|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2869 |
7.11.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2869
tal-5 ta’ Novembru 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sigurtà tal-Provvista
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fid-29 ta’ April 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/689 (1) dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. |
|
(2) |
L-Artikolu 8(1), il-punt (l), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni stabbilixxa l-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija. Il-kompetenzi tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
|
(3) |
L-Artikolu 8(4), il-punt (f), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jagħti s-setgħa lill-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija biex jistabbilixxi, jissorvelja, jikkoordina u jxolji l-Gruppi ta’ Ħidma. Skont l-Artikolu 9(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, kwalunkwe Grupp ta’ Ħidma stabbilit għandu, taħt is-superviżjoni ta’ Kumitat, jassisti lil dak il-Kumitat fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u, b’mod partikolari, iħejji l-ħidma ta’ dak il-Kumitat u jwettaq kwalunkwe kompitu assenjat lill-Grupp ta’ Ħidma minn dak il-Kumitat. L-Artikolu 9(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li kwalunkwe Grupp ta’ Ħidma stabbilit għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura, l-iskeda tal-laqgħat u l-aġenda tiegħu stess b’kunsens reċiproku. |
|
(4) |
Huwa xieraq li l-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija jistabbilixxi, skont l-Artikolu 8(4), il-punt (f), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sigurtà tal-Provvista, biex jopera taħt is-superviżjoni tiegħu. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sigurtà tal-Provvista jenħtieġ li jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2193 (3) u jenħtieġ li jirrapporta regolarment dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija. |
|
(5) |
Il-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sigurtà tal-Provvista jenħtieġ li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista. Dan jenħtieġ li jservi bħala forum għall-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni, id-diskussjonijiet tekniċi u l-konsultazzjoni reċiproka. Bl-eċċezzjoni tal-istabbiliment tar-regoli ta’ proċedura tiegħu stess, il-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sigurtà tal-Provvista mhuwiex maħsub biex jadotta atti jew miżuri li jkollhom effett legali. |
|
(6) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija, peress li d-deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija se tkun vinkolanti għall-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija, stabbilit bl-Artikolu 8(1), il-punt (l), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, hija stabbilita fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-addozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
VARGA M.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).
(2) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2193 tat-28 ta’ Settembru 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-gruppi ta’ ħidma stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, jew sussegwentement stabbiliti skontu, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tagħhom (ĠU L, 2023/2193, 16.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2193/oj).
ANNESS
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru …/2024 TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT DWAR L-ENERĠIJA STABBILIT PERMEZZ TAL-ARTIKOLU 8(1)(l) TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MIN-NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA,
ta’ …
rigward l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sigurtà tal-Provvista
IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT DWAR L-ENERĠIJA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(4)(f) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. |
|
(2) |
L-Artikolu 8(1)(l) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi l-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija. Setgħatu fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-qasam ta’ kompetenza tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
|
(3) |
L-Artikolu 8(4)(f) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jagħti s-setgħa lill-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija biex jistabbilixxi, jissorvelja, jikkoordina u jxolji l-Gruppi ta’ Ħidma. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 9(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, kwalunkwe Grupp ta’ Ħidma stabbilit għandu, taħt is-superviżjoni ta’ Kumitat, jassisti lil dak il-Kumitat fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u, b’mod partikolari, iħejji l-ħidma ta’ dak il-Kumitat u jwettaq kwalunkwe kompitu assenjat lill-Grupp ta’ Ħidma minn dak il-Kumitat. |
|
(5) |
L-Artikolu 9(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li kwalunkwe Grupp ta’ Ħidma għandu jkunu magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit u għandu jkun kopresedut minn rappreżentant tal-Unjoni u minn rappreżentant tar-Renju Unit. |
|
(6) |
L-Artikolu 9(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li kwalunkwe Grupp ta’ Ħidma stabbilit għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura, l-iskeda tal-laqgħat u l-aġenda tiegħu stess b’kunsens reċiproku. |
|
(7) |
Huwa xieraq li l-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija jistabbilixxi, skont l-Artikolu 8(4)(f) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sigurtà tal-Provvista, biex jopera taħt is-superviżjoni tiegħu. Jenħtieġ li l-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sigurtà tal-Provvista jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Jenħtieġ li jirrapporta regolarment dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. B’dan huwa stabbilit il-Kumitat ta’ Ħidma dwar is-Sigurtà tal-Provvista.
2. Huwa għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu fl-ewwel laqgħa tiegħu.
Artikolu 2
1. Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jiltaqa’ kull meta jiġi deċiż mill-kopresidenti, bi qbil reċiproku.
2. Għandu jirrapporta r-riżultati u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tiegħu b’mod regolari lill-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …, …
Għall-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija
Il-Kopresidenti
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2869/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)