31999D0857



Official Journal L 335 , 28/12/1999 P. 0048 - 0054


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-6 ta' Diċembru 1999

dwar il-prinċipji, l-għanijiet intermedjarji u kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija

(1999/857/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li ikkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 622/98 tas-16 ta' Marzu 1998 dwar għajnuna lill-Istati applikanti fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, u b'mod partikolari dwar l-istabbiliment tas-Sħubijiet ta' Adeżjoni [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu iddikjara li s-Sħubija ta' Adeżjoni hi strument ġdid u l-fattur prinċipali ta' l-istrateġija msaħħa ta' qabel l-adeżjoni

(2) Ir-Regolament (KE) Nru 622/98 jippreskrivi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, b'maġġoranza kwalifikata u fuq proposta tal-Kummissjoni, dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-għanijiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubijiet ta' Adeżjoni individwali, kif mibgħuta lil kull Stat applikant, kif ukoll dwar aġġustamenti sinifikanti sussegwenti li jkunu applikabbli għalihom;

(3) L-għajnuna Komunitarja tingħata bil-kondizzjoni tal-ħarsien ta' l-elementi essenzali, u b'mod partikolari tar-rispett ta' l-obbligi mdaħħla fil-Ftehimiet Ewropej u tal-progress lejn il-ħarsien tal-kriterji ta' Copenhagen; meta xi element essenzali jkun nieqes, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jieħu l-passi xierqa dwar kull għajnuna ta' qabel l-adeżjoni:

(4) il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu iddeċieda li l-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Adeżjoni u l-progress fl-adozzjoni ta' l-acquis għandhom jiġu eżaminati mill-korpi tal-Ftehim Ewropew;

(5) ir-rapport Regolari tal-Kummissjoni ta' l-1999 ippreżenta analiżi oġġettiva tat-tħejjija tar-Repubblika tal-Bulgarija għas-sħubija u identifika numru ta' oqsma ta' prijorità għal aktar xogħol;

(6) biex tħejji ruħha għas-sħubija, ir-repubblika tal-Bulgarija għandha taġġorna l-programm nazzjonali tagħha għall-adozzjoni ta' l-acquis; dan il-programm għandu jistabbilixxi skeda ta' żmien biex jintlaħqu l-prijoritajiet u l-għanijiet intermedjarji stabbiliti fis-Sħubija ta' Adeżjoni,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 622/98, il-prinċipji, prijoritajiet għanijiet u kondizzjonijiet intermedjarji li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni għar-Repubblika tal-Bulgarija huma preskritti fl-Anness hawn mehmuż, li jifforma parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Adeżjoni għandha tiġi eżaminata mill-korpi tal-Ftehim Ewropew u mill-korpi approprjati tal-Kunsill li lilhom il-Kummissjoni trid tirrapporta regolarment.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmul fi Brussel, fis-6 ta' Diċembru 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

T. Halonen

[1] ĠU L 85, ta' l-20.03.1998, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

IL-BULGARIJA: 1999 SĦUBIJA TA' ADEŻJONI

1. GĦANIJIET

L-għan tas-Sħubija ta' Adeżjoni hu li jistabbilixxi f'qafas waħdieni l-oqsma ta' prijorità għal aktar xogħol kif identifikat fir-Rapport Regolari tal-Kummissjoni ta' l-1999 dwar il-progress lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-mezzi finanzjarji disponibbli biex jgħinu lil Bulgarija timplimenta dawn il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jkunu japplikaw għal dik l-għajnuna. Din is-Sħubija ta' Adeżjoni toħloq il-bażi għal numru ta' strumenti ta' politika li għandhom jintużaw biex jgħinu lill-Istati kandidati fit-tħejjija tagħhom għal sħubija. Dawn jinkludu, fost affarijiet oħra, il-Programm Nazzjonali rivedut għall-adozzjoni ta' l-acquis, l-Istima Konġunta ta' prijoritajiet ta' politika ekonomika fuq tul medju, il-Patt kontra l-kriminalità organizzata kif ukoll il-Pjani għall-Iżvilupp Nazzjonali u pjanijiet settorali oħra meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-Fondi Strutturali wara s-sħubija u għall-implimentazzjoni ta' l-ISPA u Sapard qabel l-adeżjoni. Kull wieħed minn dawn l-istrumenti huwa differenti fin-natura tiegħu u jiġi mħejji u implimentat skond proċeduri speċifiċi. Mhumiex parti integrali minn din is-Sħubija imma l-prijoritajiet li jkun fihom għandhom ikunu kompatibbli magħha.

2. PRINĊIPJI

L-oqsma ewlenin ta’ prijorità għal kull Stat kandidat jirrelataw għall-ħila tagħom li jassumu l-obbligi biex jitħarsu l-kriterji ta’ Copenhagen li jgħidu li s-sħubija titlob:

- li l-Istat kandidat ikun laħaq stabbilità fl-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, ir-regola tal-liġi, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi,

- l-eżistenza ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona, kif ukoll il-kapaċità li tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni,

- il-ħila li tassumi l-obbligi tas-sħubija, inkluża l-aderenza mal-miri politiċi, ekonomiċi u unjoni monetarja.

Fil-laqgħa tiegħu f'Madrid, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-bżonn li Stati kandidati jaġġustaw l-istrutturi amministrattivi tagħhom biex jiżguraw l-operazzjoni armonjuża ta' politika diversa fil-Komunità wara l-adeżjoni u fil-Lussemburgu, enfasizza li l-inkorporazzjoni ta' l-acquis fil-leġislazzjoni hi meħtieġa, biss mhijiex biżżejjed fiha nnifisha; hemm bżonn li jkun żgurat li tiġi attwalment applikata.

3. PRIJORITAJIET U GĦANIJIET INTERMEDJARJI

Ir-Rapporti Regolari tal-Kummissjoni enfasizzaw il-firxa ta' l-isforzi li għad iridu jsiru f'ċerti oqsma mill-Istati kandidati biex iħejju ruħhom għall-adeżjoni. Din is-sitwazzjoni titlob id-definizzjoni ta' stadji intermedjarji fit-termini ta' prijoritajiet, f'kull każ flimkien ma' għanijiet preċiżi li għandhom jiġu stabbiliti b'kollaborazzjoni ma' l-Istati konċernati, u li l-kisba tagħhom tikkondizzjona l-grad ta' għajnuna il-progress tan-negozjati li jkunu għaddejjin ma' xi Stati u l-bidu ta' negozjati ġodda ma' l-oħrajn. Il-prijoritajiet u l-għanijiet intermedjarji tas-Sħubijiet ta' Adeżjoni riveduti jerġgħu jinqasmu f'żewġ gruppi, dawk fuq medda qasira u dawk fuq medda medja Dawk elenkati ta' fuq medda qasira intgħażlu fuq il-bażi li huwa realistiku li wieħed jistenna li l-Bulgarija tista' tlestihom jew twassalhom sostanzjalment 'il quddiem sa l-aħħar tas-sena 2000. Il-prijoritajiet elenkati taħt dawk fuq medda medja huma mistennija li jieħdu aktar minn sena biex jitlestew għalkemm ix-xogħol għandu, meta possibbli, jinbeda fuqhom ukoll matul is-sena 2000. Il-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-prijoritajiet tas-Sħubija ta' Adeżjoni ta' l-1998 jiġi stmat fir-Rapport Regolari tas-sena 1999. Din l-istima intużat fil-formolazzjoni tal-prijoritajiet għas-sħubija kurrenti.

Il-Bulgarija bagħtet verżjoni riveduta tal-programm Nazzjonali tagħha għall-adozzjoni ta' l-acquis (NPAA) fil-31 ta' Mejju 1999. Din tistabbilixxi skeda ta' żmien biex jinkisbu prijoritajiet u għanijiet intermedjarji, bażati fuq l-ewwel Sħubija ta' Adeżjoni, kif ukoll strutturi amministrattivi neċessarji u riżorsi finanzjarji

Is-Sħubija ta' Adeżjoni tindika l-oqsma ta' prijorità fit-tħejjija tal-Bulgarija għas-sħubija. Il-Bulgarija madankollu trid tindirizza l-kwistjonijiet kollha identifikati fir-Rapport Regolari. Hu importanti wkoll li l-Bulgarija twettaq l-impenni ta' approssimazzjoni ta' leġislazzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis skond l-impenni magħmula fil-Ftehim Ewropew, l-eżerċizzju ta' eżaminazzjoni u l-proċess tan-negozjar. Wieħed irid iżomm f'rasu li l-inkorporazzjoni ta' l-acquis fil-leġislazzjoni mhijiex biżżejjed fiha nnifisha; ikun hemm bżonn ukoll li jiġi żgurat li din tkun attwalment applikata bl-istess standards li japplikaw fi ħdan l-EwropaFl-oqsma kollha elenkati hawn taħt hemm il-bżonn ta' l-implimentazzjoni u l-infurzar kredibbli u effettiv ta' l-acquis.

Mill-analiżi tar-Rapport Regolari tal-Kummissjoni, il-prijoritajiet fuq medda qasira u fuq dik medja u l-finijiet intermedjarji li ġejjin ġew identifikati għall-Bulgarija

3.1. Medda qasira (2000)

Kriterji politiċi:

- bidu ta' l-implimentazzjoni tal-programm qafas Roma u tisħiħ tal-Kunsill Nazzjonali dwar kwistjonijiet etniċi u demografiċi inkluż l-għoti ta' l-appoġġ finanzjarju meħtieġ; implimentazzjoni ta' miżuri immirati lejn il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni (inklużi dawk fl-amministrazzjoni pubblika).

Kriterji ekonomiċi:

- promozzjoni tal-kompetittività permezz ta' ristrutturar ta' l-intrapriża bażata fuq is-suq; teħid ta' miżuri li jtejbu l-ambjent kummerċjali u li jistimulaw investimenti domestiċi u lejn il-pajjiż, b'mod partikolari permezz tas-simplifikazzjoni ta' proċeduri ġuridiċi u amministrattivi,

- tiġi żgurata l-privatizzazzjoni ta' intrapriżi u banek ta' l-Istat,

- titjib fil-proċeduri dwar fallimenti u likwidazzjonijiet u titjib ta' effiċjenza fl-implimentazzjoni,

- l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar għas-settur ta' l-azzar.

Suq intern:

- akkwisti pubbliċi: allinjament ta' proċeduri dwar akkwisti pubbliċi,

- drittijiet intellettwali u dwar proprjetà industrijali: allinjament u infurzar ta' drittijiet dwar proprjetà industrijali u leġislazzjoni dwar trade marks, inkluża l-ġlieda kontra l-piraterija,

- protezzjoni ta' data: adozzjoni ta' leġislazzjoni nazzjonali u stabbiliment ta' korp ta' monitoraġġ,

- moviment liberu ta' oġġetti: l-adozzjoni ta' qafas ta' liġi dwar ħtiġijiet tekniċi bl-implimentazzjoni tal-prinċipji kollha ġodda u dawk dwar trattament globali; infurzar tal-liġi ġdida dwar standardizzazzjoni u rinfurzar ta' l-infrastruttura li tkun għada kemm ġiet stabbilita; l-adozzjoni ta' liġijiet qafas dwar kimiċi, oġġetti ta' l-ikel u farmaċewtiċi,

- moviment liberu ta' kapital: liberalizzazzjoni ta' investiment dirett f'pajjiżi oħra u investiment f'titoli barranin minn residenti; ħolqien ta' skeda ta' żmien għal-liberalizzazzjoni tar-restrizzjonijiet li jkun baqa' fuq moviment ta' kapital inkluż l-akkwist tas-settur ta' proprjetà immobbli,

- moviment liberu tas-servizzi: tisħiħ ta' korpi ta' sorveljanza,

- kompetizzjoni: l-adozzjoni ta' leġislazzjoni dwar għajnuna ta' l-Istat; titjib fir-rapport dwar għajnuna mill-Istat; ħolqien ta' inventarju dwar għajnuna ta' l-Istat,

- tassazzjoni: allinjament ta' leġislazzjoni dwar il-VAT u żvilupp ta' skeda ta' żmien għall-allinjament ta' dazji tas-sisa; jiġi żgurat li miżuri ġodda dwar taxxa jħarsu l-prinċipji tal-kodiċi ta' kondotta dwar tassazzjoni kummerċjali; titjib fis-sistema ta' ġbir ta' taxxi fuq livelli nazzjonali u reġjonali, b'mod partikolari permezz ta' tisħiħ tal-proċessar ta' informazzjoni dwar il-VAT,

- dwana: jiġi żgurat l-infurzar tal-kodiċi doganali ġdida u d-disposizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tagħha.

Agrikoltura:

- kontinwazzjoni ta' l-allinjament tal-leġislazzjoni veterinarja u fitosanitarja u titjib fl-arranġamenti ta' spezzjoni, b'mod partikolari fuq fruntieri esterni tal-futur,

- modernizzazzjoni ta' impjant tal-laħam u oġġetti mill-ħalib biex jintlaħqu l-istandards ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-iġjene u s-saħħa pubblika,

- stabbiliment ta' reġistru ta' għelieqi tad-dwieli.

Enerġija:

- implimentazzjoni tal-liġi dwar l-enerġija u l-adozzjoni ta' leġislazzjoni sekondarja relatata; tħejjija ta' leġislazzjoni permezz ta' pjani għal setturi u riformi relatati (elettriku u gass) u tisħiħ tal-korpi regolatorji,

- stabbiliment ta' struttura ta' prezzijiet u tariffi li twassal għal prezzijiet ta' l-enerġija bazati fuq spejjeż attwali u trasparenti,

- bidu ta' implimentazzjoni ta' strateġija ta' enerġija b'attenzjoni partikolari għal effiċjenza ta' enerġija; reviżjoni ta' tbassir tad-domanda għall-enerġija fuq il-bażi ta' aktar tkabbir realistiku u xenarji ta' intensità ta' enerġija,

- adozzjoni u implimentazzjoni ta' skeda realistika ta' żmien għall-għeluq u l-irtirar ta' l-unitajiet 1, 2, 3 u 4 ta' l-impjant nukleari Kozloduy;

- kontinwazzjoni tat-tisħiħ ta' l-indipendenza u l-kapaċità teknika ta' l-awtorità dwar sigurtà nukleari.

Trasport:

- allinjament ta' leġislazzjoni dwar sigurtà marittima.

Xogħol u affarijiet soċjali

- appoġġ għall-isforzi biex tinbena l-kapaċità tas-sieħba soċjali,

- Pereparazzjoni ta' strateġija nazzjonali, bl-għajnuna tar-Reviżjoni Konġunta tal-Politika dwar ix-Xogħol

Ambjent:

- kontinwazzjoni tat-trasposizzjoni ta' qafas ta' leġislazzjoni fis-setturi ta' l-ilma, l-arja u skart; preparazzjoni u implimentazzjoni ta' programmi dettaljati dwar approssimazzjoni ta' direttivi speċifiċi; tisħiħ ta' strutturi ta' implimentazzjoni, partikolarment f'livell reġjonali,

- żvilupp ta' pjan għal finanzjament ta' investimenti (speċifiċi għal direttivi), bażat fuq stimi ta' kemm jiswew l-allinjament u sorsi realistiċi ta' finanzjar pubbliku u privat sena b'sena,

- kompletar ta' trasposizzjoni u infurzar tad-direttiva dwar l-istima ta' l-impatt fuq l-ambjent.

Ġustizzja u l-intern:

- implimentazzjoni ta' sistemi effettivi dwar kontroll amministrattiv tal-fruntieri u kordinament tas-servizzi biex ma titħallhiex l-immigrazzjoni illegali u biex ikun hemm parteċipazzjoni sħiħa fis-sistema ta' Schengen dwar l-informazzjoni,

- implimentazzjoni u infurzar ta' qafas ta' leġislazzjoni ġdida li għandha x'taqsam ma' proċeduri dwar tluq ta' nies minn post għal ieħor u refuġju,

- titjib fil-kwalità ta' korpi li jinfurzaw il-liġi u l-ġudikatura (numru ta' persunal, reklutaġġ, taħriġ u tagħmir) biex titkompla l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga u l-korruzzjoni; rinfurzar ta' l-awtoritajiet tal-pulizija u dwana u assigurazzjoni ta' ko-ordinament aħjar bejn il-korpi ta' l-infurzar tal-liġi,

- żvilupp ta' strateġija nazzjonali biex tiġġieled 'il korruzzjoni u ssaħħaħ il-kapaċità biex tittratta l-ħasil tal-flus; ratifika tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-ħasil ta' flejjes iġġenerati mill-kriminalità u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Liġi Kriminali dwar korruzzjoni; firmar tal-konvenzjoni OECD dwar tixħim.

Rinfurzar tal-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja, inklużi l-amministrazzjoni u kontroll ta' fondi ta' l-Unjoni Ewropea:

- Phare [1], ISPA [2] u Sapard [3]: it-tkomplija ta' l-iżvilupp tal-Pjan Nazzjonali għall-Iżvilupp u l-Pjan ta' Żvilupp Rurali; l-adozzjoni ta' struttura amministrattiva u ta' budget (manwal ta' verifika u verifika permezz ta' traċċar) biex ikunu programmati l-ISPA u s-Sapard, inkluż mekkaniżmu għall-istima sistematika ta' l-impatt fuq l-ambjent u regoli kompatibbli ma' l-Unjoni Ewropea dwar akkwisti pubbliċi għal proġetti ko-finanzjati minn Fondi Komunitarji; u l-istabbiliment ta' aġenzija li tiffunzjona ta' ħlas għas-Sapard,

- kompletar ta' struttura leġislattiva u tisħiħ ta' korpi li jikkontrollaw il-finanzi interni u esterni inklużi unitajiet ta' kontroll reġjonali, b'mod partikolari permezz ta' l-użu ta' sistema teknoloġika komprensiva ta' informazzjoni u s-separazzjoni ċara ta' kontroll u approvazzjoni ex-ante u konroll finanzjarju intern,

- implimentazzjoni tal-liġi dwar is-servizz pubbliku,

- tisħiħ ta' l-indipendenza ta' maġistrati, imħallfin u l-effiċjenza tas-sistema tal-qrati, inklużi t-trattament tal-każi u l-mekkaniżmu alternattiv dwar soluzzjonijiet ta' kwistjonijiet: tisħiħ ta' l-infurzar ta' sentenzi ċivili u penali,

- tisħiħ tal-kapaċità biex ikun stmat l-impatt finanzjarju u istituzzjonali ta' leġislazzjoni ġdida.

3.2. Fuq medda medja

Kriterji politiċi:

- kontinwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-programm ta' struttura Roma.

Kriterji ekonomiċi:

- iż-żamma ġenerali ta' stabbilità makro-finanzjarja; titjib tal-kompetittività permezz ta' ristrutturar bażat fuq is-suq, inklużi l-intrapriżi żgħar u dawk medji; kompletar tal-proċess ta' privatizzazzjoni; tisħiħ ta' istituzzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq; titjib ta' l-istrutturi ġudizzjarji u regolatorji għall-intrapriżi

- ħolqien ta' proċedura għal sorveljanza fiskali annwali bl-għan li ġġib ir-rappurtar, il-monitoraġġ u l-kontroll ta' finanzi pubbliċi, speċifikament posizzjonijiet fiskali, f'konformità ma' proċeduri ta' l-Unjoni Ewropea,

- implimentazzjoni tal-programm ta' ristrutturar għall-azzar,

- ħolqien ta' suq ta' l-artijiet li jiffunzjona u l-finalizzazzjoni ta' reġistru ta' l-artijiet u proprjetà.

Suq intern:

- akkwisti pubbliċi: assigurazzjoni ta' proċeduri trasparenti dwar l-akkwisti pubbliċi f'livelli ċentrali u reġjonali,

- drittijiet dwar proprjetà intellettwali u industrijali: kompletar ta' allinjament u implimentazzjoni ta' drittijiet dwar proprjetà industrijali,

- protezzjoni ta' data: implimentazzjoni ta' leġislazzjoni,

- moviment liberu ta' oġġetti: bidu ta' l-implimentazzjoni ta' direttivi dwar metodi ġodda; l-insegwiment ta' allinjament ta' leġislazzjoni teknika tradizzjonali; implimentazzjoni ta' sistema dwar sorveljanza tas-suq,

- moviment liberu ta' persuni: kompletar ta' allinjament fir-rikonoxxenza reċiproka ta' diplomi,

- moviment liberu ta' servizzi: kompletar ta' allinjament u implimentazzjoni tal-liġi bankarja, tal-liġi dwar rahan u l-liġi dwar titoli; garanziji u tħaffif fil-proċeduri dwar self u titoli,

- kompetizzjoni: rinforz ta' awtoritajiet u proċeduri kontra l-monopolju u dwar għajnuna mill-Istat,

- telekomunikazzjoni: tisħiħ tal-kapaċità ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali,

- tassazzjoni: allinjament sħiħ ma' l-acquis dwar taxxa inkluża s-sistema transitorja tal-VAT fil-Komunita; reviżjoni ta' liġijiet eżistenti u assigurazzjoni ta' kompatibiltà mal-kodiċi ta' kondotta dwar tassazzjoni fil-kummerċ; tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u ta' proċeduri ta' kontroll inklużi ko-operazzjoni amministrattiva u għajnuna reċiproka,

- protezzjoni tal-konsumatur: kontinwazzjoni ta' allinjament u tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq u ta' l-awtoritajiet ta' infurzar,

- dwana: tisħiħ fil-kontroll tal-fruntieri; żvilupp ta' tariffa integrata; żvilupp ta' kapaċitajiet fl-operazzjonijiet u kompjuterizzazzjoni ta' l-amministrazzjoni doganali; rinfurzar tal-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni.

Agrikoltura:

- rinforz tal-mekkaniżmi u l-istrutturi amministrattivi dwar it-tmexxija tal-politika agrikola komuni (monitoraġġ tas-swieq agrikoli u implimentazzjoni ta' miżuri dwar struttura u żvilupp rurali, ħolqien ta' korpi u mekkaniżmi ta' kontroll),

- kontinwazzjoni tar-ristrutturar tas-settur ta' ikel agrikolu; rinforz ta' l-amministrazzjoni ta' kontroll fuq l-ikel,

- kompletar tas-sistema dwar l-identifikazzjoni ta' annimali; implimentazzjoni ta' sistema ta' kontroll tal-kwalità (punt ta' kontroll kritiku ta' analiżi aċċidentali), trattament ta' ħmieġ ta' l-annimali, programmi ta' kontroll ta' skart u żoonożi, kompletar ta' sistemi ta' spezzjoni fuq fruntieri esterni tal-futur.

Sajd:

- żvilupp tal-kapaċità biex tiġi implimentata u infurzata l-politika komuni dwar is-sajd, partikolarment bil-provvediment ta' riżorsi u tagħmir istituzzjonali adegwati li għandhom x'jaqsmu ma spezzjonijiet u kontrolli; ħolqien ta' sistema adegwata ta' reġistrazzjoni tal-flotot; promozzjoni ta' standards ta' kwalità.

Enerġija:

- allinjament ta' bżonnijiet ta' ħażniet ta' żjut u kontinwazzjoni fit-titjib ta' effiċjenza ta' enerġija,

- preparazzjoni għas-suq intern ta' l-enerġija, l-aktar id-direttivi dwar l-elettriku u l-gass (inkluż l-adattament ta' prezzijiet ta' l-enerġija ma livelli ta' spejjeż attwali),

- adozzjoni u implimentazzjoni ta' leġislazzjoni sekondarja dwar is-suq intern tal-gass u l-elettriku,

- implimentazzjoni ta' impenni dwar l-għeluq u t-twaqqif fażi fażi ta' l-unitajiet 1, 2, 3 u 4 ta' l-impjant ta' elettriku nukleari Kozloduy; iż-żamma ta' livell għoli ta' sigurtà nukleari fl-unitajiet Kozloduy 5-6

- tisħiħ ta' l-istrutturi regolatorji dwar sigurtà nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni.

Trasport:

- allinjament tat-trasport fit-toroq (aċċess għas-suq, sigurtà fit-toroq u tassazzjoni), ferroviji, trasport tal-baħar, kanali fl-intern tal-pajjiż (ħtiġijiet tekniċi għal bastimenti) u trasport bl-ajru (b'mod partikolari l-amministrazzjoni ta' sigurtà fl-ajru u tat-traffiku bl-ajru.

Xogħol u affarijiet soċjali:

- trasposizzjoni u implimentazzjoni ta' leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol, liġijiet dwar ix-xogħol, trattament indaqs għan-nisa u rġiel, u saħħa pubblika; rinforz ta' strutturi amministrattivi relatati u ta' dawk meħtieġa għall-ko-ordinament tas-sigurtà soċjali,

- il-ħolqien ta' fond indipendenti ta' garanziji fil-każ ta' falliment ta' min qed jimpjega.

Koeżjoni ekonomika u soċjali:

- żvilupp ta' politika nazzjonali għal koeżjoni ekonomika u soċjali; tħejjija għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' żvilupp reġjonali kif ukoll ta' inizjattivi Komunitarji, titjib fil-proċeduri amministrattivi u ħolqien ta' sistema ta' budget li tipprovdi għal impenni multi-annwali u l-amministrazzjoni tagħha skond standards ta' fondi strutturali, inklużi stimi u valutazzjonijiet.

Ambjent:

- kompletar tat-trasposizzjoni u implimentazzjoni ta' leġislazzjoni qafas u settorali skond skeda ta' żmien stabbilita minn qabel,

- integrazzjoni ta' prinċipji ta' żvilupp sostenibbli fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika kollha settorali oħra.

Ġustizzja u intern:

- kontinwazzjoni ta' allinjament progressiv ta' leġislazzjoni u prattika dwar visa ma' dak ta' l-Unjoni Ewropea,

- adozzjoni u applikazzjoni ta' strumenti internazzjonali relatati mal-ġlieda kontra t-traffikar ta' droga, b'mod partikolari il-Ftehim dwar traffiku illegali bil-baħar, li jimplimenta l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-traffikar illegali ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi,

- titjib ta' faċilitajiet għal dawk li jfittxu kenn u r-refuġjati,

- tisħiħ aktar ta' ko-ordinament u ko-operazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità bejn il-fruntieri, speċjalment fil-kamp tat-tqassim, produzzjoni u bejgħ ta' drogi kif ukoll il-ħasil ta' flus, implimentazzjoni ta' strateġija kontra l-korruzzjoni, kontinwazzjoni tal-ġlieda kontra t-traffikar ta' nisa u tfal,

- rinforz ta' l-indipendenza tal-ġudikatura.

Rinforz tal-kapaċità amministrattiva u ġuridika, inklużi l-amministrazzjoni u l-kontroll ta' fondi ta' l-Unjoni Ewropea:

- kompletar tal-ħolqien ta' servizz pubbliku imparzjali fuq il-bażi tal-liġi dwar is-servizz pubbliku; ħolqien ta' struttura ta' amministrazzjoni fis-servizz pubbliku u assigurazzjoni ta' simplifikazzjoni ta' proċeduri,

- titjib fit-tagħlim ta' affarijiet Ewropej, inkluż it-taħriġ ta' mħallfin fir-rigward tal-liġi Komunitarja Ewropea,

- tisħiħ tal-funzjonijiet dwar il-kontroll ta' finanzi pubbliċi permezz tal-provvediment ta' persunal, taħriġ u tagħmir adegwat,

- tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' statistika.

4. PROGRAMMAZZJONI

L-allokazzjoni Phare għall-perjodu 1995 sa 1999 ammontat għal EUR 415-il miljun. Wara l-ftehim tal-Kunsill Ewropew f'Berlin ta' l-24 u l-25 ta' Marzu, 1999, għajnuna finanzjarja lill-Istati applikanti għall-perjodu 2000 sa 2006 tkun tinkludi wkoll sostenn għall-miżuri ta' qabel l-adeżjoni għall-iżvilupp agrikolu u rurali permezz ta' l-istrument ta' qabel l-adeżjoni Sapard (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999, ĠU L 161, tas-26.6.1999, p.87) u strument strutturali ISPA (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999, ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 73) li għandhom jagħtu prijorità għal miżuri simili għal fond ta' koeżjoni għall-perjodu ta' qabel l-adeżjoni. Skond dawn l-allokazzjonijiet nazzjonali, il-Bulgarija tista' wkoll tipprovdi fondi għal parti mill-parteċipazzjoni tagħha fi programmi tal-Komunità inkluż il-Ħames Programm dwar Riċerka u Struttura għal Żvilupp Teknoloġiku (ĠU L 26, ta' l-1.2.1999, p. 1). Barra minn hekk il-Bulgarija ikollha aċċess għal fondi minn programmi għal diversi Stati direttament relatati għall-acquis Finanzjament konġunt mill-Istati applikanti hu sistematikament meħtieġ għall-proġetti kollha ta' investiment. Sa mill-1998 il-Kummissjoni ħadmet mal-Bank Ewropew ta' Investiment u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, partikolarment mal-Bank Ewropew ta' Rikostruzzjoni u Żvilupp u l-Bank Dinji, bil-ħsieb li jkun faċilitat il-ko-finanzjament ta' proġetti li għandhom x'jaqsmu ma' prijoritajiet ta' qabel l-adeżjoni.

5. KONDIZZJONALITÀ

Għajnuna tal-Komunità għall-finanzjament ta' proġetti permezz tat-tliet strumenti ta' qabel l-adeżjoni Phare, ISPA U Sapard hi b'kondizzjoni tar-rispett mill-Bulgarija ta' l-impenni tagħha skond il-Ftehim ta' l-Ewropa, passi oħra biex jitħarsu l-kriterji ta' Copenhagen u b'mod partikolari progress biex jintlaħqu l-prijoritajiet speċifiċi ta' din is-Sħubija ta' Adeżjoni fl-2000. Nuqqas ta ħarsien ta' dawn il-kondizzjonijiet ġenerali jista' jwassal għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar sospensjoni ta' għajnuna finanzjarja fuq il-bażi ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 622/98.

6. MONITORAĠĠ

L-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Adeżjoni hi monitorjata fl-istruttura tal-Ftehim ta' l-Ewropa. Kif enfasizzat mill-Kunsill Ewropew fil-Lussemburgu hu importanti li l-istituzzjonijiet tal-Ftehim ta' l-Ewropa jibqgħu ikunu l-istruttura li fiha tista' tiġi eżaminata l-adozzjoni ta' l-acquis, skond l-istess proċeduri, irrispettivament jekk in-negozjati jkunux inbdew jew le. It-taqsimiet rilevanti tas-Sħubija ta' Adeżjoni huma diskussi fis-sotto-kumitat approprjat. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jiddiskuti l-iżviluppi ġenerali, il-progress u l-problemi fl-isforzi biex jintlaħqu l-prijoritajiet u l-għanijiet intermedjarji tiegħu kif ukoll kwistjonijiet aktar speċifiċi li jkunu riferiti lilu mis-sotto-kumitati.

Il-Kumitat ta' Tmexxija tal-Phare jiżgura li deċiżjonijiet dwar finanzjament skond kull wieħed mit-tliet strumenti ta' qabel l-adeżjoni Is-Sħubija ta' Adeżjoni għandha tibqa' tiġi emendata kif meħtieġ skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 622/98.

[1] Phare = Pjan ta' azzjoni għal għajnuna ko-ordinata għall-Polonja u l-Ungerija.

[2] ISPA = Strument għall-Politika Strutturali għal qabel l-Adeżjoni.

[3] Sapard = Programm Speċjali ta' l-Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.

--------------------------------------------------