European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2589

19.12.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2589

tat-18 ta’ Diċembru 2025

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ klorur tal-kolina li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fil-31 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ klorur tal-kolina li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika tal-Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment imressaq fis-17 ta’ Settembru 2024 minn Balchem Italia Srl (“Balchem”) u minn Taminco BV (“Taminco”) (“l-ilmentaturi”). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni tal-klorur tal-kolina fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal reġistrazzjoni bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/92 (3) (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”).

1.3.   Miżuri proviżorji

(4)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fit-2 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u b’dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-akkuratezza tal-kalkoli fi żmien 3 ijiem tax-xogħol.

(5)

Għalkemm l-istedina għall-kummenti kienet limitata għall-akkuratezza tal-kalkoli (4), tliet produtturi esportaturi, Jinan Pharmaceuticals (“Jinan”), Shandong Aocter Feed Additives Co. Ltd. (“Aocter”), Shandong FY Feed Technology Co., Ltd. (“FY Feed”) u l-kumpanija relatata tagħha, Shandong Yinfeng Biological Technology Co., Ltd (“YB”), u importatur wieħed mhux relatat, Kirsch Pharma GmbH (“Kirsch”), ippreżentaw għadd ta’ kummenti dwar il-materja. Dawn il-kummenti sussegwentement ġew ripetuti wara d-divulgazzjoni proviżorja u huma indirizzati fit-Taqsimiet 1.4 u 2.2 hawn taħt.

(6)

Fit-30 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq importazzjonijiet ta’ klorur tal-kolina li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1288 (5) (“ir-Regolament proviżorju”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(7)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (“id-divulgazzjoni proviżorja”), importatur mhux relatat wieħed, Kirsch, u tliet produtturi esportaturi, Jinan, FY Feed u Aocter u l-Kamra tal-Importazzjoni/Esportazzjoni tal-Oġġetti tal-Ikel, Prodotti Nattivi u Prodotti Sekondarji mill-Annimali taċ-Ċina (“CFNA”, China Chamber of Import/Export of Foodstuffs, Native Produce and Animal By-products) (6) ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub li juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji sal-iskadenza pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju.

(8)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ mal-importaturi mhux relatati Van Eeghen NV (minn hawn ’il quddiem “Van Eeghen”) u Kirsch.

(9)

Fil-kummenti tagħha dwar il-miżuri proviżorji, is-CFNA sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tiddivulga b’mod adegwat id-determinazzjoni tagħha tal-ambitu tal-industrija tal-Unjoni, ma ddivulgat l-ebda data ewlenija dwar il-kapaċità tal-produzzjoni, l-output, il-bejgħ, l-esportazzjonijiet u l-konsum tal-industrija tal-Unjoni ta’ forom differenti ta’ klorur tal-kolina, u ma ddivulgatx il-metodoloġija speċifika użata biex jiġi kkalkolat il-marġni tad-dumping (filwaqt li ddivulgat biss il-marġni tal-profitt u l-kostijiet ambjentali u lavorattivi). Hija sabet u kkritikat li l-informazzjoni ddivulgata kienet limitata għall-konklużjonijiet finali mingħajr ma żvelat ir-raġunament sottostanti jew il-proċess ta’ kalkolu u qieset li dan jikkostitwixxi difetti proċedurali ta’ divulgazzjoni insuffiċjenti, li jagħmel il-proċedura ta’ rieżami sostanzjalment insinifikanti, jeskludi l-partijiet interessati mill-aċċess għall-informazzjoni, jipprevenihom milli jeżaminaw u jivverifikaw id-determinazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, u milli jqajmu sfidi sostanzjali jew jippreżentaw kontroevidenza, li għamlu dannu serju lill-kapaċità tal-partijiet interessati inkluża s-CFNA li jeżerċitaw b’mod raġonevoli d-drittijiet tad-difiża, u dgħajfu l-ġustizzja proċedurali. Wara d-divulgazzjoni finali, xi wħud minn dawn il-kummenti ġew ripetuti.

(10)

Il-Kummissjoni ma qablitx. Hija ċċarat li l-kalkoli tad-dumping u tad-dannu huma speċifiċi għall-kumpanija u fihom dettalji kunfidenzjali, u għalhekk, id-dettalji kunfidenzjali huma ddivulgati biss lill-partijiet ikkonċernati. Il-metodoloġiji li fuqhom huma bbażati dawn il-kalkoli u l-livelli tad-dazju li jirriżultaw huma, madankollu, spjegati bis-sħiħ fit-Taqsimiet 3.5 u 6.1 tar-Regolament proviżorju, għall-marġnijiet tad-dumping u tad-dannu rispettivament. Il-Kummissjoni kienet spjegat ukoll, fir-Regolament proviżorju, id-determinazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(11)

Il-Kummissjoni pprovdiet u vvalutat ukoll id-data ewlenija tal-industrija tal-Unjoni li s-CFNA sostniet li hija nieqsa u spjegat is-sorsi ta’ din id-data.

(12)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta kien xieraq.

(13)

Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha li timponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ klorur tal-kolina li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità.

(14)

Wara d-divulgazzjoni finali, Aocter, is-CFNA, FY Feed, Kirsch u YB ippreżentaw xi kummenti. Saret seduta ta’ smigħ ma’ Kirsch.

1.5.   Dikjarazzjonijiet dwar il-bidu

(15)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar il-bidu, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (6) sa (12) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

1.6.   Kampjunar

(16)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar il-kampjunar, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (13) sa (17) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika

(17)

Il-Kummissjoni kkoreġiet żball klerikali fil-premessa (20) tar-Regolament proviżorju. Waslu tweġiet għall-kwestjonarju mhux biss mingħand importatur mhux relatat u utent wieħed, iżda wkoll mingħand żewġ importaturi tal-prodott taħt investigazzjoni (Kirsch u Van Eeghen).

(18)

B’din il-bidla u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-premessi minn (18) sa (21) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

1.8.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(19)

Huwa mfakkar li l-perjodu ta’ investigazzjoni jibda mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Settembru 2024 u l-perjodu kkunsidrat mill-1 ta’ Jannar 2021 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-premessa (22) tar-Regolament proviżorju ġiet ikkonfermata.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt investigazzjoni, prodott ikkonċernat u prodott simili

(20)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-premessi minn (23) sa (30) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

2.2.   Dikjarazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott

(21)

Wara d-divulgazzjoni minn qabel u l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, il-kummenti dwar l-ambitu tal-prodott ġew sottomessi bil-miktub u/jew ġew ippreżentati f’seduta ta’ smigħ mill-produttur esportatur Jinan, mill-importaturi mhux relatati Kirsch u Van Eeghen, mis-CFNA, mill-ilmentaturi u minn Algry Química.

2.2.1.   Dikjarazzjonijiet li jeskludu l-klorur tal-kolina ddestinat għall-applikazzjonijiet tal-ikel

2.2.1.1.   Dikjarazzjonijiet u fehmiet tal-partijiet interessati dwar dawn id-dikjarazzjonijiet

(22)

Jinan, Kirsch u Van Eeghen tennew id-dikjarazzjoni li diġà għamlu fl-istadju proviżorju li l-klorur tal-kolina għall-użu alimentari kif ukoll dak użat għall-għalf jenħtieġ li jitqiesu bħala prodotti distinti fid-dawl tad-differenzi eżistenti f’termini tal-proċess tal-produzzjoni, tal-purità u tal-imġiba differenti tas-suq, inklużi l-prezzijiet. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, huma saħqu li l-klorur tal-kolina għall-użu alimentari jenħtieġ li jiġi eskluż mill-miżuri. L-ilmentaturi u Algry Química appoġġaw id-deċiżjoni proviżorja tal-Kummissjoni li ma teskludix il-klorur tal-kolina għall-użu alimentari mill-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni.

(23)

Fir-rigward tal-proċess tal-produzzjoni, fil-premessa (34) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni sabet li l-klorur tal-kolina għall-konsum mill-bniedem u l-klorur tal-kolina għall-applikazzjonijiet tal-għalf huma mmanifatturati bl-istess mod, iżda li l-klorur tal-kolina mibjugħ lill-industrija tal-ikel għandu standards ta’ ttestjar ogħla u jeħtieġ ċertifikati tat-testijiet. Fil-kummenti tagħha għall-miżuri proviżorji, Van Eeghen issottolinjat li l-proċess tal-produzzjoni tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari huwa aktar strutturat u jimplika investimenti u kostijiet tal-produzzjoni ogħla, huwa soġġett għal kontroll tal-kwalità aktar strett u l-imballaġġ tiegħu għandu karatteristiċi tekniċi li ma humiex preżenti fil-klorur tal-kolina użat għall-għalf. Kirsch iddikjarat ukoll li l-kostijiet tal-produzzjoni tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari huma intrinsikament ogħla minn dawk tal-klorur tal-kolina użat għall-għalf.

(24)

L-ilmentaturi sostnew li l-klorur tal-kolina, fi kwalunkwe forma, purità u konċentrazzjoni, huwa derivat mill-istess materja prima u jinkiseb bl-istess proċess kimiku, u eventwalment jirriżulta fl-istess output kimiku. Għalhekk, huma qiesu li l-klorur tal-kolina għall-applikazzjonijiet tal-għalf u l-klorur tal-kolina għall-applikazzjonijiet alimentari jirrappreżentaw żewġ tipi tal-istess prodott. Algry Química, l-uniku produttur tal-Unjoni li serva ż-żewġ swieq fil-perjodu kkunsidrat, iddikjarat li tipproduċi klorur tal-kolina likwidu għall-applikazzjonijiet tal-għalf u alimentari, it-tnejn li huma derivati bl-istess proċess tal-produzzjoni. Madankollu, hija nnotat li l-klorur tal-kolina għall-użu alimentari jirċievi pproċessar ulterjuri għaċ-ċentrifugazzjoni u għall-kristallizzazzjoni, li jinvolvi kostijiet tal-produzzjoni addizzjonali.

(25)

Fir-rigward tal-purità, Jinan, Van Eeghen u Kirsch iddikjaraw li l-klorur tal-kolina għall-użu alimentari huwa sustanza pura fil-forma ta’ kristalli jew trab kristallin, b’livell ta’ purità ogħla minn 98 %, filwaqt li l-klorur tal-kolina użat għall-għalf għandu livell aktar baxx ta’ purità, normalment anqas minn 90 %. Din id-dikjarazzjoni ġiet ikkontestata mill-ilmentaturi (7), li sostnew li l-kriterji ta’ purità għall-klorur tal-kolina għall-użu alimentari huma essenzjalment l-istess bħal dawk stabbiliti għall-klorur tal-kolina għall-applikazzjonijiet tal-għalf. Dik il-konklużjoni kienet ibbażata fuq tqabbil tar-rekwiżiti ta’ purità għall-klorur tal-kolina użat għall-għalf kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 795/2013 (8) dwar l-awtorizzazzjoni tal-klorur tal-kolina bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali, minn naħa waħda, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħrajn mal-ikel, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel u l-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż.

(26)

Van Eeghen u Kirsch iddikjaraw ukoll, b’referenza għall-Codex tal-Kimiki tal-Ikel (FCC, Food Chemical Codex) (12), li l-klorur tal-kolina għall-użu alimentari għandu standards ogħla f’termini ta’ ttestjar u kontrolli tal-kwalità biex jiġi ċċertifikat il-livell ta’ purità meħtieġ mir-regolamenti applikabbli għall-konsum mill-bniedem. L-ilmentaturi kkontestaw li l-istandards differenti tal-ittestjar għall-klorur tal-kolina għall-użu alimentari jirriżultaw f’kostijiet ogħla b’mod sinifikanti.

(27)

Fid-dawl tad-differenzi fil-livell ta’ purità, fil-proċess tal-produzzjoni u fl-utenti finali differenti, Jinan, Van Eeghen u Kirsch iddikjaraw li l-livell tal-prezz u l-imġiba tas-suq tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari huma sostanzjalment differenti minn dawk tal-klorur tal-kolina użat għall-għalf. Fis-sottomissjonijiet tagħhom, Jinan u Kirsch iddikjaraw li l-prezz tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari huwa minn 5 sa 8 darbiet ogħla minn ta’ dak użat għall-għalf. Id-differenza fl-ipprezzar tkun dovuta għal rekwiżiti ogħla fil-livell ta’ purità u fażijiet addizzjonali fil-proċess tal-produzzjoni.

(28)

L-ilmentaturi sostnew li l-użu tal-klorur tal-kolina (użat għall-għalf jew għall-użu alimentari) ma huwiex fattur ewlieni tal-ispejjeż, peress li l-istess materja prima u proċess kimiku jintużaw biex jinkisbu ż-żewġ tipi ta’ klorur tal-kolina. Skont l-ilmentaturi, il-fatturi tal-kost primarju li għandhom impatt fuq il-prezz unitarju huma l-forma (eż. trab kristallin, klorur tal-kolina fuq trasportatur) u l-volum.

(29)

Algry Química sostniet li l-prezz tal-bejgħ tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari huwa tabilħaqq ogħla mill-klorur tal-kolina użat għall-għalf, u dan jirrifletti l-kostijiet tal-ipproċessar addizzjonali u l-imġiba speċifika tas-suq tal-klijenti tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari. Madankollu, Algry Química la kkwantifikat il-kostijiet addizzjonali, u lanqas id-differenza fil-prezz bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti differenti.

(30)

Kirsch sostniet ukoll li ma hemmx biżżejjed kapaċità ta’ produzzjoni tal-UE għall-klorur tal-kolina għall-użu alimentari biex tiġi ssodisfata d-domanda tas-suq tal-Unjoni. Madankollu, din id-dikjarazzjoni ma kinitx issostanzjata b’evidenza. Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, l-ilmentaturi informaw lill-Kummissjoni li jistgħu jipproduċu klorur tal-kolina għas-suq tal-ikel b’investimenti addizzjonali baxxi ħafna u fi żmien qasir. L-ilmentaturi sostnew li huma jkunu lesti li jagħmlu dan jekk ikun hemm domanda u l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu ġusti. Barra minn hekk, Algry Química sostniet li hija żżid l-output tagħha, jekk il-kundizzjonijiet tas-suq ikunu ġusti, f’każ ta’ domanda.

(31)

Van Eeghen iddikjarat ukoll li l-investigazzjoni jenħtieġ li ssegwi l-approċċ adottat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2012/343 (13) dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja mir-RPĊ, fejn il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-użu alimentari u l-użu għall-għalf, u l-ambitu tal-prodott tnaqqas wara talba mill-ilmentatur. Van Eeghen għamlet referenza wkoll għall-ġurisprudenza stabbilita, billi elaborat dwar is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2017, Yingli Energy, il-Kawża T-160/14, ECLI:EU:T:2017:125, il-punt 111 (14), is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal ZAO, il-Kawża T-512/09 RENV, ECLI:EU:T:2017:26, il-punt 151 (15) u s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ġunju 2023, Guangdong Haomei New Materials u Guangdong King Metal Light Alloy Technology, il-Kawża T-326/21, ECLI:EU:T:2023:347, il-punt 66 (16).

(32)

Fil-premessa (35) tar-Regolament proviżorju saret referenza għal sottomissjoni ta’ Algry Química li indikat ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri fuq il-klorur tal-kolina użat għall-għalf jekk il-klorur tal-kolina għall-użu alimentari jiġi eskluż mill-miżuri. Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, Van Eeghen ikkunsidrat li r-riskju ta’ ċirkomvenzjoni huwa negliġibbli, peress li kkunsidrat li d-differenzi fil-forma, fl-ipprezzar u fl-imballaġġ bejn iż-żewġ tipi ta’ applikazzjonijiet jippermettu li l-kontrolli doganali jiddistingwu faċilment bejn iż-żewġ tipi tal-prodott ikkonċernat. Kirsch sostniet li d-devjazzjoni tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari lejn klorur tal-kolina użat għall-għalf ma tkunx ekonomikament konvenjenti u prattikament vijabbli minħabba r-rekwiżiti regolatorji applikabbli għat-tipi ta’ prodotti għall-użu alimentari. Wara d-divulgazzjoni finali, Kirsch sostniet li r-riskju ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri f’każ ta’ esklużjoni tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari huwa negliġibbli peress li ċ-ċirkomvenzjoni tista’ tiġi pprevenuta faċilment.

(33)

L-ilmentaturi ma qablux u kkunsidraw ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni reali u preżenti. Dan ikun essenzjalment minħabba (i) purità simili ħafna bejn iż-żewġ prodotti; (ii) il-fatt li l-produtturi kollha attivi fis-suq tal-Unjoni jistgħu jipproduċuh; u (iii) il-fatt li l-klorur tal-kolina likwidu jista’ jiġi importat fl-Unjoni f’forma likwida allegatament għall-kristallizzazzjoni, jiġifieri għas-suq tal-ikel u b’hekk mingħajr dazju, iżda ladarba jiġi żdoganat mid-dwana, dan jista’ jinbiegħ lis-suq tal-għalf.

2.2.1.2.   Analiżi tal-kummenti mill-Kummissjoni

(34)

Bħala kumment preliminari, il-Kummissjoni fakkret li regola importanti għad-determinazzjoni ta’ jekk it-tipi ta’ prodotti jikkostitwux prodott uniku hija li jkollhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u/jew kimiċi bażiċi. Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ proċessi tal-produzzjoni differenti, jekk ikun hemm, ma hijiex rilevanti minnha nnifisha biex jiġi ddeterminat jekk tip ta’ prodott huwiex prodott distint, dment li t-tipi ta’ prodotti miksuba minn dawn il-proċessi jkunu simili f’termini tal-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi. Bl-istess mod, użu finali differenti jista’ ma jkunx fattur deċiżiv jekk il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi jkunu l-istess u d-differenzi fil-kostijiet u fil-prezzijiet ma jiġġustifikawx minnhom infushom il-konklużjoni li ċertu grupp ta’ prodotti jenħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala prodott differenti, sakemm dan it-tip jikkondividi l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi bħall-prodott ikkonċernat.

(35)

Essenzjalment, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ż-żewġ naħat jaqblu li l-ewwel fażi tal-proċess tal-produzzjoni hija simili jew identika kemm għall-klorur tal-kolina għall-użu alimentari kif ukoll għall-klorur tal-kolina użat għall-għalf, bil-produzzjoni sussegwenti tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari li tinvolvi rekwiżiti aktar stretti mill-klorur tal-kolina użat għall-għalf f’termini ta’ ttestjar u kontrolli tal-kwalità. Bl-istess mod, il-proċessi taċ-ċentrifugazzjoni u tal-kristallizzazzjoni jirrappreżentaw pass ulterjuri tal-ipproċessar minn likwidu għal solidu wara l-proċess ta’ purifikazzjoni tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari. Minkejja li l-klorur tal-kolina għall-użu alimentari jista’ jgħaddi minn purifikazzjoni speċifika u minn proċess ta’ tnixxif sussegwenti, il-livell ta’ purità ma jikkostitwix marka distintiva bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti (17). Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċess tal-produzzjoni għaż-żewġ tipi ta’ prodotti ma huwiex fundamentalment differenti.

(36)

Il-Kummissjoni nnotat li l-klorur tal-kolina għall-użu alimentari u dak użat għall-għalf għandhom prezzijiet tal-bejgħ differenti li huma ddefiniti minn gruppi ta’ klijenti differenti u, wkoll, passi ta’ produzzjoni, ittestjar u ċertifikazzjoni addizzjonali għat-tipi ta’ prodotti għall-użu alimentari. Madankollu, dawn il-passi addizzjonali jidhru li huma limitati u l-ebda parti interessata ma ppreżentat ċifri verifikabbli li juru d-differenza fil-kostijiet tal-produzzjoni. Fi kwalunkwe każ, kif spjegat fil-premessa (34) hawn fuq, anke prezz tal-bejgħ differenti ħafna ma jikkostitwix element li jiġġustifika l-esklużjoni ta’ tip ta’ prodott mill-ambitu tal-prodott.

(37)

Il-Kummissjoni fakkret li s-suq għall-użu alimentari huwa relattivament żgħir u huwa stmat li jammonta għal mhux aktar minn 5 % tas-suq tal-Unjoni. Għalhekk, u fid-dawl tal-fatt li t-tliet produtturi tal-Unjoni kollha indikaw li għandhom il-kapaċità u r-rieda li jaqdu s-suq tal-ikel ladarba jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sigurtà tal-provvista għall-klorur tal-kolina għall-użu alimentari ma hijiex f’riskju.

(38)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li r-riskju ta’ ċirkomvenzjoni jista’ jseħħ b’modi differenti, filwaqt li nnotat li l-forma, il-prezz u l-imballaġġ jistgħu jiġu adattati għal dak il-għan jekk il-klorur tal-kolina għall-użu alimentari jiġi eskluż mill-ambitu tal-prodott.

(39)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ Van Eeghen miġbura fil-qosor fil-premessa (31) hawn fuq, il-Kummissjoni nnotat li fid-Deċiżjoni (UE) 2012/343 it-talba tal-ilmentatur biex jiġu esklużi konċentrati sempliċi tal-proteina tas-sojja ta’ tip użat fl-għalf tal-annimali mill-ambitu tal-prodott kienet ġiet aċċettata fid-dawl ta’ data inkonsistenti dwar l-industrija tal-UE, filwaqt li tqiesu d-differenzi relatati mas-suq, id-differenzi tekniċi, u dawk kimiċi ċari bejn iż-żewġ tipi ta’ proteini tas-sojja. Il-Kummissjoni kkunsidrat l-inkonsistenza tad-data bħala fattur rilevanti li jixpruna t-tnaqqis tal-ambitu tal-prodott fid-Deċiżjoni (UE) 2012/343. F’dak il-każ, wara l-limitazzjoni tal-ambitu tal-prodott, l-unika kumpanija li tipproduċi t-tip ta’ prodott eskluż mill-ambitu tal-prodott tqieset li ma għadhiex parti mill-industrija tal-Unjoni peress li pproduċiet biss it-tip ta’ prodott eskluż. Il-Kummissjoni kkunsidrat li ċ-ċirkostanzi li jwasslu għal-limitazzjoni tal-ambitu tal-prodott u r-reviżjoni tal-industrija tal-Unjoni f’dak il-każ tal-proteina tas-sojja ma japplikawx f’dan il-proċediment, peress li Algry Química, produttur tal-Unjoni tal-klorur tal-kolina, tipproduċi kemm klorur tal-kolina għall-użu alimentari kif ukoll dak użat għall-għalf u l-ilmentaturi indikaw li jistgħu jipproduċuh, u se jagħmlu dan, ladarba jsir ekonomikament vijabbli. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ta’ Van Eeghen li t-talba kurrenti għall-esklużjoni tal-prodott jenħtieġ li tiġi aċċettata fid-dawl tal-kors ta’ azzjoni tal-Kummissjoni kif miġbura fil-qosor fid-Deċiżjoni (UE) 2012/343 hija miċħuda.

2.2.1.3.   Konklużjoni

(40)

Kif spjegat fil-premessa (26) tar-Regolament proviżorju, il-klorur tal-kolina jiġi prodott fi tliet proċessi ta’ reazzjoni sussegwenti. L-ewwel, il-metanol u l-ammonijaka jirreaġixxu biex jifformaw it-trimetilamina (“TMA”, Trimethylamine). Imbagħad, it-TMA tirreaġixxi mal-aċidu idrokloriku (“HCl”, Hydrochloric Acid) biex tifforma idroklorur tat-trimetilamina. It-tielet, l-idroklorur tat-trimetilamina jirreaġixxi mal-ossidu tal-etilen biex jifforma klorur tal-kolina likwidu. Mill-aspett kimiku dan huwa l-uniku mod biex jiġi prodott il-klorur tal-kolina u jistabbilixxi l-karatteristiċi kimiċi bażiċi, irrispettivament mill-grad, mill-forma jew mill-użu. L-istess materja prima u l-istess kimika ta’ reazzjoni jintużaw għall-produzzjoni tal-klorur tal-kolina - kemm jekk fil-forma finali tiegħu jkun għall-għalf kif ukoll għall-użu mill-bniedem. Ladarba l-klorur tal-kolina likwidu jsir hekk, dan jista’ jintuża kemm għall-applikazzjoni tal-għalf kif ukoll għall-applikazzjoni alimentari.

(41)

Il-Kummissjoni analizzat l-argumenti ppreżentati b’appoġġ għad-dikjarazzjoni biex il-klorur tal-kolina għall-użu alimentari jiġi eskluż mill-ambitu tal-prodott fil-premessi minn (34) sa (37) hawn fuq. Hija kkonfermat l-omoġeneità tal-ambitu tal-prodott f’din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-restrizzjoni tal-miżuri għall-klorur tal-kolina użat għall-għalf kellha biss il-potenzjal li ddgħajjef l-effettività tal-miżuri għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni billi toħloq riskju ta’ ċirkomvenzjoni.

2.2.2.   Dikjarazzjonijiet oħrajn dwar l-ambitu tal-prodott

(42)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, is-CFNA ddikjarat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tillimita l-ambitu tal-prodott għal wieħed biss miż-żewġ tipi tal-prodott taħt investigazzjoni, jiġifieri l-klorur tal-kolina primarju jew ipproċessat, jew inkella li twettaq valutazzjonijiet indipendenti. Is-CFNA sostniet li l-klorur tal-kolina primarju (mhux imħallat ma’ trasportaturi) u l-klorur tal-kolina pproċessat għandhom dinamika differenti tas-suq, peress li l-klorur tal-kolina primarju joffri lis-suq tal-UE diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista u kompetittività tal-prezzijiet, filwaqt li l-klorur tal-kolina pproċessat jidħol f’kompetizzjoni diretta mal-produtturi tal-UE.

(43)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li l-prodott taħt investigazzjoni huwa l-klorur tal-kolina, fil-forom u fil-puritajiet kollha, kemm jekk fuq trasportatur kif ukoll jekk le, b’kontenut minimu ta’ klorur tal-kolina ta’ 30 % skont il-piż, minbarra t-tetra idrat tal-klorur tal-kolina tal-kalċju fosforil. Il-partijiet interessati ġew informati li l-kummenti dwar l-ambitu tal-prodott jenħtieġ li jiġu pprovduti lill-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika tal-Bidu. Is-CFNA ma kienet tat l-ebda kumment qabel is-sottomissjoni msemmija fil-premessa preċedenti. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tagħha ta’ dinamika differenti tas-suq ma kinitx issostanzjata. Għalhekk, id-dikjarazzjoni tas-CFNA hija miċħuda.

2.2.3.   Konklużjoni dwar l-ambitu tal-prodott

(44)

Abbażi ta’ dawn ta’ hawn fuq, il-premessi minn (31) sa (36) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.   DUMPING

(45)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun Aocter, FY Feed, YB u s-CFNA u l-importatur mhux relatat Van Eeghen ikkummentaw dwar is-sejbiet proviżorji tad-dumping.

(46)

Van Eeghen żiedet mat-talba tagħha għall-esklużjoni tal-prodott (ara t-taqsima 2.2.1 hawn fuq) li ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari.

(47)

Il-Kummissjoni nnotat li Van Eeghen naqset milli tissostanzja t-talba tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li meta t-talba għall-esklużjoni tal-prodott fir-rigward tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari tiġi miċħuda (il-premessa (41)), il-kwistjoni tal-kalkolu ta’ marġni tad-dumping separat għall-klorur tal-kolina għall-użu alimentari hija irrilevanti.

3.1.   Valur normali

(48)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi minn (45) sa (141) tar-Regolament proviżorju.

3.1.1.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(49)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CFNA kkummentat dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ.

(50)

Is-CFNA argumentat li l-hekk imsejħa distorsjonijiet tas-suq ma għandhomx bażi, u d-dokumenti msemmija fl-ilment ma jagħtux prova tal-eżistenza tal-hekk imsejħa distorsjonijiet li jaffettwaw l-industrija tal-klorur tal-kolina taċ-Ċina. Hija tenniet li (i) l-industrija tal-klorur tal-kolina taċ-Ċina hija prinċipalment proprjetà privata; (ii) il-gvern ma jipparteċipax fl-industrija tal-klorur tal-kolina jew jappoġġaha; u (iii) anke jekk jeżistu ishma tal-Istat, dawn huma limitati għal drittijiet ta’ investiment (bħad-drittijiet ta’ dividendi) u ma jinvolvux operazzjonijiet ta’ intrapriża.

(51)

Fir-rigward ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni tfakkar li fil-premessi minn (54) sa (77) tar-Regolament proviżorju hija eżaminat għaliha nnifisha jekk is-settur tal-klorur tal-kolina fir-RPĊ huwiex soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b) tar-Regolament bażiku. Dik l-analiżi kopriet l-eżami tal-interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija taċ-Ċina b’mod ġenerali, iżda wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-suq fis-settur rilevanti, inkluż il-prodott ikkonċernat.

(52)

Tabilħaqq il-kwistjonijiet imsemmija fid-dikjarazzjonijiet (i) u (iii) tas-CFNA ġew eżaminati mill-Kummissjoni fil-premessi minn (55) sa (64) tar-Regolament proviżorju fejn ġie vvalutat jekk is-settur tal-klorur tal-kolina fir-RPĊ huwiex qiegħed jiġi servut b’mod sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni politika, jew il-gwida tal-awtoritajiet Ċiniżi, fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku. F’dawn il-premessi ġie stabbilit li mill-anqas produttur wieħed tal-klorur tal-kolina, jiġifieri Tianli Energy, kien ikkontrollat minn intrapriża tal-Istat (“SOE”, State-Owned Enterprise) u li Sinochem Group u Sinopec Group, it-tnejn SOEs ċentrali, jipproduċu l-ossidu tal-etilen neċessarju għall-produzzjoni tal-klorur tal-kolina. Barra minn hekk, produttur ieħor Shandong Hualu Huasheng Chemical Co., Ltd, li 32,08 % tal-ishma tiegħu huma proprjetà tal-Istat huwa l-akbar produttur domestiku Ċiniż tat-trimetilamina, input ieħor għall-produzzjoni tal-klorur tal-kolina.

(53)

Fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fid-dikjarazzjoni (ii) tas-CFNA, dawn ġew eżaminati mill-Kummissjoni fil-premessi minn (65) sa (77) tar-Regolament proviżorju fil-kuntest tal-Artikolu 2(6a)(b), it-tieni u t-tielet inċiż tar-Regolament bażiku, fejn ġie konkluż li l-Gvern taċ-Ċina (“GTĊ”) għandu miżuri stabbiliti biex iħeġġeġ lill-operaturi jikkonformaw mal-objettivi tal-politika pubblika ta’ appoġġ għall-industriji mħeġġa. Miżuri bħal dawn jaffettwaw l-industrija tas-sustanzi kimiċi fiċ-Ċina, li min-naħa tagħha tinkludi u taffettwa l-industrija tal-klorur tal-kolina fiċ-Ċina. Tali miżuri jimpedixxu l-forzi tas-suq milli joperaw b’mod ħieles.

(54)

Abbażi ta’ dan li ntqal hawn fuq, id-dikjarazzjonijiet tas-CFNA ġew miċħuda. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-premessi minn (45) sa (103) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.1.2.   Pajjiż rappreżentattiv

(55)

Ma wasal l-ebda kumment dwar l-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (104) sa (114) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.1.3.   Fatturi ta’ produzzjoni

(56)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Aocter iddikjarat li għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, il-Kummissjoni kienet għaddet darbtejn ċerti elementi ta’ kostijiet. Id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda mill-Kummissjoni. Id-dettalji sottostanti ta’ dik id-dikjarazzjoni kienu sensittivi u għalhekk ġew indirizzati mill-Kummissjoni fi tweġiba sensittiva lil Aocter.

(57)

Wara d-divulgazzjoni finali, Aocter tenniet li l-Kummissjoni kienet xorta waħda għaddet darbtejn ċerti kostijiet tar-riċerka u l-iżvilupp, li kienu riflessi taħt l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura fil-kalkolu tad-dumping.

(58)

Il-Kummissjoni kkonfermat li l-kostijiet tar-riċerka u l-iżvilupp ma ġewx magħduda darbtejn meta nbena l-valur normali applikabbli għal Aocter, kif diġà ġie indikat fid-divulgazzjoni finali.

3.1.3.1.   Trab tal-qamħirrum

(59)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, FY Feed u YB iddikjaraw li d-data ddivulgata fil-livell tal-kodiċi tal-komodità bi 8 ċifri, ma kinitx bażi suffiċjenti biex jinkiseb valur referenzjarju rappreżentattiv għat-trab tal-qamħirrum. Barra minn hekk, skont FY Feed u YB, il-prezz tal-importazzjoni u l-prezz tal-esportazzjoni tal-qamħirrum għandhom mnejn ikunu distorti minħabba li l-industrija tal-qamħirrum tal-Brażil u tal-Messiku bbenefikat minn sussidji u appoġġ ieħor mill-gvern. B’konsegwenza ta’ dan, FY Feed u YB talbu li jiġi kkunsidrat l-użu tal-prezz tal-importazzjoni tat-trab tal-qamħirrum mill-Malażja bħala valur referenzjarju aktar xieraq, minħabba li l-volum tal-importazzjoni tal-Malażja kien l-ogħla fost l-erba’ pajjiżi rappreżentattivi proposti inizjalment, li kienu l-Messiku, it-Tajlandja, il-Brażil u l-Malażja.

(60)

Il-Kummissjoni kkunsidrat id-dikjarazzjonijiet magħmula minn FY Feed u YB bħala inkonsistenti. Il-volumi li fuqhom huma bbażati l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Brażil ta’ materjali inkluż it-trab tal-qamħirrum kienu ħafna akbar (aktar minn 487 000 tunnellata) mill-volumi tal-importazzjoni tal-Malażja minn sorsi mingħajr distorsjoni (taħt l-20 000 tunnellata), li FY Feed u YB ikkunsidraw bażi aktar xierqa għad-determinazzjoni ta’ parametru referenzjarju fir-rigward tat-trab tal-qamħirrum. Barra minn hekk, FY Feed u YB naqsu milli jipprovdu kwalunkwe analiżi li tissostanzja sa liema punt l-allegati sussidji setgħu affettwaw il-prezzijiet tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni Brażiljani tat-trab tal-qamħirrum. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet id-dikjarazzjonijiet u l-parametru referenzjarju ddikjarat fir-Regolament proviżorju ġie kkonfermat. Id-dikjarazzjoni dwar kwalunkwe sussidju għall-industrija tal-qamħirrum Messikana ġiet ikkunsidrata irrilevanti, peress li l-Kummissjoni ma pproponietx li tuża d-data Messikana.

3.1.3.2.   Klorur tal-kolina, 50 % likwidu

(61)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, FY Feed u YB iddikjaraw li l-prezz referenzjarju għall-klorur tal-kolina 50 % likwidu (“CC50”, Choline Chloride 50 % Liquid) la kien raġonevoli u lanqas rappreżentattiv. FY Feed u YB ma pprovdew l-ebda sommarju mhux kunfidenzjali ta’ dik id-dikjarazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li, kif indikat fit-tieni nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali, proporzjon sinifikanti tal-importazzjonijiet totali tas-CC50 fil-Brażil, fil-Malażja, fil-Messiku jew fit-Tajlandja oriġinaw miċ-Ċina. Għalhekk, il-prezzijiet tal-importazzjoni tas-CC50 f’dawn il-pajjiżi rispettivi jidhru li, minn naħa waħda, huma distorti mill-volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina, u min-naħa l-oħra, ma humiex affidabbli minħabba l-volumi insinifikanti minn pajjiżi terzi oħrajn. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni kkunsidrat li huwa aktar xieraq li jintuża l-akbar volum possibbli ta’ tranżazzjonijiet biex tiġi stabbilita bażi affidabbli u mingħajr distorsjoni għal parametru referenzjarju. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat l-użu tal-prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha lejn il-pajjiżi kollha (minbarra ċ-Ċina u l-pajjiżi elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18)) bħala parametru referenzjarju internazzjonali. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(62)

Wara d-divulgazzjoni finali, FY Feed u YB tennew id-dikjarazzjoni tagħhom, u qalu li l-prezz unitarju tas-CC50 propost mill-Kummissjoni kien għoli b’mod mhux raġonevoli. Dawn il-partijiet, irreferew għall-klassifikazzjoni doganali tal-klorur tal-kolina lest, li inkluda kemm il-klorur tal-kolina użat għall-għalf kif ukoll dak għall-użu alimentari, li l-prezzijiet tiegħu varjaw b’mod sinifikanti, u tal-klorur tal-kolina 50 % likwidu, li kien il-prodott intermedju użat biex jipproduċi l-klorur tal-kolina lest. Iż-żewġ prodotti ġew ikklassifikati taħt l-istess kodiċi SA 2923 10 . Din il-klassifikazzjoni sovrapposta għamlitha impossibbli li ssir distinzjoni bejn id-data rispettiva għaż-żewġ tipi ta’ prodotti msemmija hawn fuq, u b’hekk waslet għad-distorsjoni tad-data tal-importazzjoni speċifikament għas-CC50 u kkontribwiet għall-prezzijiet referenzjarji li kurrentement huma għoljin.

(63)

Il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (61) preċedenti u kkonfermat mill-ġdid li f’ċerti każijiet, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-parametri referenzjarji, huwa neċessarju li wieħed jibbaża fuq l-akbar volum possibbli ta’ tranżazzjonijiet biex tiġi stabbilita bażi affidabbli u mingħajr distorsjoni għal parametru referenzjarju. Għalhekk, id-dikjarazzjoni mġedda ġiet miċħuda.

(64)

Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni finali, FY Feed u YB ipproponew li l-kost u l-konsum tas-CC50 jenħtieġ li jiġu rrestawrati biex jirriflettu l-kostijiet tal-materja prima upstream u l-konsum abbażi tad-data vverifikata ta’ YB.

(65)

Il-Kummissjoni tinnota li meta jinbena valur normali bbażat fuq il-kost tal-produzzjoni li jirrifletti l-parametri referenzjarji f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, huwa neċessarju li jiġu riflessi l-fatturi tal-produzzjoni li jintużaw mill-produttur esportatur bħala tali. F’dan il-każ, l-entità legali li kienet il-produttur esportatur, kienet FY Feed, li fil-fatt użat is-CC50 għall-istadju tal-produzzjoni applikat. Għalhekk, kien impossibbli li jiġu riflessi l-kostijiet u l-fatturi tal-produzzjoni mġarrba mill-fornitur upstream YB, kif semmew il-partijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet din il-proposta.

3.1.3.3.   Fwar

(66)

Skont id-divulgazzjoni proviżorja, Aocter iddikjarat li l-karatteristiċi tal-fwar użat minn Aocter irriżultaw f’effiċjenza enerġetika aktar favorevoli minn dik espressa mill-parametru referenzjarju proviżorju.

(67)

Il-Kummissjoni aċċettat din id-dikjarazzjoni. Il-kalkolu tal-parametru referenzjarju sottostanti kien sensittiv fis-sens li kien relatat mas-sitwazzjoni speċifika ta’ Aocter. Il-parametru referenzjarju tal-fwar ikkalkolat b’dan il-mod, li kien applikat biss għal Aocter, kien jammonta għal [400 – 450] CNY/tunnellata.

3.1.3.4.   Manodopera

(68)

Skont id-divulgazzjoni proviżorja, FY Feed u YB opponew l-użu tal-kost lavorattiv tal-2022, li jammonta għal 97,98 CNY fis-siegħa. FY Feed u YB kisbu mill-bażi tad-data tal-ILO 24,18 CNY fis-siegħa għas-sena 2023, u 24,27 CNY fis-siegħa għas-sena 2024, li japplikaw għas-settur industrijali fil-Brażil. Għall-industrija tal-manifattura tal-Brażil, FY Feed u YB kisbu 24,30 CNY fis-siegħa u 24,28 CNY għas-snin 2023 u 2024 rispettivament.

(69)

Il-Kummissjoni qablet ma’ FY Feed u YB u użat il-kost lavorattiv medju sempliċi fis-siegħa kemm tas-settur industrijali kif ukoll tal-manifattura fis-snin 2023 u 2024 bħala valur referenzjarju aġġornat. Ir-riżultat kien ta’ 24,26 CNY fis-siegħa. Il-parametru referenzjarju kkoreġut ġie applikat għall-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun.

3.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(70)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Aocter ippreżentat dikjarazzjonijiet dwar il-kalkolu mill-Kummissjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Il-Kummissjoni aċċettat parzjalment dawn id-dikjarazzjonijiet. Id-dettalji sottostanti tad-dikjarazzjonijiet kienu sensittivi u għalhekk ġew indirizzati fi tweġiba sensittiva lil Aocter.

3.3.   Tqabbil

(71)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn (148) sa (151) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.4.   Marġnijiet tad-dumping

(72)

Kif deskritt fil-premessi (67), (69) u (70), wara dikjarazzjonijiet mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dumping.

(73)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, assigurazzjoni u nol (CIF, Cost, Insurance and Freight) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

Aocter

205,5

FY Feed

510,3

YB

510,3

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

364,8

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

510,3

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(74)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CFNA tenniet il-pożizzjoni tagħha ddikjarata fil-premessa (160) tar-Regolament proviżorju li dawk li jnixxfu l-prodott taħt investigazzjoni jenħtieġ li jitqiesu bħala produtturi, peress li qieset l-attività ta’ tnixxif bħala fażi ta’ produzzjoni sostanzjali. Madankollu, il-kummenti tagħha dwar dawk li jnixxfu li għandhom jitqiesu bħala parti mill-industrija tal-Unjoni ma wasslux għal elementi ulterjuri biex tiġi invalidata l-analiżi tal-Kummissjoni fil-premessi minn (161) sa (163) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li l-magni tat-tnixxif ma kinux inklużi fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, peress li l-magni tat-tnixxif ma kkooperawx fl-investigazzjoni, il-proċess tat-tnixxif ma jirriżulta fl-ebda bidla sinifikanti fil-kompożizzjoni kimika u, mit-tliet produtturi tal-UE, tnejn minnhom ġew integrati bis-sħiħ, inkluż il-proċess tat-tnixxif fl-attivitajiet tagħhom. Għalhekk, id-dikjarazzjoni sussidjarja tas-CFNA li l-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq valutazzjoni indipendenti dwar l-eżistenza ta’ dannu materjali fuq dawk li jnixxfu, separata mill-analiżi li saret għall-produtturi, saret irrelevanti.

(75)

Kirsch iddikjarat li ż-żewġ ilmentaturi huma attivi biss fis-segment tal-klorur tal-kolina użat għall-għalf, u s-sehem mis-suq tagħhom jirreferi biss għal dan is-segment, u jħalli s-segment għall-użu alimentari mhux kopert biżżejjed mill-investigazzjoni. Għalhekk, Kirsch talbet lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi separata għaż-żewġ gradi biex tistabbilixxi jekk is-segment għall-użu alimentari ġarrabx dannu. Wara d-divulgazzjoni finali, is-CFNA sostniet ukoll li jenħtieġ li ssir analiżi segmentata peress li l-prezzijiet u l-gruppi ta’ klijenti tal-klorur tal-kolina użat għall-għalf u għall-użu alimentari huma differenti.

(76)

Il-Kummissjoni fakkret, kif spjegat fil-premessa (183) tar-Regolament proviżorju, li l-makrodata ppreżentata f’dak ir-Regolament tinkludi t-tliet produtturi kollha tal-Unjoni, jiġifieri tinkludi d-data ta’ Algry Química li kellha produzzjoni u bejgħ sinifikanti fis-segment għall-użu alimentari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermat fil-premessi (40) u (41) hawn fuq li l-klorur tal-kolina għall-użu alimentari u dak użat għall-għalf jenħtieġ li jitqiesu bħala prodott uniku għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni nnotat li l-kundizzjonijiet għal analiżi tad-dannu segmentata, kif spjegati fil-premessa (165) tar-Regolament proviżorju, ma humiex issodisfati peress li hemm bejgħ u importazzjonijiet rappreżentattivi tal-industrija tal-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat fiż-żewġ segmenti. Fl-aħħar nett, kwalunkwe differenza possibbli fil-prezzijiet bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti diġà titqies fil-kalkoli tal-marġni tad-dumping u tad-dannu peress li dawk it-tipi jiġu rrapportati separatament mill-partijiet interessati. Abbażi ta’ dan, il-kundizzjonijiet għal analiżi segmentata bejn il-klorur tal-kolina għall-użu alimentari u l-klorur tal-kolina użat għall-għalf ma humiex issodisfati u d-dikjarazzjoni hija miċħuda.

(77)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (158) sa (166) tar-Regolament proviżorju.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(78)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-konsum tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (167) sa (170) tar-Regolament proviżorju.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(79)

Is-CFNA kkritikat il-metodu tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-volumi u l-valuri tal-importazzjoni abbażi tal-importazzjonijiet taħt kodiċi tariffarju partikolari wieħed, peress li l-klorur tal-kolina jiġi importat taħt diversi kodiċijiet NM, li wħud minnhom jinkludu wkoll prodotti oħrajn. Spjegazzjoni dettaljata li tiddeskrivi dik il-metodoloġija kienet is-suġġett tan-Nota għall-Fajl t25.005185, li kienet saret disponibbli għall-partijiet interessati fl-istess jum tar-Regolament proviżorju. B’mod partikolari, is-CFNA ddikjarat li l-maġġoranza l-kbira tal-importazzjonijiet Ċiniżi jkunu fil-forma ta’ addittivi tal-għalf bi trasportaturi, li ma humiex inklużi taħt il-kodiċi NM 2923 10 li fuqu, hija ddikjarat, kienet ibbażata l-analiżi tal-Kummissjoni. Għalhekk, hija sostniet li l-kodiċi NM 2923 10 ma jistax jirrifletti kompletament is-sitwazzjoni tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat. Wara d-divulgazzjoni finali, FY Feed u Yinfeng sostnew li l-kodiċi SA 2923 10 jinkludi l-klassifikazzjoni kemm tal-klorur tal-kolina lest kif ukoll tal-klorur tal-kolina ta’ 50 %, filwaqt li ddikjaraw li d-data tal-importazzjonijiet tista’ tkun distorta.

(80)

Il-Kummissjoni ċċarat, kif iddikjarat fil-premessa (171)) tar-Regolament u fin-Nota għall-Fajl imsemmija, li ma kinitx ibbażat l-analiżi tagħha fuq il-kodiċi NM 2923 10 iżda fuq il-kodiċi TARIC ta’ 10 ċifri 2923 10 00 90, li jikkonċerna l-klorur tal-kolina biss. Barra minn hekk, is-CFNA, FY Feed u Yinfeng ma pproponew ebda metodoloġija alternattiva biex jiġu stabbiliti l-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjoni. Għalhekk, il-kummenti tas-CFNA u ta’ FY Feed u Yinfeng ġew miċħuda.

(81)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CFNA indikat li x-xejra tal-prezz tal-esportazzjoni murija mill-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 2923 10 jew il-kodiċi TARIC ta’ 10 ċifri 2923 10 00 90 ma hijiex kompluta, peress li l-importazzjonijiet tal-klorur tal-kolina taħt il-kodiċijiet NM ex 2309 90 31 , ex 2309 90 96 u ex ex 3824 99 96 ma humiex inklużi f’din l-analiżi.

(82)

Il-Kummissjoni nnotat li d-dikjarazzjoni ma kinitx relatata mad-data skont it-Tabella 4 tar-regolament proviżorju iżda kienet ibbażata kompletament fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi tal-Comtrade tan-NU lejn l-Unjoni pprovduti mis-CFNA għall-kodiċi NM 2923 10 u dawk tal-kodiċijiet SA kollha li jkopru l-prodott (19). Il-Kummissjoni nnotat li dawk il-prezzijiet għall-kodiċi NM 2923 10 u għall-kodiċijiet HS rilevanti kollha juru xejra simili. It-tnejn juru żieda fl-2022 u tnaqqis sussegwenti fl-2023 u matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(83)

Kirsch iddikjarat li l-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat huwa simili għall-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn fl-2023 u matul il-perjodu kkunsidrat u li għalhekk, id-dannu lill-industrija tal-Unjoni ma setax jiġi attribwit biss għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat.

(84)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat ammontaw għal 20 024 tunnellata fl-2023 u 22 626 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni (it-Tabella 3 tar-Regolament proviżorju), filwaqt li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn ammontaw għal 3 962 fl-2023 u 3 089 fil-perjodu ta’ investigazzjoni (it-Tabella 12 tar-Regolament proviżorju). Abbażi ta’ dak, id-dikjarazzjoni ta’ Kirsch ġiet miċħuda.

(85)

Kirsch iddikjarat ukoll, mingħajr ma pprovdiet ebda evidenza, li Algry Química, l-uniku produttur tal-Unjoni tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari, kienet żiedet il-prezz tal-bejgħ ta’ dak it-tip ta’ prodott matul l-aħħar snin, u argumentat li din l-allegata żieda fil-prezz tal-bejgħ turi li ma seħħet l-ebda soppressjoni tal-prezzijiet minħabba importazzjonijiet mir-RPĊ matul il-perjodu kkunsidrat. Il-Kummissjoni ċaħdet id-dikjarazzjoni peress li l-analiżi spjegata fil-premessa (180) tar-Regolament proviżorju tas-soppressjoni tal-prezzijiet kienet analiżi għall-pajjiż kollu dwar il-volumi u l-prezzijiet kollha tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat meta mqabbla mad-data tal-industrija tal-Unjoni dwar il-kostijiet ġenerali tal-produzzjoni tagħha u t-telf tal-profittabbiltà li jirriżulta. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(86)

Wara l-kummenti dwar id-divulgazzjoni proviżorja dwar il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz (ara l-premessa (113)), il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz, li kien bejn 35 % u 41 % skont il-premessa (179) tar-Regolament proviżorju, kellu jiġi aġġornat bl-istess mod, u wera marġni medju ponderat ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ bejn 31 % u 39 %.

(87)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn dwar l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (171) sa (178) u (180) tar-Regolament proviżorju.

4.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(88)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (181) sa (187) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(89)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi minn (188) sa (191) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.2.   Kwantità ta’ bejgħ u sehem mis-suq

(90)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (192) u (193) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.3.   Tkabbir

(91)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (194) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.4.   Impjiegi u produttività

(92)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi minn (195) sa (197) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.5.   Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(93)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (198) u (199) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(94)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (200) u (201) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(95)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (202) u (203) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.3.   Inventarji

(96)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (204) u (205) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.4.   Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(97)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi minn (206) sa (211) tar-Regolament proviżorju.

4.5.   Konklużjoni dwar id-dannu

(98)

Fid-dawl ta’ dak ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tas-sejbiet iddivulgati fir-Regolament proviżorju, li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku u li l-premessi minn (212) sa (214) tar-Regolament proviżorju ġew, għalhekk, ikkonfermati.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(99)

Van Eeghen iddikjarat li ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ dumping tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari peress li l-prezz tal-bejgħ tiegħu żdied matul dawn l-aħħar 8 snin.

(100)

Van Eeghen iddikjarat li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ dumping fir-rigward tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari, ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni fis-segment tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari. Kif spjegat fil-premessa (47) hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ dumping ta’ dak it-tip ta’ prodott, fost l-oħrajn, filwaqt li indikat il-fatt li l-klorur tal-kolina għall-użu alimentari u l-klorur tal-kolina użat għall-għalf huma kkunsidrati bħala prodott uniku għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni. Il-konklużjoni f’dik il-premessa li l-kwistjoni tal-kalkolu ta’ marġni tad-dumping separat għall-klorur tal-kolina għall-użu alimentari hija għalhekk irrilevanti tapplika mutatis mutandis għas-sejbiet tad-dannu. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(101)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi minn (216) sa (218) tar-Regolament proviżorju.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(102)

Kirsch iddikjarat li f’termini ta’ volumi, fl-2023 u matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn kienu simili għal dawk mill-pajjiż ikkonċernat.

(103)

Il-Kummissjoni nnotat li l-interpretazzjoni minn Kirsch taċ-ċifri rrapportati fir-Regolament proviżorju dwar l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u minn pajjiżi terzi oħrajn ma hijiex korretta. Fis-sottomissjoni tagħha, Kirsch semmiet li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ammontaw għal 7 000 tunnellata u dawk mill-pajjiż ikkonċernat għal 8 000 tunnellata għall-2023 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (172) u (221) tar-Regolament proviżorju, fejn huwa ddikjarat li l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat ammontaw għal 20 024 tunnellata fl-2023 u 20 626 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni u li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ammontaw għal 3 962 tunnellata fl-2023 u 3 089 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta’ Kirsch ġiet miċħuda.

(104)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi minn (219) sa (224) tar-Regolament proviżorju.

5.2.2.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(105)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi minn (225) sa (227) tar-Regolament proviżorju.

5.2.3.   Żieda fil-prezzijiet tal-materja prima u tal-enerġija

(106)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (228) u (229) tar-Regolament proviżorju.

5.2.4.   Tnaqqis fil-konsum

(107)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (230) u (231) tar-Regolament proviżorju.

5.2.5.   Fatturi oħrajn

(108)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (232) tar-Regolament proviżorju.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(109)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi minn (233) sa (235) tar-Regolament proviżorju.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

6.1.   Marġni tad-dannu

(110)

Is-CFNA ddikjarat li l-inklużjoni fil-marġni tad-dannu tal-kostijiet tal-produzzjoni futuri relatati mal-kostijiet tal-konformità marbuta mar-rekwiżiti legali ambjentali u tax-xogħol għal wieħed mill-produtturi tal-Unjoni, skont l-Artikolu 7(2d) tar-Regolament Bażiku, hija ta’ utilità dubjuża peress li ma jkollhiex evidenza pożittiva u eżami oġġettiv u għalhekk il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jkunu bbażati purament fuq possibbiltajiet jew preżunzjonijiet. Hija rreferiet għar-Rapport tal-Korp tal-Appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organisation) fil-kawża US – Hot-Rolled Steel (20) li nnota li l-investigazzjonijiet iridu jibbażaw fuq evidenza “affermattiva, oġġettiva u verifikabbli”, mhux fuq spekulazzjonijiet jew fuq suppożizzjonijiet.

(111)

Il-Kummissjoni kkonfermat li n-natura u l-ammont tal-kostijiet imsemmija fil-premessa (242) tar-Regolament proviżorju ġew aċċertati matul iż-żjarat ta’ verifika tal-produtturi tal-Unjoni abbażi ta’ okkorrenza fil-passat. Filwaqt li nnotat l-obbligu legali ta’ dawn il-kostijiet, il-Kummissjoni kkonfermat iċ-ċertezza tal-okkorrenza futura ta’ dawn il-kostijiet. Għalhekk, id-dikjarazzjoni hija miċħuda.

(112)

FY Feed u YB ippreżentaw kummenti dwar il-kalkolu tal-prezzijiet CIF tagħhom fil-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz. B’mod partikolari, huma ddikjaraw li l-Kummissjoni kienet issottovalutat id-dazji doganali applikabbli peress li ma kinitx tapplikahom għall-intestaturi tariffarji rilevanti kollha li għandhom dazji doganali għall-importazzjonijiet mir-RPĊ. Huma ddikjaraw li dan l-iżball kien jissottovaluta l-prezz CIF u għalhekk iżid bla bżonn il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz.

(113)

Il-Kummissjoni rrieżaminat il-kalkoli u sabet li tabilħaqq bi żball ma kinitx applikat ir-rati tad-dazju doganali b’mod konsistenti, fejn meqjus xieraq, għall-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Għalhekk, hija kkoreġiet dan l-iżball klerikali li rriżulta f’reviżjoni tal-marġnijiet tad-dannu kollha.

(114)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Aocter ippreżentat kummenti dwar il-kalkolu tal-valur CIF użat għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu, filwaqt li ddikjarat li l-Kummissjoni missha użat il-prezz tat-trasport bil-baħar reali tal-prodott taħt investigazzjoni importat fl-UE.

(115)

Kif ġie nnotat minn Aocter fis-sottomissjoni tagħha, il-valur CIF użat fil-kalkolu tal-marġni tad-dannu kien ibbażat fuq il-valuri CIF irrapportati minn Aocter. Din id-data kienet ibbażata fuq stimi raġonevoli, li saru minn Aocter innifisha u li kienu parti mill-verifika li saret fil-bini ta’ Aocter. Il-Kummissjoni ma rat l-ebda raġuni biex tikkoreġi dawn il-valuri CIF. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(116)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi minn (236) sa (245) tar-Regolament proviżorju.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(117)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-interess ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (251) tar-Regolament proviżorju.

7.2.   Interess ta’ importaturi mhux relatati

(118)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-interess ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (253) tar-Regolament proviżorju.

7.3.   Interess tal-utenti

(119)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, is-CFNA sostniet li d-dazji anti-dumping kważi se jimblukkaw kompletament l-importazzjonijiet miċ-Ċina li hija sostniet li kellha sehem mis-suq ta’ 87 %. Għalhekk, fil-fehma tas-CFNA, il-miżuri inevitabbilment jikkawżaw volatilità severa tas-suq.

(120)

Il-Kummissjoni l-ewwel innotat li s-sehem mis-suq Ċiniż fil-perjodu ta’ investigazzjoni ma kienx ta’ 87 %, iżda [bejn 32 % u 37 %], kif muri fit-Tabella 3 tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tas-CFNA ma kinitx issostanzjata, u l-Kummissjoni nnotat ukoll li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni qiegħda taqbeż il-konsum fl-Unjoni. Abbażi ta’ dan, id-dikjarazzjoni li l-miżuri jikkawżaw volatilità severa tas-suq li taffettwa b’mod sproporzjonat lill-utenti jew lil kwalunkwe parti oħra, ġiet miċħuda.

(121)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CFNA kkummentat li ħafna utenti kienu stabbilew relazzjonijiet ta’ provvista mal-esportaturi Ċiniżi u għalhekk l-impożizzjoni ta’ miżuri xorta tfixkel il-katina tal-provvista tal-Unjoni. Kirsch sostniet li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping tista’ taffettwa b’mod negattiv il-katina tal-provvista għall-klorur tal-kolina għall-użu alimentari, b’effetti fuq il-produzzjoni tal-formula tat-trabi u n-nutrizzjoni klinika fl-Unjoni.

(122)

Il-Kummissjoni fakkret li l-impożizzjoni ta’ miżuri terġa’ tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi u b’hekk tiżgura katina tal-provvista stabbli tal-klorur tal-kolina, minn bosta sorsi, fis-suq tal-Unjoni favur l-utenti tal-UE. Kif indikat fil-premessa (37), is-suq tal-klorur tal-kolina għall-użu alimentari jammonta għal mhux aktar minn 5 % tas-suq tal-Unjoni u d-dumping dannuż wassal lill-industrija tal-Unjoni biex tiffoka fuq is-sopravivenza tagħha fis-suq kbir tal-għalf. B’miżuri anti-dumping stabbiliti, wieħed jista’ jistenna’ li l-industrija tal-Unjoni terġa’ tiffoka wkoll fuq is-suq tal-ikel u tuża aktar kapaċità biex isservih, għall-benefiċċju tal-industrija tal-utenti rilevanti. Abbażi ta’ dak, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri mhux se jaffettwaw b’mod mhux xieraq il-katina tal-provvista tal-utenti. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet mis-CFNA u minn Kirsch ġew miċħuda.

(123)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn dwar l-interess tal-utenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (256) tar-Regolament proviżorju.

7.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(124)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn dwar l-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (257) tar-Regolament proviżorju.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

8.1.   Miżuri definittivi

(125)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(126)

Fis-seduta ta’ smigħ wara d-divulgazzjoni finali, Kirsch ipproponiet kwota tariffarja għal kwantità li tikkorrispondi għall-importazzjonijiet tagħhom, applikabbli għall-klorur tal-kolina għall-użu alimentari biss. Wara li stabbiliet li ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex il-klorur tal-kolina għall-użu alimentari jiġi eskluż mill-ambitu tal-prodott (ara t-Taqsima 2.2.1. ta’ hawn fuq) u li huwa fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kwota tariffarja għal tip ta’ prodott speċifiku ddgħajjef l-effettività tal-miżuri. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ Kirsch kif xieraq.

(127)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Shandong Aocter Feed Additives Co., Ltd.

115,9

Shandong FY Feed Technology Co., Ltd.

90,0

Shandong Yinfeng Biological Technology Co., Ltd.

90,0

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

94,9

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

115,9

(128)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. B’hekk, dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(129)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (21). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, se jiġi ppubblikat Regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(130)

Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, jenħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(131)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) bil-għan li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mad-dritt doganali.

(132)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn, tista’ tinbeda investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet sabiex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata(i) tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(133)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ma japplikax biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(134)

Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tkun soġġetta għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.

8.2.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

(135)

Fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

8.3.   Ġbir retroattiv

(136)

Kif imsemmi fit-Taqsima 1.2. hawn fuq, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għal reġistrazzjoni.

(137)

Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi.

(138)

Skont l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku, jeħtieġ li, “addizzjonalment għal-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, ikun hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta sseħħ u l-volum u ċirkustanzi oħra, probabbilment timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv li għandu jiġi applikat”.

(139)

Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni l-ewwel qabblet il-volumi medji tal-importazzjoni kull xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni mal-volumi medji tal-importazzjoni kull xahar matul il-perjodu mix-xahar ta’ wara l-perjodu ta’ investigazzjoni sal-aħħar xahar sħiħ ta’ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji. Il-Kummissjoni stabbiliet żieda ta’ 34 % fl-importazzjonijiet Ċiniżi.

(140)

Madankollu, mill-bidu tal-investigazzjoni kurrenti, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu, u kienu 29 % ogħla mill-prezzijiet medji fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda informazzjoni fil-fajl li minkejja din iż-żieda fil-prezz, l-industrija tal-Unjoni ġġarrab dannu addizzjonali.

(141)

Abbażi ta’ dak, u b’mod partikolari fid-dawl taż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi mill-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku għall-applikazzjoni retroattiva tad-dazju anti-dumping definittiv ma kinux issodisfati.

9.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(142)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li jrid jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(143)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-klorur tal-kolina, fil-forom u l-puritajiet kollha, kemm jekk fuq trasportatur kif ukoll jekk le, b’kontenut minimu ta’ klorur tal-kolina ta’ 30 % skont il-piż, minbarra t-tetra idrat tal-klorur tal-kolina tal-kalċju fosforil bin-numru CAS 72556-74-2, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 2923 10 00 , ex 2309 90 31 , ex 2309 90 96 , ex 2106 u ex 3824 99 96 (il-kodiċijiet addizzjonali TARIC kif elenkati fil-paragrafu 2 u fl-Anness ta’ dan ir-Regolament) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Shandong Aocter Feed Additives Co., Ltd., il-Belt ta’ Liaocheng, il-Provinċja ta’ Shandong

115,9

89RB

Shandong FY Feed Technology Co., Ltd, il-Belt ta’ Binzhou, il-Provinċja ta’ Shandong

90,0

89RC

Shandong Yinfeng Biological Technology Co., Ltd. il-Belt ta’ Zouping, il-Provinċja ta’ Shandong

90,0

89RD

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

94,9

Ara l-Anness

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

115,9

89YY

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u bil-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum f’tunnellati) ta’ klorur tal-kolina mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta.” Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1288 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq importazzjonijiet ta’ klorur tal-kolina li joriġina mir-Repubblika għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata medja ponderata xierqa ta’ dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

huwa ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (01/10/2023 sa 30/09/2024);

(b)

mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u

(c)

effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU C, C/2024/6602, 31.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6602/oj.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/92 tal-20 ta’ Jannar 2025 li jagħmel importazzjonijiet ta’ klorur tal-kolin li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2025/92, 21.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/92/oj).

(4)  Id-dokument ta’ qabel id-divulgazzjoni jiddikjara b’mod espliċitu li: “Jenħtieġ li l-kummenti jkunu limitati għall-akkuratezza tal-kalkoli. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni biss il-kummenti rigward l-iżbalji klerikali. Dawn jinkludu żbalji fiż-żieda, fit-tnaqqis, jew f’funzjoni aritmetika oħra, żball li jirriżulta minn ikkupjar mhux akkurat, duplikazzjoni, applikazzjoni ta’ unitajiet inkonsistenti ta’ kejl jew rati ta’ konverżjoni u kwalunkwe tip simili ieħor ta’ żball li l-Kummissjoni tikkunsidra li huwa klerikali. Kwalunkwe kumment ieħor se jiġi kkunsidrat biss wara d-divulgazzjoni tal-miżuri proviżorji”.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1288 tas-27 ta’ Ġunju 2025 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq importazzjonijiet ta’ klorur tal-kolina li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/1288, 30.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1288/oj).

(6)  F’dan il-proċediment, is-CFNA tirrappreżenta l-produtturi esportaturi: Taian Havay Chemicals Co., Ltd, Liaoning Biochem Co., Ltd., Shandong Aocter Feed Additives Co., Ltd. u Shandong FY Feed Technology Co., Ltd.

(7)  Sottomissjoni rreġistrata b’referenza TRON t25.007798.

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 795/2013 tal-21 ta’ Awwissu 2013 dwar l-awtorizzazzjoni tal-klorur tal-kolina bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali (ĠU L 224, 22.8.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/795/oj).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1925/oj).

(10)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/46/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/609/oj).

(12)  L-evidenza pprovduta hija soġġetta għad-drittijiet tal-awtur u ma tistax tiġi ddivulgata.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/343/UE tas-27 ta’ Ġunju 2012 li ttemm il-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 168, 28.6.2012, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/343/oj).

(14)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/HTML/?uri=CELEX:62014TJ0160.

(15)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:62009TJ0512(01).

(16)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:62021TJ0326.

(17)  Skont il-Valutazzjoni tal-addittiv tal-għalf li jikkonsisti mill-klorur tal-kolina għall-ispeċijiet kollha tal-annimali għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tiegħu maħruġa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA, European Food Safety Authority), “l-awtorizzazzjoni kurrenti tistabbilixxi kontenut minimu ta’ purità tal-klorur tal-kolina fis-sustanza attiva ta’ 99 % fuq bażi anidra”.

(18)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/755/oj).

(19)  Is-sottomissjoni TRON t25.007296.

(20)   https://www.wto.org/english/tratop_e/dispu_e/184abr_e.pdf, il-paragrafu 192.

(21)  Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-TDI-NAME-CHANGE-REQUESTS@ec.europa.eu; Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Brussell, il-Belġju.

(22)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).


ANNESS

Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Liaoning Biochem Co., Ltd

89RE

Be-Long (North) Corporation

89RF

Shandong Jujia Biotech Co., Ltd

89RG

Taian Havay Chemicals Co., Ltd

89RH


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2589/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)