SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

4 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Eżami sħiħ u ex nunc – Portata tas-setgħat tal-qorti tal-ewwel istanza – Eżami tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza – Eżami mill-qorti tal-ewwel istanza tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw sabiex jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 2(d) – ‘Biża’ ġġustifikat ta’ persekuzzjoni’ – Evalwazzjoni”

Fil-Kawża C‑440/25 [Ebilum] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Zwolle, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Lulju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Lulju 2025, fil-proċedura

PM,

QN,

RM,

SM,

TM,

UM,

VM,

WM

vs

Minister van Asiel en Migratie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, F. Schalin, M. Gavalec (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal PM, QN, RM, SM, TM, UM, VM u WM, minn T. Neijzen, advocate, u S. Rafi, experte,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn A. Hanje u J. Langer, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ċek minn A. Edelmannová, L. Halajová u M. J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, M. Debieuvre u F. van Schaik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Diċembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), waħdu jew moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, PM, QN, RM, SM, TM, UM, VM u WM, ċittadini Iraqini, membri tal-istess familja u, min-naħa l-oħra, il-Minister van Asiel en Migratie (il-Ministru għall-Ażil u għall-Migrazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar id-deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar li ċaħdu l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn dawn iċ-ċittadini Iraqini.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/95

3

Il-premessa 4 tad-Direttiva 2011/95 tiddikjara:

“Il-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 [1954]), (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”)] u l-[Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967] jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt (d) tiegħu:

“‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha”.

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.   L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.   L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

(a)

il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

(b)

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(c)

il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(d)

jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;

(e)

jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.

4.   Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut.

5.   Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

(b)

l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

(c)

id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;

(d)

l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant [ma jkunx] jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

(e)

il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”

Id-Direttiva 2013/32

6

Il-premessi 10, 16, 18, 22 u 34 tad-Direttiva 2013/32 huma fformulati kif ġej:

“(10)

Meta jimplimentaw din id-Direttiva l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-linji gwida rilevanti żviluppati mill-[Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), li fl‑2022 ġie issostitwit bl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA)].

[…]

(16)

Huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali jittieħdu abbażi tal-fatti u, fl-istadju ta’ prima istanza, minn awtoritajiet li l-persunal tagħhom ikollu l-informazzjoni adegwata jew ikun irċieva t-taħriġ meħtieġ fil-qasam ta’ kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.

[…]

(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(22)

Huwa wkoll fl-interess ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti biex jiżguraw fl-ewwel istanza rikonoxximent korrett tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali. Għal dak l-għan, l-applikanti għandhom jiġu pprovduti, fl-ewwel istanza u mingħajr ħlas, b’informazzjoni legali u proċedurali, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom. Id-dispożizzjoni ta’ tali informazzjoni għandha inter alia tippermetti l-applikanti biex jifhmu aħjar il-proċedura, u b’hekk tgħinhom jikkonformaw mal-obbligi rilevanti. Ma jkunx proporzjonat li kieku l-Istati Membri jkunu meħtieġa jipprovdu tali informazzjoni permezz tas-servizzi ta’ avukati kkwalifikati biss. Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà li jużaw l-iktar mezzi xierqa biex jipprovdu tali informazzjoni, bħal pereżempju permezz ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew professjonisti mill- awtoritajiet tal-gvern jew servizzi speċjalizzati tal-Istat.

[…]

(34)

Il-proċeduri għall- eżami tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu tali li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu eżami bir-reqqa tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.”

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt (f) tiegħu:

“‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet”.

8

L-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

(i)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

[…]

3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.”

Id-dritt Olandiż

9

L-Artikolu 3(3) tal-wet houdende algemene regels van bestuursrecht (Algemene wet bestuursrecht) (il-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli Ġenerali tad-Dritt Amministrattiv) (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv), tal‑4 ta’ Ġunju 1992 (Stb. 1992, Nru 315), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Awb”), jipprevedi:

“Il-korp amministrattiv ma għandux jeżerċita l-kompetenza tiegħu sabiex jadotta deċiżjoni għal għan differenti minn dak li għalih il-kompetenza tkun ingħatatlu.”

10

L-Artikolu 6(19) tal-Awb jipprovdi:

“1.   L-ilment jew l-appell għandu ipso jure jiġi estiż għal kull deċiżjoni li tirtira, li timmodifika jew li tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata, sakemm il-partijiet ma jkollhomx interess insuffiċjenti.

[…]

6.   L-irtirar jew is-sostituzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhomx jostakolaw l-annullament ta’ din id-deċiżjoni jekk il-persuna li tkun ressqet l-ilment jew dik li tkun ippreżentat l-appell ikollha interess fih.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

PM, QN, RM, SM, TM, UM, VM u WM (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) huma ċittadini Iraqini, membri tal-istess familja, komposta miż-żewġ ġenituri u mis-sitt itfal tagħhom, fosthom diversi bniet (iktar ’il quddiem il-“bniet”).

12

Huma ppreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi fl‑2017. Dawn l-applikazzjonijiet kienu bbażati fuq tliet sensiliet ta’ raġunijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, problemi ma’ ġar kif ukoll il-biża’ ta’ vendetta u taż-żwieġ forzat tal-bniet; it-tieni nett, il-biża’ li l-bniet ikunu suġġetti għal ċirkonċiżjoni femminili u, it-tielet nett, l-identifikazzjoni tal-bniet mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-biża’ li huma jiġu ppersegwitati fil-każ ta’ ritorn lejn l-Iraq.

13

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑11 ta’ Settembru 2023, il-Ministru ċaħad dawn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħala manifestament infondati. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Zwolle, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju.

14

Il-qorti tar-rinviju eżaminat dan l-appell waqt seduta li nżammet fis‑26 ta’ Marzu 2024, u sussegwentement fetħet mill-ġdid l-istruttorja b’antiċipazzjoni tal-għoti tas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi) (C‑646/21, EU:C:2024:487), minħabba li dik is-sentenza setgħet tkun rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmi appell.

15

Wara l-għoti tal-imsemmija sentenza, il-Ministru pproċeda għal smigħ ġdid tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, qabel ma ħareġ abbozz ġdid ta’ deċiżjoni, u, permezz ta’ deċiżjonijiet addizzjonali tal‑25 ta’ Frar 2025, huwa żamm iċ-ċaħda tal-imsemmija applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, il-Ministru pprovda motivazzjoni addizzjonali kemm fir-rigward tal-allegata identifikazzjoni mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kif ukoll fir-rigward tal-biża’ taċ-ċirkonċiżjoni femminili u taż-żwieġ forzat tal-bniet.

16

Id-deċiżjonijiet tal‑11 ta’ Settembru 2023 u d-deċiżjonijiet addizzjonali tal‑25 ta’ Frar 2025 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) ġew ikkontestati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

17

Għalkemm il-Ministru kien adotta deċiżjonijiet tal-irtirar tad-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont l-Artikolu 6(19) tal-Awb, hija għandha l-kompetenza tannulla dawn id-deċiżjonijiet ta’ rtirar, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom interess fl-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar. Hija tindika, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjonijiet tal-irtirar tad-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu annullati għal żewġ raġunijiet differenti. Minn naħa, dawn id-deċiżjonijiet ta’ rtirar kienu ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 3(3) tal-Awb u għalhekk jistgħu jiġu annullati għal din ir-raġuni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjonijiet ta’ rtirar jikkostitwixxu ndħil irregolari tal-Ministru fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, b’tali mod li jmorru kontra l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll kontra l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u jistgħu jiġu annullati għal din it-tieni raġuni. Dik il-qorti tirrileva fl-aħħar nett li, minħabba l-annullament tal-istess deċiżjonijiet ta’ rtirar, hija f’pożizzjoni li teżamina fil-mertu d-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

18

Fir-rigward taċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha biżżejjed informazzjoni, minn naħa, sabiex twettaq, għaliha stess, l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ ċerti elementi tan-narrazzjoni mogħtija insostenn tal-applikazzjonijiet għall-ażil, jiġifieri l-identifikazzjoni tal-bniet mal-valur fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u, min-naħa l-oħra, sabiex twettaq hija stess evalwazzjoni ta’ ċerti raġunijiet invokati insostenn tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri l-problemi mal-ġar, il-biża’ ta’ vendetta u l-biża’ taż-żwieġ forzat tal-bniet.

19

Madankollu, dik il-qorti tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza tal-Afdeling Bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), hija ma tistax twettaq tali evalwazzjonijiet. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza nazzjonali, qorti li tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li tqis li l-evalwazzjoni, li tinsab f’tali deċiżjoni, tal-kredibbiltà tan-narrazzjoni mogħtija insostenn ta’ din l-applikazzjoni u inkluża f’tali deċiżjoni ma hijiex suffiċjentement motivata la tista’ tiddeċiedi hija stess dwar il-kredibbiltà ta’ din in-narrazzjoni u lanqas dwar l-imsemmija applikazzjoni. Tali qorti għandha tannulla tali deċiżjoni ta’ ċaħda, imbagħad tibgħat lura l-kawża lill-Ministru sabiex huwa jwettaq eżami ġdid tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

20

Issa, l-imsemmija qorti tindika li għandha dubji dwar il-konformità tal-imsemmija ġurisprudenza nazzjonali mad-Direttiva 2013/32.

21

Fir-rigward tal-biża’ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jiġu ppersegwitati fil-każ ta’ ritorn lejn l-Iraq, il-qorti tar-rinviju żżid li l-kunċett ta’ “biża’ fondat” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2011/95 u li, fil-livell nazzjonali, ebda standard ta’ evalwazzjoni ta’ tali biża’ ma huwa stabbilit. Issa, jekk tali biża’ kellu jiġi evalwat permezz ta’ kalkolu ta’ probabbiltajiet matematiċi, allura dik il-qorti tqis li hija għandha tibgħat lura l-kawża lill-Ministru dwar dan il-punt sabiex huwa jwettaq tali kalkolu sa fejn, fl-istat attwali tal-proċess u tal-informazzjoni dwar il-pajjiż ikkonċernat, hija ma għandhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex twettaq tali kalkolu.

22

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Zwolle,) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-rechtbank (il-Qorti Distrettwali, il-Pajjiżi l-Baxxi) tista’ tiddeduċi mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva [2013/32], kemm jekk moqri jew mhux moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] jew ma’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra jew ma’ prinċipju ieħor tad-dritt tal-Unjoni, is-setgħa li twettaq hija stess evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ narrazzjoni mogħtija insostenn ta’ applikazzjoni għal ażil u b’hekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Ministru?

2)

Ir-rechtbank (il-Qorti Distrettwali) tista’ tiddeduċi minn waħda mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, is-setgħa li tiddeċiedi fuq il-mertu u b’mod definittiv fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali abbażi ta’ narrazzjoni mogħtija insostenn ta’ applikazzjoni għal ażil meqjusa kredibbli mill-Ministru u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, abbażi ta’ narrazzjoni mogħtija insostenn ta’ applikazzjoni għal ażil meqjusa kredibbli mir-rechtbank (il-Qorti Distrettwali)? F’dan ir-rigward, ir-rechtbank (il-Qorti Distrettwali) tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni jew tar-riskju reali ta’ dannu serju għal dik tal-Ministru, b’mod partikolari meta, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli dwar il-pajjiż aċċessibbli għall-pubbliku, ir-rechtbank (il-Qorti Distrettwali) tqis li hija informata biżżejjed sabiex twettaq tali evalwazzjoni?

3)

Il-ġurisprudenza nazzjonali, pereżempju bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali, tista’ tillimita s-setgħat imsemmija fl-ewwel u fit-tieni domanda fis-sens li dawn is-setgħat huma madankollu mogħtija esklużivament lill-Ministru?

4)

Ir-rechtbank (il-Qorti Distrettwali) tista’ tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni li ġiet prodotta fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, iżda li kienet għadha ma hijiex disponibbli matul il-proċedura amministrattiva, meta tevalwa l-kwistjoni dwar jekk għandhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tieħu deċiżjoni fuq il-mertu? Huwa rilevanti f’dan ir-rigward jekk il-partijiet setgħux jesprimu bis-sħiħ il-fehmiet tagħhom dwar il-fatti bil-miktub jew waqt is-seduta?

5)

‘Biża’ ġġustifikata’ fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva [2011/95], għandha tinftiehem bħala s-sitwazzjoni li fiha jeżisti grad raġonevoli ta’ probabbiltà li l-applikant għal ażil jiġi ppersegwitat fil-każ ta’ ritorn? Dan il-livell ta’ probabbiltà raġonevoli għandu jiġi ddeterminat permezz tal-kriterju ta’ ‘persuna avżata u raġonevoli’, li bih huwa ddeterminant jekk, mill-perspettiva ta’ persuna avżata u raġonevoli li tinsab fis-sitwazzjoni tal-applikant għal ażil, ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini jidher li huwa irraġonevoli, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi magħrufa kollha? Jekk le, liema kriterju għandu jiġi applikat?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23

Il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

Fit‑22 ta’ Lulju 2025, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

25

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Awwissu 2025, il-kawża ġiet suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq ir-Regolamenti (UE) 2024/1347 u (UE) 2024/1348

26

Mingħajr ma semmiet formalment, fid-domandi magħmula, ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u li jħassar id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1347, rettifika fil-ĠUL, 2025/90926,), jew ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, rettifika fil-ĠU L, 2025/90922), il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi dawn ir-regolamenti fir-risposti mogħtija għal dawn id-domandi, peress li hija jista’ jkollha tapplikahom fil-kuntest tal-eżami tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

27

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li hija tkun adita biha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja jaf ikollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier,35/85, EU:C:1986:143, punt 9, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 44).

28

Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament 2024/1347, dan ir-regolament għandu japplika mit‑12 ta’ Ġunju 2026.

29

Għalhekk, ma huwiex stabbilit li l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament hija neċessarja għall-qorti tar-rinviju sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

30

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 u l-punt 5 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1347 li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “refuġjat” huma fformulati b’mod identiku. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-espressjoni “biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat”, kif tinsab fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, hija rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni possibbli tal-istess espressjoni, li tintuża fil-punt 5 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament.

31

It-tieni nett, mill-Artikolu 79(2) u (3) tar-Regolament 2024/1348 jirriżulta, minn naħa, li dan ir-regolament għandu japplika mit‑12 ta’ Ġunju 2026 u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi regolament għandu japplika għall-proċedura ta’ għoti għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mit‑12 ta’ Ġunju 2026.

32

Minn dan jirriżulta li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, bħal dawk tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ippreżentati qabel din id-data għandhom jiġu rregolati mid-Direttiva 2013/32.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu interpretati r-Regolamenti 2024/1347 u 2024/1348.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sar-raba’ domanda

34

Permezz tal-ewwel sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, huwa jagħti lil qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali l-kompetenza tiddeċiedi b’mod vinkolanti dwar il-kredibbiltà tan-narrazzjoni mogħtija insostenn ta’ din l-applikazzjoni, dwar il-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-applikant jew tar-riskju reali għal dan tal-aħħar li jġarrab danni gravi fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu kif ukoll dwar il-fondatezza tal-imsemmija applikazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni elementi ppreżentati matul il-proċedura ta’ tressiq ta’ kawża, u, min-naħa l-oħra, jekk, jekk ikun il-każ, l-Istati Membri jistgħux jillimitaw din il-kompetenza b’mod li biss l-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem l-“awtorità determinanti”), għandha l-kompetenza tevalwa l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u l-kompetenza tiddeċiedi dwar il-fondatezza tagħhom.

35

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2013/32 tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-“awtorità determinanti”, li hija tiddefinixxi fl-Artikolu 2(f) tagħha bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet” u, min-naħa l-oħra l-“qorti jew tribunal”, imsemmija fl-Artikolu 46 tagħha. Il-proċedura quddiem l-awtorità determinanti hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Proċeduri ta’ prima istanza”, filwaqt li l-proċedura quddiem il-qorti ssegwi r-regoli stabbiliti fil-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Proċeduri tal-appelli” u kkostitwit minn dan l-Artikolu 46 (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto,C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 103, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis,C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 61).

36

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 34 tad-Direttiva 2013/32, il-proċeduri ta’ eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu eżami bir-reqqa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

37

Għandu wkoll jiġi enfasizzat li mill-premessi 16 u 22, mill-Artikolu 4 kif ukoll mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn korp amministrattiv jew semiġudizzjarju pprovdut b’riżorsi speċifiċi u b’persunal speċjalizzat fil-qasam huwa fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mill-imsemmija direttiva (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto,C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 116, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis,C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 61).

38

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni rregolata mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, li fi tmiemha l-awtorità determinanti għandha tadotta deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tiżvolġi f’żewġ stadji distinti. Fl-ewwel stadju, l-awtorità determinanti għandha tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn ta’ din l-applikazzjoni. Fit-tieni stadju, hija għandha twettaq l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-provi, li tikkonsisti f’li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ partikolari, il-kundizzjonijiet sostantivi għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali humiex issodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M.,C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 64).

39

Huwa ċertament minnu li l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ narrazzjoni mogħtija insostenn ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u l-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni jew tar-riskju reali ta’ tiġrib ta’ danni gravi jaqgħu taħt dan l-ewwel stadju u taħt l-evalwazzjoni tal-fatti. Madankollu, din l-evalwazzjoni fattwali ma taqax barra mill-kompetenza ta’ qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

40

Fil-fatt, l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jirrikonoxxi lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw tali applikazzjonijiet. L-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-portata ta’ dan id-dritt, billi jippreċiża li l-Istati Membri marbuta minnha għandhom jiżguraw li l-qorti li quddiemha tiġi kkontestata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali twettaq “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]” (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto,C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 106, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 76).

41

Fir-rigward tal-portata tal-imsemmi dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kliem “għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, skont din l-aħħar dispożizzjoni, li jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li t-trattament tar-rimedji previsti jinkludi eżami, mill-qorti, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto,C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 110, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 81).

42

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, elementi ġodda li rriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto,C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 111, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025 Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 82).

43

Tali evalwazzjoni tippermetti, fil-fatt, li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi pproċessata b’mod eżawrjenti mingħajr il-ħtieġa li l-fajl jintbagħat lura lill-awtorità determinanti (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto,C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 112).

44

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-aġġettiv “sħiħ” li jinsab fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jikkonferma li l-qorti għandha l-obbligu li teżamina kemm l-elementi li l-awtorità determinanti ħadet jew kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li jkunu seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni minn din l-awtorità (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto,C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 113, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 83).

45

Minn dan isegwi, l-ewwel nett, li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 41 sa 43 ta’ din is-sentenza, qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha l-kompetenza tevalwa l-fatti u twettaq l-evalwazzjoni eżawrjenti u aġġornata tagħha stess tal-fatti diskussi quddiemha.

46

Fil-fatt, huwa biss l-eżami tal-fatti li jippermetti li tiġi evalwata l-kredibbiltà ta’ narrazzjoni mogħtija insostenn ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u l-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni jew tar-riskju reali ta’ tiġrib ta’ danni gravi li huma komponenti essenzjali tal-eżami tal-ħtieġa ta’ din il-protezzjoni.

47

It-tieni nett, qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha l-obbligu, kif jirriżulta mill-punti 42 u 44 ta’ din is-sentenza, li teżamina kemm l-elementi li l-awtorità determinanti ħadet jew kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni minn din l-awtorità.

48

Dan jimplika li tali qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni elementi ppreżentati matul il-proċedura ta’ tressiq ta’ kawża, iżda li ma kinux għadhom disponibbli matul il-fażi amministrattiva.

49

Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jiddewwem kunsiderevolment jekk qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni kellha tibgħat lura l-fajl lill-awtorità determinanti sabiex tali elementi jittieħdu inkunsiderazzjoni minn din l-awtorità sabiex hija tiddeċiedi dwar il-ħtieġa tal-protezzjoni internazzjonali tal-applikant.

50

Għaldaqstant is-setgħa li għandha tali qorti li tieħu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li dwarhom l-imsemmija awtorità ma tkunx iddeċidiet taqa’ taħt il-kuntest tal-iskop tad-Direttiva 2013/32 li, b’mod partikolari, hija intiża, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 18 tagħha, sabiex l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu pproċessati “malajr kemm jista’ jkun […] mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut” (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto,C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 111 u 112, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky, C‑406/22, EU:C:2024:841, punti 78 u 88).

51

Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-awtorità determinanti għandhomx ikollhom il-possibbiltà jesprimu ruħhom dwar dawn l-elementi ġodda, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-qorti għandha l-obbligu, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li toffri lil dan l-applikant il-possibbiltà jesprimi ruħu meta dawn l-elementi jkunu jistgħu jaffettwawh b’mod sfavorevoli (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto,C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 114).

52

Dik il-qorti għandha wkoll, konformement mal-prinċipju ta’ kontradittorju, tagħti lill-awtorità determinanti l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar tali elementi ġodda.

53

Tali interpretazzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li l-imsemmija qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi ġodda sabiex tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’mod eżawrjenti.

54

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha, minn naħa, ikollha l-kompetenza tevalwa l-fatti u twettaq evalwazzjoni tagħha stess tal-fatti u, min-naħa l-oħra, tieħu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li jkunu qamu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-appell, filwaqt li tiżgura li l-partijiet ikollhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn l-elementi.

55

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, billi ppreveda li l-qorti li għandha l-kompetenza tiddeċiedi dwar appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha l-obbligu li teżamina, jekk ikun il-każ, il-“ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali” tal-applikant, il-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, ried jagħti lill-imsemmija qorti, meta hija tkun tqis li għandha l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji f’dan ir-rigward, is-setgħa tiddeċiedi b’mod vinkolanti, wara eżami sħiħ u ex nunc, jiġifieri eżawrjenti u aġġornat, ta’ dawn l-elementi, dwar il-kwistjoni jekk l-imsemmi applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2011/95 sabiex jingħata protezzjoni internazzjonali (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov,C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 65).

56

L-ewwel nett, minn din il-ġurisprudenza kif ukoll mill-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlatur iddefinixxa, fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, il-portata u l-intensità tal-eżami, minn qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikanti. Minn dan isegwi li d-definizzjoni tal-portata u tal-intensità ta’ dan l-eżami ma taqax taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar ma jistgħux jillimitaw il-kompetenza ta’ tali qorti sabiex tiddeċiedi dwar dawn il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.

57

Ma jistax ikun mod ieħor għar-raġuni li l-awtorità determinanti tkun f’pożizzjoni aħjar u mgħammra sabiex teżamina l-merti tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Ċertament, l-eżami ta’ tali applikazzjoni minn din l-awtorità huwa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2013/32. Madankollu, fil-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, l-imsemmija awtorità ma hijiex l-unika li għandha l-kompetenza tevalwa l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u li għandha l-kompetenza tiddeċiedi dwar il-fondatezza tagħhom hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

58

Bl-istess mod, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tingħata kompetenza li tmur lil hinn minn “stħarriġ b’ċertu restrizzjoni” tad-deċiżjoni tal-awtorità determinanti. Konsegwentement, tali qorti ma tistax tkun meħtieġa teżerċita din il-kompetenza “b’restrizzjoni”, iżda għandha twettaq eżami sħiħ u ex nunc, jiġifieri eżawrjenti u aġġornat, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant.

59

It-tieni nett, huwa minnu li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda biss l-eżami tal-appell u għaldaqstant ma jirrigwardax l-eżitu ta’ annullament possibbli tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ dan l-appell (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov,C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 54).

60

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li r-rikonoxximent lil tali qorti tas-setgħa tiddeċiedi b’mod vinkolanti fuq il-kwistjoni dwar jekk applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2011/95 sabiex tiġi rrikonoxxuta lilu protezzjoni internazzjonali jfisser li, meta dik il-qorti tannulla deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva wara eżami eżawrjenti u aġġornat tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ applikant fid-dawl tal-punti rilevanti kollha ta’ liġi u ta’ fatt u tikkonstata li dan l-applikant għandu jingħata protezzjoni internazzjonali, u sussegwentement tibgħat lura l-kawża lil din l-awtorità amministrattiva sabiex hija tadotta deċiżjoni ġdida, l-imsemmija awtorità amministrattiva għandha l-obbligu li tagħti l-protezzjoni internazzjonali mitluba, bla ħsara għall-okkorrenza ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jkunu jeħtieġu oġġettivament evalwazzjoni aġġornata ġdida. Bl-istess mod, jekk l-istess awtorità amministrattiva tadotta sussegwentement deċiżjoni fis-sens kuntrarju, mingħajr ma tistabbilixxi għal dan l-għan l-okkorrenza ta’ elementi ġodda li jiġġustifikaw evalwazzjoni ġdida tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi applikant, l-imsemmija qorti għandha tibdel din id-deċiżjoni mhux konformi mas-sentenza preċedenti tagħha u tissostitwixxiha bid-deċiżjoni tagħha stess dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxiha milli tipproċedi f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov,C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 66, 73, 75, 77 u 78).

61

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li hija tqis li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex twettaq hija stess evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ ċerti elementi tan-narrazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll ta’ ċerti motivi invokati insostenn tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, hija tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza tal-Afdeling Bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat), hija ma għandhiex is-setgħa twettaq tali evalwazzjonijiet u għandha tillimita ruħha tannulla d-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imbagħad tibgħat lura l-kawża lill-Ministru sabiex huwa jwettaq eżami ġdid tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretawh sa fejn ikun possibbli fid-dawl tat-test u tal-iskop tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minnha u, għaldaqstant, jikkonformaw ruħhom mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-iskop imfittex minnha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu għall-qrati nazzjonali li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax, b’mod partikolari, validament tikkunsidra li huwa impossibbli għaliha tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger,C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Madankollu, jekk tali interpretazzjoni konformi kellha tirriżulta li tkun impossibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rekwiżit imperattiv għall-qorti li għandha l-kompetenza, bil-għan li hija tapplika d-dritt tal-Unjoni, li twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li possibbilment jikkostitwixxu ostakolu għall-effettività sħiħa ta’ regoli tal-Unjoni li għandhom effett dirett, bħall-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Barouk,C‑283/24, EU:C:2025:236, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Fl-aħħar nett, il-possibbiltà li tiġi appellata d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

67

Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, ir-rimedju effettiv li l-Istati Membri għandhom jipprevedu jirrigwarda “ta’ mill-inqas [il-]proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza”. Din id-dispożizzjoni tobbliga għalhekk lill-Istati Membri jipprevedu t-tressiq ta’ kawża quddiem qorti filwaqt li tħallilhom il-possibbiltà jistabbilixxu proċedura ta’ tressiq ta’ kawża jew ta’ kassazzjoni, mingħajr madankollu ma l-karatteristiċi tal-eżami previst mill-imsemmija dispożizzjoni jkunu differenti skont jekk l-Istati Membri jagħmlux użu minn din il-possibbiltà.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, huwa jagħti lil qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali l-kompetenza tiddeċiedi b’mod vinkolanti dwar il-kredibbiltà tan-narrazzjoni mogħtija insostenn ta’ din l-applikazzjoni, dwar il-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-applikant jew tar-riskju reali għal dan tal-aħħar li jġarrab danni gravi fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu kif ukoll dwar il-fondatezza tal-imsemmija applikazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni elementi ppreżentati matul il-proċedura ta’ tressiq ta’ kawża, u li, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw din il-kompetenza.

Fuq il-ħames domanda

69

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat” tirreferi għas-sitwazzjoni li fiha teżisti probabbiltà raġonevoli li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi ppersegwitat mar-ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini u, jekk ikun il-każ, skont liema kriterji għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali probabbiltà raġonevoli.

70

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tipprevedi żewġ standards ta’ evalwazzjoni tal-biża’ ġġustifikat ta’ persekuzzjoni. Minn naħa, dan il-biża’ jista’ jiġi evalwat permezz ta’ kalkolu matematiku ta’ probabbiltajiet. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi biża’ jista’ jiġi ddefinit bħala “probabbiltà raġonevoli” jew “riskju raġonevoli ta’ persekuzzjoni”. F’din l-ipoteżi, dik il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-kriterju rilevanti huwiex li jiġi ddeterminat jekk, mill-perspettiva ta’ persuna avżata u raġonevoli mqiegħda fis-sitwazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini jidhirx irraġonevoli wara evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha magħrufa.

71

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, li jirriproduċi l-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, “refuġjat” tfisser, b’mod partikolari, kull ċittadin ta’ pajjiż terz li, minħabba biża’ ġġustifikat ta’ persekuzzjoni minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari, ikun jinstab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u li ma jkunx jista’ jew, minħabba dan il-biża’, ma jkunx jixtieq, jinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż.

72

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jibżax b’mod iġġustifikat li jiġi ppersegwitat, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li tali evalwazzjoni għandha ssir b’viġilanza u prudenza, peress li huma involuti kwistjonijiet ta’ integrità tal-persuna umana u ta’ libertajiet individwali, kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-valuri fundamentali tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punti 88 sa 90).

73

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fis-sistema tad-Direttiva 2011/95, l-evalwazzjoni tan-natura fondata tal-biża’ ta’ applikant li jiġi ppersegwitat għandha, konformement mal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, tkun ta’ natura individwali u ssir każ b’każ. Meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jwettqu tali evalwazzjoni, huma għandhom jiddeterminaw jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux theddida tali li l-persuna kkonċernata tista’ b’mod iġġustifikat tibża’, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament suġġetta għal atti ta’ persekuzzjoni. Din id-determinazzjoni għandha tkun ibbażata biss fuq evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, konformement mar-regoli stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 4(3) sa (5) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Opinjonijiet politiċi fl-Istat Membru ospitanti) (C‑151/22, EU:C:2023:688, punt 42).

74

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 jelenka, fil-punti (a) sa (e) tiegħu, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-għan, li jinkludu, b’mod partikolari, il-fatti rilevanti kollha li jirrigwardaw il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant fil-mument li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu, l-informazzjoni u d-dokumenti li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-applikant kienx jew jistax ikun suġġett għal persekuzzjonijiet, kif ukoll l-istatus individwali tiegħu u s-sitwazzjoni personali tiegħu. L-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-fatt li applikant diġà jkun ġie ppersegwitat jew diġà kien suġġett għal theddid dirett ta’ tali persekuzzjoni, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ fondat tal-applikant li jiġi ppersegwitat, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet tajba sabiex ikun jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni ma tkunx ser isseħħ.

75

Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu eżami eżawrjenti u fil-fond taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, relatati mas-sitwazzjoni personali speċifika ta’ dan l-applikant u tal-kuntest iktar ġenerali tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, b’mod partikolari fl-aspetti politiċi, ġuridiċi, ġudizzjarji, storiċi u soċjokulturali tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi applikant għandux biża’ ġġustifikat li jiġi ppersegwitat personalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Opinjonijiet politiċi fl-Istat Membru ospitanti) (C‑151/22, EU:C:2023:688, punt 45).

76

Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jibżax b’mod iġġustifikat li jiġi ppersegwitat, għandha ssir, b’viġilanza u prudenza, evalwazzjoni individwali, konkreta u oġġettiva tas-sitwazzjoni personali ta’ dan l-applikant, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi relatati mal-applikazzjoni tiegħu u mas-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

77

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 ma għandhiex issir biss fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop ta’ din id-direttiva, iżda għandha ssir wkoll b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève, liema konvenzjoni, hekk kif proprju tiddikjara l-premessa 4 ta’ din id-direttiva, tikkostitwixxi l-“pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati” (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl et (Nisa Afgani),C‑608/22 u C‑609/22, EU:C:2024:828, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78

F’dan il-kuntest, fid-dawl tar-rwol mogħti lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) mill-Konvenzjoni ta’ Genève, id-dokumenti maħruġa minnu jgawdu minn rilevanza partikolari (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

L-espressjoni “biża’ ġġustifikat ta’ persekuzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li tinsab fl-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève hija interpretata fil-punti 37 sa 50 tad-Dokument HCR/1P/4/FRE/REV.4 tal-UNHCR, ta’ Frar 2019, bit-titolu “Gwida għall-proċeduri u kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ refuġjat u Linji gwida dwar il-protezzjoni internazzjonali fir-rigward tal-Konvenzjoni tal‑1951 u tal-Protokoll tal‑1967 dwar l-istatus tar-refuġjati”.

80

Skont dan id-dokument, il-“biża’ ġġustifikat ta’ persekuzzjoni” għandu dimensjoni suġġettiva u dimensjoni oġġettiva. Fid-dawl tan-natura suġġettiva tal-biża’, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali tikkonsisti iktar f’evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tiegħu milli f’sentenza dwar is-sitwazzjoni eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Madankollu, sa fejn dan l-element suġġettiv huwa ppreċiżat bil-kelma “ġġustifikat”, il-kwalità ta’ refuġjat ma għandhiex tiġi ddeterminata biss mill-istat mentali ta’ dan l-applikant, iżda għandha tkun ibbażata fuq sitwazzjoni oġġettiva u fuq evalwazzjoni individwali. Għalhekk, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ biża’ raġonevoli, iż-żewġ elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

81

Minn naħa, minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-“biża’ ġġustifikat ta’ persekuzzjoni” ma tistax titwettaq biss mill-perspettiva suġġettiva tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, iżda għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni oġġettiva tas-sitwazzjoni.

82

Min-naħa l-oħra, l-istandard meħtieġ huwa dak tal-biża’ raġonevoli jew tal-biża’ li jista’ jiġi stabbilit b’mod raġonevoli.

83

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-linji gwida rilevanti stabbiliti mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO), li fl‑2022 ġie ssostitwit mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), waqt l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

84

Issa, l-ewwel nett, l-EUAA tindika fil-paġni 20 u 21 tal-gwida prattika tagħha, bit-titolu “Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali”, li, sabiex jitqies li huwa fondat, il-biża’ suġġettiv ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkun ssostanzjata b’mod oġġettiv. Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant, jeħtieġ li s-sitwazzjoni individwali tiegħu tiġi eżaminata fid-dawl tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

85

It-tieni nett, fil-paġni 118 u 119 tal-“Gwida prattika [tagħha] dwar l-evalwazzjoni tal-provi u tar-riskji”, l-EUAA tippreċiża li biża’ ta’ persekuzzjoni jitqies li huwa fondat meta l-probabbiltà li r-riskju ta’ persekuzzjoni jseħħ jilħaq ċertu livell. Issa, skont din il-gwida prattika, għandu jkun meħtieġ livell raġonevoli ta’ probabbiltà b’mod li, anki jekk sempliċi possibbiltà ta’ persekuzzjoni ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita n-natura fondata tal-biża’ invokat, madankollu ma għandux ikun meħtieġ li dan ir-riskju jkun ċert.

86

Minn naħa, minn dawn it-tliet sensiliet ta’ kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ biża’ fondat ta’ persekuzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma jistgħux ipoġġu lilhom infushom biss fil-perspettiva suġġettiva tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, iżda għandhom iwettqu evalwazzjoni individwali, konkreta u oġġettiva tas-sitwazzjoni personali ta’ dan l-applikant, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi relatati mal-applikazzjoni tiegħu u mas-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

87

Min-naħa l-oħra, minn dan jirriżulta li l-biża’ ta’ persekuzzjoni għandu jitqies li jkun stabbilit meta tkun teżisti probabbiltà raġonevoli li r-riskju ta’ persekuzzjoni invokat mill-applikant iseħħ fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat” tirreferi għas-sitwazzjoni li fiha teżisti probabbiltà raġonevoli li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi ppersegwitat mar-ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini u li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali biża’, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu evalwazzjoni individwali, konkreta u oġġettiva tas-sitwazzjoni personali ta’ dan l-applikant, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi relatati mal-applikazzjoni tiegħu u mas-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

89

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

minn naħa, huwa jagħti lil qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali l-kompetenza tiddeċiedi b’mod vinkolanti dwar il-kredibbiltà tan-narrazzjoni mogħtija insostenn ta’ din l-applikazzjoni, dwar il-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-applikant jew tar-riskju reali għal dan tal-aħħar li jġarrab danni gravi fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu kif ukoll dwar il-fondatezza tal-imsemmija applikazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni elementi ppreżentati matul il-proċedura ta’ tressiq ta’ kawża, u li, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw din il-kompetenza.

 

2)

L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-espressjoni “biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat” tirreferi għas-sitwazzjoni li fiha teżisti probabbiltà raġonevoli li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi ppersegwitat mar-ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini u li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali biża’, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu evalwazzjoni individwali, konkreta u oġġettiva tas-sitwazzjoni personali ta’ dan l-applikant, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi relatati mal-applikazzjoni tiegħu u mas-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.