Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis‑26 ta’ Marzu 2026 (1)
Kawżi magħquda C‑755/23 P u C‑756/23 P
Atlas Copco Airpower,
Atlas Copco AB (C‑755/23 P)
Anheuser-Busch Inbev,
Ampar (C‑756/23 P)
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mir-Renju tal-Belġju – Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem (tax ruling) – Eżenzjoni għal profitti eċċessivi – Kriterju ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat fil-leġiżlazzjoni fiskali – Prassi amministrattiva illegali bħala għajnuna – Irkupru tal-għajnuna mingħand l-entitajiet tal-grupp – Kunċett ta’ benefiċjarju tal-għajnuna”
I. Introduzzjoni
1. Fil-kuntest tal-eżami fid-dawl tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat ta’ prassi tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-qrati tal-Unjoni Ewropea huma marbuta bl-interpretazzjoni mill-Istat Membru ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali meta din ma tkunx kompatibbli mal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni?
2. Din il-kwistjoni tinsab fil-qalba tal-appelli ppreżentati minn Atlas Copco Airpower, Atlas Copco AB, Anheuser-Busch Inbev u Ampar (iktar’ il quddiem l-“appellanti”) mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Settembru 2023 (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). Dawn l-appelli jagħmlu parti minn sensiela ta’ appelli li dwarhom ser nippreżenta wkoll konklużjonijiet illum (3).
3. Is-sentenza appellata tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Jannar 2006 (4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat l-hekk imsejħa “skema fiskali għal profitti eċċessivi” (iktar ’il quddiem il-“prassi fiskali kontenzjuża”) applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani bejn l-2004 u l-2014 bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq intern. Il-prassi fiskali kontenzjuża ppermettiet li jitnaqqas il-profitt taxxabbli tal-impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi internazzjonali fil-Belġju permezz ta’ deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem (tax rulings) (imsejħa wkoll “eżenzjonijiet ta’ profitti eċċessivi” jew “Excess Profits”).
4. L-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani bbażaw din il-prassi fuq dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana, jiġifieri l-Artikolu 185(2)(b) tal-Code des impôts sur les revenus 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul 1992, iktar ’il quddiem iċ- “CIR 92”). Skont il-formulazzjoni tagħha, din tippermetti li jiġu aġġustati l-profitti tal-impriża f’każijiet fejn ftehimiet li ma jikkonformawx mal-prinċipju ta’ distakkament influwenzaw il-profitt. Il-każ ewlieni ta’ applikazzjoni x’aktarx li jkun il-ftehim dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment (5) li ma jikkonformawx mal-prinċipji ta’ distakkament. Kemm il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ikkonkludew li din il-prassi fiskali kontenzjuża kienet tikkostitwixxi deroga mid-dritt kollu Belġjan tat-taxxa fuq il-kumpanniji (bħala qafas ta’ referenza).
5. Dan l-appelli joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddetermina sa fejn il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali huma marbuta bl-interpretazzjoni nazzjonali ta’ dispożizzjoni meta jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali “normali” bħala qafas ta’ referenza għall-evalwazzjoni fid-dawl tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, din il-kwistjoni tqum fil-kawża ineżami minħabba li l-prassi fiskali kontenzjuża, ibbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, tikkostitwixxi prassi amministrattiva stabbilita sew fil-Belġju. Barra minn hekk, l-appell jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina min jista’ jkun id-debitur tal-irkupru tal-għajnuna. B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax tordna l-irkupru mingħand il-“grupp”, jiġifieri mill-kumpanniji kollha ta’ grupp, anki jekk dawn ma kinux destinatarji tad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
6. Il-kuntest ġuridiku tad-dritt tal-Unjoni huwa kkostitwit mill-Artikoli 107 u 108 TFUE.
B. Id-dritt Belġjan
7. Fil-Belġju, ir-regoli dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul huma kkodifikati fiċ-CIR 92. Skont l-Artikolu 1(1) taċ-CIR 92, it-taxxa fuq id-dħul tinġabar, b’mod partikolari, fuq id-dħul globali tal-impriżi residenti, jiġifieri t-taxxa fuq il-kumpanniji.
8. Permezz tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004 li jemenda ċ-CIR 92 u tal-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002 (6), il-Belġju introduċa regoli ġodda għal tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ kumpanniji fi grupp, li jipprevedu aġġustamenti tal-profitt f’każ ta’ ftehimiet li ma jikkonformawx mal-prinċipju ta’ distakkament.
9. L-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 jipprovdi:
“[G]ħal żewġ impriżi li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi assoċjati, u fir-rigward tar-relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi tagħhom:
a) meta ż-żewġ impriżi jkunu marbuta, fir-relazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tagħhom, minn kundizzjonijiet miftiehma jew imposti fuqhom li jkunu differenti minn dawk li kienu jiġu miftiehma bejn impriżi indipendenti, il-profitti li, mingħajr dawn il-kundizzjonijiet, kienu jkunu ġġenerati minn waħda minn dawn l-impriżi, iżda li ma setgħux jiġu ġġenerati minħabba dawn il-kundizzjonijiet, jistgħu jiġu inklużi fil-profitti ta’ din l-impriża;
b) meta l-profitti ta’ impriża jinkludu profitti inklużi wkoll fil-profitti ta’ impriża oħra u l-profitti hekk attribwiti jkunu profitti li kienu jsiru minn din l-impriża l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ impriżi kienu l-istess bħal dawk li kienu jiġu miftiehma bejn impriżi indipendenti, il-profitti tal-ewwel impriża għandhom jiġu aġġustati b’mod xieraq.
Il-paragrafu 1 japplika b’deċiżjoni bil-quddiem bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja.”
10. Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex timplimenta l-prinċipju ta’ distakkament fis-sitwazzjonijiet transkonfinali (7).
11. Il-pożizzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija stabbilita f’ċirkulari tal‑4 ta’ Lulju 2006, li essenzjalment ittenni l l-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi (8) Barra minn hekk, il-Ministru għall-Finanzi Belġjan ħa pożizzjoni, b’mod partikolari bi tweġiba għal diversi mistoqsijiet parlamentari, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 (9).
III. Il-fatti u l-proċedura preċedenti
A. Il-fatti li taw lok għall-kawża
12. Matul il-perijodu bejn is-sena 2004 u s-sena 2014, l-awtorità kompetenti fil-qasam tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ipproċediet, permezz ta’ 66 deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli fil-Belġju għal 55 impriża residenti fil-Belġju li jappartjenu lil gruppi multinazzjonali, fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem kienu jinkludu wkoll lill-appellanti, bl-eċċezzjoni ta’ Atlas Copco AB (l-appellanti fil-Kawża C‑755/23 P).
13. F’dan ir-rigward, fuq talba tal-persuni taxxabbli, l-awtorità kompetenti ma bbażatx ruħha fuq prezzijiet ta’ trasferiment stabbiliti minnhom stess, iżda qabblet il-profitt tal-impriżi Belġjani mal-profitt medju ta’ impriża individwali paragunabbli (10). Ir-riżultat ta’ dan il-paragun kien perċentwali li tesprimi d-differenza bejn il-profitt reali tal-persuni taxxabbli u l-profitt medju ipotetiku ta’ impriża individwali. Sa din il-perċentwali, il-profitt ma kienx suġġett għat-taxxa matul il-ħames snin sussegwenti. Fuq talba tal-persuni taxxabbli, in-natura u l-ammont tal-bażi tat-taxxa għalhekk inbidlu, minflok il-profitt konkretament miksub (li jirrifletti l-kapaċità reali skont il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana), profitt imnaqqas biss serva bħala l-bażi tat-taxxa. F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jitkellem dwar tassazzjoni ta’ profitt medju ipotetiku (11).
14. Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li t-tnaqqis fil-profitti mogħti mill-awtorità Belġjana kompetenti minn din il-prassi fiskali kien jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkompatibbli mas-suq intern u applikat bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.
15. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija b’dan il-mod mingħand il-benefiċjarji, li l-lista definittiva tagħhom kellha tiġi stabbilita fi stadju iktar tard mill-Belġju. Madankollu, fl-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni diġà elenkat 55 benefiċjarju, inklużi l-appellanti, bl-eċċezzjoni ta’ Atlas Copco AB, għal skopijiet ta’ informazzjoni fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-Belġju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet li kwalunkwe ammont li ma jistax jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji jiġi rkuprat “mingħand il-grupp li jagħmel parti minnu l-benefiċjarju tal-għajnuna”.
B. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
16. Fil‑31 ta’ Mejju u fit‑12 ta’ Ġunju 2016, l-appellanti ppreżentaw rikorsi għal annullament mid-deċiżjoni kontenzjuża, irreġistrati bin-numri tal-Kawża T‑278/16 u T‑370/16.
17. L-appellanti qajmu, fl-ewwel istanza, erba’ motivi fuq il-bażi ta’ rikorsi kważi identiċi (12). Permezz ta’ dawn ir-rikorsi huma essenzjalment ikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat, il-klassifikazzjoni tal-prassi fiskali kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat, u l-ordni tal-Kummissjoni biex l-għajnuna tiġi rkuprata mingħand il-membri kollha tal-grupp ta’ impriżi, u allegaw ukoll ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi, u amministrazzjoni tajba.
18. Fis‑16 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali ssospendiet, inter alia, il-proċeduri fil-Kawżi T‑278/16 u T‑370/16 li taw lok għas-sentenza appellata sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura fil-Kawżi T‑131/16 u T‑263/16.
19. Fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Frar 2019 (13) fil-kawżi msemmija hawn fuq, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li l-Kummissjoni kienet assumiet b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna. Wara appell ippreżentat mill-Kummissjoni minn din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Settembru 2016 (14). Hija annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali minħabba li l-adozzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-ewwel kawża, il-Qorti Ġenerali kienet għadha ma eżaminatx jekk id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u jekk l-irkupru ta’ din l-għajnuna kienx ġie ordnat ġustament. Il-Qorti Ġenerali għandha tagħmel konstatazzjonijiet f’dan is-sens fil-kuntest tat-tieni proċedura (15).
20. Fid‑9 ta’ Settembru 2022, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tkompli l-proċedura, skont l-Artikolu 71(3) tar-Regoli tal-Proċedura.
21. Permezz tas-sentenza appellata tal‑20 ta’ Settembru 2023, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmija rikorsi.
IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22. L-appellanti ppreżentaw dawn l-appelli fis‑7 ta’ Diċembru 2023. Huma jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
- tannulla s-sentenza appellata;
- tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża.
- sussidjarjament tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u
- tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
23. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
24. Permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Jannar 2024, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad iż-żewġ appelli għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali kif ukoll tas-sentenza.
25. Il-partijiet ikkonċernati kollha ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
V. Evalwazzjoni ġuridika
26. L-appellanti ppreżentaw erba’ aggravji fuq il-bażi ta’ appelli kważi identiċi. Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, huma jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod korrett il-qafas ta’ referenza u kklassifikat ġustament il-prassi fiskali kontenzjuża bħala deroga minnu (ara, f’dan ir-rigward, il-punt A iktar ’il quddiem). Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-prassi fiskali kontenzjuża toħloq vantaġġ (ara, f’dan ir-rigward, il-punt B iktar ’il quddiem). It-tielet, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-prassi fiskali kontenzjuża kienet selettiva (ara, f’dan ir-rigward, il-punt C iktar ’il quddiem). Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-irkupru tal-għajnuna ordnat (dwar ir-raba’ aggravju ara l-punt D iktar ’il quddiem).
A. Fuq l-ewwel aggravju: determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza
27. Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija kkonfermat id-determinazzjoni tal-qafas ta’ riferenza mill-Kummissjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prassi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, irrikonoxxuta fil-Belġju, u minflok, ibbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq l-interpretazzjoni tagħha stess tad-dritt Belġjan.
1. Id-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza bħala kundizzjoni għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat
28. Skont ġurisprudenza stabbilita (16) tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa neċessarju, l-ewwel, li l-miżura tikkostitwixxi intervent tal-Istat jew tinvolvi l-użu ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni, din il-miżura għandha tkun ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, hija għandha tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju. Ir-raba’, għandha toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
29. L-unika problema hawnhekk hija l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv. Fir-rigward tal-miżuri fiskali, skont il-ġurisprudenza stabbilita (17) tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-selettività għandha tiġi ddeterminata f’diversi stadji. Fl-ewwel stadju għandha tiġi identifikata l-iskema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat identifikata bħala qafas ta’ referenza. Huwa minn din is-sistema fiskali komuni jew “normali” li għandu, fit-tieni stadju, jiġi evalwat jekk il-miżura fiskali inkwistjoni tidderogax mill-imsemmija sistema, sa fejn hija tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema komuni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Jekk tkun ġiet ikkonstatata deroga mit-“tassazzjoni normali”, għandu, fl-aħħar stadju, jiġi eżaminat jekk id-deroga hijiex iġġustifikata.
2. Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
30. Il-Qorti Ġenerali ssegwi r-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, li jgħid li l-prassi fiskali kontenzjuża tikkostitwixxi deroga mil-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana bħala qafas ta’ referenza (18). Din il-prassi ma hija prevista minn ebda dispożizzjoni taċ-CIR 92 u, b’mod partikolari, ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-Kummissjoni ma eskludietx mill-qafas ta’ referenza l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, iżda l-applikazzjoni (illegali) tiegħu (19).
31. L-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani applikaw sistematikament ir-regola contra legem billi għamlu tnaqqis tal-profitti fil-kuntest tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem (20). Minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 tapplika biss, jekk teżisti relazzjoni transkonfinali bejn żewġ impriżi assoċjati u l-profitt li għandu jiġi aġġustat jiġi inkluż diġà (21) fil-profitt tal-impriża l-oħra u jekk il-profitt hekk inkluż huwiex dak li kien isir minn din il-kumpannija l-oħra f’kundizzjonijiet ta’ distakkament (22). Min-naħa l-oħra, il-prassi li tikkonsisti fl-esklużjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ perċentwali tal-profitt bħala profitt eċċessiv ma ssib ebda bażi fit-test tal-liġi (23).
3. Evalwazzjoni
32. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi, qabelxejn ser nispjega f’liema limiti l-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni huma marbuta bl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tat-taxxa nazzjonali mogħtija mill-Istat Membru fid-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza (u, għaldaqstant, ukoll il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ deroga minnu) (ara l-punti 33 et seq. u 38 et seq. iktar ’il quddiem) (24). Imbagħad ser neżamina jekk il-Qorti Ġenerali applikatx dan il-kriterju mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u jekk iddeċidietx b’mod korrett li l-prassi fiskali kontenzjuża ma tifformax parti mill-qafas ta’ referenza (ara l-punti 47 et seq. iktar ’il quddiem).
a) Prinċipju: rabta mal-evalwazzjoni tal-Istat Membru fid-determinazzjoni tal-qafas ta’ riferenza
33. Fid-determinazzjoni tal-qafas ta’ riferiment, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, marbuta bit-tfassil u l-interpretazzjoni tad-dritt fiskali nazzjonali mill-Istat Membru (25). Din ir-rabta mas-sistema nazzjonali sservi qabel kollox sabiex tipproteġi l-awtonomija fiskali tal-Istati Membri. Din tikkostitwixxi wkoll l-espressjoni tal-prinċipju ta’ legalità tat-tassazzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (26).
34. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament titlaq ukoll mill-prinċipju li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ liġijiet fiskali ġenerali u, inversament, li l-kriterju ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni u tal-qrati tal-Unjoni ġie rtirat .(27). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat għalhekk li, fl-istat attwali tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu s-sistema fiskali li huma jqisu l-iktar xierqa (28). Din id-diskrezzjoni tal-Istati Membri tkopri d-determinazzjoni tal-karatteristiċi bażiċi ta’ kull taxxa u tapplika b’mod partikolari għall-implimentazzjoni u għat-tfassil tal-prinċipju ta’ distakkament għat-tranżazzjonijiet bejn impriżi assoċjati (29).
35. Huwa f’dan is-sens li għandhom jinftiehmu s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Amazon u Engie(30). Fil-kawża Engie, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fid-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza, il-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, obbligata taċċetta l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali mill-Istat Membru kkonċernat, sakemm din l-interpretazzjoni tkun kompatibbli mal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (31). Fil-kawża Amazon, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fost l-oħrajn, li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod illegali l-linji gwida tal-OECD dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment mingħajr ma wriet li dawn il-linji gwida kienu ġew espressament inklużi – kompletament jew parzjalment – fid-dritt Lussemburgiż (32).
36. B’segwitu għal din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-kawża Prezydent Miasta Mielca, l-awtonomija fiskali tal-Istati Membri. Għalhekk, meta jiddefinixxu l-karatteristiċi kostituttivi ta’ tassazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jsegwu, minbarra għan purament fiskali, għanijiet oħra li għalhekk jagħmlu wkoll parti mill-qafas ta’ referenza rilevanti (33). Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li eżenzjoni ġenerali mit-taxxa fuq il-proprjetà immobbli fuq l-artijiet li jagħmlu parti mill-infrastruttura ferrovjarja u mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriżi oħra tat-trasport ferrovjarju kienet tagħmel parti mill-qafas ta’ referenza (34).
37. F’dan ir-rigward, il-punt tat-tluq tal-ilment tal-appellanti huwa korrett: il-qafas ta’ referenza għandu, bħala prinċipju, jiġi ddeterminat abbażi tat-tfassil u tal-interpretazzjoni tal-Istat Membru.
b) Eċċezzjoni: tfassil manifestament inkonsistenti jew applikazzjoni evidenti tal-liġi contra legem
38. Madankollu, il-limiti ta’ dan il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza jinqabżu jew meta l-leġiżlazzjoni fiskali tkun imfassla b’mod manifestament inkoerenti (ara l-punt 42), jew meta l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw b’mod manifest id-dritt fiskali contra legem (u għalhekk inkonsistenti) (punti 43 et seq.). Il-kriterju ta’ stħarriġ li għandu jiġi applikat huwa purament limitat, f’dan ir-rigward, għal sempliċi stħarriġ tal-plawżibbiltà (taħt il-punti 39 et seq.).
1) Fuq il-kriterju ta’ riferiment: l-istħarriġ tal-plawżibbiltà
39. Il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni huma limitati għal stħarriġ tal-plawżibbiltà meta jevalwaw jekk il-liġijiet tat-taxxa nazzjonali humiex imfassla b’mod inkonsistenti jew jekk il-liġijiet tat-taxxa nazzjonali humiex applikati contra legem (35).
40. Din il-limitazzjoni għal stħarriġ tal-plawżibbiltà tipprekludi, minn naħa, li l-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni jkunu obbligati jeżaminaw il-korretteza tal-interpretazzjoni fid-dettall ta’ 27 ordinament ġuridiku fiskali differenti u li, minħabba f’hekk, dawn ikunu diġà jistgħu “jispiċċaw taħt piż kbir wisq” minn perspettiva purament kwantitattiva (36). Min-naħa l-oħra, hija tevita li l-Kummissjoni ssir de facto l-uffiċċju tat-taxxa superjuri u li l-qrati tal-Unjoni jsiru kważi qrati superjuri tal-finanzi permezz tal-istħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fil-każ ta’ stħarriġ limitat għall-plawżibbiltà, kull sempliċi żball ta’ liġi mwettaq f’avviż ta’ taxxa ma jikkostitwixxix deroga mill-qafas ta’ referenza. Konsegwentement, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni lanqas ma huma obbligati jeżaminaw il-legalità kollha tagħhom (37).
41. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat biss, fil-livell tal-Unjoni, jekk it-tfassil tal-liġijiet fiskali huwiex manifestament inkonsistenti jew jekk l-applikazzjoni tagħhom hijiex manifestament contra legem. Dan huwa l-każ meta t-tfassil u l-applikazzjoni minn terzi, bħall-Kummissjoni jew il-qrati tal-Unjoni, ma jkunux jistgħu jiġu spjegati b’mod plawżibbli (38).
2) Tfassil manifestament inkonsistenti
42. Fil-fatt, il-limiti tal-marġni ta’ evalwazzjoni li l-Istati Membri għandhom sabiex ifasslu s-sistema fiskali tagħhom jinqabżu meta l-Istati Membri jabbużaw mil-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom sabiex jagħtu vantaġġi lil ċerti impriżi “bi ksur tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat” (39). Tali abbuż tal-awtonomija fiskali jista’ jiġi preżunt fit-tfassil manifestament inkoerenti tal-leġiżlazzjoni fiskali (40). Għalhekk, fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li deċiżjoni tat-taxxa ġenerali li timponi piż fiskali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni meta tkun ġiet imfassla b’mod manifestament diskriminatorju sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (41). Għaldaqstant, differenzjazzjonijiet ġenerali fil-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali ma jagħmlux parti mill-qafas ta’ referenza meta dawn ma jkunu bbażati fuq ebda bażi razzjonali fi ħdan il-qafas ta’ referenza, jiġifieri fil-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali (42).
3) Applikazzjoni manifestament contra legem tal-liġi
43. Madankollu, il-limiti tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-Istat Membru sabiex jiddetermina l-qafas ta’ referenza jinqabżu wkoll meta l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tmur manifestament kontra l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni fiskali. Għalhekk, meta l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw dispożizzjoni fiskali li tmur manifestament kontra l-formulazzjoni tagħha, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni ma humiex marbuta b’din il-prassi ta’ applikazzjoni sabiex jiddeterminaw il-qafas ta’ referenza.
44. Dan peress li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali jikkontradixxu preċiżament il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali “normali” adottata mil-leġiżlatur nazzjonali fl-eżerċizzju tal-awtonomija fiskali tiegħu. Mill-prinċipju tal-legalità tat-tassazzjoni (43) jirriżulta wkoll li l-awtonomija fiskali tal-Istati Membri hija eżerċitata primarjament mil-leġiżlatur nazzjonali. Minn dan isegwi li l-liġi nazzjonali tikkostitwixxi l-punt ta’ riferiment prinċipali sabiex jiġi ddeterminat il-qafas ta’ referenza. Ċertament, bħala prinċipju, hija l-applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali li hija determinanti f’dan ir-rigward. Madankollu, jekk ikun hemm kontradizzjoni ċara bejn il-formulazzjoni tal-liġi u l-applikazzjoni tagħha, itl-formulazzjoni tal-liġi tibqa’ rilevanti għad-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza.
45. Huwa għalhekk li, fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, meta tiddetermina l-qafas ta’ referenza, il-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, obbligata taċċetta l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali mill-Istat Membru kkonċernat “sakemm din l-interpretazzjoni tkun kompatibbli mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni” (44).
46. Għaldaqstant, mill-awtonomija fiskali jirriżulta, minn naħa, li l-formulazzjoni tal-liġi tikkostitwixxi l-punt ta’ riferiment tal-eżami tal-qafas ta’ referenza. Min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ deroga mill-formulazzjoni tal-liġi huwa limitat għal stħarriġ tal-plawżibbiltà (45).
c) Fuq l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ stħarriġ
47. Bl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonfermat il-qafas ta’ referenza tal-Kummissjoni meta kkunsidrat mhux l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, iżda l-applikazzjoni tiegħu manifestament illegali bħala deroga mill-qafas ta’ riferiment, jiġifieri d-dritt Belġjan tat-taxxa fuq il-kumpanniji.
1) Inkonsistenza manifesta tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92?
48. L-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 ma huwiex manifestament inkonsistenti. Għall-kuntrarju, huwa konsistenti mas-sistema fiskali Belġjana sa fejn huwa intiż li jiżgura tassazzjoni adegwata f’kull Stat. Fl-istess ħin, it-taxxa doppja ekonomika tista’ tiġi evitata meta jiġu aġġustati l-kundizzjonijiet ta’ distakkament li influwenzaw il-profitti (l-aġġustament tal-prezzijiet ta’ trasferiment (46) għandu jkun il-każ ewlieni ta’ applikazzjoni) fi ħdan grupp multinazzjonali.
49. Skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 185(2)(a) u (b) taċ-CIR 92 jippermetti lill-awtorità kompetenti, pereżempju, li taġġusta fiskalment il-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet transkonfinali bejn żewġ entitajiet ta’ grupp multinazzjonali skont il-prinċipju ta’ distakkament. Dan ifisser li, mill-perspettiva fiskali, is-servizz bejn żewġ impriżi assoċjati huwa rċevut fuq il-bażi ta’ prezz li impriżi indipendenti kienu jiftiehmu bejniethom. L-Artikolu 185(2)(a) taċ-CIR 92 jippermetti li l-profitt iddeterminat fuq il-bażi ta’ dan il-prezz (ipotetiku) jiġi attribwit lill-impriża “korretta” għal finijiet fiskali. B’mod simetriku, l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jippermetti li jitnaqqas il-profitt tat-tranżazzjoni transkonfinali (billi jiġi aġġustat il-prezz skont il-kundizzjonijiet ta’ distakkament) jekk dan ikun inkluż ukoll fil-profitt tal-impriża l-oħra. B’dan il-mod, tassazzjoni ekonomika doppja tal-istess profitt minn żewġ kredituri fiskali tista’ tiġi evitata billi jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-aħħar mill-aħħar, il-prezz ta’ trasferiment aġġustat fl-Istat l-ieħor.
2) Applikazzjoni manifestament illegali tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 permezz tal-prassi fiskali kontenzjuża
50. B’kuntrast ma’ dan, l-awtoritajiet Belġjani jqisu li s-sens tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jikkonsisti f’li jiġi żgurat li impriża Belġjana li tappartjeni għal grupp multinazzjonali tkun suġġetta għat-taxxa biss fuq il-profitti li impriża individwali kienet tagħmel ukoll. Profitti li jaqbżu dan il-limitu jkunu dovuti għal sinerġiji, għal ekonomiji ta’ skala jew għal vantaġġi oħra li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fi grupp multinazzjonali. Dawn il-vantaġġi ma jeżistux għal impriża individwali paragunabbli u għalhekk għandhom jiġu eżentati (47). Din hija r-raġuni għaliex, fuq talba tal-persuni taxxabbli, ġie impost biss il-profitt (ipotetiku) ta’ impriża individwali paragunabbli.
51. Din l-interpretazzjoni u l-prassi fiskali kontenzjuża li tirriżulta minnha manifestament ma humiex kompatibbli mal-formulazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 u għalhekk ma jagħmlux parti mill-qafas ta’ referenza.
52. L-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jippreżupponi li “l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ impriżi kienu jkunu bħal dawk miftiehma bejn kumpanniji indipendenti”. Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, din id-dispożizzjoni tapplika biss għar-“relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi” ta’ impriżi affiljati.
53. Għall-kuntrarju, il-kriterju ta’ relazzjoni kummerċjali transkonfinali konkreta u ta’ eventwali kundizzjonijiet miftiehma f’dan ir-rigward ma għandu ebda rwol fil-prassi fiskali kontenzjuża. It-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa skatta indipendentement mir-relazzjonijiet kummerċjali transkonfinali. Dan ma kienx jikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament, pereżempju, għall-prezzijiet ta’ trasferiment, iżda kien jikkonċerna t-tnaqqis tal-profitt totali tal-impriża Belġjana għal profitt ipotetiku. Lanqas ma huwa stabbilit sa fejn l-appellanti ftiehmu, matul il-perijodu inkwistjoni, dwar prezz għas-servizzi fi ħdan il-grupp (provvisti u servizzi) li jirriżultaw minn relazzjonijiet transkonfinali.
54. Din l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni, li tinjora l-formulazzjoni tagħha, ma tistax tiġi spjegata b’mod plawżibbli. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ relazzjoni kummerċjali transkonfinali konkreta u l-ftehim ta’ kundizzjonijiet bejn żewġ impriżi jistgħu wkoll jiġu faċilment dedotti minn din id-dispożizzjoni bħall-assenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet fil-prassi fiskali kontenzjuża.
3) Fuq ksur possibbli ieħor tal-formulazzjoni
55. Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-prassi fiskali kontenzjuża hijiex ukoll manifestament kuntrarja għall-formulazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 anki f’aspetti oħra. Fil-fatt, anki fl-assenza ta’ ksur manifest ieħor tal-formulazzjoni, l-ewwel aggravju ma huwiex fondat.
56. Dan japplika, l-ewwel nett, għall-oġġezzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-ewwel aġġustament li diġà sar barra mill-pajjiż (l-ewwel aġġustament fiskali ’l fuq) kien jikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Għall-finijiet ta’ kompletezza biss, għandu jiġi nnotat li l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq il-fatt li l-“profitti eċċessivi” eżentati fil-Belġju kienu wkoll intaxxati fl-Istat l-ieħor. Il-Qorti Ġenerali sempliċement eżiġiet li dawn jiġu inklużi wkoll (48) fil-profitti ta’ impriża oħra tal-grupp.
57. It-tieni nett, l-oġġezzjoni li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali wettqu żball ta’ liġi meta assumew li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 ma jippermettix aġġustament b’riferiment għal “profitt ipotetiku”. Dwar dan il-punt ukoll, jista’ madankollu jiġi rrilevat li l-appellanti qegħdin jagħmlu interpretazzjoni żbaljata tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali.
58. Fil-fatt, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-punt ta’ tluq tad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli ma huwiex il-profitt effettivament magħmul, iżda profitt ipotetiku li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-profitt effettivament miksub. Din l-oġġezzjoni tista’ tiġi ġġustifikata sa fejn il-kunċett ta’ “punt tat-tluq” (49) joħloq konfużjoni. Fil-fatt, skont l-espożizzjoni tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-prassi fiskali kontenzjuża, l-awtoritajiet nazzjonali, inizjalment, iddeterminaw il-profitt effettivament magħmul, ipparagunawh mal-profitt ta’ impriża awtonoma paragunabbli, u mbagħad aġġustaw id-dħul taxxabbli tal-impriża tal-grupp għall-profitt tal-impriża individwali billi ma ntaxxawx il-profitti eċċessivi (50). Konsegwentement, il-valur taxxabbli ma kienx il-profitt effettivament miksub, iżda allegat “profitt ta’ distakkament” ipotetiku. Dan huwa l-approċċ li fuqu l-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fil-punt 73, minkejja l-użu ambigwu tat-terminu “punt tat-tluq”, kif jidher ċar mill-bqija tal-kunsiderazzjonijiet tagħha (51).
d) Konklużjoni intermedjarja
59. Il-prassi fiskali kontenzjuża ma tidhirx li tista’ tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonfermat l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li din ma tagħmilx parti mill-qafas ta’ referenza, iżda titbiegħed minnu.
4. Konklużjoni tal-eżami tal-ewwel aggravju
60. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament qieset, minħabba l-interpretazzjoni contra legem evidenti, li l-prassi fiskali kontenzjuża ma kinitx tagħmel parti mill-qafas ta’ referenza tat-taxxa Belġjana fuq il-kumpanniji. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju tal-appellanti ma huwiex fondat.
B. Fuq it-tieni aggravju: eżistenza ta’ vantaġġ
61. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-prassi fiskali kontenzjuża tikkostitwixxi vantaġġ. Insostenn tal-ilment tagħhom, huma jsostnu li vantaġġ jista’ jiġi kkonstatat biss meta mqabbel mat-tassazzjoni “normali”. Madankollu, il-prassi fiskali kontenzjuża tikkostitwixxi preċiżament l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tassazzjoni “normali” u għalhekk ma tistax toħloq vantaġġ meta mqabbla magħha.
62. Dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. Kif għadni kif esponejt (punti 47 et seq.), il-prassi fiskali kontenzjuża ma tagħmilx parti mill-qafas ta’ referenza, jiġifieri mis-sistema ta’ tassazzjoni “normali” fil-Belġju. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-prassi fiskali kontenzjuża kienet tikkostitwixxi vantaġġ (52).
C. Fuq it-tielet aggravju: klassifikazzjoni bħala miżura selettiva
63. Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-prassi fiskali kontenzjuża kienet selettiva. Skont l-appellanti, il-prassi fiskali kontenzjuża la tikkostitwixxi deroga mill-qafas ta’ referenza u lanqas differenza fit-trattament ta’ impriżi paragunabbli. Fi kwalunkwe każ, deroga tkun iġġustifikata.
64. Dawn l-oġġezzjonijiet jikkonċernaw il-kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati fit-tieni u fit-tielet stadju, jiġifieri jekk il-miżura fiskali inkwistjoni tiddevjax mis-sistema ġenerali fis-sens li tintroduċi distinzjonijiet bejn operaturi ekonomiċi, li, fid-dawl tal-għan imfitex minn dik l-iskema ġenerali, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (it-tieni stadju), u, jekk dan huwa l-każ, jekk din id-deroga hijiex iġġustifikata (it-tielet stadju; ara, f’dan ir-rigward, il-punt 29 iktar ’il fuq).
65. Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, il-prassi fiskali kontenzjuża titbiegħed mill-qafas ta’ referenza (53) u twassal, b’mod partikolari, sabiex tiżvantaġġa b’mod selettiv lill-impriżi li ma jifformawx parti minn grupp multinazzjonali (54). Fil-fatt, l-għan tas-sistema Belġjana tat-taxxa fuq il-kumpanniji huwa li jiġu ntaxxati l-profitti kollha tal-impriżi taxxabbli, kemm jekk awtonomi kif ukoll jekk jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali (55). B’kuntrast ma’ dan, il-prassi fiskali kontenzjuża kienet tagħti lill-benefiċjarji tnaqqis ta’ taxxa billi tippermettilhom inaqqsu mill-bażi taxxabbli tagħhom parti mill-profitti tagħhom, mingħajr ma dawn il-profitti eżentati jkunu ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra tal-grupp (56). Konsegwentement, l-impriżi li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali jiġu ttrattati b’mod differenti minn impriżi oħra li ġew intaxxati fuq il-profitt globali tagħhom skont is-sistema normali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Belġjana (57). Din id-deroga lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata u, b’mod partikolari, il-prassi fiskali kontenzjuża ma hijiex intiża sabiex tevita taxxa doppja reali jew potenzjali (58).
66. Insostenn tan-natura żbaljata ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeterminat b’mod żbaljat il-qafas ta’ referenza u, konsegwentement, l-għan li fid-dawl tiegħu l-impriżi jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. L-għan tal-qafas ta’ referenza korrett mill-perspettiva tar-rikorrenti huwa li tiġi evitata taxxa doppja billi l-impriżi Belġjani li jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi multinazzjonali jiġu ntaxxati biss fuq il-profitti li impriża individwali indipendenti kienet tagħmel ukoll. Konsegwentement, l-ebda waħda mit-tliet raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni ma toħloq differenza fit-trattament bejn impriżi paragunabbli li tirriżulta mill-prassi fiskali kontenzjuża. Fil-fatt, fid-dawl ta’ dan l-għan, l-impriżi benefiċjarji jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-impriżi individwali.
67. Kif diġà indikajt (punti 32 et seq.), il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonfermat il-qafas ta’ referenza ddefinit mill-Kummissjoni. Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda wkoll l-oġġezzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta adottat deroga mill-qafas ta’ referenza u kkunsidrat differenza fit-trattament ta’ impriżi paragunabbli. Fil-fatt, l-appellanti bbażaw din l-oġġezzjoni biss fuq l-ipoteżi ta’ qafas ta’ referenza diverġenti (59).
68. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, id-deroga mill-qafas ta’ referenza lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata mill-fatt li l-prassi fiskali kontenzjuża tevita taxxa doppja. Fil-fatt, il-prassi fiskali kontenzjuża ma hijiex marbuta preċiżament mar-riskju ta’ tali taxxa doppja, peress li ma tippreżupponix tranżazzjoni transkonfinali.
69. Sa fejn il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-oġġezzjoni bbażata fuq il-klassifikazzjoni tal-prassi fiskali kontenzjuża bħala miżura selettiva, it-tielet aggravju huwa wkoll infondat.
D. Fuq ir-raba’ aggravju: legalità tal-ordni ta’ rkupru
70. Ir-raba’ u l-aħħar aggravju tal-appell huwa dirett kontra l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-irkupru “mingħand il-grupp li jappartjeni għalih il-benefiċjarju tal-għajnuna” ordnat fid-deċiżjoni kontenzjuża kien legali, anki jekk il-kumpanniji l-oħra tal-grupp ma kinux destinatarji tad-deċiżjoni fiskali bil-quddiem.
71. Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li teżisti unità ekonomika bejn diversi persuni fiżiċi u ġuridiċi meta teżisti relazzjoni ta’ kontroll (60). Konsegwentement, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kumpannija Belġjana teżerċita, minħabba l-funzjonijiet ċentrali tagħha fi ħdan il-grupp, il-kontroll tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp hija biżżejjed sabiex isir irkupru mingħand il-kumpanniji l-oħra tal-grupp (61).
72. Inqis li dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.
73. Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament 2015/1589, l-għajnuna illegali għandha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju tagħha. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-benefiċjarju huwa dak li kien kiseb il-benefiċċju effettiv tal-għajnuna (62).
74. Ir-riferiment għall-benefiċċju effettiv jirriżulta mill-fatt li d-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat ma huwiex inerenti għan-natura ta’ sanzjoni għall-benefiċjarju. Għall-kuntrarju, il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat hija indirizzata lejn l-Istat (Membru) u l-obbligu li titħallas lura għajnuna illegali huwa intiż li jelimina l-benefiċċju tal-vantaġġi kompetittivi marbuta mal-għajnuna (63). Il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jċedi l-vantaġġ li jkun kiseb meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u b’hekk tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-għajnuna (64). Fi kliem ieħor, dan jirrigwarda l-irkupru ta’ vantaġġi miksuba bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.
75. Il-ġurisprudenza invokata mill-Qorti Ġenerali insostenn tas-sentenza appellata lanqas ma tipprekludi dan. Għall-kuntrarju, din hija proprju espressjoni ta’ dan il-prinċipju.
76. Fil-fatt, il-kawżi ċċitati (65) mill-Qorti Ġenerali għandhom komuni li, wara l-għoti ta’ għajnuna, seħħew ristrutturazzjonijiet u trasferimenti ta’ assi fir-rigward tal-benefiċjarji. Permezz ta’ dan, inħolqu entitajiet legali li ma kinux benefiċjarji tal-għajnuna oriġinali u li, bħala tip ta’ aventi kawża, ibbenefikaw mill-vantaġġi tal-għajnuna.
77. Fil-kawża Intermills vs Il‑Kummissjoni, il-kumpannija Intermills, fil-kuntest ta’ ristrutturazzjoni ssussidjata mill-Istat, kienet ħolqot tliet kumpanniji ta’ produzzjoni legalment indipendenti, li lilhom hija kienet ittrasferixxiet l-attività ta’ produzzjoni tagħha (inklużi l-installazzjonijiet tal-produzzjoni kollha). Il-kumpannija Intermills żammet is-sehem tagħha fil-kumpanniji ta’ produzzjoni ġodda. Minkejja l-indipendenza ġuridika, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kumpannija ta’ oriġini Intermills kif ukoll it-tliet kumpanniji tal-produzzjoni ġodda bħala unità ekonomika waħda li tista’ titqies bħala benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (66).
78. Fil-kawża AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, ristrutturazzjoni ssussidjata mill-Istat ippermettiet it-trasferiment tal-produzzjoni tal-elettriku mill-fornitur Taljan tal-enerġija ACEA lill-kumpannija ta’ produzzjoni AEP, li fiha ACEA żammet il-parteċipazzjoni ekonomika bħala holding. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat lil ACEA u lil AEP bħala unità ekonomika (67).
79. Kuntrarjament għal dak li tqis il-Qorti Ġenerali, mill-ġurisprudenza invokata ma jistax jiġi konkluż li allegata relazzjoni ta’ kontroll ibbażata fuq funzjonijiet ċentrali fi ħdan grupp hija suffiċjenti sabiex unità ekonomika titqies bħala benefiċjarja tal-għajnuna. Il-kwistjoni deċiżiva fiż-żewġ deċiżjonijiet kienet pjuttost dwar min kiseb il-benefiċċju effettiv tal-għajnuna.
80. Il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat dan ukoll f’deċiżjonijiet reċenti f’każijiet ta’ kontinwità ekonomika. Minn dan isegwi li l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand il-kumpannija, li tkun qed tkompli l-attività ekonomika tal-impriża, li tkun ibbenefikat minn din l-għajnuna, jekk jiġi stabbilit li din il-kumpannija żżomm il-benefiċċju proprju tal-vantaġġ kompetittiv marbut mal-kisba tal-għajnuna (68).
81. F’dan il-każ, il-legalità tal-irkupru tippreżupponi għalhekk li l-kumpanniji l-oħra tal-grupp kisbu wkoll benefiċċju effettiv mill-għajnuna kontenzjuża min-naħa tal-Belġju.
82. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha, fil-kuntest tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, fuq kunċett “wiesa’” ta’ impriża ma jbiddel xejn minn dan. Dan jippermetti li s-sanzjonijiet f’każ ta’ aġir antikompetittiv jiġu estiżi għall-impriżi assoċjati (69). Għalhekk, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi kull entità ekonomika li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-forma ġuridika u mill-finanzjament, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-entità ekonomika tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (70). Dan il-kunċett ta’ impriża jirriżulta mill-fatt li separazzjoni legali formali bejn impriżi differenti ma għandhiex l-għan li teskludi l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (71).
83. Ċertament, kemm l-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll l-Artikolu 107 TFUE jinsabu fil-kapitolu dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni u jirrigwardaw rispettivament il-funzjonament tas-suq intern u l-protezzjoni mid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-mezzi (u t-tifsira u l-għan assoċjati) li bihom dan l-għan għandu jintlaħaq huma tant differenti li jeħtieġu interpretazzjoni differenti. Filwaqt li l-kompetizzjoni għandha tiġi protetta fil-kuntest tal-Artikoli 101 u 102 TFUE permezz tal-projbizzjoni ta’ prattiki (b’mod partikolari ftehimiet) ta’ kompetituri privati, l-Artikolu 107 TFUE jirrigwarda prinċipalment l-intervent tal-Istat (Membru). Din id-distinzjoni hija riflessa wkoll fl-istruttura tat-TFUE, peress li ssir distinzjoni bejn it-Taqsima 1 “Regoli li japplikaw għal impriżi” u t-Taqsima 2 “Għajnuna mill-Istati”.
84. Għalhekk, huma deċiżivi l-funzjonijiet differenti li l-kunċett ta’ impriża jissodisfa f’kull waħda minn dawn it-taqsimiet. Fil-kuntest tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, kunċett “wiesa’” ta’ impriża jippermetti aġir antikompetittiv. F’dan il-kuntest, jidher xieraq li l-ġurisprudenza tqis li teżisti unità ekonomika meta s-sussidjarja, minkejja li jkollha personalità ġuridika distinta, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment issegwi l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm (72). Fil-fatt, l-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja huwa dovut għal istruzzjoni antikompetittiva tal-kumpannija omm. Dan jikkostitwixxi interpretazzjoni fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni, li huwa li jiġi evitat aġir antikompetittiv u, fl-aħħar mill-aħħar, li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni.
85. B’kuntrast ma’ dan, l-aġir antikompetittiv iseħħ f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat min-naħa tal-Istat (Membru). Definizzjoni “wiesgħa’” ta’ impriża jkollha hawnhekk bħala konsegwenza li l-vantaġġ effettiv mogħti lil benefiċjarju ta’ għajnuna partikolari jiġi attribwit lil terzi. Kunċett “wiesgħa” ta’ impriża jkollu bħala konsegwenza, f’dan il-każ, l-imputazzjoni lil terzi tal-benefiċċju effettiv mogħti lil benefiċjarju partikolari tal-għajnuna. Għalhekk, ma jistax ikun deċiżiv jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna (pereżempju l-kumpannija sussidjarja) jikkonformax mal-istruzzjonijiet ta’ terzi (eż. il-kumpannija omm). Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi konkluż li t-terz ibbenefika mill-benefiċċju effettiv. Għall-kuntrarju, hija l-Kummissjoni li għandha tikkonstata ċ-ċirkustanzi li, bħal fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, jissuġġerixxu trasferiment tal-benefiċċju effettiv lil terz bħala tip ta’ aventi kawża (73).
86. Fil-kuntest tal-prassi fiskali kontenzjuża, il-benefiċċju effettiv kien jikkonsisti fil-kisba ta’ deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem li tiggarantixxi tassazzjoni partikolari tal-profitti. Evidentement, dawn id-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem ma kinux indirizzati lil “grupp” (fil-kuntest tal-hekk imsejħa “sistema unitarja ta’ tassazzjoni”), iżda lil kumpannija konkreta tal-grupp. Din kienet għalhekk benefiċjarja tad-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem u, għaldaqstant, benefiċjarja tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2015/1589. Il-Kummissjoni ma kkonstatatx ċirkustanzi li permezz tagħhom il-kumpanniji l-oħra tal-grupp kisbu l-benefiċċju mogħti mid-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem.
87. Konsegwentement, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni tista’ tordna l-irkupru tal-għajnuna wkoll mingħand il-kumpanniji l-oħra tal-grupp hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.
88. Ir-raba’ aggravju huwa fondat. F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata. Peress li din l-oġġezzjoni kienet is-suġġett ta’ dibattitu kontenzjuż quddiem il-Qorti Ġenerali u peress li ebda miżura oħra ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma hija neċessarja, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża fuq dan il-punt. Konsegwentement, l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża għandu jiġi annullat.
E. Konklużjoni tal-eżami tal-aggravji
89. Ir-raba’ aggravju huwa fondat. L-aggravji l-oħra tal-appell huma infondati. Konsegwentement, hemm lok li tiġi annullata, sa fejn hija ġġustifikata, is-sentenza appellata u li l-kumplament tal-appelli jiġi miċħud. L-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża għandu jiġi annullat.
F. Fuq l-ispejjeż
90. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Dan tal-aħħar japplika għall-kawża ineżami.
91. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ individwali jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.
92. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-proċedura, jidher iġġustifikat li l-appellanti biss ibatu l-ispejjeż. L-appell huwa milqugħ biss b’mod limitat, jiġifieri fir-rigward tat-tielet ilment tat-tielet ilment tar-raba’ aggravju. Sa fejn jista’ jiġi deċiż, l-annullament tas-sentenza u tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jagħti ebda vantaġġ ekonomiku dirett lill-appellanti. Fil-fatt, l-irkupru mingħand il-kumpanniji l-oħra tal-grupp kien ordnat biss sussidjarjament. Għalhekk huwa ġġustifikat li l-annullament tal-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jaffettwax id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.
VI. Konklużjoni
93. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fil-Kawżi C‑755/23 P u C‑756/23 P kif ġej:
1) Il-punt 2 tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2023, Atlas Copco Airpower et vs Il‑Kummissjoni (T‑278/16 u T‑370/16, EU:T:2023:568), huwa annullat sa fejn permezz tiegħu ġiet miċħuda l-azzjoni kontra l-irkupru sussidjarju tal-ammonti mill-gruppi ta’ impriżi tal-benefiċjarji tal-għajnuna (Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal‑11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju.
2) L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1699 huwa annullat.
3) Il-kumplament tal-appelli ġew miċħuda.
4) L-appellanti huma kkundannati għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell.
1 Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2023, Atlas Copco Airpower et vs Il‑Kummissjoni (T‑278/16 u T‑370/16, EU:T:2023:568).
3 Din tikkonċerna l-proċeduri fil-Kawżi C‑734/23 P u C‑735/23 P, C‑736/23 P, C‑737/23 P sa C‑742/23 P, kif ukoll C‑752/23 P, C‑754/23 P, C‑757/23 P u C‑758/23 P. Dawn il-konklużjonijiet jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk esposti fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑752/23 P.
4 Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal‑11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (ĠU 2016, L 260, p. 61).
5 Il-prezzijiet tat-trasferiment huma l-prezzijiet li bihom impriża tikkonsenja oġġetti fiżiċi jew assi intanġibbli lil impriżi assoċjati, jew tipprovdi servizzi għal impriżi assoċjati; ara l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa, 2022, p 15 u 16.
6 Gazzetta Uffiċjali Belġjana tad‑9 ta’ Lulju 2004.
7 Punti 58, 59 u 62 tas-sentenza appellata u l-premessa 34 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
8 Punti 60 u 62 tas-sentenza appellata, li jirreferu għall-premessa 38 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
9 Punti 71 u 72 tas-sentenza appellata, li jirreferu għall-premessi 39 sa 42 tad-deċiżjoni kontenzjuża; kif ukoll għad-dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Finanzi tat‑30 ta’ Novembru 2023, ippreżentata bħala l-Anness A.8.
10 Ara iktar ’il quddiem il-punt 73 tas-sentenza appellata.
11 Fil-fatt, ġiet stabbilita perċentwali li rriżultat mit-tqabbil ta’ profitt medju ipotetiku stmat ta’ impriża individwali u ta’ profitt reali stmat tal-persuna taxxabbli. Din titnaqqas mill-profitt effettiv tal-persuna taxxabbli matul il-ħames snin ta’ wara.
12 F’dan ir-rigward, ara l-punt 13 tas-sentenza appellata.
13 Sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91).
14 Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International, (C‑337/19 P, EU:C:2021:741).
15 Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741, punti 156 sa 158 kif ukoll 169 et seq.).
16 Sentenzi tad‑29 ta’ April 2025, Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2025:285, punt 36), tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 105), u tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 27).
17 Ara wkoll is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2025, Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2025:285, punt 44), tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 107), u tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punti 31 u 32).
18 Punti 68 et seq., b’mod partikolari l-punt 77 tas-sentenza appellata.
19 Punt 68 tas-sentenza appellata.
20 Punt 74 tas-sentenza appellata.
21 Ċertament, il-verżjoni Ingliża tas-sentenza tuża l-espressjoni “already included” u mhux “also included”. Madankollu mill-premessi tas-sentenza u minn paragun mal-verżjoni Franċiża (“également repris”) jirriżulta li dan huwa żball ta’ traduzzjoni.
22 Punt 70 tas-sentenza appellata.
23 Punt 73 tas-sentenza appellata.
24 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu et (C‑457/21 P, EU:C:2023:466, punti 91 et seq.), Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni u Engie Global LNG Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:383, punti 86 et seq.) u Tesco-Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2019:567, punti 147 et seq.).
25 Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2024:898, punt 27).
26 Sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 119), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Związek Gmin Zagłębia Miedziowego (C‑566/17, EU:C:2019:390, punt 39); ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni u Engie Global LNG Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:383, punt 99).
27 Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Amazon.com et (C‑457/21 P, EU:C:2023:985, punt 56), tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punti 115 et seq.) u tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punti 95 et seq.).
28 Sentenzi tad‑29 ta’ April 2025, Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2025:285, punt 48), tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il-Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 112), u tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 37), ara f’dan is-sens ukoll fir-rigward tal-libertajiet fundamentali s-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország (C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 49), u tat‑3 ta’ Marzu 2020,Tesco-Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 69), u l-ġurisprudenza ċċitata.
29 Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Amazon.com et (C‑457/21 P, EU:C:2023:985, punt 42) u tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punti 95 et seq.)
30 Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Amazon.com et (C‑457/21 P, EU:C:2023:985) u tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il-Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948).
31 Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 120).
32 Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Amazon.com et (C‑457/21 P, EU:C:2023:985, punt 56).
33 Sentenza tad‑29 ta’ April 2025, (C‑453/23, EU:C:2025:285, punt 51).
34 Sentenza tad‑29 ta’ April 2025, Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2025:285, punt 80).
35 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il-Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni u Engie Global LNG Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑454/21 P u C‑451/21 P, EU:C:2023:383, punt 101).
36 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu et (C‑457/21 P, EU:C:2023:466, punti 98 et seq.), u Engie Global LNG Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑454/21 P u C‑451/21 P, EU:C:2023:383, punti 94 et seq.)
37 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni u Engie Global LNG Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑454/21 P u C‑451/21 P, EU:C:2023:383, punt 96).
38 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu et (C‑457/21 P, EU:C:2023:466, punti 94 et seq.), u Engie Global LNG Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑454/21 P u C‑451/21 P, EU:C:2023:383, punt 92).
39 Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 96 sa 107).
40 Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni u Engie Global LNG Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑454/21 P u C‑451/21 P, EU:C:2023:383, punt 91).
41 Sentenzi tad‑29 ta’ April 2025, Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2025:285, punt 53), tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il-Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 114), tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punti 48 et seq.), u tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punti 42 et seq.).
42 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2024:898, punt 34), u Tesco-Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2019:567, punt 151).
43 Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 119). Dan il-prinċipju jeżiġi li l-elementi essenzjali kollha li jikkostitwixxu l-aspetti sostantivi tat-taxxa jkunu rregolati mil-leġiżlatur nazzjonali.
44 Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni (C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 120).
45 Jekk, fuq il-bażi ta’ tali stħarriġ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkonkludu li l-awtoritajiet nazzjonali qegħdin japplikaw il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali b’mod manifestament illegali, prassi tat-taxxa bbażata fuq dik l-applikazzjoni ma tifformax parti mill-qafas ta’ referenza, iżda pjuttost tiddevja minnu. Jekk tagħtix ukoll vantaġġ selettiv għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tat-tieni u tat-tielet stadju tal-istħarriġ fi tliet stadji msemmija hawn fuq (punt 40). Ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2025, Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2025:285, punt 60); kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2024:898, punt 28).
46 Il-prezzijiet tat-trasferiment huma l-prezzijiet li bihom impriża tikkonsenja oġġetti fiżiċi jew assi intanġibbli lil impriżi assoċjati, jew tipprovdi servizzi għal impriżi assoċjati; ara l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa, 2022, p 15 u 16.
47 Preżentazzjoni tal-perspettiva tal-Belġju fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
48 Minkejja l-iżball ta’ traduzzjoni fil-punt 61 (“already included in the profit” minflok “also included in the profit”), mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta mingħajr dubju li dan ma huwiex rekwiżit ta’ aġġustament fiskali minn qabel permezz ta’ kompetenza fiskali oħra. Ara b’mod partikolari l-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata.
49 Punt 73 tas-sentenza appellata.
50 Punti 15 sa 20 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
51 Punt 88 tas-sentenza appellata.
52 Punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata.
53 Punti 111 et seq. tas-sentenza appellata.
54 Punti 123 et seq. tas-sentenza appellata.
55 Punt 125 tas-sentenza appellata.
56 Punt 126 tas-sentenza appellata.
57 Punti 127 et seq. tas-sentenza appellata.
58 Punti 160 et seq., b’mod partikolari l-punt 165 tas-sentenza appellata.
59 Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta kkonstatat differenza fit-trattament. Ara, f’dan ir-rigward, l-osservazzjonijiet fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi C‑734/23 P u C‑735/23 P (punti 81 et seq.).
60 Punti 188 tas-sentenza appellata.
61 Punti 189 u 190 tas-sentenza appellata.
62 Sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 75).
63 Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 131), tat‑8 ta Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 34) u tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 76).
64 Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 131), tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 34) u tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 75).
65 Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni (323/82, EU:C:1984:345, punt 11), u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni (C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 64).
66 Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni (323/82, EU:C:1984:345, punt 11).
67 Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni (C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punti 63 u 64).
68 Sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2025, Scai (C‑588/23, EU:C:2025:23, punt 40) u tad‑29 ta’ Lulju 2024, Koiviston Auto Helsinki vs Il‑Kummissjoni (C‑697/22 P, EU:C:2024:641, punti 79 u 81).
69 Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314).
70 Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 41), u tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 47 u 48), u tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punti 54 u 55).
71 Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 41); ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C‑217/05, EU:C:2006:784, punt 41), u tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:70, punt 140).
72 Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 52).
73 Sussidjarjament, il-Kummissjoni tista’ sempliċement tissuġġetta l-irkupru mingħand kumpanniji oħra tal-grupp għall-kisba effettiva tal-vantaġġ.