SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)
28 ta’ Frar 2008 ( *1 )
“Laħam taċ-ċanga u tal-vitella — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Regolament (KE) Nru 1254/1999 — Artikolu 3(f) — Għoti ta’ primjum tal-baqar li jreddgħu — Kundizzjonijiet li jikkorrispondu għal prassi normali ta’ trobbija”
Fil-Kawża C-446/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2006, fil-proċedura
A. G. Winkel
vs
Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal A. G. Winkel, minnu stess, |
|
— |
għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. M. Wissels, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u M. van Heezik, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 , tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u tal-vitella (ĠU L 160, p. 21) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1512/2001 tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 2001 (ĠU L 201, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1254/1999”). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. G. Winkel u l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (il-Ministru ta’ l-Agrikoltura, ta’ l-Ambjent u tal-Kwalità ta’ l-Ikel, iktar ’il quddiem il-“Ministru ta’ l-Agrikoltura”, dwar ir-rifjut ta’ dan ta’ l-aħħar li jagħtih primjum tal-baqar li jreddgħu għal ċerti baqar minħabba li dawn ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Ir-Regolament Nru 1254/1999
|
3 |
L-Artikolu 3(f) u (g) tar-Regolament Nru 1254/1999 jiddefinixxi kif ġej it-termini “baqra li tredda” u “għoġla” rispettivament:
|
|
4 |
L-ewwel u l-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(2) kif ukoll l-Artikolu 6(3) u (7) tar-Regolament Nru 1254/1999 jistipulaw: “2. Il-premju [primjum] tal-baqar li jreddgħu għandu jingħata lil kull produttur: […] kemm-il darba huwa jżomm, għal mill-anqas sitt xhur konsekuttivi mill-jum li fih l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata n-numru ta’ baqar li jreddgħu mill-anqas ugwali għal 60 % u ta’ l-għoġġiela mhux aktar minn 40 % tan-numru li għalih ikun intalab il-premju. […] Sabiex jiġi stabbilit in-numru ta’ annimali eliġibbli […], kemm jekk il-baqar ikunu jappartjenu għal merħliet li jreddgħu u kemm jekk ikunu jappartjenu għal merħliet tal-ħalib, għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tar-referenza individwali tal-benefiċċjarju kif imfissra fl-Artikolu 16 (3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib jew prodotti tal-ħalib [ĠU L 160, p.48], u tal-medja tal-produzzjoni tal-ħalib. 3. L-intitolament għall-premju tal-produtturi għandu jkun illimitat bl-applikazzjoni ta’ limitu massimu għal kull individwu kif mfisser fl-Artikolu 7. […] 7. Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u, b’mod partikolari, regoli li għandhom x’jaqsmu mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ baqra li tredda’ li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3, u l-medja tal-produzzjoni tal-ħalib għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 2342/1999
|
5 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2342/1999, tat-28 ta’ Ottubru 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 1254/1999 tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam taċ-ċanga u tal-vitella rigward l-iskemi tal-premium [premjum] (ĠU L 281, p. 30, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Applikazzjoni”), fl-Artikolu 14 tiegħu jippreċiza l-kunċett ta’ “baqar li jappartjenu għal razza tal-laħam”: “Il-baqar li jappartjienu [jappartjenu] għar-razez tal-fart iddikjarati fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala baqar li jappartjenu għal razza tal-laħam kif riferiti fl-Artikoli 3(f) u 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999.” |
|
6 |
Skond l-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri għandhom jadottaw kull miżura xierqa meħtieġa sabiex jiżguraw li dan ir-regolament jiġi applikat kif xieraq. |
Ir-Regolament (KE) Nru 2419/2001
|
7 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001, tal-11 ta’ Diċembru ta’ l-2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU L 327, p. 11) fl-Artikolu 38 tiegħu jipprovdi għal tnaqqis ta’ l-għajnuna mitluba, jistipula esklużjonijiet ta’ din l-għajnuna, meta verifiki juru irregolaritajiet fit-talba għall-għajnuna. |
|
8 |
Madankollu, l-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament jippermetti li jiġu kkunsidrati ċirkustanzi naturali, bħal dawk ta’ mewt ta’ annimal bħala konsegwenza ta’ marda jew ta’ inċident li għalih il-bidwi ma jistax jinżamm responsabbli. L-Artikolu 48 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, barra minn hekk, li jiġu kkunsidrati każijiet ta’ forza maġġuri u ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
|
9 |
Ir-Regolament dwar il-premji komunitarji għall-annimali (Regeling dierlijke EG-premies), kif emendat bid-deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2002, (Stcrt. 2002, Nru 143, p. 10, iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni Olandiża”), fl-Artikolu 1(p) tiegħu jiddefinixxi l-kunċett ta’ “baqra li tredda’” b’termini identiċi għal dawk ta’ l-Artikolu 3(f) tar-Regolament Nru 1254/1999. |
|
10 |
Skond l-Artikolu 6(1)(d) tal-leġiżlazzjoni Olandiża, fil-verżjoni tagħha applikabbli sat-2 ta’ Ġunju 2003, primjum lill-produttur għall-baqar li jreddgħu jingħata biss għal baqar li, matul is-sena kkonċernata, ikunu welldu mill-inqas darba u l-għoġġiela tagħhom ikunu baqgħu fi ħdan il-merħla mill-inqas erba’ xhur wara t-twelid tagħhom. |
|
11 |
Mit-2 ta’ Ġunju 2003, l-Artikolu 6(1)(d) tal-liġi Olandiża ġie emendat kif ġej: “Primjum lill-produttur għall-baqar li jreddgħu jingħata biss għall-baqar li jkunu welldu mill-inqas darba matul il-perijodu li jibda jiddekorri għoxrin xahar qabel id-data tal-ftuħ ta’ l-applikazzjoni kkonċernata u li jispiċċa erba’ xhur sħaħ wara din id-data, u li l-għoġġiela tagħhom ikunu baqgħu fi ħdan il-merħla mill-inqas erba’ xhur wara t-twelid tagħhom.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
12 |
A. G. Winkel issottometta talbiet għal primjum għal seba’ baqriet li jreddgħu, għas-snin 2002 u 2003. |
|
13 |
Fir-rigward tas-sena 2002, il-Ministru ta’ l-Agrikoltura l-ewwel aċċetta t-talba ta’ A. G. Winkel billi tah primjum ta’ madwar EUR 1300, qabel ma biddel id-deċiżjoni u talbu l-ħlas lura ta’ dan l-ammont, minħabba li erba’ mill-baqriet ikkonċernati ma kinux reddgħu l-għoġġiela tagħhom għal mill-inqas erba’ xhur wara t-twelid tagħhom. Il-Ministru ta’ l-Agrikoltura eskluda wkoll lil A. G. Winkel mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna fuq id-dħul ta’ kważi EUR 900 fir-rigward ta’ l-għajnuna li tista’ tinġabar għas-snin 2003 sa 2005, skond l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 2419/2001. |
|
14 |
Fir-rigward tas-sena 2003, il-Ministru ta’ l-Agrikoltura ta lil A. G. Winkel primjum ta’ madwar EUR 1100 korrispondenti għal sitt baqriet li jreddgħu. Il-primjum ma ngħatax għal baqra waħda minħabba li ma kinitx reddgħet lill-għoġol tagħha għal erba’ xhur wara t-twelid tiegħu. |
|
15 |
A. G. Winkel ressaq ilmenti kontra t-talba għall-ħlas lura tal-primjum għas-sena 2002, kontra l-esklużjoni ta’ l-għajnuna fuq id-dħul fir-rigward ta’ l-istess sena, u kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal primjum għal baqra waħda fl-2003. Il-Ministru ta’ l-Agrikoltura ċaħad dawn l-ilmenti permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2004, li kontriha A. G. Winkel ippreżenta rikors quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven. |
|
16 |
Din il-qorti tispjega li quddiemha ġew ippreżentati żewġ dokumenti mill-Ministru ta’ l-Agrikoltura. L-ewwel wieħed huwa nota ta’ interpretazzjoni tad-Direttorat Ġenerali ta’ l-Agrikoltura tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 1999, li fiha hemm indikat li l-għoġġiela tal-baqar li jreddgħu għandhom jibqgħu qrib ommhom ħlief f’każijiet eċċezzjonali. |
|
17 |
It-tieni dokument huwa rapport tat-3 ta’ Ġunju 2002 ta’ l-istess Direttorat Ġenerali li jirreferi għal verifiki li saru mill-awtoritajiet Olandiżi wara kontroll tad-dipartimenti tal-Kummissjoni. Fih hemm indikat li kważi 25 % ta’ l-għoġġiela mwielda matul is-sena 2000 u appartenenti għal merħliet intiżi għat-trobbija kienu telqu mill-merħla matul l-erba’ xhur wara t-twelid tagħhom. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni jippreċiżaw li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet xierqa, kull għoġol għandu jibqa’ mill-inqas erba’ xhur qrib ommu għall-finijiet ta’ l-għoti tal-primjum tal-baqar li jreddgħu. |
|
18 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, bl-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet dwar il-frekwenza tat-twelid u dwar il-perijodu tat-treddigħ fuq il-livell ta’ kull baqra li tredda’ u mhux fuq il-livell tal-merħla fit-totalità tagħha, Stat Membru jkunx qed jintroduċi rekwiżiti inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. |
|
19 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-ewwel domanda
Osservazzjonijiet preliminari
|
20 |
Mill-proċess jirriżulta li l-kundizzjonijiet applikabbli fl-Olanda biex wieħed jibbenefika mill-primjum għall-baqar li jreddgħu jirrigwardaw minn naħa waħda l-frekwenza tat-twelid u min-naħa l-oħra l-perijodu tat-treddigħ. |
|
21 |
Matul il-perijodu msemmi fl-ilment ta’ A. G. Winkel, il-kundizzjoni dwar il-frekwenza tat-twelid inbidlet. Sat-2 ta’ Ġunju 2003, biex jikkwalifikaw bħala baqar li jreddgħu, il-baqar li għalihom jintalab il-primjum kellhom ikunu welldu mill-inqas darba matul is-sena kkonċernata. Mit-2 ta’ Ġunju 2003, kien biżżejjed li l-baqar ikkonċernati jkunu welldu darba matul perijodu definit ta’ sentejn. |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar il-perijodu tat-treddigħ ma nbidlitx u tistipula li l-għoġġiela jeħtieġ li jkunu baqgħu qrib ommhom matul perijodu ta’ erba’ xhur wara t-twelid tagħhom. |
|
23 |
L-ewwel domanda għalhekk għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikolu 3(f) tar-Regolament Nru 1254/199 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt għall-primjum tal-baqar li jreddgħu għal kundizzjonijiet konformi ma’ prattika normali ta’ trobbija li titlob minn naħa waħda ċerta frekwenza tat-twelid u, min-naħa l-oħra, li l-għoġol ikun tredda’ minn ommu matul perijodu ta’ erba’ xhur wara t-twelid tiegħu. |
Osservazzjonijiet tal-partijiet
|
24 |
A. G. Winkel u l-Kummissjoni jsostnu li l-Artikolu 3(f) tar-Regolament Nru 1254/1999 jipprekludi kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-liġi Olandiża. |
|
25 |
A. G. Winkel iqis li l-prattika normali ta’ trobbija li fuqha huma bbażati dawn il-kundizzjonijiet hija vaga u varjabbli kif juri l-bdil li sar fil-kundizzjoni dwar il-frekwenza tat-twelid. |
|
26 |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-definizzjoni li tinsab f’dan l-Artikolu 3(f) hija eżawrjenti u li l-Istati Membri ma setgħux iżidu kundizzjonijiet oħra. Barra minn hekk, il-karatteristika tat-treddigħ għandha tiġi evalwata fuq il-livell tal-merħla fit-totalità tagħha u mhux fuq il-livell ta’ kull baqra. Fl-aħħar nett, kundizzjonijiet bħal dawk introdotti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jippermettux li jiġu kkunsidrati l-każijiet eċċezzjonali fejn il-perijodu tat-treddigħ jew il-frekwenza tat-twelid ma setgħux jiġu rrispettati. |
|
27 |
Il-Gvernijiet Olandiżi u Franċiżi huma ta’ opinjoni opposta. |
|
28 |
Il-Gvern Olandiż jesponi li huwa introduċa l-kundizzjonijiet ikkonċernati, b’mod partikolari dik dwar il-perijodu tat-treddigħ, sabiex jieħu in kunsiderazzjoni l-kritika magħmula mid-dipartimenti tal-Kummissjoni wara verifika li saret minnhom. Barra minn hekk, dan il-gvern isostni li l-kundizzjoni tat-treddigħ ma ttellef bl-ebda mod li jiġu kkunsidrati każijiet eċċezzjonali, bħal qatla b’urġenza li timplika l-esklużjoni aċċidentali ta’ għoġol, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2419/2001. |
|
29 |
Il-Gvern Franċiż iqis li, fl-assenza ta’ preċiżjoni fuq l-livell Komunitarju, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kunċett ta’ baqra li tappartjeni għal merħla intiża għat-trobbija ta’ għoġġiela għall-produzzjoni tal-laħam, filwaqt li jirrispettaw l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-kundizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni Olandiża huma konformi magħhom fit-totalità tagħhom. |
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
30 |
Sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula, għandhom jiġu eżaminati l-kliem ta’ l-Artikoli 3(f), u 6 tar-Regolament Nru 1254/1999, kif ukoll l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ dawn ir-regolamenti u tar-Regolament Nru 2419/2001 dwar il-kontroll fl-għoti tal-premji. |
|
31 |
L-Artikolu 3(f) tar-Regolament Nru 1254/1999 jiddefenixxi l-kunċett ta’ “baqra li tredda’” billi jirreferi għal żewġ kriterji. Skond l-ewwel minn dawn il-kriterji, il-baqra għandha tkun tar-razza “tal-laħam”, iddeterminata mill-fatt li tappartjeni għal razza ta’ dan it-tip jew minħabba li tkun imwielda minn tagħmir ma’ tali razza. It-tieni kriterju jirrikjedi li tkun tappartjeni għal merħla intiża għat-trobbija ta’ għoġġiela għall-produzzjoni tal-laħam. |
|
32 |
L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ l-eliġibbiltà għall-primjum tal-baqar li jreddgħu u jipprevedi għalhekk, fit-tieni paragrafu tiegħu, obbligu tal-produttur li jkollu numru ta’ baqar li jreddgħu mill-inqas ugwali għal 40 % u numru ta’ għoġġiela ta’ mhux aktar minn 40 % ta’ dawk li għalihom ikun intalab il-primjum matul perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur konsekuttivi mill-jum li tkun saret it-talba. |
|
33 |
Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni neċessarjament tirrikjedix li tiġi ddefinita b’mod preċiż x’inhi baqra li tredda’ sabiex tingħaraf minn baqar oħra bħall-baqar li jipproduċu l-ħalib jew l-għoġġiela. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(7) tar-Regolament Nru 1254/1999 jagħti lill-Kummissjoni l-inkarigu li tadotta r-regoli għall-applikazzjoni ta’ l-iskema tal-primjum stipulat f’dan l-Artikolu, u b’mod partikolari li tiddefenixxi l-kunċett ta’ “baqra li tredda’” imsemmi fl-Artikolu 3(f) ta’ dan ir-regolament. |
|
35 |
Fl-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat liema baqar m’humiex meqjusa li huma appartenenti għal razza “tal-laħam” skond l-Artikolu 3(f), filwaqt li, fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament, titlob lill-Istati Membri sabiex jadottaw kull miżura xierqa meħtieġa sabiex jiżguraw li dan ir-regolament jiġi applikat tajjeb. |
|
36 |
Fir-rigward ta’ l-Artikolu 14, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sempliċement teskludi mill-kunċett ta’ baqra li tredda’ l-baqar li jappartjenu għal xi razez tal-fart mingħajr ma qabel tippreċiża l-parametri tal-kunċett sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ l-eliġibbiltà għall-primjum. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tindikax il-kriterji li jippermettu li baqra titqies li tappartjeni għal merħla intiża għat-trobbija ta’ għoġġiela għall-produzzjoni tal-laħam. |
|
37 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri l-inkarigu li jadottaw miżuri xierqa sabiex jiżguraw li r-Regolament ta’ Applikazzjoni jiġi applikat tajjeb. Huma għalhekk l-Istati Membri li finalment għandhom id-dmir li jippreċiżaw, għal dan il-għan, il-kunċett ta’ baqar li jreddgħu. |
|
38 |
Konsegwentement għandu jiġi vverifikat jekk l-Istati Membri jistgħux, sabiex jippreċiżaw dan il-kunċett, jirreferu għall-prassi normali ta’ trobbija fit-territorju tagħhom. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-prassi ta’ trobbija tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Il-Gvern Franċiż isostni li, fi Franza, il-perijodu minimu tat-treddigħ ta’ għoġol intiż għall-produzzjoni tal-laħam hija ta’ erba’ ġimgħat. Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jiddikjaraw li, fl-Olanda, il-perijodu tat-treddigħ huwa ġeneralment ta’ erba’ xhur. |
|
40 |
Kif jirriżulta wkoll mir-rapport tat-3 ta’ Ġunju 2002, imsemmi fil-punt 17 tas-sentenza preżenti, id-Direttorat Ġenerali ta’ l-Agrikoltura tal-Kummissjoni nnifsu rrefera għal din il-prassi, filwaqt li kkundanna lill-awtoritajiet Olandiżi talli kkunsidraw bħala eliġibbli baqar li ma kinux reddgħu lill-għoġġiela tagħhom għal mill-inqas erba’ xhur skond il-prassi normali f’dan l-Istat Membru. |
|
41 |
Għandu jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ baqar li jreddgħu fir-Regolament ta’ Applikazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-primjum, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jagħtu dawn il-preċiżazzjonijiet billi jibbażaw ruħhom fuq il-prassi normali ta’ trobbija fit-territorju tagħhom. L-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet fuq livell ta’ kull baqra u mhux fuq livell tal-merħla fit-totalità tagħha, peress li hija ċara ħafna, issaħħaħ iċ-ċertezza legali u tiffaċilita l-kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar ir-regolarità tat-talbiet għall-primjum. Għalhekk, bħala prinċipju, hija ma tmurx kontra r-Regolamenti Nri 1254/1999 u 2419/2001, u lanqas ir-Regolament ta’ Applikazzjoni. |
|
42 |
Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk kundizzjonijiet bħal dawk introdotti fil-leġiżlazzjoni Olandiża jirrispettawx l-għan ta’ dawn ir-regolamenti. |
|
43 |
Fir-rigward tar-rekwiżit tat-twelid f’perijodu determinat, dan hu maħsub li jiżgura li l-baqar eliġibbli jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ merħla intiża għat-trobbija ta’ għoġġiela, kundizzjoni meħtieġa għall-produzzjoni tal-laħam, skond l-Artikolu 3(f) tar-Regolament Nru 1254/1999. |
|
44 |
F’dak li jirrigwarda r-rekwiżit taż-żamma ta’ l-għoġġiela fil-merħla sabiex jiġi żgurat treddigħ ta’ perijodu minimu, dan hu maħsub sabiex jiggarantixxi li l-merħla hija verament intiża għall-produzzjoni tal-laħam u mhux għall-produzzjoni tal-ħalib. Fil-fatt, kif sostna l-Gvern Franċiż, fil-merħliet tal-ħalib, bil-kontra tal-merħliet li jreddgħu intiżi għall-produzzjoni tal-laħam, l-għoġġiela ġeneralment jiġu sseparati minn ommhom u mibjugħa sa mit-twelid tagħhom sabiex itejbu l-effikaċja tal-produzzjoni tal-ħalib. |
|
45 |
Jirriżulta li l-kundizzjonijiet dwar il-frekwenza tat-twelid u l-perijodu tat-treddigħ ibbażati fuq il-prassi normali fi Stat Membru, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jippermettu li jiġi ppreċiżat il-kunċett ta’ baqra li tredda’ sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-primjum u sabiex jiġi vverifikat li t-talbiet għal primjum jikkonċernaw annimali eliġibbli skond l-għanijiet tar-Regolament Nru 1254/1999, tar-Regolament ta’ Applikazzjoni u tar-Regolament Nru 2419/2001. |
|
46 |
L-adozzjoni ta’ tali kundizzjonijiet mill-Istati Membri tista’ tikkostitwixxi wkoll preċiżazzjoni utli għad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mingħajr fl-istess ħin ma ttellef milli jiġu kkunsidrati ċirkustanzi eċċezzjonali stipulati f’din il-leġiżlazzjoni. |
|
47 |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż, fin-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu, enfasizza li xejn ma jwaqqaf lill-awtoritajiet nazzjonali milli jipprovdu għal deroga, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni tal-perijodu tat-treddigħ ta’ erba’ xhur minħabba ċirkustanzi naturali skond l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 2419/2001 jew minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali skond l-Artikolu 48 ta’ dan ir-regolament. |
|
48 |
Konsegwentament, il-kritika tal-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta’ tali kundizzjonijiet tagħmilha impossibbli li jiġu kkunsidrati ċirkustanzi eċċezzjonali, bħall-mewt ta’ għoġol ftit żmien wara t-twelid, ma tidhirx li hija fondata. |
|
49 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(f) tar-Regolament Nru 1254/1999 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali milli tissuġġetta d-dritt għall-primjum tal-baqar li jreddgħu għal kundizzjoniijiet konformi ma’ prassi normali ta’ trobbija li jipprovdu, minn naħa, ċerta frekwenza tat-twelid u, min-naħa l-oħra, li l-għoġol ikun tredda’ minn ommu matul perijodu ta’ erba’ xhur wara t-twelid tiegħu. |
Fuq it-tieni domanda
|
50 |
Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-ewwel domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li saret biss fl-ipoteżi li l-Artikolu 3(f), jipprekludi li Stat Membru jiffissa kundizzjonijiet ta’ twelid u ta’ perijodu ta’ treddigħ bħal dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Olandiża. |
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din l-aħħar qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u tal-vitella, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1512/2001, tat-23 ta’ Lulju 2001, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali milli tissuġġetta d-dritt għall-primjum tal-baqar li jreddgħu għal kundizzjoniijiet konformi ma’ prassi normali ta’ trobbija li jipprovdu, minn naħa, ċerta frekwenza tat-twelid u, min-naħa l-oħra, li l-għoġol ikun tredda’ minn ommu matul perijodu ta’ erba’ xhur wara t-twelid tiegħu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.