Official Journal 172 , 30/09/1966 P. 3025 - 3035
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0167
Danish special edition: Series I Chapter 1965-1966 P. 0193
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 1 P. 0167
English special edition: Series I Chapter 1965-1966 P. 0221
Greek special edition: Chapter 03 Volume 2 P. 0033
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 1 P. 0214
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 1 P. 0214
Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar l-istabbiliment ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 42 u 43 tiegħu; Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni; Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1]; Billi s-sitwazzjoni fis-suq tal-Komunità taż-żjut u x-xaħmijiet tal-ħxejjex jew ta’ oriġini marittima hija kkaratterizzata minn domanda għolja u produzzjoni ġeneralment baxxa; billi l-Istati Membri għalhekk jiddependu għall-parti kbira fuq is-suq dinji għall-provvisti; billi din is-sitwazzjoni ġeneralment tiġġustifika t-tneħħija tal-barrieri varji għall-importazzjoni u r-rimpjazzament tagħhom, apparti min dak li jirrigwarda ċerti prodotti taż-żejt taż-żebbuġa, bit-Tariffa Doganali Komuni, li tagħmilha eħfef għall-industriji li jiksbu provvisti billi jippermettu l-materja prima li tidħol fil-Komunità mingħajr dazju waqt li d-dazji fuq il-prodotti maħduma jgħinu biex ikunu protetti dawn l-industriji u jaċċertaw provvisti għall-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli; Billi, b'dankollu, it-tneħħijja tal-barrieri għall-importazzjoni tħalli s-suq tal-Komunità taż-żrieragħ taż-żejt, frott żejtni kollu u ż-żjut tagħhom mingħajr difiża kontra disturbi kkawżati jew b’ċerta importazzjoni minn pajjizi terzi jew b’disparitajiet, li jirriżultaw minn azzjonijiet minn pajjizi terzi, bejn il-prezzijiet għall-prodotti akkwistati miż-żrieragħ taż-żejt u minn frott żejtni u l-prezzijiet għal dawn iż-żrieragħ u l-frott; billi dawn id-disturbi huma ta’ preġudizzju serju għall-interessi tal-produtturi u l-industriji li jipproċessaw; billi provvediment għandu għalhekk ikun magħul għall-miżuri xierqa biex tkun irrimedjata din is-sitwazzjoni, impenji internazzjonali għandhom għalhekk ikunu kkunsidrati; Billi, minħabba s-sitwazzjoni fis-suq dinji, ċerti setturi tal-produzzjoni agrikola u industrijali fil-Komunità jkunu affetwati b'mod żvantaġġuż jekk ma jittieħdux miżuri sabiex ikunu mitigati l-effetti tat-tneħħija tal-barrieri ta' l-importazzjoni; billi l-konsum taż-żejt taż-żebbuġa jista’ jbatti jekk ikun hemm tnaqqis sostanzjali fil-prezz ta’ żjut kompetittivi; billi, aktar minn hekk, żjut oħra u żrieragħ taż-żjut f’kompetizzjoni diretta maż-żjut u żrieragħ taż-żjut importati minn pajjizi terzi b’rata mnaqqsa ta’ dazju jew bla dazju; Billi t-tkabbir taż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa huma ta’ importanza ekonomika speċjali f’ċerti reġjuni tal-Komunità,meta ħafna drabi dawn ikunu l-għajn l-aktar importanti tad-dħul għal proporzjon kbira tal-popolazzjoni; billi ż-żejt taż-żebbuġa huwa l-għajn l-aktar importanti ta’ żejt u xaħmijiet għal kategoriji kbar ta’ konsumaturi; billi t-tkabbir ta’ żrieragħ taż-żejt, partikolarment iż-żerriegħa tal-kolza, tar-rapa u tal-ġirasol, tikkontribwixxi għall-eżistenza ta’ oqsma billi jagħmluha possibbli sabiex jittejjeb il-bilanċ tekniku u finanzjarju; billi huwa għalhekk meħtieġ li dawn l-attivitajiet ikunu sostnuti b’miżuri xierqa; Billi għal dan l-għan in-negozju ta’ uċuħ tar-raba' tal-Komunità ta’ dawn il-prodotti għandu jassigura lill-produtturi dħul raġjonevoli, li l-livell tiegħu jista’ jkun iddeterminat bi prezz ta’ mira tal-produzzjoni fil-każ taż-żejt taż-żebbuġa u bi prezz ta’ mira fil-każ taż-żrieragħ taż-żejt; billi id-differenza bejn dawn il-prezzijiet u l-prezzijiet aċċettabbli għall-konsumatur tirrappreżenta s-sussidju li għandu jkun mogħti sabiex jintlaħqu l-oġġettivi mixtieqa; Billi l-preferenzi tal-konsumatur jagħmluha possibbli li jinbiegħ iż-żejt taż-żebbuġa bi prezz aktar ogħli minn dak ta’ prodotti oħra ta’ natura simili; billi huwa għalhekk possibbli, prezzijiet għall-prodotti kompetittivi jkunu kkunsidrati, sabiex ikun stabbilit prezz ta’ mira tas-suq li, bħala regola ġenerali, jipprovdi lill-produttur b’porzjon kbir tad-dħul bżonjuż f’forma ta’ akkwist minn bejgħ; Billi l-prezz ta’ mira tas-suq għaż-żejt taż-żebbuġa ma jistax jilħaq l-għan tiegħu jekk il-prezz li attwalment ikun jirregola fis-suq ma jkunx kemm jista’ jkun possibbli viċin tal-prezz tas-suq; billi makkinarju li jistabbilizza għandu għalhekk ikun ipprovdut fl-Istati Membri li jipproduċu u fil-fruntiera tal-Komunità; Billi l-istabbilità mixtieqa tista’ tinkiseb fil-Komunità billi jkun possibbli f’zoni tal-produzzjoni li ż-żejt taż-żebbuġa jkun offrut lejn l-aġenziji kompetenti fl-Istati Membri; billi, minħabba l-konċentrazzjoni ġeografika tal-produzzjoni u tal-konsum, il-prezz ta’ l-intervent li għandu jkun imħallas għaż-żejt mill-aġenziji ta’ l-intervent jista’ jkun l-istess fiċ-ċentri kollha ta’ l-intervent; billi, aktar u aktar, sabiex ikun assigurat li jkun hemm bilanċ kostanti bejn il-provvista u t-talba u sabiex jiġu miġġielda l-effetti tal-varjazzjonijiet fil-produzzjoni, għandhom isiru disposizzjonijiet dwar il-possibbiltà li aġenziji ta’ l-intervent ikunu fdati bix-xogħol li jiffurmaw ħażna fuq ir-riħ; Billi, sabiex ikun stabbilizzat is-suq tal-Komunità fil-livell mixtieq, speċjalment billi jkun assigurat li l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tas-suq dinji ma jaffetwawx il-prezzijiet fil-Komunità, għandhom isiru disposizzjonijiet sabiex jinbidel id-dazju ta’ l-importazzjoni li jikkorrispondi mad-differenza bejn il-prezz minimu li jkun ġej mill-prezz ta’ mira tas-suq u l-prezzijiet li japplikaw fis-suq dinji; billi jekk il-protezzjoni għandha tkun imwettqa u konsistenti, sistema li għandha jkollha l-istess effett għandha tkun applikata għall-għaġna taż-żejt, fdal ieħor li jibqa’ wara li jkun magħsur iż-żejt taż-żebbuġa u ż- żebbuġ għall-produzzjoni taż-żejt; Billi, fil-każ taż-żejt taż-żebbuġa użat għall-manifattura ta’ ħut u ħxejjex ippreservati, id-dazju għandu jkun sospiż jew rifużjoni għandha tingħata sabiex produtturi jkunu jistgħu jlaħħqu mal-kompetizzjoni minn prodotti simili manufatturati minn żejt mixtri bi prezzijiet tas-suq dinji; Billi l-provvisti taż-żejt taż-żebbuġa lejn il-konsumatur jistgħu jkunu ipperikolati jekk l-iskala tal-prezzijiet dinjija għall-prezzijiet tal-Komunità x'aktarx iwasslu għall-esportazzjoni sostanzjali taż-żejt taż-żebbuġa; billi, aktar u aktar, importazzjoni u esportazzjoni ta’ dan il-prodott jista’ f’ċerti ċirkostanzi jwassal għal disturbi fis-suq; billi disposizzjonijiet għandhom għalhekk isiru sabiex jieħdu ħsieb sitwazzjonijiet bħal dawn; Billi, sa kemm iż-żrieragħ taż-żejt huma kkonċernati, bdiewa jistgħu jkunu mħarsa kontra r-riskji li jistgħu jinqalgħu, minkejja is-sistema tas-sussidji kif ipproponuta, mill-istat mhux stabbli tas-suq permezz ta’ makkinarju ta’ l-intervent li jinvolvi x-xiri lura ta’ kwantitajiet offruti lejn l-aġenziji kompetenti bil-prezz ta’ l-intervent li għandhom, minħabba li ż-żona tal-produzzjoni hija estensiva u ċentri ta’ l-ipproċessar huma ftit, ikunu stabbiliti fid-dawl tal-kondizzjonijiet naturali tal-formazzjoni tal-prezz; Billi l-lista taż-żrieragħ li għandha tkun koperta mis-sistema deskritta hawn fuq għandha tkun iffurmata b’mod li jkun jinkludi l-ispeċi li huma l-aktar imkabbra fil-preżent; billi disposizzjonijiet għandhom b'dankollu jsiru għall-possibbiltà li tkun estiża din is-sistema għal żrieragħ oħra meta l-esperjenza turi li dan huwa meħtieġ; Billi t-tneħħija ta’ miżuri li jinkoraġġixxu l-produzzjoni taż-żejt miż-żrieragħ ta’ l-għeneb f’ċerti Stati Membri titlob l-adozzjoni ta’ miżuri speċjali sabiex l-industrija kkonċernata titħalla taddatta ruħha għall-kondizzjonijiet ġodda tas-suq; Billi l-konsistenza tad-disposizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet tkun imfixkla jekk l-effett tagħhom għandu jun mgħaqqad ma’ dawk tas-sussidji inkompatibbli mat-Trattat; billi, sa dak iż-żmien meta l-politika agrikola komuni għall-kittien tidħol fis-seħħ, għanda ssir eċċezzjoni rigward is-sussidji dwar il-produzzjoni ta’ l-għasir taż-żejt miż-żerriegħa tal-kittien; Billi l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet għandha fl-istess ħin tieħu akkont kif xieraq, ta’ l-oġġettivi stabbiliti fl-Artikolu 39 u 110 tat-Trattat; Billi, sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti, għandha tkun ipprovduta proċedura li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Ġestjoni; ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. L-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żrieragħ taż-żejt, frott żejtni, żjut u xaħmijiet tal-ħxejjex, u żjut u xaħmijiet minn mammali marittimi, għandha tkun stabbilita. 2. Dan ir-Regolament għandu jkopri l-prodotti segwenti: Intestatura CCT | Deskrizzjoni ta' l-oġġetti | a)ex 12.01 | Żrieragħ taż-żejt u frott żejtni, sħiħ jew imfarrak | b)12.02 | Tqiq u smida minn żrieragħ taż-żejt jew frott żejtni, li ma jkunux tneħħew minnu x-xaħmijiet (eskluż it-tqiq tal-mustarda) | 15.04 | Xaħmijiet u żjut, mill-ħut u minn mammali marittimi, sew jekk raffinat u anki jekk le | ex 15.07 | Żjut veġitali għall-istabbilizzar, likwidi jew solidi, krudu, raffinati jew ippurifikati, eskluż iż-żejt taż-żebbuġa. | 15.12 | Żjut u xaħmijiet veġitali jew mill-annimali, kompletament jew parzjalment idroġenizzati, jew issolidifikati jew imwebbsa b'xi proċess ieħor, sew jekk raffinati u anki jekk le, imma mhux aktar ippreparati. | 15.13 | Marġerina, imitazzjoni tax-xaħam u xaħmijiet oħrajn ippreparati tajbin għall-ikel. | ex 15.17 | Residwi li jirriżultaw mit-trattament ta' sustanzi xaħmija jew xamgħat mill-annimali jew mill-ħxejjex, esklużi dawk li jkun fihom żejt li jkollu l-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa | ex 23.04 | Għaġna taż-żejt u residwi oħrajn (apparti minn tartru) li jirriżultaw mill-estrazzjoni ta' żjut veġitali, esklużi l-għaġna taż-żejt u residwi oħrajn li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa | c)ex 15.07 | Żejt taż-żebbnġa, krud, raffinat jew ippurifikat | d)ex 07.01N | Żebbuġ, frisk jew imkessaħ | ex 07.02 | Żebbuġ (sew jekk imsajjar u anki jekk le) ippreservat bil-friża | ex 07.03 A | Żebbuġ proviżjonalment ippreservat fis-salmura, fl-ilma bil-kubrit jew f'xi soluzzjonijiet preservattivi oħrajn, imma li mhux speċjalment ippreparat għall-konsum immedjat. | ex 07.04 B | Żebbuġ niexef, imqadded jew evaporat, sħiħ, imqatta, imfellel, imkisser jew magħmul trab, imma mhux aktar ippreparat. | e)ex 15.17 | Residwi li jirriżultaw mit-trattament ta' sustanzi xaħmija jew xemgħat mill-annimali jew mill-ħxejjex, li jkun fihom żejt li jkollu l-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa | ex 23.04 | Għaġna taż-żejt u residwi oħrajn li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa | TITOLU I Kummerċ Artikolu 2 1. It-Tariffa Doganali Komuni għandha tkun applikata għall-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2) (a), (b) u (d). 2. Sistema tad-dazji għandha tkun applikata għall-importazzjoni minn pajjizi terzi tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2) (c) u (e) u ta’ dawk li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 15 (1). Artikolu 3 1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, is-segwenti għandu jkun inkompatibbli mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fin-negozju matul il-Komunità: - l-intaxxar ta’ xi dazju doganali jew xi imposti li jkollhom effett ekwivalenti; - l-applikazzjoni ta’ kull restrizzjoni kwantitattiva jew miżura li jkollha effett ekwivalenti; - rikors għall-Artikolu 44 tat-Trattat. 2. Fin-negozju ma’ pajjizi terzi s-segwenti għandu jkun inkompatibbli mad-diposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament: - l-intaxxar ta’ xi dazju jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti, apparti minn dawk li hemm provvediment dwarhom f’dan ir-Regolament; - l-applikazzjoni ta’ xi restrizzjoni kwantitattiva jew miżura li għandha effett ekwivalenti, apparti mid-deroga minnha li għandha tkun deċiża mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura ta’ votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat dwar proposta mill-Kummissjoni. 3. Ir-restrizzjoni tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 17 dwar kategorija speċifika minn dawk intitolati li jirċievuhom għandha tkun waħda mill-miżuri kkunsidrati li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva. 4. Negozju matul il-Komunità fl-oġġetti elenkati fl-Artikolu 1 (2) għandu jitqies inkompatibbli mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament meta xi wieħed mill-prodotti li ma jkunux f'ċirkolazzjoni ħielsa huwa użat fil-produzzjoni tagħhom. 5. Sa dak iż-żmien meta l-arranġamenti nazzjonali li jirregolaw is-sospensjoni jew l-irtirar tad-dazji doganali, taxxi jew imposti fuq prodotti għall-esportazzjoni mill-ġdid lejn pajjizi terzi kienu ġew armonizzati, u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet li għandhom ikunu adottati b’konnessjoni ma’ l-armonizzazzjoni bħal din, il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jagħmlu tajjeb għal xi disturbi fis-suq taż-żejt taż-żebbuġa li jirriżultaw minn differenzi bejn dawn l-arranġamenti nazzjonali. 6. Meta l-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2) (a) u (b) ikunu importati minn pajjizi terzi fi kwantitajiet u permezz tal-kondizzjonijiet li jistgħu b’mod serju jippreġudikaw jew jheddu li jippreġudikaw l-interessi tal-produtturi tal-Komunità tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2), ammont ta’ kumpens jista’ jkun impost fuq l-importazzjoni. Ammont ta’ kumpens jista’ ukoll ikun impost fuq l-importazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2) meta, b’riżultat ta’ sussidji diretti jew indiretti jew laġġji mogħtija fir-rigward ta' dawn il-prodotti minn pajjiż terz wieħed jew aktar, jew bħala riżultat ta’ miżuri ekwivalenti, offerti attwali ta’ dawn il-prodotti ma jikkorrispondux għall-prezzijiet li jkunu japplikaw fin-nuqqas ta’ miżuri jew prattiċi simili u meta sitwazzjoni bħal din tikkawża jew thedded li tikkawża preġudizzju serju għall-produzzjoni tal-Komunità tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2). L-introduzzjoni ta’ ammonti ta’ kumpens bħal dawn għandha tirrispetta l-wegħdiet internazzjonali magħmula mill-Istati Membri u mill-Komunità. L-ammonti għandhom ikunu stabbiliti bi qbil mar-regoli li għandhom ikunu adottati mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat dwar proposta mill-Kummissjoni. TITOLU II ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA Artikolu 4 Qabel l-1 t’Ottubru ta’ kull sena l-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiffissa prezz wieħed ta’ mira tal-produzzjoni, prezz wieħed ta’ mira tas-suq, prezz wieħed ta’ l-intervent u prezz wieħed minimu għaż-żejt taż-żebbuġa għall-Komunità. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 9, dawn il-prezzijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ matul is-sena tas-suq segwenti. Is-sena tas-suq għandha tibda mill-1 ta’ Novembru sal-31 t’Ottubru. Dawn il-prezzijiet għandhom jirreferu għal kwalità normali taż-żejt li tikkorrispondi ma’ waħda mid-definizzjonijiet fl-Anness li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 35. Din il-kwalità normali għandha tkun iddeterminta mill-Kunsill bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-ewwel paragrafu. Għandhom ikunu stabbiliti fl-istadju tas-suq bl-ingrossa esklużi t-taxxi. Artikolu 5 Il-prezz ta’ mira tal-produzzjoni għandu jkun stabbilit f’livell li jkun ġust għall-produtturi, għandu jittieħed akkont tal-ħtieġa li l-produzzjoni tal-Komunità tinżamm fil-livell meħtieġ. Artikolu 6 Il-prezz ta’ mira tas-suq għandu jkun stabbilit f’livell li jippermetti n-negozju normali taż-żejt taż-żebbuġa prodott, waqt li jittieħed akkont tal-prezzijiet ta’ prodotti kompetittivi u partikolarment tat-tendenza probabbli ta’ dawn il-prezzijiet matul is-sena tas-suq u l-inċidenza ta’ żidiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 9 dwar prezzijiet għaż-żejt taż-żebbuġa. Artikolu 7 Il-prezz ta’ l-intervent, li jiggarantixxi li produtturi jkunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom bi prezz li, meta jippermettu l-varjazzjonijiet fis-suq, huwa kemm jista’ jkun qrib għall-prezz mira tas-suq, għandu jkun egwali għall-prezz mira tas-suq imnaqqas b’ammont kbir biżżejjed li jipprovdi għal dawn il-varjazzjonijiet u għat-trasport taż-żejt taż-żebbuġa minn żoni ta’ produzzjoni għal żoni ta’ konsum. Artikolu 8 Il-prezz tal-bidu għandu jkun stabbilit b’tali mod li l-prezz tal-bejgħ għall-prodott importat fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera kif hemm referenza dwaru fl-Artikolu 13 (2) għandu jkun l-istess bħall-prezz ta’ mira tas-suq. Artikolu 9 Sabiex bejgħ ikun jista’ jkun imqassam, il-prezz ta’ mira tas-suq, il-prezz ta’ l-intervent u l-prezz minimu għandhom ikunu miżjuda kull xahar, għal perjodu ta’ għaxar xhur li jibdew mill-1 ta’ Jannar, b’ammont li għandu jkun l-istess għat-tliet prezzijiet. Iż-żidiet ta’ kull xahar, li għandhom ikunu l-istess għal kull xahar, għandhom ikunu stabbiliti kull sena mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, waqt li jittieħed akkont tal-medja ta’ l-ispejjez tal-ħażna u l-imposti ta' l-imgħax fil-Komunità. Artikolu 10 1. Meta l-prezz ta’ mira tal-produzzjoni jkun aktar mill-prezz ta’ mira tas-suq li jkun japplika fil-bidu tas-sena tas-suq, sussidju egwali għad-differenza bejn dawn iż-żewġ prezzijiet għandu jingħata lill-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa magħsur fil-Komunità minn żebbuġ maħsud fil-Komunità. Biss dak iż-żejt li għalih id-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu ma jkunux diġà ġew applikati għandhom ikunu eliġibbli għal dan is-sussidju. 2. Il-prinċipji li jirregolaw l-ogħtja tas-sussidju li hemm provvediment dwaru fil-paragarfu 1 għandhom ikunu definiti mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni. Waqt li jaġixxi bi qbil ma’ l-istess proċedura, il-Kunsill għandu jadotta miżuri biex jassigura li produtturi taż-żejt taż-żebbuġa jirċievu dan is-sussidju biss rigward żjut li jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1. 3. Ir-regoli dettaljati biex ikun applikat dan l-Artikolu għandhom ikunu applikati bi qbil mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 38. Artikolu 11 1. F’kull Stat Membru li jipproduċi, aġenzija ta’ l-intervent għandha, permezz tal-kondizzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 5, tixtri żejt taż-żebbuġa li joriġina mill-Komunità li jkun offrut lilha f’ċentri ta’ l-intervent fiż-żoni ta’ produzzjoni. L-aġenzija ta’ l-intervent għandha tixtri bil-prezz ta’ l-intervent u b’dak il-prezz biss. Jekk, b'dankollu, id-deskrizzjoni jew il-kwalità taż-żejt offrut lill-aġenzija ta’ l-intervent ma jkunx jikkorrispondi ma’ dak li għalih ikun stabbilit il-prezz ta’ l-intervent, il-prezz tax-xiri lura għandu jkun aġġustat permezz ta’ skala ta’ żidiet u tnaqqis fil-prezzijiet. Barra minn dan, jekk fuq talba ta’ l-aġenzija ta’ l-intervent żejt ikun fornut f’post apparti milli ċ-ċentru indikat mill-bejjiegħ meta tkun saret l-offerta, it-tibdil li jirriżulta fl-ispejjes tat-trasport għall-bejjiegħ għandu jkun meqjus meta jkun qiegħed isir il-ħlas. 2. Bl-għan li jkun stabbilizzat is-suq matul is-sena tas-suq, l-aġenziji ta’ l-intervent jistgħu jikkonkludu kuntratti ta’ magazzinaġġ għaż-żejt taż-żebbuġa mill-Komunità permezz tad-disposizzjonijiet adottati mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni. 3. Żejt taż-żebbuġa mixtri mill-aġenziji ta’ l-intervent m’għandux ikun mibjugħ fis-suq tal-Komunità fuq termini li jistgħu jfixklu l-formazzjoni tal-prezz fuq livell tal-prezz ta’ mira tas-suq. 4. Il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi ċ-ċentri ewlenija ta’ l-intervent u jistabbilixxi kriterji li għandhom ikunu applikati meta ċentri oħra jkunu qegħdin jiġu stabbiliti; dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu stabbiliti bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri kkonċernati. 5. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, u partikolarment dawk li jikkonċernaw il-kwalita u d-daqs tal-kunsinna offruta permezz tal-paragrafu 1, għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċeduri stabbilita fl-Artikolu 38. Artikolu 12 Sabiex jitnaqqsu l-effetti tal-varjazzjonijiet tal-ħsad fuq il-bilanċ bejn il-provvista u t-talba u b’hekk ikunu stabbiliti l-prezzijiet għall-konsumatur, il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jkun jenħtieġ li l-aġenziji ta’ l-intervent jiffurmaw ħażna fuq ir-riħ ta’ żejt taż-żebbuġa. Dan għandu, bi qbil ma’ l-istess proċedura, jistabbilixxi l-kondizzjonijiet regolatriċi rigward il-formazzjoni, l-immaniġġjar u d-disponiment mill-ħażna ta' fuq ir-riħ. Artikolu 13 1. Jekk il-prezz minimu huwa aktar ogħli mill-prezz c.i.f., dazju egwali għad-differenza bejn dawn iż-żewġ prezzijiet għandu jintalab fuq l-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa mhux raffinat minn pajjiżi terzi. 2. Il-prezz c.i.f., ikkalkulat għall-punt tal-qsim tal-fruntiera tal-Komunità, għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi ta’ l-opportunitajiet l-aktar favorevoli għax-xiri fis-suq dinji. Il-punt fejn tinqasam il-fruntiera għandu jkun stabbilit mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, billi jittieħed akkont li dan il-punt huwa rappreżentattiv ta' l-importazzjoni. Meta l-opportunitajiet ta’ xiri l-aktar favorevoli jkunu qed jiġu ddeterminati, biss dawk l-offerti li jikkorrispondu ma’ l-opportunitajiet ta’ xiri attwali għall-kwantitajiet li huma rappreżentattivi tas-suq għandhom ikunu meqjusa. Il-prezzijiet għandhom ikunu aġġustati sabiex jippermettu kull devjazzjoni mid-deskrizzjoni jew mill-kwalità li dwarha l-prezz tad-dħul kien stabbilit. 3. Meta estimi b’xejn fis-suq dinji ma jkunux il-fattur determinanti għall-prezz ta’ l-offerta u meta dan il-prezz ikun aktar baxx mill-prezzijiet fis-suq dinji, il-prezz determinat fuq il-bażi tal-prezz ta’ l-offerta għandu jkun sostitwit għall-prezz c.i.f. fir-rigward ta' dawn l-importazzjoni u dawn l-importazzjoni biss. 4. It-taxxa għandha tkun stabbilita mill-Kummissjoni. Il-kriterji għad-determinazzjoni tal-prezz c.i.f. u l-prezz li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 3 għandhom ikunu stabbiliti u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikoli għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38. Artikolu 14 1. Taxxa għandha tkun imposta fuq l-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa raffinat minn pajjiżi terzi. Din it-taxxa għandha tkun magħmula minn komponent varjabbli li jikkorrispondi mat-taxxa applikabbli għall-kwantità taż-żejt taż-żebbuġa meħtieġa għall-produzzjoni tiegħu (li jista’ jkun iffissat fuq rata normali) u komponent fiss sabiex jipproteġi l-industrija ta’ l-ipproċessar. 2. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzkjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni. Artikolu 15 1. Ma’ l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ żebbuġ li jidħol fis-sub-Intestaturi Nri 07.01 N u 07.03 A, esklużi dawk għall-iskopijiet apparti minn dawk tal-produzzjoni taż-żejt, taxxi akkwistati mit-taxxa applikabbli għaż-żejt taż-żebbuġa permezz ta' l-artikolu 13 u ibbażat fuq il-kontenut ta’ żejt tal-prodott importat għandha tkun imposta flimkien mar-rata tad-dazju fit-Tariffa Doganali Komuni. It-taxxa għandha tkun imnaqqsa b’dak l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dazju doganali għall-valur tal-prodott importat. Dan l-ammont jista’ jkun iffissat għal rata normali. 2. Ma’ l-importazzjoni minn pajjizi terzi tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2) (e) taxxa akkwistata mit-taxxa applikabbli għaż-żejt taż-żebbuġa u bbażata fuq il-kontenut taż-żejt tal-prodott importat għandha tkun imposta. B'dankollu, it-taxxa għandha biss tkun imposta jekk l-impenji miftiehma fi ħdan il-GATT ikunu rispettati. 3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, u partikolarment dawk li jikkonċernaw id-determianzzjoni tal-kontenut taż-żejt li jistgħu jkunu ffissati b'rata normali, għandhom ikunu adottati mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni. Artikolu 16 It-taxxa applikabbli għall-importazzjoni għandha tkun dik fis-seħħ fil-ġurnata ta’ l-importazzjoni. Artikolu 17 1. L-importazzjoni minn pajjizi terzi ta’ xi wieħed mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2) (c), (d) u (e) għandha tkun ikkondizzjonata fuq il-preżentazzjoni ta’ liċenzja ta’ l-importazzjoni. L-esportazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa lejn pajjiżi terzi għandha tkun ikkondizzjonata fuq il-preżentazzjoni ta’ liċenzja ta’ l-esportazjoni. Dawn il-liċenzji għandhom jinħarġu fuq applikazzjoni mill-parti kkonċernata permezz tar-regoli li għandhom ikunu adottati mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni. Dawn ir-regoli jenħtieġu li jkun ippreżentat depositu. 2. Il-liċenzji ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni għandhom ikunu validi mid-data tal-ħruġ sat-tmiem tat-tielet xahar li jsegwi x-xahar tal-ħruġ. 3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċeduri stabbilita fl-Artikolu 38. Artikolu 18 1. Meta ż-żejt taż-żebbuġa jkun esportat lejn pajjiżi terzi: - id-differenza bejn il-prezzijiet matul il-Komunità u l-prezzijiet tas-suq dinji jistgħu jkunu koperti b'rifużjoni meta dawk preċedenti huma ogħla minn dawk ta' l-aħħar; - taxxa egwali l-aktar għad-differenza bejn il-prezzijiet tas-suq dinji u l-prezzijiet tal-Komunità tista’ tkun imposta meta dawk preċedenti huma ogħla minn dawk ta' l-aħħar; 2. Id-disposizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni. Artikolu 19 Iż-żejt taż-żebbuġa użat fil-manifattura tal-ħut u l-ħxejjex ippreservati għandu jibbenefika minn sistema ta’ rifużjoni tal-produzzjoni jew minn sospensjoni totali jew parzjali tat-taxxa ta' l-importazzjoni. Id-disposizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni. Artikolu 20 1. Jekk is-suq taż-żejt taż-żebbuġa fil-Komunità jesperjenza jew ikun mhedded b’disturbi serji minħabba: - importazzjoni minn pajjiżi terzi tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2) (c), (d) u (e), partikolarment meta l-aġenziji ta’ l-intervent kienu mwassla biex jixtru fi kwantitajiet sostanzjali ta’ żejt taż-żebbuġa permezz ta' l-Artikolu 11 (1); jew - esportazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa lejn pajjiżi terzi, b’mod partikolari meta l-prezz tas-suq għaż-żejt taż-żebbuġa jista’ sostanzjalment jeċċedi jew jhedded li jeċċedi l-livell tal-prezz ta’ mira tas-suq, jew meta kien deċiż li tinbiegħ il-ħażna fuq ir-riħ, miżuri xierqa jistgħu jkunu applikati sakemm dawn id-disturbi jew theddid ta’ disturbi jkunu waqfu. 2. Il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddetermina n-natura tal-miżuri li għandhom ikunu applikati u għandu jadotta disposizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. TITOLU III Żjut oħrajn tal-ħxejjex u żrieragħ taż-żejt prodotti fil-Komunità Artikolu 21 Iż-żrieragħ taż-żejt li d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 22 sa 29 għandhom japplikaw, huma: - żerriegħa tal-kolza u tal-kromba (tar-rapa), - żerriegħa tal-ġirasol. Il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jestendi dawn id-disposizzjonijiet għaż-żrieragħ l-oħra taż-żejt. Artikolu 22 1. Kull sena fi żmien tajjeb sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jippjanaw il-produzzjoni tagħhom, u għall-ewwel darba fl-1966, il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi prezz ta’ mira wieħed għall-kull speċi taż-żerriegħa taż-żejt għall-Komunità u prezz ta’ l-intervent basiku kkalkulat għal ċentru ta’ l-intervent li għandu jkun stabbilit bi qbil ma’ l-istess proċedura. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 25, dawn il-prezzijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ matul is-sena tas-suq li tibda fi-sena kalendarja segwenti. Għandhom jirreferu għan-normi ta’ kwalità u għandhom ikunu ffissati fl-istadju tas-suq bl-ingrossa esklużi t-taxxi. Id-dati li fihom kull sena tas-suq tibda u tispiċċa, id-data li qabilha għandhom ikunu ffissati l-prezzijiet ta’ mira u l-prezzijiet ta’ l-intervent bażiċi, u l-kwalità normali għal kull speċi ta’ żerriegħa għandhom ikunu stabbiliti mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-ewwel subparagarfu. 2. Fi żmien sewwa qabel il-bidu ta’ kull sena tas-suq, il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 1, għandu jistabbilixxi ċ-ċentri prinċipali ta’ l-intervent u jiffissa l-prezzijiet ta’ l-intervent idderivati applikabbli f’dawn iċ-ċentri Billi jaġixxi bi qbil ma’ l-istess proċedura, il-Kunsill għandu jipprovdi kriterji għad-determianzzjoni ta’ ċentri oħra u l-iffissar tal-prezzijiet ta’ l-intervent idderivati. Dawn iċ-ċentri għandhom ikunu ddeterminati u dawn il-prezzijiet għandhom ikunu stabbiliti bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri ikkonċernati. Artikolu 23 Il-prezzijiet ta’ mira għandhom ikun iffissati f’livell li jkun ġust għall-produtturi, għandu jittieħed akkont tal-ħtieġa li l-produzzjoni tal-Komunità tinżamm fil-livell meħtieġ. Artikolu 24 Il-prezz ta’ l-intervent idderivat, li jiggarantixxi li l-produtturi jkunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom bi prezz li, billi jippermetti varjazzjonijiet fis-suq, huwa kemm jista’ jkun qrib għall-prezz mira tas-suq, għandu jkun egwali għall-prezz mira tas-suq mnaqqas b’ammont kbir biżżejjed li jipprovdi għal dawn il-varjazzjonijiet. Il-prezzijiet ta’ l-intervent idderivati, għandhom ikunu ffissati f’livell li jippermetti li żerriegħa timxi liberament matul il-Komunità permezz tal-kondizzjonijiet naturali tal-formazzjoni tal-prezz bi qbil mal-bżonnijiet tas-suq. Artikolu 25 Sabiex bejgħ ikun jista’ jitqassam, il-prezz ta’ mira u l-prezz ta' l-intervent għandhom ikunu mogħlija kull xahar, għal perjodu ta’ mill-inqas ħames xhur li jibdew mit-tielet xahar tas-sena tas-suq, b’ammont li għandu jkun l-istess għaż-żewġ prezzijiet. Iż-żidiet ta’ kull xahar, li għandhom ikunu l-istess għal kull xahar, għandhom ikunu ffissati kull sena mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, billi jittieħed akkont tal-medja ta’ l-ispejjez tal-ħażna u l-imposti ta' l-imgħax fil-Komunità. Artikolu 26 1. F’kull Stat Membru, aġenzija ta’ l-intervent għandha, skond il-kondizzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3, tixtri ż-żerriegħa li toriġina mill-Komunità li tkun offruta lilha f’ċentri ta' l-intervent. L-aġenzija ta' l-intervent għandha tixtri bil-prezz ta' l-intervent u b’dak il-prezz biss. Jekk, b'dankollu, il-kwalità taż-żerriegħa offruta lill-aġenzija ta' l-intervent ma tkunx tikkorrispondi ma’ dik li għaliha kien iffissat il-prezz ta' l-intervent, il-prezz tax-xiri lura għandu jkun aġġustat permezz ta’ skala ta’ żidiet u tnaqqis fil-prezzijiet. Barra minn dan, jekk fuq talba ta’ aġenzija ta’ l-intervent iż-żerriegħa tkun imwassla f’post li mhux iċ-ċentru indikat mill-bejjiegħ meta tkun saret l-offerta, it-tibdil li jirriżulta fl-ispejjez tat-trasport għall-bejjiegħ għandu jkun meqjus meta jkun qiegħed isir il-ħlas. 2. Il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi: (a) il-kondizzjonijiet li permezz tagħhom ikun hemm intervent matul l-aħħar xahrejn tas-sena tas-suq; (b) il-prinċipji li jirregolaw id-disponiment miċ-ċentri ta' l-intervent taż-żerriegħa mixtrija lura minnhom. 3. Ir-regoli dettaljati sabiex ikun applikat dan l-Artikolu, u partikolarment dawk li jirrigwardaw il-kwalità u d-daqs tal-kunsinna offruta, għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċeduri stabbilita fl-Artikolu 38. Artikolu 27 1. Meta l-prezz ta’ mira li jkun fis-seħħ għal speċi ta’ żerriegħa jkun ogħla mill-prezz tas-suq dinji għal dik iż-żerriegħa stabbilit bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 29, għandu jingħata sussidju għaż-żerriegħa ta’ dik l-ispeċi maħsuda u pproċessata fi ħdan il-Komunità. Bla ħsara għal eċċezzjonijiet magħmula permezz tal-paragrafu 3, dan is-sussidju għandu jkun egwali għad-differenza bejn iż-żewġ prezzijiet. 2. Meta d-dritt għas-sussidju li hemm provvediment dwaru fil-paragrafu 1 ikun akkwistat matul l-ewwel xahrejn tas-sena tas-suq, skont ieħor jista’ jingħata għal negozju bikri. 3. Il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi: (a) il-prinċipji li jirregolaw l-ogħtja tas-sussidju li hemm provvediment dwaru fil-paragrafu 1; (b) il-prinċipji li jiregolaw l-iffissar ta’ l-ammont tas-sussidju permezz tal-kondizzjonijiet mhux normali; (ċ) ir-regoli sabiex ikun iddeterminat id-dritt għas-sussidju; dawn jistgħu jkopru żerriegħa ta’ oriġini mill-Komunità u żerriegħa importata minn pajjiżi terzi; fil-każ ta’ dawn ta’ l-aħħar jistgħu jsiru disposizzjonijiet għal sistema ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni akkumpanjati minn depożitu; (d) il-kondizzjonijiet li permezz tagħhom jista’ jsir l-iffissar bil-quddiem ta' l-ammont tas-sussidju li jista’ jkun permissibbli; (e) id-disposizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2. 4. L-ammont tas-sussidju għandu jkun iffissat mill-Kummissjoni. 5. Ir-regoli dettaljati biex ikun applikat dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċeduri stabbilita fl-Artikolu 38. Artikolu 28 1. Rifużjoni tista tingħata fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi għaż-żerriegħa taż-żejt maħsuda fi ħdan il-Komunità; l-ammont ta’ din ir-rifużjoni ma jistax jeċċedi d-differenza bejn il-prezzijiet matul il-Komunità u fuq is-suq dinji meta dawn ta’ qabel ikunu ogħla minn dawn ta’ l-aħħar. 2. Disposizzjonijiet għall-iffissar u, meta xieraq, għall-iffissar bil-quddiem ta' rifondi li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għandhom ikunu adottati mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni. Artikolu 29 Il-prezz tas-suq dinji, ikkalkulat għall-punt ta’ qsim tal-fruntiera tal-Komunità, għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi ta’ l-opportunitajiet l-aktar favorevoli għax-xiri fuq is-suq dinji, il-prezzijiet għandhom ikunu aġġustati meta xieraq, sabiex tittieħed konsiderazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti kompetittivi. Il-kriterji għal din id-determinazzjoni għandhom ikunu stabbiliti u l-punt tal-qsim tal-fruntiera li għandu jkun stabbilit għal kull speċi ta’ żerriegħa għandha tkun speċifikata mill-Kunsill li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni. Artikolu 30 Għall-perjodu ta’ ħames snin mid-data li fiha jabolixxi l-miżuri nazzjonali li jkollhom l-effett li jżidu l-prezzijiet għaż-żjut veġetali apparti milli dawk taż-żejt taż-żebbuġa, kull Stat Membru jista’ jagħti sussidji għall-għasir ta’ żejt miż-żerriegħa ta’ l-għeneb maħsuda matul il-Komunità. Artikolu 31 Sakemm strateġija agrikola komuni dwar il-kittien tkun stabbilita, l-Istati Membri jistgħu jagħtu sussidji fuq il-produzzjoni tal-kittien għall-estrazzjoni taż-żejt. Artikolu 32 Is-sussidji li hemm provvediment dwarhom fl-Artikoli 30 u 31 jistgħu jingħataw biss fir-rigward ta' dawk il-prodotti li jkunu bbenefikaw minn sostenn dirett jew indirett tal-prezz fl-Istat Membru kkonċernat matul is-sena tas-suq li tippreċedi d-data li fiha jibda japplika dan ir-Regolament. Is-sussidji għandhom jingħataw mill-ewwel sena tas-suq li fiha dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ u biss sal-punt meħtieġ sabiex jinżamm dan is-sostenn tal-prezz. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni kull informazzjoni li tikkonċerna l-introduzzjoni, il-kalkulazzjoni u l-għotja ta’ dawn is-sussidji, qabel ma jidħlu fis-seħħ. TITOLU IV Disposizzjonijiet Ġenerali Artikolu 33 Apparti milli kif hemm provvediment f’dan ir-Regolament, l-Artikoli 92, 93 u 94 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-produzzjoni ta’ u l-kummerċ fil-prodotti elenkati fl-Artikolu 1. Artikolu 34 Il-miżuri meħudha mill-Istati Membri biex jiżdied il-prezz għaż-żjut veġitali oħrajn b’relazzjoni ma’ dak taż-żejt taż-żebbuġa sabiex ikun assigurat svog għaż-żejt taż-żebbuġa prodott b’mod nazzjonali għandhom ikunu inkompatibbli ma’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament rigward il-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2) (c). Artikolu 35 Mingħajr preġudizzju għall-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni rigward iż-żejt taż-żebbuġa għall-konsum uman, l-Istati Membri għandhom, għall-fini tan-negozju matul il-Komunità u negozju ma’ pajjiżi terzi, apparti milli f'dak li jirrigwardja l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, jadottaw id-deskrizzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żejt taż-żebbuġa kif stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament. Artikolu 36 Il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jemenda l-lista tal-prodotti elenkati fl-Artikoli 1 jew jadotta fir-rigward ta' dawn, miżuri li jidderogaw minn dan ir-Regolament biex jieħdu akkont tal-kondizzjonijiet speċjali li jistgħu jaffetwaw dawn il-prodotti. Artikolu 37 1. Kumitat ta' Ġestjoni għaż-Żjut u x-Xaħmijiet (minn hawn ’il quddiem msejjaħ il-‘Kumitat’) għandu jkun stabbilit li jikkonsisti minn rapprezentanti ta’ l-Istati Membri u presedut mir-rapprezentant tal-Kummissjoni. 2. Fil-Kumitat il-voti ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu mwieżna bi qbil ma’ l-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-President m’għandux jivvota. Artikolu 38 1. Meta l-proċedura stabbilita b’dan l-Artikolu għandha tkun segwita, il-President għandu jirreferi l-każ lejn il-Kumitat jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru. 2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq dawn il-miżuri fil-limitu ta’ żmien li jkun stabbilit mill-President skond l-urġenza tal-każi li jkunu kkunsidrati. L-opinjoni għandha tkun adottata b’maġġoranza ta’ tnax-il vot. 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li għandhom japplikaw immedjatament. B'dankollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux bi qbil ma’ l-Opinjoni tal-Kumitat, dawn għandhom minnufih ikunu kkomunikati mill-Kummissjoni lejn il-Kunsill. F’dak il-każ il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun adottat għal mhux aktar minn xahar mid-data ta’ din il-komunikazzjoni. Il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat jista’ jieħu deċizzjoni differenti fi żmien xahar. Artikolu 39 Il-Kumitat jista’ jikkunsidra kwalunkwe suġġett ieħor li jkun riferut lilu mill-President tiegħu jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru. Artikolu 40 Fit-tmiem tal-perjodu transitorju, il-Kunsill, li jaġixxi bi qbil mal-proċedura tal-votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi fid-dawl ta’ l-esperjenzi jekk għandux iżomm jew jemenda id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 38. Artikolu 41 1. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 25 [2] dwar l-iffinanzjar ta' l-istrateġija agrikola komuni u d-disposizzjonijiet adottati sabiex din tkun implimentata għandhom japplikaw għas-suq fil-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 mid-data li fiha dan ir-Regolamnet jibda japplika. 2. L-ammonti ta’ kumpens li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 3 (6) għandhom ikunu kkunsidrati bħala taxxi b’relazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-qofol ta' dak li jfisser l-Artikolu 11 (4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 130/66/KEE [3] dwar l-iffinanzjar ta' l-istrateġija agrikola komuni. Artikolu 42 Dan ir-Regolament għandu jkun hekk applikat li akkont xieraq ikun meħud, fl-istess ħin, ta' l-oġġettivi stabbiliti fl-Artikoli 39 u 110 tat-Trattat. Artikolu 43 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak li fiha jkun ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu japplika għall-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (2) (c), (d) u (e) mill-1 ta’ Novembru 1966 u għall-prodotti l-oħra elenkati fl-Artikolu 1 mill-1 ta’ Lulju 1967. Jekk ikun hemm bżonn ta’ miżuri transitorji sabiex tkun iffaċilitata t-transizzjoni mis-sistema preżenti fl-Istati Membri għal dik stabbilita b’dan ir-Regolament, partikolarment jekk l-introduzzjoni ta’ din is-sistema fid-dati pprovduti tkun twassal għall-diffikultajiet sostanzjali fir-rigward ta' ċerti prodotti, dawn il-miżuri għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38. Il-validità tagħhom għandha tkun limitata għall-ewwel sena ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal kull prodott. Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, 22 Settembru 1966. Għall-Kunsill Il-President B.W. Biesheuvel [1] ĠU Nru 119, 3.7.1965, pġ. 2040/65. [2] ĠU Nru 30, 20.4.1962, pġ 991/62 [3] ĠU Nru 165, 21.9.1966, pġ 1965/66 -------------------------------------------------- ANNESS Deskrizzjonijiet u definizzjonijiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 35 1. Żejt taż-żebbuġa verġni (l-espressjoni "żejt taż-żebbuġa verġni pur" tista’ ukoll tintuża): żejt taż-żebbuġa prodott permezz ta’ proċess mekkaniku u liberu minn kull taħlit ta’ tipi oħra ta’ żejt jew ta’ żejt taż-żebbuġa magħsur b’mod differenti. Żejt taż-żebbuġa verġni huwa kklasifikat kif ġej: (a) Extra: żejt taż-żebbuġa ta’ toma assolutament perfetta, liberu minn kontenut ta’ aċidu xaħmi espress bħala aċdu żejtni ta’ mhux aktar minn 1 g għal kull 100 g; (b) Fin: żejt taż-żebbuġa bl-istess karatteristiċi bħal "Extra" iżda liberu minn kontenut ta’ aċidu xaħmi espress bħala aċdu żejtni ta’ mhux aktar minn 1 75 g għal kull 100 g; (c) Ordinarju (l-espressjoni "semi-fin" tista’ wkoll tintuża): żejt taż-żebbuġa ta’ toma assolutament perfetta, liberu minn kontenut ta’ aċidu xaħmi espress bħala aċdu żejtni ta’ mhux aktar minn 3 73 g għal kull 100 g; (d) Lampante (żejt tal-lampi): żejt taż-żebbuġa ta’ jkun tilef it-togħma, liberu minn kontenut ta’ aċidu xaħmi espress bħala aċidu żejtni ta’ aktar minn 3 73 g għal kull 100 g; 2. Żejt taż-żebbuġa verġni (l-espressjoni "żejt taż-żebbuġa verġni pur" tista’ wkoll tintuża): żejt taż-żebbuġa akkwistat bir-raffinar żejt taż-żebbuġa verġni. 3. Żejt taż-żebbuġa Pur: żejt li jikkonsisti f’taħlita ta’ żejt taż-żebbuġa verġni u żejt taż-żebbuġa raffinat. 4. Żejt tal-fdalijiet taż-żebbuġa: żejt miksub permezz tat-trattament b’sostanzi li jdewbu l-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura Nru ex 23.04 elenkata fl-Artikolu 1 (2) (e). 5. Żejt tal-fdalijiet taż-żebbuġa raffinat: żejt miksub bir-raffinar taż-żejt speċifikat fl-4, intenzjonat għall-konsum uman. 6. Żejt tal-fdalijiet taż-żebbuġa raffinat u żejt taż-żebbuġa: żejt li jikkonsisti f’taħlita ta’ żejt tal-fdalijiet taż-żebbuġa u żejt taż-żebbuġa verġni. 7. Żejt tal-fdalijiet taż-żebbuġa għall-użu tekniku: kull żejt estatt mill-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura Nru ex 23.04 elenkata fl-Artikolu 1 (2) (e) apparti minn dawk speċifikati fil-1 sa 6. --------------------------------------------------