12008E020

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IT-TIENI PARTI: NON-DISKRIMINAZZJONI U ĊITTADINANZA TA' L-UNJONI - Artikolu 20 (ex Artikolu 17 TKE)

Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0056 - 0056


Artikolu 20

(ex Artikolu 17 TKE)

1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta' l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru għandha tkun ċittadin ta' l-Unjoni. Iċ-Ċittadinanza ta' l-Unjoni għandha tiżdied ma' u mhux tissostitwixxi iċ-ċittadinanza nazzjonali.

2. Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

a) id-dritt ta' moviment liberu u d-dritt ta' residenza libera fit-territorju ta' l-Istati Membri;

b) id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

ċ) id-dritt li jgawdu, fit-territorju ta' pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni ta' l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

d) id-dritt li jressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew, id-dritt li jirrikorru għall-Ombudsman Ewropew, kif ukoll id-dritt li jindirizzaw lill-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi ta' l-Unjoni fi kwalunkwe lingwa tat-Trattat u d-dritt li jirċievu tweġiba bl-istess lingwa.

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.

--------------------------------------------------