ippreċiża li wħud mid-dokumenti inkwistjoni kienu identiċi għal dawk li diġà kienu fil-pussess tiegħu, oħrajn ma kellhomx rabta mal-kwistjonijiet mediċi ppreżentati, u finalment, oħrajn kienu jinkludu informazzjoni simili, jiġifieri li, mingħajr ma kienu identiċi, kienu jirriproduċu l-istess informazzjoni u konklużjonijiet bħal dawk li diġà kienu fil-pussess tiegħu.

52

Fir-rigward ta’ din l-aħħar kategorija ta’ dokumenti, li għandhom, skont il-Parlament, portata medika marbuta mal-kwistjonijiet imqajma quddiem il-Kumitat Mediku, dan tal-aħħar indika li dawn kienu ġew skartati biss sa fejn ma kinux jipprovdu provi mediċi ġodda meta mqabbla ma’ dawk diġà inklużi fil-fajl imħejji mill-istituzzjoni.

53

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Parlament kien wettaq evalwazzjoni ta’ natura medika fuq id-dokumenti mibgħuta mir-rikorrent insostenn tat-talbiet tiegħu għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun tal-mard inkwistjoni, li tikkonsisti f’li jiġi deċiż li l-kontenut ta’ wħud minn dawn id-dokumenti kien, minn din il-perspettiva, simili għal dak ta’ dokumenti oħra tal-fajl. In-natura medika ta’ din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Parlament stess, li indika li kien talab lit-tabib tal-istituzzjoni jikkonferma l-għażla tiegħu.

54

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jallega l-Parlament, il-missjoni li dan għandu li jistabbilixxi l-mandat mogħti lill-Kumitat Mediku ma tawtorizzahx jevalwa r-rilevanza medika tad-dokumenti mibgħuta mill-persuna assigurata fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, meta dan jitlob li l-Kumitat Mediku jagħti opinjoni dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra.

55

Fil-fatt, l-unika funzjoni tal-istituzzjoni hija, meta l-persuna assigurata jew l-aventi kawża tagħha jitolbu lill-Kumitat Mediku sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu, li tistabbilixxi l-mandat mogħti lilu. Dan il-mandat għandu jadixxi lil dan il-kumitat bil-kwistjonijiet mediċi mqajma kemm mir-rapport tat-tabib li jirrappreżenta lill-persuna assigurata kif ukoll, jekk ikun il-każ, mir-rapporti mediċi rilevanti l-oħra mibgħuta mill-persuna assigurata, skont l-Artikolu 22(2) tar-Regoli dwar l-Assigurazzjoni, abbażi tal-Artikolu 20(2) ta’ dawn ir-regoli. Ir-rapporti mediċi mibgħuta f’dan ir-rigward, u li eventwalment jiġu redatti minn tobba differenti mit-tabib li jirrappreżenta lill-persuna assigurata fi ħdan il-Kumitat Mediku, jispeċifikaw il-kwistjonijiet mediċi li dawn it-tobba jkollhom l-intenzjoni li jqajmu sabiex jikkontestaw l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra abbażi tal-konklużjonijiet tat-tabib tal-istituzzjoni. Ir-riferiment, magħmul mill-Artikolu 22(2) tar-Regoli dwar l-Assigurazzjoni, għar-rapporti mediċi rilevanti mibgħuta skont l-Artikolu 20(2) ta’ dawn l-istess regoli, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-istituzzjoni responsabbli mit-tfassil tal-mandat fdat lill-Kumitat Mediku d-dritt li tiddistingwi, għall-finijiet tal-komunikazzjoni tagħhom lil dan il-kumitat, biss ir-rapporti li hija tqis rilevanti mir-rapporti l-oħra, mingħajr ma titneħħa l-effettività tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 22(3) tar-Regoli dwar l-Assigurazzjoni. Ir-rapporti mediċi rilevanti trażmessi, skont l-Artikolu 22(2) tar-Regoli dwar l-Assigurazzjoni, skont l-Artikolu 20(2) ta’ dawn ir-regoli, huma, fil-fatt, dawk li l-persuna assigurata jew l-aventi kawża tagħha qiesu utli li jikkomunikaw lit-tabib jew lit-tobba maħtura mill-istituzzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Assigurazzjoni. Għaldaqstant, hija biss il-persuna assigurata jew l-aventi kawża tagħha li għandha tevalwa n-natura rilevanti tar-rapporti mediċi inkwistjoni.

56

Konsegwentement, meta ddeċieda dwar kwistjonijiet ta’ natura medika sabiex jiġi stabbilit il-fajl ippreżentat lill-Kumitat Mediku, il-Parlament eċċeda l-limiti tal-kompetenza tiegħu u ppreġudika r-regolarità tal-ħidma tal-Kumitat Mediku.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kumitat Mediku ma jistax jitqies li kien f’pożizzjoni li jeżamina d-dokumenti kollha disponibbli u li jistgħu jkunu utli għall-evalwazzjonijiet tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 22(3) tar-Regoli dwar l-Assigurazzjoni, kif interpretat fil-ġurisprudenza, hekk kif tfakkar fil-punt 45 iktar ’il fuq.

58

Minn dan isegwi li l-Kumitat Mediku eżerċita l-missjoni tiegħu f’kundizzjonijiet irregolari, b’tali mod li r-rapporti li huwa bagħat lill-Awtorità tal-Ħatra fi tmiem il-ħidma tiegħu huma vvizzjati.

59

F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li dawk fost id-dokumenti inkwistjoni li, skont il-Parlament, kienu jinkludu informazzjoni simili għal dik diġà mibgħuta lill-Kumitat Mediku, kienu disponibbli matul ix-xogħol ta’ dan tal-aħħar. Lanqas ma huwa kkontestat li tali dokumenti kienu jikkonsistu, b’mod partikolari, f’rapporti mediċi minn diversi tobba li kkonkludew li l-mard inkwistjoni kien ikkaġunat mix-xogħol u f’diversi ftehim tal-iSKAM dwar it-trattamenti segwiti mir-rikorrent. Sa fejn tali dokumenti kellhom manifestament rabta mal-patoloġiji tar-rikorrent, ma huwiex eskluż li, kieku l-Kumitat Mediku kien f’pożizzjoni li jeżamina dawn id-dokumenti u, jekk ikun il-każ, li jeħodhom inkunsiderazzjoni, il-konklużjonijiet tiegħu setgħu kienu differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1997, R vs Il-Kummissjoni, T‑187/95, EU:T:1997:119, punt 57).

60

Peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati abbażi tar-rapporti tal-Kumitat Mediku, dawn huma vvizzjati b’difett proċedurali ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tagħhom.

61

Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi milqugħa.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Awwissu 2018 li jiċħdu t-talbiet għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala kaġun tal-mard ta’ AW tal-15 u tat-28 ta’ Lulju 2016 huma annullati.

 

2)

Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

da Silva Passos

Reine

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Mejju 2020.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.