SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Imballaġġ u skart mill-imballaġġ – Kunċett – Direttiva 94/62/KE – Artikolu 3 u Anness I – Tikketti mwaħħla direttament fuq il-frott jew il-ħxejjex – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi tali tikketti bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma kompostabbli fid-djar u magħmulin, kompletament jew parzjalment, minn materjali b’oriġini bijoloġika”
Fil-Kawża C‑772/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Novembru 2024, fil-proċedura
Association interprofessionnelle des fruits et légumes frais (Interfel)
vs
Premier ministre,
Ministre de la Transition écologique, de l’Énergie, du Climat et de la Prévention des risques,
Garde des sceaux, ministre de la Justice,
Ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie,
Ministre de l’Agriculture, de la Souveraineté alimentaire et de la Forêt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-association interprofessionnelle des fruits et légumes frais (Interfel), minn A. Bron, A. Helfer u G. Léonard, avukati, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn P. Chansou u B. Travard, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Melo Sampaio u R. Tricot bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 150, p. 141) (iktar ’il quddiem id-Direttiva 94/62”), moqri flimkien mal-Anness I ta’ din id-direttiva. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-association interprofessionnel des fruits et légumes frais (Interfel) (l-Assoċjazjoni Interprofessjonali tal-Frott u tal-Ħaxix frisk), minn naħa, u l-Premier ministre (il-Prim Ministru, Franza), il-ministre de la Transition écologique, de l’Énergie, du Climat et de la Prévention des risques (il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika, għall-Enerġija, għall-Klima u għall-Prevenzjoni tar-Riskji, Franza), il-garde des sceaux, ministre de la Justice (il-Gwardasiġilli, il-Ministru għall-Ġustizzja, Franza), il-ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie (il-Ministru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għall-Industrija, Franza) kif ukoll il-ministre de l’Agriculture, de la Souveraineté alimentaire et de la Forêt (il-Ministru għall-Agrikoltura, għas-Sovranità Alimentari u għall-Foresti, Franza), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni impliċita li tiċħad talba għat-tħassir ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa fil-każ ta’ twaħħil ta’ tikketti direttament fuq il-frott jew il-ħxejjex, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma kompostabbli fid-djar u magħmulin, kompletament jew parzjalment, minn materjali b’oriġini bijoloġika. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva
|
|
4 |
L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżempji illustrattivi għall-kriterji msemmija fl-Artikolu 3(1)”, jipprovdi: “[…] Eżempji illustrattivi għall-kriterju (iii) Imballaġġ Tikketti mdendla direttament ma’ prodott jew imwaħħla miegħu […]” |
Id-dritt Franċiż
|
5 |
L-Artikolu 80 tal-loi no 2020-105, du 10 février 2020, relative à la lutte contre le gaspillage et à l’économie circulaire (il-Liġi Nru 2020-105 tal‑10 ta’ Frar 2020 dwar il-Ġlieda kontra l-Ħela u l-Ekonomija Ċirkolari (JORF tal‑11 ta’ Frar 2020, p. 6), jipprovdi: “Sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2022, it-twaħħil tat-tikketti direttament fuq il-frott jew il-ħxejjex għandu jintemm, bl-eċċezzjoni ta’ tikketti kompostabbli fid-djar u magħmulin, kompletament jew parzjalment, minn materjali b’oriġini bijoloġika.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu R. 543–73 tal-code de l’environnement (il-Kodiċi tal-Ambjent), kif emendat bil-punt 2 tal-paragrafu III tal-Artikolu 1 tad-décret no 2020 1724, du 28 décembre 2020, relatif à l’interdiction d’élimination des invendus non alimentaires et à diverses dispositions de lutte contre le gaspillage (id-Digriet Nru 2020–1724 tat‑28 ta’ Diċembru 2020 dwar il-Projbizzjoni ta’ Rimi ta’ Prodotti mhux tal-Ikel mhux Mibjugħa u dwar Diversi Dispożizzjonijiet ta’ Ġlieda kontra l-Ħela (JORF tat‑30 ta’ Diċembru 2020, p. 209): “Huwa punibbli bil-multa prevista għall-kontravenzjonijiet tat-3 klassi l-fatt: […] 4° li titwaħħal tikketta direttament fuq frotta jew ħaxix, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma kompostabbli fid-djar u magħmulin, kompletament jew parzjalment, minn materjali b’oriġini bijoloġika, bi ksur tal-Artikolu 80 tal-Liġi Nru 2020–105 tal‑10 ta’ Frar 2020 dwar il-Ġlieda kontra l-Ħela u l-Ekonomija Ċirkolari”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
7 |
Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ April 2022, Interfel ressqet quddiem il-Prim Ministru talba intiża għat-tħassir tad-dispożizzjonijiet tal-punt 2 tal-paragrafu III tal-Artikolu 1 tad-Digriet Digriet Nru 2020–1724 tat‑28 ta’ Diċembru 2020 dwar il-Projbizzjoni ta’ Rimi ta’ Prodotti mhux tal-Ikel mhux Mibjugħa u dwar Diversi Dispożizzjonijiet ta’ Ġlieda kontra l-Ħela. Is-silenzju tal-Prim Ministru dwar din it-talba ta lok għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda. Fit‑23 ta’ Awwissu 2022, Interfel ressqet quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. |
|
8 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 80 tal-Liġi Nru 2020-105 tal‑10 ta’ Frar 2020 dwar il-Ġlieda kontra l-Ħela u l-Ekonomija Ċirkolari, u li għandha l-għan li tipprojbixxi, fit-territorju Franċiż, it-twaħħil dirett fuq il-frott jew il-ħxejjex ta’ tikketti li ma humiex tikketti kompostabbli fid-djar u magħmulin, kompletament jew parzjalment, minn materjali b’oriġini bijoloġika. L-imsemmija dispożizzjonijiet jipprovdu li huwa punibbli b’multa l-fatt li ma jiġux osservati d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 80. F’dan il-kuntest u fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, din il-qorti tqis li jista’ jitqies li tikketti, imwaħħla direttament fuq il-frott u l-ħxejjex, ma jikkostitwixxux “imballaġġ”, fis-sens ta’ din id-direttiva, peress li ma jissodisfawx perfettament id-definizzjoni u lanqas it-tliet kriterji li jikkompletawha stabbiliti minn dan l-Artikolu 3. Madankollu, l-imsemmija qorti tirrileva li l-Anness I tal-imsemmija direttiva jikklassifika espliċitament bħala imballaġġ, bħala eżempju tal-kriterju stabbilit fil-punt (iii) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, it-tikketti mwaħħla direttament jew imqabbda ma’ prodott. |
|
9 |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk mill-Anness I tad-Direttiva 94/62 jirriżultax li kull tikketta mwaħħla direttament jew imqabbda ma’ prodott tikkostitwixxix neċessarjament imballaġġ fis-sens ta’ din id-direttiva, jew jekk din il-klassifikazzjoni għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tad-definizzjoni u tat-tliet kriterji stabbiliti mill-Artikolu 3 tagħha. F’din l-aħħar ipoteżi, tali tikketti jikkostitwixxu imballaġġ biss jekk ikunu intiżi sabiex iżommu fihom u jipproteġu merkanzija partikolari, sabiex jippermettu l-immaniġġar u t-trasport tagħha mill-produttur lill-konsumatur jew lill-utent, u sabiex jiżguraw il-preżentazzjoni tagħhom, sakemm ma jkunux jagħmlu parti integrali minn prodott u sakemm l-elementi kollha ma jkunux intiżi li jiġu kkonsumati jew mormija flimkien. |
|
10 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “It-tikketti mwaħħla direttament mal-frott u mal-ħaxix jikkostitwixxu, fi kwalunkwe każ, imballaġġ fis-sens tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 94/62] u tal-Anness I ta’ din id-direttiva?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
11 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (iii) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62 u l-Anness I ta’ din tal-aħħar għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-tikketti mwaħħla direttament fuq il-frott u l-ħxejjex jikkostitwixxu, fi kwalunkwe każ, “imballaġġ” fis-sens tal-imsemmija direttiva. |
|
12 |
Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 94/62 b’mod partikolari għandha bħala għan li tipprevjeni jew li tnaqqas l-effett tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ fl-ambjent tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi u għalhekk sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, billi imponiet b’mod partikolari fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru tal-imballaġġ kif ukoll tal-iskart mill-imballaġġ. Għal dan il-għan, hekk kif jirriżulta mill-ħames premessa tagħha u skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 94/62 tkopri l-imballaġġ kollu mqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea u l-iskart mill-imballaġġ kollu (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Eco-Emballages et, C‑313/15 u C‑530/15, EU:C:2016:859, punt 23). |
|
13 |
Isegwi li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-kunċett ta’ “imballaġġ” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Eco-Emballages et, C‑313/15 u C‑530/15, EU:C:2016:859, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
14 |
Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex jikkostitwixxi imballaġġ fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, artikolu għandu, minn naħa, jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62 u, min-naħa l-oħra, jikkorrispondi għall-kriterji elenkati fit-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Eco-Emballages et, C‑313/15 u C‑530/15, EU:C:2016:859, punt 25). |
|
15 |
Għalhekk, fl-ewwel lok, sabiex jikkostitwixxi “imballaġġ” fis-sens tad-Direttiva 94/62, prodott għandu, minn naħa, ikun intiż, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, sabiex iżomm fih u jipproteġi merkanzija speċifika, għall-immaniġjar u għat-trasport tagħha mill-produttur għall-konsumatur jew għall-utent, u sabiex tiġi żgurata l-preżentazzjoni tagħha. It-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tindika, minbarra dan, li l-artikoli kollha “li ma humiex maħsubin sabiex jerġgħu jinġabru” użati għall-istess skopijiet għandhom jitqiesu bħala imballaġġ (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Eco-Emballages et, C‑313/15 u C‑530/15, EU:C:2016:859, punt 26). |
|
16 |
Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-funzjonijiet possibbli tal-imballaġġ ma humiex elenkati fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, b’mod kumulattiv (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Eco-Emballages et, C‑313/15 u C‑530/15, EU:C:2016:859, punt 27). |
|
17 |
Tali prodott għandu, min-naħa l-oħra, jaqa’ taħt waħda mit-tliet kategoriji ta’ imballaġġ elenkati u ddefiniti fil-punti (a) sa (ċ) tat-tieni paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, jiġifieri l-imballaġġ għall-bejgħ, l-imballaġġ ta’ prodotti fi gruppi jew imballaġġ għat-trasport (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Eco-Emballages et, C‑313/15 u C‑530/15, EU:C:2016:859, punt 28) |
|
18 |
Fit-tieni lok, skont il-punt (i) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, artiklu li jikkorrispondi għad-definizzjoni pożittiva tal-kunċett ta’ “imballaġġ” imsemmi fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 għandu jitqies bħala imballaġġ, sakemm ma jkunx jagħmel parti integrali minn prodott, sakemm ma jkunx neċessarju sabiex dak il-prodott jinżamm fih, jiġi sostnut jew ippreżervat fiċ-ċiklu ta’ ħajja kollu tiegħu u sakemm l-elementi kollha ma jkunux intiżi sabiex jintużaw, jiġu kkonsumati jew mormija flimkien (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Eco-Emballages et, C‑313/15 u C‑530/15, EU:C:2016:859, punt 29). |
|
19 |
Mill-kliem stess tal-punt (i) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 jirriżulta li t-tliet kriterji negattivi li huwa jelenka huma kumulattivi. Konsegwentement, huma biss l-artikli li, filwaqt li jikkorrispondu għad-definizzjoni pożittiva tal-imballaġġ, jissodisfaw dawn it-tliet kriterji simultanjament, li ma humiex meqjusa bħala imballaġġ, fis-sens tad-Direttiva 94/62 (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Eco-Emballages et, C‑313/15 u C‑530/15, EU:C:2016:859, punt 30). |
|
20 |
Fit-tielet lok, skont il-punt (iii) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, il-komponenti tal-imballaġġ u l-elementi anċillari integrati fl-imballaġġ huma meqjusa bħala partijiet mill-imballaġġ li fih huma integrati. L-elementi anċillari mwaħħla direttament, jew imqabbda ma’ prodott u li jwettqu funzjoni ta’ imballaġġ għandhom jitqiesu bħala imballaġġ sakemm ma jkunux jagħmlu parti integrali minn prodott u sakemm l-elementi kollha ma jkunux intiżi sabiex jiġu kkonsumati u mormija flimkien. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, l-Anness I ta’ din id-direttiva li jsemmi “[e]żempji illustrattivi għall-kriterji msemmija fl-Artikolu 3(1)” tagħha, jindika espressament, taħt it-titolu “Eżempji illustrattivi għall-kriterju (iii)”, li t-tikketti mdendla direttament jew imwaħħla ma’ prodott jikkostitwixxu imballaġġ. |
|
22 |
Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk minn dan l-Anness I jirriżultax li kull tikketta mwaħħla direttament jew imqabbda ma’ prodott tikkostitwixxix neċessarjament imballaġġ fis-sens tad-Direttiva 94/62, jew jekk din il-klassifikazzjoni għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tad-definizzjoni u tat-tliet kriterji stabbiliti mill-Artikolu 3 tagħha. F’din l-aħħar ipoteżi, tali tikketti jikkostitwixxu imballaġġ biss jekk ikunu intiżi sabiex iżommu fihom u jipproteġu merkanzija speċifika, sabiex jippermettu l-immaniġġar u t-trasport tagħha mill-produttur lill-konsumatur jew lill-utent, u sabiex jiżguraw il-preżentazzjoni tagħha, sakemm ma jkunux jagħmlu parti integrali minn prodott u sakemm l-elementi kollha ma jkunux intiżi sabiex jiġu kkonsumati jew mormija flimkien. |
|
23 |
Jekk mill-kliem tal-Anness I tad-Direttiva 94/62 jirriżulta li t-tikketti mwaħħla direttament jew imqabbda ma’ prodott jikkostitwixxu imballaġġ, għandu jiġi kkonstatat li l-eżempju pprovdut f’dan l-Anness I jikkonċerna l-kriterju stabbilit mill-punt (iii) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, l-elementi anċillari mwaħħla direttament ma’ prodott jew imqabbda ma’ prodott u li għandhom rwol ta’ imballaġġ jitqiesu bħala imballaġġ, sakemm ma jkunux jagħmlu parti integrali minn prodott u sakemm l-elementi kollha ma jkunux intiżi sabiex jiġu kkonsumati jew mormija flimkien. |
|
24 |
Għaldaqstant, mill-punt (iii) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, jirriżulta li t-tikketti msemmija, bħala eżempju, fl-Anness I ta’ din id-direttiva, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “imballaġġ” jekk dawn jikkostitwixxu elementi anċillari li għandhom rwol ta’ imballaġġ, sakemm ma jkunux jagħmlu parti integrali mill-prodott ikkonċernat u sakemm l-elementi kollha ma jkunux intiżi li jiġu kkonsumati jew mormija flimkien. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li sabiex jiġi kklassifikat bħala “imballaġġ”, oġġett għandu “barra minn hekk” jissodisfa l-kriterji esposti f’dan l-aħħar paragrafu. |
|
25 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ma jistax jitqies li l-kriterji ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “imballaġġ” stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62 ma għandhomx jiġu ssodisfatti minħabba s-sempliċi raġuni li tikketta tkun mwaħħla direttament jew imqabbda ma’ frott jew ħaxix. |
|
26 |
Fir-rigward tal-funzjonijiet possibbli tal-imballaġġ imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, jekk dawn ma humiex elenkati b’mod kumulattiv, dawn huma elenkati, mill-banda l-oħra, b’mod eżawrjenti, b’tali mod li, sabiex tikkostitwixxi imballaġġ, tikketta direttament imwaħħla fuq frott jew ħaxix għandha tissodisfa mill-inqas waħda minn dawn it-tliet funzjonijiet. |
|
27 |
Il-Gvern Franċiż sostna, f’dan ir-rigward, li t-tikketti mwaħħla direttament fuq frott u ħaxix jidhru li għandhom karatteristiċi differenti u jissodisfaw għanijiet differenti ħafna. Dawn huma ta’ spiss tikketti ta’ daqs żgħir, li jkopru biss parti marġinali tas-superfiċje tal-frott jew tal-ħaxix ikkonċernati. Madankollu, uħud minn dawn it-tikketti jistgħu iħaddnu jew jinkorporaw b’mod iktar sinjifikanttiv lill-frott jew il-ħaxix ikkonċernat. Barra minn hekk, filwaqt li ċerti tikketti jidhru li juru l-logo jew l-isem ta’ trade mark kummerċjali, oħrajn jistgħu jinkludu ċerta informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-frott u tal-ħxejjex ikkonċernati jew inkella barcode jew kodiċi ta’ identifikazzjoni numeriku. |
|
28 |
Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher, qabelxejn, li t-tikketti mwaħħla direttament fuq il-frott u l-ħxejjex huma, ta’ spiss, ta’ daqs iżgħar minn dawn tal-aħħar u, għaldaqstant, ma humiex intiżi, bħala prinċipju, sabiex iżommuhom fihom u jipproteġuhom. |
|
29 |
Sussegwentement, għall-istess raġunijiet, dawn it-tikketti ma jidhrux intiżi, fi kwalunkwe każ, sabiex jippermettu l-immaniġġar u t-trasport tal-frott u tal-ħaxix ikkonċernat lejn il-post tal-konsum. |
|
30 |
Fl-aħħar nett, għalkemm ma huwiex eskluż li ċerti tikketti mwaħħla direttament fuq il-frott u l-ħxejjex jippermettu li tiġi żgurata l-preżentazzjoni tagħhom, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma jirriżulta li dawn huma intiżi, fi kwalunkwe każ, għal dan l-għan. |
|
31 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li r-riferiment, fl-Anness I tad-Direttiva 94/62, għat-“[t]ikketti mdendla direttament ma’ prodott jew imwaħħla miegħu”, bħala eżempju tal-kriterji msemmi fil-punt (iii) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi interpretat bħala li jfisser li t-tikketti kollha mwaħħla direttament fuq il-frott u l-ħxejjex għandhom jiġu sistematikament meqjusa bħala imballaġġ fis-sens tal-imsemmija direttiva. |
|
32 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawża prinċipali, ir-relatur pubbliku qies li “tikketta mwaħħla direttament fuq frotta jew ħaxix ma twettaq l-ebda waħda mill-funzjonijiet” elenkati fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62. |
|
33 |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “imballaġġ” ma timplikax li għandha tingħata interpretazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva 94/62 li tmur kontra l-kliem tal-punt (iii) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. |
|
34 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tevalwa, fid-dawl b’mod partikolari tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 23 sa 30 ta’ din is-sentenza u abbażi tal-elementi rilevanti kollha disponibbli, jekk it-tikketti mwaħħla direttament fuq il-frott jew il-ħaxix jissodisfawx mill-inqas waħda mit-tliet funzjonijiet ta’ imballaġġ iddefiniti fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62 u jaqgħux taħt waħda mit-tliet kategoriji ta’ imballaġġ elenkati u ddefiniti fil-punti (a) sa (ċ) tat-tieni paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. |
|
35 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt (iii) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62 u l-Anness I ta’ din tal-aħħar għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tikketti mwaħħla direttament fuq il-frott u l-ħxejjex ma jikkostitwixxux, fi kwalunkwe każ, imballaġġ fis-sens tal-imsemmija direttiva. Tali tikketti jistgħu jitqiesu bħala imballaġġ biss sakemm jissodisfaw waħda mit-tliet funzjonijiet ta’ imballaġġ iddefiniti fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62 u jaqgħu taħt waħda mit-tliet kategoriji ta’ imballaġġ elenkati u ddefiniti fil-punti (a) sa (ċ) tat-tieni paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
|
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-punt (iii) tat-tielet paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 u l-Anness I tad-Direttiva 94/62, kif emendata, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
t-tikketti mwaħħla direttament fuq il-frott u l-ħxejjex ma jikkostitwixxux, fi kwalunkwe każ, imballaġġ fis-sens tad-Direttiva 94/62, kif emendata. Tali tikketti jistgħu jitqiesu bħala imballaġġ biss sakemm jissodisfaw waħda mit-tliet funzjonijiet ta’ imballaġġ iddefiniti fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, kif emendata, u jaqgħu taħt waħda mit-tliet kategoriji ta’ imballaġġ elenkati u ddefiniti fil-punti (a) sa (ċ) tat-tieni paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, kif emendata. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.