Brussell, 5.7.2018

COM(2018) 516 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

fir-rigward ta’ “Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” mill-Istati Membri kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta’ Marzu 2009


1.Introduzzjoni

1.1.Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

Il-bażi ġuridika ta’ dan ir-rapport hija r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) li jistabbilixxi li:

“L-Impenji mill-Istati Membri għandhom jiġu mmonitorjati b’mod regolari mill-Kummissjoni abbażi ta’ rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri u għandhom jiġu aġġornati kif meħtieġ.

Fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ Impenn sad-9 ta’ Ġunju 2017, Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u jippubblika rapport ta’ progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika u, fejn applikabbli, dwar l-isforzi li jkunu saru biex jiġi stabbilit Impenn. Dawk ir-rapporti ta’ progress għandhom jiġu aġġornati perjodikament, mill-inqas kull sentejn wara l-pubblikazzjoni inizjali tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Impenji ppubblikati u, fejn xieraq, ir-rapporti ta’ progress, sad-9 ta’ Ġunju 2018 u kull sentejn wara dan.”

Dan ir-rapport huwa l-ewwel wieħed li ġie mfassal skont id-dispożizzjoni ta’ hawn fuq.

1.2.Sfond storiku

(a)Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea

Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea 2 jistabbilixxi l-istandard għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. Dan ikompli jżid ma’ definizzjoni komuni tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) dwar il-kwalità fl-istatistika u jkopri l-oqsma rilevanti kollha tal-ambjent istituzzjonali, il-proċessi tal-produzzjoni tal-istatistika, u l-produzzjoni tal-istatistika uffiċjali Ewropea. L-ambjent istituzzjonali huwa l-qasam l-iktar rilevanti fil-kuntest tal-Impenn, billi fatturi istituzzjonali u organizzattivi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-effikaċja u l-kredibilità ta’ awtorità tal-istatistika fl-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.

Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea ġie approvat mill-Kumitat għall-Programmi Statistiċi fl-24 ta’ Frar 2005. Ġie rivedut mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESSC) fit-28 ta’ Settembru 2011 u għal darba oħra fis-16 ta’ Novembru 2017. Flimkien mal-verżjoni l-ġdida tal-Kodiċi ta’ Prattika fl-2011, l-ESSC approva l-Qafas għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità. Dan tal-aħħar jipprovdi gwida dwar kif jeħtieġ li jiġi implimentat il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea.

Il-Kodiċi huwa s-sinsla tal-qafas ta’ kwalità komuni tal-ESS, u l-awtoritajiet tal-istatistika tal-ESS impenjaw ruħhom li josservawh. Ġew introdotti rieżamijiet sistematiċi bejn il-pari biex tiġi riveduta l-konformità mal-Kodiċi, u l-progress jiġi mmonitorjat fir-rapporti annwali lill-ESSC. L-importanza tal-konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika ġiet enfasizzata aktar meta l-ESSC adotta d-Dikjarazzjoni tal-Kwalità f’Settembru 2016.

L-Eurostat jimmonitorja l-konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea permezz ta’ rieżamijiet bejn il-pari. L-ewwel ċiklu ta’ rieżamijiet sar bejn l-2006 u l-2008 biex tiġi vvalutata l-konformità tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika (NSI) mal-Prinċipji 1 sa 6 u l-Prinċipju 15 tal-Kodiċi. It-tieni ċiklu ta’ rieżamijiet bejn il-pari segwa bejn l-2013 u l-2015, u kopra l-15-il prinċipju tal-Kodiċi kollha, kif ukoll l-NSIs u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali oħrajn. L-Eurostat se jkompli jimmonitorja l-miżuri ta’ titjib li jirriżultaw minn dan it-tieni ċiklu, kull sena sa tmiem l-2019, fejn sa dan iż-żmien, il-miżuri kollha kkonċernati jeħtieġu li jkunu ġew implimentati. L-Eurostat, li huwa soġġett għal monitoraġġ parallel mill-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ESGAB), ġie rieżaminat ukoll matul iż-żewġ ċikli.

Il-Kummissjoni (Eurostat) tfassal rapporti ta’ monitoraġġ annwali dwar il-konformità tal-NSI mal-Kodiċi ta’ Prattika. Ir-rapport annwali tal-ESGAB ikopri l-progress fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika kollha kemm hi, u b’mod partikolari fil-Eurostat. Ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ annwali huma parti mill-valutazzjoni ġenerali tal-istatistika tal-UE ppreżentata lill-Kunsill ECOFIN tal-ħarifa. Fl-2008 3 , u għal darba oħra fl-2016 4 , il-Kummissjoni rrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea u dwar il-koordinazzjoni fi ħdan l-ESS.

(b)Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika

Fl-15 ta’ April 2011, il-Kummissjoni ppreżentat il-kunċett ta’ Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika (“Impenn”) għall-ewwel darba f’komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea” 5 . L-Impenji kienu maħsuba bħala mezz biex jinvolvu lill-gvernijiet nazzjonali responsabbli għal-livell ta’ konformità tal-pajjiż mal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, u b’hekk stabbilixxew rabta li ma kienx hemm qabel bejn il-Kodiċi u l-gvernijiet. Il-valur miżjud tal-Impenji kien tabilħaqq li tiġi żgurata rabta mal-gvern, u b’hekk tipikament l-aspetti istituzzjonali tal-prinċipji statistiċi tal-Kodiċi ta’ Prattika li ma kinux taħt il-kontroll tal-awtoritajiet tal-istatistika nfushom. F’dik il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ssuġġeriet ukoll li l-qafas legali, ir-Regolament (KE) Nru 223/2009, jenħtieġ li jiġi rivedut, u jiġi introdott fih il-kunċett ta’ Impenji, bħala wieħed mill-għadd ta’ miżuri biex tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fl-istatistika Ewropea. Il-Kunsill appoġġa l-intenzjoni li jiġu introdotti Impenji u jiġi rivedut ir-Regolament (KE) Nru 223/2009.

Qabel ma adottat il-proposta biex temenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-Kummissjoni involviet lill-Istati Membri b’mod estensiv f’diskussjonijiet dwar l-għamla possibbli tal-Impenji. Il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta jirreferi għall-Komunikazzjoni tal-2011, u ġie propost li l-Impenji “jiġu stabbiliti sabiex il-gvernijiet nazzjonali jagħrfu r-rwol u l-koresponsabbiltà tagħhom fl-iżgurar tal-kredibbiltà tal-istatistika uffiċjali billi tiġi rispettata l-indipendenza tal-NSIs.”

Fl-2015, il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri komplew id-diskussjonijiet fi ħdan l-ESS, bl-għan li jiġu żgurati l-effikaċja u l-effiċjenza tal-għodod u l-faċilitaturi msemmija fir-Regolament (KE) Nru 223/2009, bħall-Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika.

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Impenji huma strumenti li “għandu jkollhom l-għan ulterjuri li jiżguraw il-fiduċja pubblika fl-Istatistika Ewropea u l-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji statistiċi li jinsabu fil-Kodiċi ta’ Prattika”, li jeħtieġ li jiġi stabbilit mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Il-Premessa 17 tar-Regolament emendatorju (UE) Nru 2015/759 6 , tiddikjara wkoll li l-Impenn “għandu jinkludi impenji speċifiċi mill-gvern ta’ dak l-Istat Membru biex itejjeb jew iżomm il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika”.

2.Ħarsa ġenerali lejn l-Impenji dwar il-Fiduċja u Rapporti mill-Istati Membri

2.1.Għamla tal-Impenn

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Istati Membri iridu jistabbilixxu u jippubblikaw Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika, jew tal-inqas jibagħtu lill-Kummissjoni u jippubblikaw rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika u l-isforzi magħmula biex jiġi stabbilit Impenn. Minħabba li r-Regolament ma fih l-ebda regola dwar l-għamla tal-Impenn, l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu bejn għażliet differenti, sakemm jintlaħaq l-għan li tiżdied il-fiduċja pubblika permezz ta’ impenn governattiv biex jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet għal statistika ta’ kwalità għolja.

Soġġett għal din il-kundizzjoni, il-kunċett ta’ Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika jista’ jkun għodda utli ħafna, irrispettivament jekk Stat Membru jagħżilx Impenn “awtonomu”, jispjegax fejn l-Impenn jista’ jinstab fil-liġi nazzjonali, jew jibgħatx rapport ta’ progress. Kull waħda minn dawn l-għażliet tista’ tilħaq l-għan tas-sensibilizzazzjoni tal-gvern dwar il-Kodiċi ta’ Prattika u l-importanza ta’ statistika indipendenti.

Fir-rigward tal-approċċ li jieħdu fl-għamla tal-Impenn, l-Istati Membri jaqgħu f’żewġ gruppi ewlenin: dawk li stabbilixxew Impenji “awtonomi”, u dawk li ddikjaraw li ċerti punti tal-leġiżlazzjoni tagħhom jikkostitwixxu l-Impenn. Xi pajjiżi fit-tieni grupp iddikjaraw li ma għandhomx l-intenzjoni li jagħmlu Impenn “awtonomu”, filwaqt li oħrajn indikaw li għadhom bil-ħsieb li jagħmlu dan.

2.2.Impenji “Awtonomi” dwar il-Fiduċja

Sal-lum, l-Impenji “awtonomi” dwar il-Fiduċja segwenti, elenkati f’ordni kronoloġika, ġew ippubblikati fl-Istati Membri li ġejjin:

Il-Greċja: L-Impenn Grieg dwar il-Fiduċja fl-Istatistika 7 ġie ffirmat fid-29 ta’ Frar 2012 mill-Prim Ministru Grieg u l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mit-tassazzjoni u l-unjoni doganali, l-awditjar u kontra l-frodi. Kien l-ewwel Impenn, maħruġ anki qabel ma l-Kummissjoni kienet adottat il-proposta tagħha biex temenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009. L-Impenn Grieg huwa wkoll speċjali għaliex ġie ffirmat ukoll minn Membru tal-Kummissjoni Ewropea. Fih impenji solenni mill-gvern, flimkien ma’ miżuri konkreti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ emendi tal-Liġi dwar l-Istatistika, mehmuża f’anness. Il-gvern Grieg jirrapporta lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

L-Iżvezja: L-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika 8 ġie ppreżentat fl-abbozz ta’ liġi tal-baġit tal-Gvern Żvediż għall-2017. Sussegwentement, ġie ppubblikat ukoll fis-sit web tal-istitut tal-istatistika Żvediż. Fl-Abbozz ta’ Liġi, il-Gvern jiddeskrivi l-impenn tiegħu li joħloq fiduċja fl-istatistika u jelenka l-miżuri li qed jieħu biex itejjeb il-koordinazzjoni tas-sistema tal-istatistika u s-segwitu ta’ kwalità. L-abbozz ta’ liġi kkjarifika wkoll ir-responsabbiltà tal-Istatistika tal-Iżvezja għall-koordinazzjoni, u introduċa miżuri ta’ kontroll tal-kwalità li jeħtieġu li jiġu implimentati.

Is-Slovenja: Il-Gvern tas-Slovenja adotta l-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika 9 fil-5 ta’ Jannar 2017. Sussegwentement, ġie ppubblikat flimkien mat-taqsira għall-pubbliku korrispondenti, fis-sit web tal-istitut tal-istatistika Sloven. L-Impenn huwa bbażat fuq il-fatt li fis-Slovenja, l-ambjent istituzzjonali xieraq għall-implimentazzjoni ta’ statistika uffiċjali huwa pprovdut bl-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ indipendenza professjonali, adegwatezza ta’ riżorsi, mandat għal ġbir ta’ data, u kunfidenzjalità tal-istatistika, imparzjalità u oġġettività, kif stipulat fl-Att Nazzjonali dwar l-Istatistika.

L-Irlanda: L-Impenn Irlandiż dwar il-Fiduċja fl-Istatistika 10 ġie adottat mill-Gvern tal-Irlanda fit-30 ta’ Mejju 2017 u sussegwentement ġie ippubblikat fis-sit web tal-istitut tal-istatistika Irlandiż. B’referenza għar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u l-att nazzjonali tal-istatistika, il-Gvern tal-Irlanda jirrikonoxxi l-importanza ta’ statistika indipendenti, oġġettiva u affidabbli bħala ben pubbliku, jirrikonoxxi r-rwol tal-istatistika uffiċjali biex jinforma d-dibattitu effettiv u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan il-gvern, in-negozju u s-soċjetà, u jivvaluta r-rwol tal-Bord Nazzjonali tal-Istatistika biex jagħti direzzjoni strateġika lis-Sistema tal-Istatistika Irlandiża.

Il-Belġju: Fil-31 ta’ Mejju 2017, l-Impenn Belġjan dwar il-Fiduċja 11 ġie approvat mill-Kumitat ta’ Konsultazzjoni, u sussegwentement ippubblikat fis-sit web tal-istitut federali tal-istatistika Belġjan. Bl-Impenn tagħhom dwar il-Fiduċja fl-Istatistika, il-Gvern Federali u l-gvernijiet tar-Reġjuni u l-Komunitajiet impenjaw ruħhom li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiggarantixxu l-prinċipji fundamentali u l-kwalità għolja tal-istatistika pubblika.

Ir-Rumanija: L-Impenn Rumen dwar il-Fiduċja ġie adottat mill-Gvern Rumen fil-laqgħa tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2017 12 . Dan jinkludi impenn sod mill-Gvern Rumen biex jiggarantixxi u jiddefendi l-indipendenza professjonali tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u ta’ produtturi oħra tal-istatistika uffiċjali, u biex jiggarantixxi d-dritt u l-obbligu tal-President tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika li jwettaq il-ħidmiet professjonali u maniġerjali assoċjati mal-produzzjoni tal-istatistika uffiċjali nazzjonali.

13 Malta: Għall-Gvern Malti, il-Prim Ministru ffirma l-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika fis-17 ta’ Mejju 2018. Il-Gvern ta’ Malta rrikonoxxa li l-istatistika Ewropea hija żviluppata, prodotta u mxerrda f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 338 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (KE) Nru 223/2009, u vvalorizza r-rwoli tal-Bord tal-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-għoti ta’ direzzjoni strateġika u aktar żvilupp lis-Sistema tal-Istatistika Maltija. Barra minn hekk, ikkommetta ruħu li jkompli jiggarantixxi l-indipendenza professjonali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta biex jappoġġaha fiż-żamma jew fit-titjib tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi u biex jipprovdi kundizzjonijiet għall-aċċess mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għad-data minn sorsi amministrattivi u sorsi oħra, lejn l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ statistika ta’ kwalità għolja fl-oqsma kollha u, fl-istess ħin, inaqqas il-piż fuq individwi, familji u intrapriżi rispondenti.

L-Impenji “awtonomi” stabbiliti jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-għamla, fil-kontenut u fit-tul. Dan huwa kompletament konsistenti mal-għan li jitqiesu l-karatteristiki speċifiċi tas-sistemi nazzjonali tal-istatistika. Jidher ukoll li filwaqt li juru din il-varjetà, l-Impenji eżistenti ġew ispirati minn dawk preċedenti, kif ukoll miż-żewġ mudelli possibbli ssuġġeriti mill-Kummissjoni (Eurostat) fl-2012.

Wieħed mill-elementi tal-mudelli huwa impenn biex jerġa’ jiġi stabbilit “Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika”, jekk jiġu identifikati ħtiġijiet rilevanti għal titjib.

F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li żewġ pajjiżi kandidati, l-Albanija u l-Montenegro, dan l-aħħar stabbilixxew Impenji “awtonomi” dwar il-Fiduċja, u dan juri li dawn l-impenji huma rikonoxxuti bħala l-aħjar prattika lil hinn mill-fruntieri attwali tal-Unjoni Ewropea.

2.3.Liġijiet nazzjonali li jikkostitwixxu l-Impenn

Fir-rappurtar tagħhom, 15-il Stat Membru ddikjaraw li ċerti punti tal-leġiżlazzjoni tagħhom jipproċedu biex jikkostitwixxu l-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika. Għalhekk, uħud ħabbru li mhux se jkunu qed jistabbilixxu Impenn “awtonomu”. Il-maġġoranza ta’ dawn il-15-il Stat Membru indikaw b’mod ċar l-artikoli speċifiċi li jiffurmaw l-Impenn tagħhom u pprovdew spjegazzjonijiet addizzjonali.

Din l-għażla li jiġi stabbilit Impenn hija wkoll vijabbli, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Fuq kollox, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni trid tkopri l-element politiku tal-Impenn, kif deskritt l-aħjar fil-Premessa 17 tar-Regolament emendatorju (KE) Nru 2015/759.

Il-Premessa 17 tispjega l-ġustifikazzjonijiet sottostanti għall-introduzzjoni tal-Impenji fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 u tipprovdi aktar gwida dwar it-twaqqif u l-kontenut tagħhom. Tispeċifika l-ħtieġa li jiġi inkluż element politiku fl-Impenn (“…impenji speċifiċi mill-gvern ta’ dak l-Istat Membru…”). Digriet amministrattiv adottat mill-gvern jista’ jipprovdi element politiku biżżejjed fih innifsu, filwaqt li liġi nazzjonali tal-istatistika adottata mill-Parlament tista’ ma tkunx biżżejjed.

Fid-djalogu tagħha mal-Istati Membri li għamlu din l-għażla, il-Kummissjoni nnutat li mill-introduzzjoni ta’ obbligu legali biex isir Impenn dwar il-Fiduċja, il-gvernijiet saru ħafna aktar konxji tar-responsabbiltà li jġorru fir-rigward tal-kwalità tal-istatistika . Dan jista’ jiġi dedott mid-diskussjonijiet irrapportati dwar l-Impenn bejn l-istitut nazzjonali tal-istatistika u l-gvern fl-Istati Membri kkonċernati.

B’segwitu tad-djalogu, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet legali rilevanti humiex xierqa għat-titjib jew għaż-żamma tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika. L-aspetti li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati f’dan il-kuntest huma dwar jekk id-dispożizzjonijiet jiddikjarawx b’mod ċar li jenħtieġ li jiġu stabbiliti oqfsa ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità għolja jew ta’ monitoraġġ, u jekk humiex effettivament ikkumplimentati minn miżuri ta’ titjib u awtovalutazzjonijiet. Il-proċedura għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kkonċernata jista’ jkollha rwol, speċjalment jekk l-appoġġ tal-gvern nazzjonali jsir evidenti.

Aspett ieħor importanti huwa li Impenn li jinsab fil-leġiżlazzjoni jenħtieġ li jkollu valur miżjud lil hinn mil-liġi nnifisha. L-impenji mhumiex maħsuba biex ikunu sempliċi wegħdiet biex jobdu l-liġi, u dawn il-wegħdiet ma jkollhomx l-effett mixtieq li jżommu l-fiduċja pubblika fl-istatistika Ewropea.

2.4.Rapporti mill-Istati Membri

L-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 jiddikjara li l-Kummissjoni trid timmonitorja l-Impenji tal-Istati Membri regolarment abbażi ta’ rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri u aġġornati kif meħtieġ. Jekk l-ebda Impenn ma jkun ġie stabbilit u ppubblikat sad-9 ta’ Ġunju 2017, l-Istat Membru kkonċernat irid jibgħat rapport ta’ progress lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika u, fejn applikabbli, dwar l-isforzi li saru biex jiġi stabbilit Impenn. Dawn ir-rapporti ta’ progress iridu jiġu ppubblikati u aġġornati kull sentejn.

L-Istati Membri kollha rrapportaw lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar l-Impenn skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Ir-rapporti tas-sitt Stati Membri li la adottaw Impenn “awtonomu” u lanqas ma inkorporaw Impenn fil-leġiżlazzjoni tagħhom, fil-biċċa l-kbira joffru wkoll il-possibbiltà li jistabbilixxu Impenn fil-futur.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw fl-istess ħin tar-rapportar tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ titjib tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, li skont dan, f’Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar kwalunkwe azzjoni li jkunu ħadu biex isegwu l-proċess ta’ rieżami bejn il-pari. Il-parti rilevanti tar-rapport tar-rieżami bejn il-pari trid ukoll tkun pubblika sabiex isservi bħala r-rapport ta’ progress dwar l-Impenn.

(a)L-iżviluppi rrapportati l-aktar spiss mill-Istati Membri

Ħafna Stati Membri rrapportaw l-inserzjoni ta’ artikoli speċifiċi dwar l-Impenn fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-istatistika jew fir-rigward tiegħu. Pereżempju, inkludew impenn legali espliċitu biex tiġi prodotta u mxerrda statistika uffiċjali ta’ kwalità għolja. Oħrajn irrapportaw l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-istatus tal-istatistiku nazzjonali, l-indipendenza tal-statistika, u r-rwol ta’ koordinazzjoni tal-NSI fir-rigward tal-istatistika uffiċjali.

Sabiex tinżamm il-fiduċja tas-soċjetà fl-istatistika uffiċjali, ir-rapporti elenkaw ukoll li fil-liġi jeħtieġ li jiġu inkorporati proċedura ċara biex jiġi implimentat il-Kodiċi ta’ Prattika fis-sistema għall-istatistika uffiċjali, kif ukoll impenn li l-produzzjoni tal-istatistika uffiċjali tiġi żviluppata skont il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea.

Xi Stati Membri rrapportaw li kienu għadhom fil-proċess li jirrevedu l-leġiżlazzjoni dwar l-istatistika biex jinkorporaw dispożizzjonijiet li jirriflettu l-bidliet li ġejjin mir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, u b’mod partikolari l-Impenji.

(b)Eżempji li juru żviluppi sinifikanti jew tipiċi

Peress li deskrizzjoni ddettaljata tar-rapporti tal-Istati Membri hija lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rapport, l-eżempji li ġejjin jistgħu jservu biex juru żviluppi sinifikanti jew tipiċi kkawżati mill-Impenji (u possibilment minn żviluppi oħra):

Id-Danimarka: Fl-1 ta’ Lulju 2018 se tidħol fis-seħħ liġi riveduta dwar l-istatistika. Din tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-istatus tal-istatistiku nazzjonali, l-indipendenza tal-istatistika, u r-rwol ta’ koordinazzjoni tal-NSI dwar l-istatistika uffiċjali. Tinkludi wkoll proċedura ċara għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika fis-sistema uffiċjali tal-istatistika.

Spanja: Fil-liġi dwar il-programm tal-istatistika għall-2018, iddaħħal artikolu speċifiku fir-rigward tal-Impenn, li jagħmel referenza espliċita għall-prinċipji tal-kwalità tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u l-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea bħala elementi meħtieġa biex tinżamm il-fiduċja tas-soċjetà fl-istatistika għall-finijiet tal-istat. Barra minn hekk, ġiet ppubblikata taqsira għall-pubbliku tal-programm għall-2018 li fiha referenza għall-Impenn.

Il-Latvja: Fl-1 ta’ Jannar 2016 ġiet introdotta liġi ġdida dwar l-istatistika li indirizzat diversi prinċipji importanti mill-Kodiċi ta’ Prattika. Pereżempju, reġgħet affermat u saħħet l-indipendenza tal-NSI, għamlet li l-konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika tkun obbligu legali u ġabet tibdil fl-ambjent istituzzjonali. Ir-rapport jenfasizza li billi ppropona l-liġi abbażi tad-dritt tiegħu ta’ inizjattiva, il-gvern esprima l-appoġġ politiku tiegħu għall-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika.

Il-Litwanja: L-abbozz ta’ liġi mħejji u approvat mill-gvern fl-10 ta’ Jannar 2018 jistabbilixxi l-prinċipji tal-istatistika uffiċjali, bħalma huma l-indipendenza professjonali, l-imparzjalità u l-oġġettività, il-kunfidenzjalità tal-istatistika u l-adegwatezza tar-riżorsi, b’riferiment dirett għar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u l-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea. B’mod ċar ħafna, jistipula wkoll li d-Direttur Ġenerali u l-NSI kollu kemm hu irid ikollhom indipendenza professjonali.

Is-Slovakkja: It-test tal-Impenn “awtonomu” dwar il-Fiduċja ġie finalizzat għall-konsultazzjoni mal-Gvern tas-Slovakkja.

3.Sommarju u Prospettiva

L-introduzzjoni tal-Impenji dwar il-Fiduċja bħala strument biex tiġi żgurata l-fiduċja pubblika fl-istatistika Ewropea u biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Prattika, żiedet is-sensibilizzazzjoni fost il-gvernijiet tal-Istati Membri dwar l-importanza tal-kontribut tagħhom biex tinżamm u titjieb il-fiduċja fl-istatistika uffiċjali.

L-Istati Membri kollha rrapportaw kif xieraq lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet u l-kisbiet tagħhom li jikkonċernaw l-Impenji. Filwaqt li seba’ pajjiżi diġà stabbilixxew Impenji “awtonomi”, 15-il pajjiż iddikjaraw liema biċċiet ta’ leġiżlazzjoni jiffurmaw l-Impenn tal-gvern tagħhom, u sebgħa pajjiżi bagħtu r-rapport meħtieġ. Għal dawk l-Istati Membri li rrapportaw li l-Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika huwa stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni (Eurostat) se tkompli djalogu dwar l-element politiku meħtieġ. Xi ftit pajjiżi rrapportaw ukoll li l-gvern tagħhom qiegħed fil-proċess li jistabbilixxi Impenn “awtonomu”.

F’kelma waħda, il-kunċett ta’ Impenji dwar il-Fiduċja huwa rikonoxxut sew mill-Istati Membri, li qed jieħdu l-passi meħtieġa biex jimmaterjalizzaw il-valur miżjud tal-Impenn tagħhom billi jistabbilixxu rabta istituzzjonali bejn il-gvern tagħhom u l-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, jew itejbuha. Il-garanziji addizzjonali li jirriżultaw minn statistika uffiċjali ta’ kwalità għolja huma mistennija li jkollhom l-effett mixtieq li jsaħħu l-fiduċja tal-pubbliku.

Il-miżuri biex tinżamm u tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-istatistika Ewropea se jibqgħu essenzjali fil-ġejjieni. Il-membri tal-ESS, fil-missjoni tagħhom li jipprovdu informazzjoni indipendenti ta’ kwalità għolja dwar l-ekonomija u s-soċjetà li tkun aċċessibbli għal kulħadd, iridu jinteraġixxu mal-utenti skont il-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea. L-istrument tal-Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika, bil-monitoraġġ kontinwu mill-Kummissjoni (Eurostat), se jikkontribwixxi għad-diversi sforzi li qed isiru mill-membri tal-ESS biex tinżamm u titjieb il-fiduċja tal-pubbliku fl-istatistika uffiċjali. L-Impenji huma mistennija li jkomplu jiżguraw lill-pubbliku ġenerali li l-istituti nazzjonali tal-istatistika jgawdu mill-appoġġ sħiħ tal-gvernijiet tagħhom fl-isforzi tagħhom biex jipprovdu statistika ta’ kwalità għolja.

(1)    Ir- Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Eurotom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).
(2)     http://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-32-11-955  
(3)    KUMM/2008/0621 finali, 7.10.2008: Rapport tal-2008 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prassi.
(4)    COM(2016) 114 final, 7.3.2016: Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea u l-koordinazzjoni fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika.
(5)    KUMM (2011) 211.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2015/759 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea (ĠU L 123, 19.5.2015, p.90).
(7)     http://www.statistics.gr/documents/20181/c5b9264e-815e-4f74-9955-467d14cad474 (Disponibbli biss bl-Ingliż).
(8)

    http://www.scb.se/contentassets/bbe78b2a144143c7955b165f76fb4d52/regeringens-atagande-om-att-skapa-fortroende-for-statistiken.pdf u http://www.scb.se/om-scb/samordning-av-europeisk-statistik-i-sverige/regeringens-atagande-om-att-skapa-fortroende-for-statistiken/ (Disponibbli biss bl-Iżvediż).

Ara wkoll il-paġni 28 u 29 tal-Istatistika Uffiċjali tal-Iżvezja– Rapport annwali 2017 http://www.scb.se/contentassets/fd60f41a3abc4d2c8a791e425357ba5b/ov9999_2017a01_br_x43br1802.pdf  (Id-deskrizzjoni tal-impenn hija bl-Ingliż).

(9)     http://www.stat.si/StatWeb/en/News/Index/6458 (Disponibbli biss bl-Ingliż u bis-Sloven).
(10)     http://cso.ie/en/media/csoie/aboutus/documents/CoCS.pdf  (Disponibbli biss bl-Ingliż).
(11)     https://statbel.fgov.be/en/about-statbel/quality/commitment-confidence (Disponibbli biss bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Olandiż).
(12)       http://www.insse.ro/cms/files/eurostat/angajament_de_sprijinirea_credibilitatii_statisticii_oficiale_nationale.pdf (Disponibbli biss bir-Rumen).
(13)       https://nso.gov.mt/en/nso/Pages/Commitment-on-Confidence.aspx u https://msa.gov.mt/en/public_information/Pages/Commitment-on-Confidence.aspx (Disponibbli biss bl-Ingliż).