3.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 446/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta’ Settembru 2021

dwar proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli minn ċerti impriżi (CON/2021/27)

(2021/C 446/02)

Introduzzjoni u bażi legali

Fid-29 ta’ Ġunju 2021 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014, fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli minn ċerti impriżi (1) (minn hawn ’il quddiem id-“direttiva proposta”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi d-direttiva proposta fiha dispożizzjonijiet li jaqgħu fl-oqsma tal-kompetenza tal-BĊE, inkluż, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-politika monetarja skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2), u l-Artikolu 282(1) tat-Trattat, is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u l-kontribuzzjoni għat-tmexxija bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat. F’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1

Il-BĊE jilqa’ l-objettiv tad-direttiva proposta li ttejjeb il-kwantità, il-kwalità u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà, bħala parti mill-aġenda usa’ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzi sostenibbli (2), u f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (3). Il-BĊE jilqa’ wkoll l-iskeda ta’ żmien stabbilita fid-direttiva proposta, b’mod partikolari l-adozzjoni tal-ewwel sett ta’ standards ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà sa Ottubru 2022.

1.2

Ir-reġim attwali ta’ divulgazzjoni korporattiva tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar is-sostenibbiltà ma jiżgurax informazzjoni suffiċjenti, konsistenti u komparabbli għas-settur privat jew għall-awtoritajiet pubbliċi. Il-partijiet ikkonċernati ma jistgħux jivvalutaw l-impatt tal-kumpaniji fuq is-sostenibbiltà u b’mod partikolari fuq it-tibdil fil-klima. Divulgazzjonijiet aħjar dwar indikaturi li jħarsu ’l quddiem mhux biss jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jimmonitorjaw il-progress tal-kumpaniji fl-allinjament tal-mudelli tan-negozju u l-operazzjonijiet tagħhom ma’ trajettorji li huma konsistenti ma’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, u sussegwentement mingħajr emissjonijiet ta’ karbonju, kif previst fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, iżda jgħinu wkoll biex jiġu vvalutati r-riskji għall-kumpaniji minn rivalutazzjonijiet potenzjali tal-assi f’każ ta’ trajettorji allinjati ħażin. F’dan il-kuntest, id-direttiva proposta tappoġġa u tikkomplementa l-informazzjoni li l-kumpaniji se jkollhom jiddivulgaw skont ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament dwar it-Tassonomija”) u tressaq l-ekonomija tal-UE eqreb lejn l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

1.3

L-istandards dwar id-divulgazzjoni tas-sostenibbiltà li attwalment jipprevalu fis-swieq finanzjarji ma humiex biżżejjed biex jiżguraw li r-riskji finanzjarji relatati mas-sostenibbiltà jinftiehmu sew u jiġu pprezzati bis-sħiħ mill-parteċipanti kollha fis-suq. Il-kwalità u l-kwantità limitati ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fil-livell korporattiv jillimitaw l-informazzjoni disponibbli għall-investituri u l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji. Dan inaqqas it-trasparenza, iżid l-asimetriji fl-informazzjoni, jagħmel ħsara lill-komparabbiltà u b’mod ġenerali jfixkel l-iżvilupp ta’ finanzi sostenibbli u deċiżjonijiet informati dwar l-investiment. Barra minn hekk, kif indikat ukoll fil-premessi tad-direttiva proposta, diversi deċiżjonijiet ta’ investiment li ma jqisux b’mod adegwat ir-riskji relatati mas-sostenibbiltà jistgħu jwasslu għal effetti aggregati u amplifikati li għandhom il-potenzjal li joħolqu riskji sistemiċi li jheddu l-istabbiltà finanzjarja (5). Barra minn hekk, l-istat ħażin tad-divulgazzjoni korporattiva dwar is-sostenibbiltà jipprevjeni lir-regolaturi, lis-superviżuri, lill-awtoritajiet tal-istabbiltà finanzjarja u lill-banek ċentrali milli jivvalutaw b’mod xieraq l-iskopertura għas-sostenibbiltà u, b’mod partikolari, ir-riskji relatati mal-klima tal-kumpaniji u tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji li jagħmlu użu minn divulgazzjonijiet korporattivi biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ finanzjament. Għalhekk, il-BĊE jikkunsidra d-direttiva proposta bħala pass neċessarju biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fid-data li attwalment ixxekkel l-iżvilupp ta’ politika ta’ sostenibbiltà xierqa, valutazzjoni tar-riskju u oqfsa ta’ monitoraġġ tar-riskju għas-settur finanzjarju (6).

1.4

Il-BĊE jikkunsidra d-direttiva proposta bħala pass importanti lejn it-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ swieq kapitali ekoloġiċi tal-UE integrati, imdaqqsa u maturi li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali (7). Unjoni tas-Swieq Kapitali ekoloġika tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-UE fis-swieq kapitali ekoloġiċi madwar id-dinja (8) u b’hekk issaħħaħ ir-rwol tal-euro bħala munita globali. Bil-ħolqien ta’ standards u infrastrutturi komuni għas-swieq kapitali ekoloġiċi tal-UE, hija tista’ b’hekk taġixxi bħala katalista għall-integrazzjoni tas-suq kapitali tal-UE b’mod ġenerali (9). B’mod partikolari, id-divulgazzjoni standardizzata u robusta (tas-sostenibbiltà) hija prerekwiżit biex jiġi żgurat li l-investituri jkollhom data soda u komparabbli biex jinfurmaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom u għalhekk essenzjali għall-iffaċilitar tal-allokazzjoni tal-kapital għall-proġetti l-aktar mixtieqa madwar l-UE, f’konformità mal-objettivi tas-suq uniku. L-allokazzjoni msaħħa tal-kapital li tirriżulta tista’ tgħin biex ittejjeb il-kondiviżjoni tar-riskju transfruntiera privata u r-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE (10). F’dan ir-rigward, il-BĊE jilqa’ wkoll il-fatt li d-direttiva proposta tipprevedi l-ħtieġa li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà divulgata mill-impriżi tiġi inkluża fil-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew li jmiss (11). Bl-integrazzjoni tad-divulgazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà mad-data finanzjarja, jinħoloq “punt uniku ta’ servizz” għall-informazzjoni kritika kollha dwar impriża, inklużi l-kredenzjali ekoloġiċi tagħha, li jkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-investituri, iżda għall-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi kollha interessati fir-rapportar finanzjarju u dwar is-sostenibbiltà.

1.5

Il-BĊE jappoġġa r-rekwiżiti proposti għall-impriżi l-kbar tal-UE u għall-impriżi elenkati fis-swieq regolati tal-UE, inklużi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, biex jiddivulgaw firxa ta’ miri ta’ sostenibbiltà u l-progress lejn il-kisba tagħhom. Ir-riskju għar-reputazzjoni li jiffaċċjaw l-impriżi li jonqsu milli jikkonformaw mal-impenji tagħhom li jallinjaw mal-Ftehim ta’ Pariġi se jgħin biex jippromwovi d-dixxiplina tas-suq u jikkostitwixxi kontribut importanti għall-ġestjoni tar-riskju u l-istrateġiji ta’ allinjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

1.6

Sabiex tittejjeb it-trasparenza u jitrawwem monitoraġġ superviżorju xieraq, b’mod partikolari tar-riskji relatati mal-klima u l-ambjent, il-BĊE jqis ukoll li, kif propost fl-istrateġija l-ġdida għall-finanzi sostenibbli tal-Kummissjoni (12), l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jiddivulgaw il-pjanijiet tagħhom dwar it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u d-dekarbonizzazzjoni, inklużi miri intermedji u fit-tul u informazzjoni dwar kif jippjanaw li jnaqqsu l-impronta ambjentali tagħhom. Din tista’ tkun għodda b’saħħitha li permezz tagħha s-sistema finanzjarja tiġi ggwidata lejn tragwardi importanti ċari biex tinkiseb konsistenza mal-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw l-għodod biex jimmonitorjaw u jirreaġixxu għar-riskji li jirriżultaw minn allinjament ħażin tal-portafolli tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mal-miri ta’ tranżizzjoni.

2.   Ir-rilevanza tad-direttiva proposta għall-għanijiet u l-kompiti tal-BĊE u tal-Eurosistema

2.1

Il-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u b’mod partikolari t-tibdil fil-klima, jista’ jkollhom impatt fuq il-mod li bih il-banek ċentrali jwettqu l-mandati tagħhom, kif stabbilit hawn taħt (13). Bħala parti mill-kompiti superviżorji prudenzjali tiegħu u l-kontribut tiegħu għall-istabbiltà finanzjarja, il-BĊE jappoġġa l-isforzi ta’ politika tal-UE mmirati lejn it-titjib tal-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji finanzjarji relatati mas-sostenibbiltà, bil-għan li jittejbu s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. F’dan il-kuntest, divulgazzjoni suffiċjentement komprensiva u granulari dwar ir-riskji ambjentali se tiffaċilita wkoll l-ipprezzar tas-suq tar-riskji relatati f’konformità mal-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ (14). Barra minn hekk, dawn il-prattiki ta’ divulgazzjoni jtejbu wkoll il-kapaċità tal-Eurosistema li timmonitorja u tivvaluta l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq it-trażmissjoni tal-politika monetarja.

2.2   Rilevanza għall-politika monetarja

2.2.1

It-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli jaffettwaw il-prospetti għall-istabbiltà tal-prezzijiet, l-objettiv primarju tas-SEBĊ, permezz tal-impatt tagħhom fuq indikaturi makroekonomiċi bħall-inflazzjoni, il-produzzjoni, l-impjiegi, ir-rati tal-imgħax, l-investiment u l-produttività; l-istabbiltà finanzjarja; u t-trażmissjoni tal-politika monetarja (15). Ir-riskji fiżiċi u r-riskji ta’ tranżizzjoni assoċjati mat-tibdil fil-klima jistgħu, fost affarijiet oħra, ikollhom impatt fuq il-valutazzjonijiet u l-affidabbiltà kreditizja tal-kumpaniji b’effetti indiretti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-sistema finanzjarja (16). Għalkemm il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-kobor tar-riskji relatati mal-klima għall-banek u l-istabbiltà finanzjarja għadhom qed jiġu żviluppati, l-istimi disponibbli jissuġġerixxu li l-impatt ta’ dawn ir-riskji x’aktarx li jkun sinifikanti (17). Dan, min-naħa tiegħu, jista’ jaffettwa t-trażmissjoni tal-politika monetarja, pereżempju permezz tat-tqassim tal-assi u l-ipprezzar mill-ġdid f’daqqa tar-riskji finanzjarji relatati mal-klima. Barra minn hekk, fir-rigward tas-settur bankarju, il-valur tal-kollateral jista’ jitnaqqas u t-telf ta’ kreditu jista’ jimmaterjalizza, li jista’ jnaqqas il-pożizzjoni tal-kapital u tal-likwidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u intermedjarji finanzjarji oħra, u b’hekk idgħajjef il-kapaċità tagħhom li jidderieġu l-fondi lejn l-ekonomija reali. In-Network tal-Banek Ċentrali u s-Superviżuri għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS), jirrakkomanda, għalhekk, li l-banek ċentrali jikkunsidraw l-effetti possibbli tat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija. L-NGFS jargumenta li dawn l-effetti jistgħu jkunu rilevanti għall-politika monetarja anke jekk jimmaterjalizzaw biss lil hinn mill-orizzont konvenzjonali fuq żmien medju tal-politika monetarja (18).

2.2.2

Barra minn hekk, meta ssegwi l-għan tagħha ta’ stabbiltà fil-prezzijiet, l-Eurosistema trid tiżgura protezzjoni adegwata tar-riskju tal-karta tal-bilanċ tagħha permezz tal-qafas tagħha għall-kontroll tar-riskju. L-Eurosistema għalhekk teħtieġ li tidentifika, timmonitorja u timmitiga r-riskji li huma assoċjati mal-kontropartijiet tagħha, il-kollateral li taċċetta fl-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tagħha u l-investimenti tagħha f’assi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet definittivi, inkluż taħt il-portafoll tal-politika mhux monetarja tagħha.

2.2.3

F’dan ir-rigward, prattiċi aħjar ta’ divulgazzjoni korporattiva relatat mas-sostenibbiltà għandhom itejbu b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-Eurosistema li timmonitorja u tivvaluta l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq it-trażmissjoni tal-politika monetarja, tindirizza r-riskji finanzjarji relatati mal-klima li diġà għandha fuq il-karta tal-bilanċ tagħha, u tiżgura protezzjoni adegwata tar-riskju tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema.

2.2.4

Barra minn hekk, kif imħabbar fil-pjan ta’ azzjoni tagħha biex tinkludi konsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fl-istrateġija tal-politika monetarja tagħha (19), l-Eurosistema se tintroduċi rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għall-assi tas-settur privat bħala kriterju ġdid ta’ eliġibbiltà jew bħala bażi għal trattament differenzjat għal xiri ta’ kollaterali u assi. Dawn ir-rekwiżiti se jqisu l-politiki u l-inizjattivi tal-UE, inkluża d-direttiva proposta, u b’hekk se jippromwovu prattiki konsistenti ta’ divulgazzjoni fis-suq.

2.3   Rilevanza għall-istabbiltà finanzjarja

2.3.1

L-għan tad-direttiva proposta li tiżgura informazzjoni affidabbli, konsistenti u komparabbli dwar l-esponiment ta’ impriżi f’setturi differenti għal riskji relatati mat-tibdil fil-klima huwa prerekwiżit għall-valutazzjoni preċiża tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima (20). Divulgazzjonijiet aħjar relatati mas-sostenibbiltà bbażati fuq standards unifikati ta’ rapportar u sottomessi f’forma li tinqara minn magna jsaħħu sostanzjalment il-kapaċità tal-BĊE li jimmonitorja u jindirizza l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-istabbiltà finanzjarja.

2.4   Rilevanza għas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu

2.4.1

Istituzzjonijiet sinifikanti sorveljati direttament mill-BĊE huma mistennija li jiddivulgaw riskji relatati mal-klima li huma sinifikanti (21). B’mod partikolari, huma mistennija jiddivulgaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-grupp kollu, inklużi l-emissjonijiet downstream, kif ukoll l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) u l-indikaturi ewlenin tar-riskju (KRIs) li jużaw għall-fini tal-istabbiliment tal-istrateġija u l-ġestjoni tar-riskju (22). Barra minn hekk, il-BĊE huwa impenjat li jiżviluppa indikaturi ġodda li jgħinu fil-valutazzjoni tal-marka tal-karbonju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (23).

2.4.2

Barra minn hekk, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 449a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) (minn hawn’il quddiem ir-“Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital” jew “CRR”), f’Marzu 2021 l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ippubblikat abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni (ITS) (25), li jipproponu divulgazzjonijiet kwantitattivi komparabbli dwar it-tranżizzjoni relatata mat-tibdil fil-klima u r-riskji fiżiċi għal ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu, inkluża informazzjoni dwar skoperturi għal assi relatati mal-karbonju u assi soġġetti għal avvenimenti kroniċi u akuti tat-tibdil fil-klima.

2.4.3

Għalhekk, data affidabbli u komparabbli relatata mal-klima u l-ambjent minn kumpaniji hija kruċjali sabiex l-istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jikkalkulaw u sussegwentement jiddivulgaw metriċi klimatiċi u ambjentali, inkluża informazzjoni rilevanti skont il-qafas prudenzjali. Il-proposta biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tad-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju” jew “NFRD”) għall-impriżi l-kbar kollha se tappoġġa l-isforzi tal-istituzzjonijiet biex jiġbru d-data rilevanti. Ir-rekwiżiti aktar dettaljati tad-direttiva proposta u d-diġitalizzazzjoni proposta tad-data mitluba se jiffaċilitaw il-ġbir tagħha b’mod konsistenti.

2.5   Rilevanza għall-ġbir ta’ informazzjoni statistika

2.5.1

L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jagħti lill-BĊE s-setgħa, bl-assistenza tal-banek ċentrali nazzjonali, li jiġbor informazzjoni statistika li hija meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u li jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tar-regoli u l-prattiċi li jirregolaw il-ġbir, il-kumpilazzjoni u d-distribuzzjoni tal-istatistika fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Sabiex iwettaq il-kompiti u l-attivitajiet tiegħu, il-BĊE jiddependi kemm jista’ jkun fuq data eżistenti biex jillimita l-piż fuq l-aġenti li jirrapportaw. Kif diġà ġie indikat, id-disponibbiltà ta’ informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà ta’ kwalità għolja f’livell granulari u aggregat hija neċessità għal deċiżjonijiet infurmati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja, is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-kontribut għat-twettiq bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp ta’ standards ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-impriżi għandhom jiddivulgaw dwar il-fatturi ta’ sostenibbiltà jippermettu wkoll lill-BĊE jwettaq aħjar il-funzjonijiet tiegħu billi jiġbor indikaturi statistiċi relatati mal-finanzi sostenibbli (27). Dan imbagħad jippermetti lill-BĊE biex potenzjalment itejjeb il-ġbir tiegħu stess ta’ informazzjoni statistika biex jirrifletti u jiffoka fuq fatturi ta’ sostenibbiltà ambjentali.

2.5.2

Għal dawn ir-raġunijiet, il-BĊE jilqa’ l-fatt li skont id-direttiva proposta, l-impriżi se iħejju r-rapportar tagħhom dwar is-sostenibbiltà f’format wieħed ta’ rapportar elettroniku (XHTML) (28). Ir-rikkezza tad-data li se tiġi prodotta mill-implimentazzjoni tad-direttiva proposta għandha tilħaq l-objettivi tal-istrateġija tal-UE għad-data u tal-Istrateġija għall-Finanzi Diġitali (29), b’mod partikolari biex jinħoloq suq uniku li fih id-data tista’ tgħaddi fl-UE u bejn is-setturi sabiex jintuża l-potenzjal ta’ data ta’ ġenerazzjoni ġdida fl-interess pubbliku u sabiex jiġi promoss finanzjament immexxi mid-data. L-ilħuq ta’ dawn l-objettivi jgħin lill-esperti tal-istatistika uffiċjali jtejbu s-saljenza, il-puntwalità u l-profondità tad-data u l-metadata tagħhom.

2.5.3

Għal dan il-għan, il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ l-użu mill-entitajiet li jirrapportaw ta’ standards maqbula internazzjonalment, bħall-Identifikatur ta’ Entità Ġuridika globali kif rakkomandat mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku fl-2020 (30), jew standards oħra miftiehma bħala identifikaturi uniċi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar. Il-BĊE jikkunsidra li l-użu ta’ dawn l-identifikaturi, fejn possibbli fl-istandards tar-rapportar li għandhom jiġu żviluppati, għandu jtejjeb l-affidabbiltà tal-informazzjoni statistika, kif ukoll l-ambitu tagħha, billi jippermetti li d-data dwar is-sostenibbiltà korporattiva tkun marbuta ma’ sorsi oħra ta’ informazzjoni statistika miġbura mis-SEBĊ (eż. data tal-karta tal-bilanċ individwali u/jew data dwar is-self individwali mill-bank AnaCredit), biex b’hekk jiġi ffaċilitat ix-xogħol analitiku u jiġi appoġġat it-tfassil tal-politika.

2.6   Portafolli ta’ politika mhux monetarja

2.6.1

Data affidabbli dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà se tkun ukoll kruċjali għal investimenti sostenibbli f’portafolli ta’ politika mhux monetarja. L-Eurosistema dan l-aħħar qablet dwar pożizzjoni komuni għal investimenti sostenibbli u responsabbli relatati mat-tibdil fil-klima f’portafolli ta’ politika mhux monetarja denominati f’euro, bil-għan li tibda divulgazzjonijiet relatati mal-klima għal dawn it-tipi ta’ portafolli fi żmien sentejn (31).

3.   L-applikazzjoni tad-direttiva proposta għall-banek ċentrali

3.1

Id-direttiva proposta tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx l-obbligu ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà għal ċerti impriżi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) (minn hawn ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital”), inklużi l-banek ċentrali (33). Peress li ċerti banek ċentrali jistgħu fil-fatt jikkwalifikaw bħala impriżi skont id-Direttiva dwar il-Kontabilità (34) u, għalhekk, jaqgħu fil-prinċipju fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta, il-fatt li l-Istati Membri kkonċernati jingħataw l-opportunità li jeskludu banek ċentrali minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa milqugħ tajjeb.

3.2

Filwaqt li l-BĊE ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta, id-divulgazzjonijiet tiegħu stess jistgħu jibbenefikaw mill-istandards komuni ta’ rapportar skont id-direttiva proposta sal-punt li dawn jistgħu jitfasslu skont l-għanijiet speċifiċi tal-BĊE. Pereżempju, il-BĊE diġà beda l-ħidma fuq l-espansjoni tal-qafas ta’ rapportar ambjentali eżistenti tiegħu stess biex jinkludi kwistjonijiet ekonomiċi, ta’ governanza u soċjali fl-2021, filwaqt li jqis ir-rekwiżiti tal-NFRD (35). Il-BĊE għandu l-għan li jibda jippubblika d-divulgazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà fl-2022 b’referenza għall-prestazzjoni tal-BĊE fl-2021 (36).

3.3

Barra minn hekk, kif intqal hawn fuq, l-Eurosistema impenjat ruħha li tibda tagħmel divulgazzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima dwar il-portafolli tagħha ta’ politika mhux monetarja denominati f’euro fis-sentejn li ġejjin (37) u se tiddivulga informazzjoni relatata mat-tibdil fil-klima dwar assi mixtrija taħt il-programm ta’ xiri tas-settur korporattiv tal-politika monetarja mill-ewwel tliet xhur tal-2023. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-BĊE li ġie ppreżentat dan l-aħħar biex jinkludi kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fl-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu, bħala minimu, se tkun konformi mal-progress dwar il-politiki u l-inizjattivi tal-UE fil-qasam tad-divulgazzjoni u r-rapportar tas-sostenibbiltà ambjentali, inkluża d-direttiva proposta (38). Meta jitqies in-nuqqas attwali ta’ data ta’ kwalità għolja, id-divulgazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà tal-Eurosistema jibbenefikaw b’mod sostanzjali mid-divulgazzjonijiet ta’ impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta ladarba jkunu disponibbli. Għalhekk, bl-appoġġ tal-istandardizzazzjoni tar-rapportar relatat mat-tibdil fil-klima, l-istandards ta’ divulgazzjoni skont id-direttiva proposta jistgħu min-naħa tagħhom jiffaċilitaw id-divulgazzjonijiet futuri tal-Eurosistema stess relatati mal-klima. Il-BĊE se jikkunsidra jekk l-istandards komuni ta’ rapportar jew partijiet minnhom jistgħux jintużaw fil-futur bħala bażi għad-divulgazzjonijiet tiegħu stess relatati mal-klima, filwaqt li jkun konxju tal-ispeċifiċitajiet tal-kompiti u l-objettivi tal-BĊE.

4.   Kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta

4.1

Skont id-direttiva proposta, id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà ssir obbligatorja mill-1 ta’ Jannar 2023 għall-impriżi l-kbar kollha, u mill-1 ta’ Jannar 2026 għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju kollha li t-titoli trasferibbli tagħhom huma ammessi għan-negozjar f’suq regolat tal-UE (39). Il-BĊE jilqa’ l-kamp ta’ applikazzjoni estiż tad-direttiva proposta għall-impriżi l-kbar kollha kif definiti fid-Direttiva dwar il-Kontabilità meta mqabbel mal-kamp ta’ applikazzjoni aktar ristrett tal-NFRD li kien jeħtieġ divulgazzjonijiet obbligatorju biss minn entitajiet kbar ta’ interess pubbliku b’mill-inqas 500 impjegat (40). Il-BĊE jilqa’ wkoll l-estensjoni tad-direttiva proposta biex tinkludi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li huma elenkati fis-swieq regolati tal-UE. L-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-divulgazzjonijiet korporattivi hija meħtieġa biex l-istituzzjonijiet finanzjarji, u b’mod partikolari l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jitqiegħdu f’pożizzjoni aħjar biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni tas-sostenibbiltà tagħhom stess u jkunu jistgħu jimmaniġġjaw l-iskoperturi tagħhom stess għar-riskji relatati mas-sostenibbiltà, u b’mod speċjali għar-riskji relatati mal-klima. B’mod partikolari, l-SMEs għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija Ewropea u ma humiex biss esposti għal riskji relatati mal-klima huma stess iżda għandhom ukoll rwol importanti fl-iżgurar tat-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-kisba ta’ divulgazzjonijiet affidabbli, konsistenti u komparabbli relatati mas-sostenibbiltà mill-SMEs hija għalhekk importanti għall-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż, kif diġà indikat, għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jeħtieġu jiksbu informazzjoni rilevanti dwar il-kontropartijiet tagħhom sabiex itejbu l-ġestjoni tar-riskju tagħhom stess u jieħdu deċiżjonijiet ta’ finanzjament infurmati fir-rigward tal-SMEs.

4.2

Fl-istess ħin, il-BĊE jirrikonoxxi li l-piż amministrattiv assoċjat ma’ rekwiżiti ta’ rapportar addizzjonali jista’ jkollu impatt sproporzjonat fuq kumpaniji iżgħar u jenfasizza l-importanza li jiġi evitat piż amministrattiv eċċessiv fuq l-SMEs. F’dan ir-rigward, il-BĊE jilqa’ li d-direttiva proposta tfittex li timmodera l-piż addizzjonali ta’ rapportar għal kumpaniji iżgħar, billi tipprevedi approċċ ta’ introduzzjoni gradwali u standards simplifikati ta’ rapportar għal SMEs elenkati li għandhom jiġu żviluppati mill-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) (41). Dan l-approċċ proporzjonat għandu jiżgura wkoll li r-rekwiżiti ta’ rapportar addizzjonali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tal-kontropartijiet tagħhom ma jaffettwawx b’mod negattiv l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi.

4.3

Filwaqt li jappoġġa b’mod ġenerali, għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, approċċ proporzjonat għall-SMEs, il-BĊE huwa tal-fehma li l-iskeda ta’ żmien għall-applikazzjoni tal-istandards ta’ rapportar simplifikati tista’ titressaq ’il quddiem meta mqabbla ma’ dak li huwa previst bħalissa fid-direttiva proposta. Barra minn hekk, ikun importanti li l-istandards ta’ rapportar simplifikati proposti għall-SMEs jiżguraw livell suffiċjenti ta’ informazzjoni komparabbli u konsistenti li jippermetti valutazzjoni xierqa tar-riskji relatati mas-sostenibbiltà u l-allinjament tal-SMEs rispettivi mat-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

4.4

Il-BĊE jinnota li l-biċċa l-kbira tal-partijiet tad-direttiva proposta japplikaw ukoll għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu se jkunu meħtieġa jiddivulgaw informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà skont id-direttiva proposta. Madankollu, ma huwiex ċar mill-abbozzar attwali jekk id-direttiva proposta għandhiex l-intenzjoni li tkopri l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, irrispettivament mid-daqs rispettiv tagħhom, jew biss l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkwalifikaw bħala impriżi kbar jew bħala impriżi li t-titoli trasferibbli tagħhom huma ammessi għan-negozjar fis-swieq regolati tal-UE. Il-premessi tad-direttiva proposta (42) jiddikjaraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà sakemm jissodisfaw ċerti kriterji ta’ daqs. Madankollu, din il-limitazzjoni tal-applikabbiltà għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu abbażi ta’ ċerti kriterji ta’ daqs ma tirriżultax b’mod ċar mill-artikoli tad-direttiva proposta (43). Minflok, id-dispożizzjonijiet rilevanti jistgħu jinqraw ukoll bħala li jipprevedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu koperti mill-miżuri ta’ koordinazzjoni irrispettivament mid-daqs tagħhom. Skont l-intenzjoni leġiżlattiva tad-direttiva proposta espressa fil-premessi tagħha, il-BĊE jissuġġerixxi li dan il-punt jiġi ċċarat sabiex dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissodisfaw ukoll il-kriterji tad-daqs biss ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà (44). Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat allinjament minimu mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-divulgazzjoni tar-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza skont is-CRR, speċjalment l-Artikolu 449a ta’ dak ir-Regolament, li skontu kemm il-kriterji tad-daqs kif ukoll tal-kumplessità jitqiesu fil-valutazzjoni ta’ jekk istituzzjoni ta’ kreditu tikkwalifikax bħala kbira.

5.   Standards komuni obbligatorji ta’ rapportar

5.1

Id-direttiva proposta se tintroduċi standards komuni obbligatorji ta’ rapportar, li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni bħala atti delegati (45). Standards komuni ta’ rapportar ta’ kwalità suffiċjenti li jirfdu divulgazzjoni relatata mas-sostenibbiltà komparabbli, trasparenti u affidabbli huma essenzjali għall-iżvilupp ta’ metriċi ta’ sostenibbiltà aktar komparabbli u affidabbli, il-valutazzjoni korretta tar-riskji (finanzjarji u mhux finanzjarji) relatati mas-sostenibbiltà u, għalhekk, l-ipprezzar tal-assi u l-kalibrazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll tar-riskju. Dan ikun ta’ benefiċċju għall-ġestjoni tar-riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ir-rapportar intern u d-divulgazzjonijiet pubbliċi dwar ir-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG), u, kif diġà indikat, għall-banek ċentrali u s-superviżuri fit-twettiq ta’ analiżijiet u fl-inkorporazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-klima fit-twettiq tal-mandati tagħhom (46).

5.2

F’konformità mal-kontenut tad-direttiva proposta, l-istandards komuni ta’ rapportar li għandhom jiġu adottati għandhom jinkludu wkoll perspettiva ta’ materjalità doppja, li tiffoka fuq kwistjonijiet li jinfluwenzaw il-prestazzjoni, il-pożizzjoni u l-iżvilupp tal-kumpaniji (“materjalità finanzjarja”), iżda wkoll informazzjoni dwar l-impatt ambjentali u soċjali usa’ tal-kumpaniji (“materjalità ambjentali u soċjali”). L-istandards komuni ta’ rapportar għandhom jinkludu, bħala minimu, elementi ta’ data standardizzati u komparabbli li huma rilevanti għall-analiżi tar-riskji finanzjarji relatati mal-klima, kemm tranżizzjonali kif ukoll fiżiċi (47). Dawn jinkludu, pereżempju, il-pożizzjoni ġeografika u l-attivitajiet kummerċjali tal-assi/faċilitajiet u l-pressjonijiet ambjentali assoċjati, il-klassifikazzjoni settorjali tal-impriżi u l-konċentrazzjoni settorjali rispettiva tal-iskoperturi finanzjarji, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (kamp ta’ applikazzjoni 1–3) (48), u l-intensità tal-karbonju. L-istandards komuni ta’ rapportar għandu jkun fihom linji gwida ċari dwar il-metodoloġiji li jintużaw biex jiġi kkwantifikat l-impatt finanzjarju tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima għall-impriża li tiddivulga l-informazzjoni. Il-BĊE jilqa’ wkoll li d-direttiva proposta tipprevedi l-adozzjoni ta’ atti delegati li jispeċifikaw informazzjoni li l-impriżi jridu jirrapportaw li tkun speċifika għas-settur li fih joperaw (49). F’konformità mal-kontenut li diġà jinsab fid-direttiva proposta, l-istandards komuni ta’ rapportar għandhom jipprevedu wkoll divulgazzjonijiet komprensivi u komparabbli dwar il-politiki li l-impriżi jwettqu biex jindirizzaw u jimmaniġġjaw l-impatt potenzjali ta’ dawk ir-riskji (50). F’dak il-kuntest, l-istandards tar-rapportar għandhom jinkludu indikaturi kwantitattivi li jmorru lil hinn min-natura fil-biċċa l-kbira kwalitattiva tad-divulgazzjonijiet eżistenti u li jiffaċilitaw l-użu u l-komparabbiltà tad-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà.

5.3

F’dan ir-rigward, il-BĊE jilqa’ wkoll l-inklużjoni fil-proposta ta’ miri li jħarsu ’l quddiem. L-NFRD bħalissa m’għandhiex metriċi ta’ sostenibbiltà li jħarsu ’l quddiem, li madankollu huma ingredjent kruċjali għall-identifikazzjoni bikrija tar-riskji u l-formulazzjoni proattiva ta’ reazzjonijiet ta’ mitigazzjoni. Dan huwa komponent meħtieġ għall-iffissar tal-miri u l-analiżi tax-xenarji. Il-BĊE għalhekk jappoġġa bis-sħiħ l-istipulazzjoni fid-direttiva proposta li l-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata għandha tinkludi l-“pjanijiet... biex [l-impriża] tiżgura li l-mudell u l-istrateġija tan-negozju tagħha jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi” (51). Tali informazzjoni li tħares ’il quddiem għandha tiġi espressa f’termini standardizzati u faċilment komparabbli, tkun appoġġata minn metodoloġiji armonizzati, u tiġi vverifikata esternament minn partijiet terzi, kif previst fid-direttiva proposta, sabiex jiġu żgurati l-kredibbiltà u l-affidabbiltà tagħha.

5.4

Id-direttiva proposta tipprevedi l-konsultazzjoni tal-BĊE dwar l-istandards ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, u tiddikjara li l-BĊE għandu jissottometti l-opinjoni tiegħu dwar dawn l-istandards, jekk jiddeċiedi li jagħmel dan, fi żmien xahrejn mid-data li fiha jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni (52). Il-BĊE huwa lest li jagħti din l-opinjoni fi żmien il-perjodu propost ta’ xahrejn. Barra minn hekk, il-BĊE jilqa’ l-importanza kbira mogħtija lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-istituzzjonijiet Ewropej fil-proċess leġiżlattiv għall-atti delegati (53) u se jfittex sforzi ta’ kollaborazzjoni bejniethom.

6.   Allinjament ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE

6.1

Il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ l-għan iddikjarat tad-direttiva proposta li tiżgura l-konsistenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mar-rekwiżiti stabbiliti minn leġiżlazzjoni oħra tal-UE (54). L-istandards għandhom jiġu allinjati b’mod partikolari mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (55) u jenħtieġ li jqisu l-indikaturi u l-metodoloġiji sottostanti stabbiliti fid-diversi atti delegati adottati skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija, ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni applikabbli għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (56), l-istandards minimi għall-kostruzzjoni ta’ parametri referenzjarji tat-tranżizzjoni klimatika tal-UE u parametri referenzjarji allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, u ta’ kwalunkwe ħidma mwettqa mill-EBA fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-Pilastru III tas-CRR (57). Il-BĊE jappoġġa inizjattivi mmirati biex jiżguraw il-konsistenza u jimminimizzaw il-kumplessità tal-obbligi ta’ rapportar li jirriżultaw minn testi leġiżlattivi differenti. Id-duplikazzjoni tal-obbligi u l-inkonsistenza fid-definizzjonijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi tar-rekwiżiti applikabbli jintroduċu kumplikazzjonijiet u ambigwità bla bżonn għall-impriżi (58), u b’mod ġenerali jnaqqsu t-trasparenza u l-attraenza internazzjonali tal-qafas regolatorju tal-UE. Fejn tali nuqqasijiet u inkonsistenzi ma jistgħux jiġu rikonċiljati permezz tas-sintesi tagħhom fl-istandard tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-UE, kif inhu l-każ meta jirriżultaw mit-testi leġiżlattivi, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra rieżami ġenerali tal-qafas leġiżlattiv dwar il-finanzi sostenibbli, inkluża l-possibbiltà ta’ emendi legali mmirati biex jissimplifikaw ix-xenarju leġiżlattiv.

6.2

Il-BĊE jenfasizza li d-direttiva proposta għandha timmira lejn allinjament sħiħ ma’ atti leġiżlattivi oħra tal-UE u għandha timminimizza, u idealment telimina, ir-riskju ta’ inkonsistenzi preżenti jew futuri li jistgħu jitfaċċaw b’mod dinamiku, hekk kif id-diversi strumenti leġiżlattivi jevolvu b’mod parallel maż-żmien. Peress li l-istrumenti leġiżlattivi msemmija hawn fuq huma kollha interrelatati u jiddependu fuq ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni pprovduta bejniethom għall-funzjonament korrett tagħhom, il-qafas jista’ ma jkunx reżiljenti għal bidliet mhux koordinati ta’ komponenti individwali. B’mod partikolari, id-direttiva proposta tipprevedi rieżami tal-istandards ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà kull tliet snin (59), filwaqt li testi leġiżlattivi oħra se jibqgħu statiċi. Dan jinvolvi r-riskju li jinħolqu diskrepanzi matul iż-żmien. Il-BĊE jappoġġa rieżamijiet olistiċi tal-qafas finanzjarju sostenibbli kollu kemm hu, aktar milli rieżamijiet paralleli u mhux koordinati ta’ kull strument leġiżlattiv individwalment.

6.3

Minħabba ċ-ċentralità tar-Regolament dwar it-Tassonomija fl-aġenda tal-UE dwar il-finanzi sostenibbli, l-informazzjoni divulgata skont id-direttiva proposta dwar id-divulgazzjoni tas-sostenibbiltà korporattiva għandha tkun konsistenti mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija u tippermetti lill-kumpaniji u lil kwalunkwe aġent ieħor fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tat-Tassonomija tar-Regolament dwar it-Tassonomija jiksbu l-informazzjoni rilevanti kollha li jeħtieġu biex jikkonformaw mal-obbligi ta’ divulgazzjoni fil-livell tal-prodott u fil-livell korporattiv stabbiliti fir-Regolament dwar it-Tassonomija.

7.   Allinjament ma’ inizjattivi internazzjonali

7.1

Il-BĊE jilqa’ wkoll li d-direttiva proposta tistipula li l-istandards ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-UE għandhom jibnu fuq u jikkontribwixxu għal inizjattivi internazzjonali ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà (60). In-nuqqas ta’ qafas globalment standardizzat għad-divulgazzjonijiet jirriżulta f’komparabbiltà u konsistenza insuffiċjenti bejn il-ġuriżdizzjonijiet, jista’ jiġġenera ostakli bla bżonn għall-flussi internazzjonali ta’ finanzjament sostenibbli, u jista’ jwassal għal kundizzjonijiet mhux ekwi fost il-ġuriżdizzjonijiet, li jistgħu jaffettwaw lill-kumpaniji tal-UE b’mod mhux favorevoli u jista’ jinvolvi spejjeż ogħla għall-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE. Il-BĊE għalhekk jappoġġa sforzi kkoordinati globalment għall-konverġenza lejn standards komuni ta’ trasparenza u divulgazzjoni fuq livell globali, b’mod partikolari, il-proposta tal-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) biex jinħoloq Bord ġdid dwar l-Istandards tas-Sostenibbiltà u biex jiġu żviluppati standards għar-rapportar relatat mal-klima u suġġetti oħra dwar is-sostenibbiltà. Il-Fondazzjoni tal-IFRS għandha tibni tali standard flimkien mal-EFRAG, sabiex tiżgura l-allinjament u l-kompatibbiltà bejn l-IFRS u l-istandards tal-UE. Kwalunkwe standard internazzjonali m’għandux jonqos mill-aħjar prattiki globali u idealment għandu jkopri l-aspetti kollha tas-sostenibbiltà, b’mod konsistenti mal-kontenut tad-direttiva proposta. Dan għandu jirrikjedi li l-kumpaniji jiddivulgaw mhux biss kwistjonijiet li jinfluwenzaw il-valur tal-impriża, iżda wkoll informazzjoni dwar l-impatt ambjentali u soċjali usa’ tal-kumpanija (“materjalità doppja”). L-inizjattivi meħuda fuq livell reġjonali jew globali m’għandhomx jipprevjenu lill-UE milli tmur lil hinn meta tadatta l-istandards tagħha ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà skont id-direttiva proposta, f’konformità mal-ambizzjonijiet u l-qafas legali tal-UE stess, filwaqt li tiżgura l-allinjament u l-konsistenza mal-linja bażi internazzjonali.

8.   Dispożizzjonijiet dwar l-awditjar

8.1

Il-BĊE jilqa’ l-istabbiliment ta’ proċess ta’ verifika fir-rigward tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-impriżi, kif introdott mill-awditu obbligatorju (61). L-estensjoni tal-awditu obbligatorju mhux biss għal informazzjoni retrospettiva iżda wkoll għal informazzjoni li tħares ’il quddiem hija essenzjali biex tingħata ċertezza lill-partijiet ikkonċernati kollha u tiġi żgurata l-kredibbiltà tad-divulgazzjonijiet u l-impenji. Iż-żieda fl-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta se tappoġġa l-iżvilupp u l-approfondiment sussegwenti tas-swieq finanzjarji, mhux biss fir-rigward tal-finanzjament meħtieġ tat-tranżizzjonijiet iżda wkoll għall-iħħeġġjar tar-riskji relatati mas-sostenibbiltà.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qed tiġi prevista proposta ta’ abbozzar speċifika f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ Settembru 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2021) 189 final.

(2)  Ara “Overview of sustainable finance”, disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni fuq www.ec.europa.eu.

(3)  Il-Kummissjoni ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar “il-Patt Ekoloġiku Ewropew” fil-11 ta’ Diċembru 2019; ara COM(2019) 640 final.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(5)  Ara l-premessa 12. Ara wkoll “Climate-related risks to financial stability”, Artiklu Speċjali fil-Financial Stability Review tal-BĊE, Mejju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(6)  Ara p. 24 et seq tat-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istrateġija Mġedda għall-Finanzi Sostenibbli u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(7)  Ara d-diskors ta’ Christine Lagarde, “Towards a green capital markets union for Europe”, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(8)  Pereżempju, madwar 60 % tal-bonds privileġġati mhux garantiti ekoloġiċi kollha maħruġa globalment fl-2020 oriġinaw fl-UE. L-investiment fil-governanza ambjentali, soċjali u korporattiva huwa kkonċentrat ukoll fl-Ewropa, b’aktar minn nofs il-fondi tal-bonds domiċiljati fiż-żona tal-euro. Barra minn hekk, fl-2020, madwar nofs il-bonds ekoloġiċi maħruġa madwar id-dinja kienu f’euro.

(9)  Ara d-diskorsi ta’ Christine Lagarde, “Towards a green capital markets union for Europe” u “Financing a green and digital recovery”, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(10)  Is-suq tal-bonds ekoloġiċi diġà juri kważi d-doppju tal-livell ta’ parteċipazzjonijiet transfruntiera mill-bqija tas-swieq tal-bonds Ewropej. Dan jissuġġerixxi li l-iżvilupp ulterjuri tas-suq tal-bonds ekoloġiċi japprofondixxi l-integrazzjoni finanzjarja tal-UE. Ara l-Kapitolu 5 tal-Financial Stability Review ta’ Novembru 2020 tal-BĊE, Novembru 2020, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(11)  Ara l-premessa 48 tad-direttiva proposta.

(12)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta’ Lulju 2021: Strateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli, COM(2021) 390 final.

(13)  Ara l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2021/12. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma disponibbli fuq EUR-Lex.

(14)  Ara p. 2 tat-tweġiba tal-Eurosistema ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 6.

(15)  Ara l-istqarrija għall-istampa “ECB presents action plan to include climate change considerations in its monetary policy strategy”, 8 ta’ Lulju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(16)  Ara “Climate-related risks to financial stability”, Artiklu Speċjali fil-Financial Stability Review tal-BĊE, Mejju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(17)  Ara l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2021/12; il-paragrafu 2.2 tal-Opinjoni CON/2021/22; Isabel Schnabel, “Never waste a crisis: COVID-19, climate change and monetary policy”, roundtable virtwali dwar “Sustainable Crisis Responses in Europe”, Network ta’ Riċerka INSPIRE, 17 ta’ Lulju 2020, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(18)  Ara l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2021/12; “It-tibdil fil-Klima u l-Politika Monetarja: Punti Ewlenin Inizjali”, Ġunju 2020, disponibbli fuq is-sit web tan-Network tal-Banek Ċentrali u s-Superviżuri għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja fuq www.ngfs.net, f’p. 3.

(19)  Ara l-istqarrija għall-istampa “ECB presents action plan to include climate change considerations in its monetary policy strategy”, 8 ta’ Lulju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(20)  Ara t-Tim tal-Proġett tal-BĊE/BERS dwar l-immudellar tar-riskju klimatiku, “Climate-related risk and financial stability”, Lulju 2021, p. 9, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(21)  Ara s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, “Guide on climate-related and environmental risks”, Mejju 2020, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(22)  Ara s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, “Guide on climate-related and environmental risks”, Mejju 2020, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(23)  Ara l-istqarrija għall-istampa “ECB presents action plan to include climate change considerations in its monetary policy strategy”, 8 ta’ Lulju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(24)  Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(25)  Ara “Implementing Technical Standards (ITS) on prudential disclosures on ESG risks in accordance with Article 449a CRR”, disponibbli fuq is-sit web tal-EBA fuq www.eba.europa.eu.

(26)  Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).

(27)  Ara wkoll l-istqarrija għall-istampa “ECB presents action plan to include climate change considerations in its monetary policy strategy”, 8 ta’ Lulju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu, fejn huwa kkonfermat li l-BĊE se jiżviluppa indikaturi dwar strumenti finanzjarji ekoloġiċi, l-iskopertura tal-istituzzjonijiet finanzjarji għal riskji fiżiċi relatati mal-klima permezz tal-portafolli tagħhom u dwar l-impronta tal-karbonju tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

(28)  Ara l-premessa 48 u l-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta, li ddaħħal l-Artikolu 19d fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19). (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kontabilità”).

(29)  Ara l-premessa 48 tad-direttiva proposta.

(30)  Ara r-Rakkomandazzjonijiet tal-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku tal-24 ta’ Settembru 2020 dwar l-identifikazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi (BERS/2020/12).

(31)  Ara l-istqarrija għall-istampa, “Eurosystem agrees on common stance for climate change-related sustainable investments in non-monetary policy portfolios”, 4 ta’ Frar 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(32)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(33)  Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-direttiva proposta li jirreferi għall-punti (2) sa (23) tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital.

(34)  Ara l-Annessi I u II tad-Direttiva dwar il-Kontabilità.

(35)  Ara “Feedback on the input provided by the European Parliament as part of its resolution on the ECB Annual Report 2019”, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(36)  Ara “Feedback on the input provided by the European Parliament as part of its resolution on the ECB Annual Report 2019”, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(37)  Ara l-istqarrija għall-istampa, “Eurosystem agrees on common stance for climate change-related sustainable investments in non-monetary policy portfolios”, 4 ta’ Frar 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(38)  Ara l-istqarrija għall-istampa “ECB presents action plan to include climate change considerations in its monetary policy strategy”, 8 ta’ Lulju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(39)  Ara l-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta, li jissostitwixxi l-Artikolu 19a tad-Direttiva dwar il-Kontabilità.

(40)  “Impriżi kbar” huma ddefiniti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità bħala impriżi “li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom jaqbżu tal-inqas tnejn mit-tliet kriterji li ġejjin: (a) total tal-karta tal-bilanċ: EUR 20 000 000; (b) fatturat nett: EUR 40 000 000; (c) medja ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: 250”. Min-naħa l-oħra, l-NFRD tkopri biss impriżi kbar b’aktar minn 500 impjegat li huma entitajiet ta’ interess pubbliku kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità (attwalment l-Artikolu 19a(1) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità).

(41)  Ara l-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta li jdaħħal l-Artikolu 19c dwar l-istandards ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-SMEs fid-Direttiva dwar il-Kontabilità.

(42)  Ara l-premessa 23 tad-direttiva proposta.

(43)  Ara l-punti 1 u 3 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta, li temenda l-Artikolu 1 u tissostitwixxi l-Artikolu 19a tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, rispettivament.

(44)  Kif propost fl-Anness Tekniku mehmuż hawnhekk.

(45)  Ara l-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta, li jdaħħal l-Artikolu 19b fid-Direttiva dwar il-Kontabilità.

(46)  Ara p. 26 tat-tweġiba tal-Eurosistema ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 6.

(47)  Ara wkoll is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, “Guide on climate-related and environmental risks”, Mejju 2020, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(48)  Il-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra jiddistingwi bejn l-emissjonijiet diretti ta’ gassijiet serra ta’ kumpaniji minn sorsi proprjetà jew ikkontrollati (kamp ta’ applikazzjoni 1), l-emissjonijiet indiretti minn elettriku, fwar, tisħin jew tkessiħ mixtrija (kamp ta’ applikazzjoni 2) u l-emissjonijiet indiretti l-oħra kollha, inkluż b’mod partikolari dawk li jseħħu tul il-katina tal-valur korporattiva, jew upstream jew downstream (kamp ta’ applikazzjoni 3); ara s-sit web tal-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra fuq ghgprotocol.org.

(49)  Ara l-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta, li jdaħħal l-Artikolu 19b(1)(b)(ii) fid-Direttiva dwar il-Kontabilità.

(50)  Ara wkoll il-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta, fejn l-Artikolu 19a tad-Direttiva dwar il-Kontabilità huwa sostitwit u punt (d) ġdid huwa introdott fil-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu.

(51)  Ara l-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta, li jissostitwixxi l-Artikolu 19a(2) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità.

(52)  Ara l-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta, li jemenda l-Artikolu 49 tad-Direttiva dwar il-Kontabilità.

(53)  Ara l-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta, li jemenda l-Artikolu 49 tad-Direttiva dwar il-Kontabilità.

(54)  Ara l-premessa 35 tad-direttiva proposta.

(55)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(56)  Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).

(57)  Ara l-premessa 35 tad-direttiva proposta.

(58)  Ara p. 29 tat-tweġiba tal-Eurosistema ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 6.

(59)  Ara l-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-direttiva proposta, li jdaħħal l-Artikolu 19b(1) fid-Direttiva dwar il-Kontabilità.

(60)  Ara l-premessa 37 tad-direttiva proposta.

(61)  Ara l-Artikolu 3 tad-direttiva proposta, li jemenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).