IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.9.2023
COM(2023) 519 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
fir-rigward tad-delega tas-setgħat msemmija fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni
1. Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni (ir-Regolament SMEFF) għandu l-għan li:
(a)isaħħaħ il-kontrolli fuq l-attivitajiet tas-sajd, l-aktar permezz ta’ awtorizzazzjonijiet għall-bastimenti tal-UE li jistadu barra l-ilmijiet tal-UE;
(b)jimplimenta wħud mill-awtorizzazzjonijiet tal-Istati tal-bandiera tal-UE, derivati minn ftehimiet bilaterali tas-sajd tal-UE u organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd; kif ukoll
(c)isaħħaħ l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd fir-rigward tas-sajd sostenibbli, il-kontroll, u r-regoli tal-UE dwar l-indirizzar tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).
Biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament dwar l-SMEFF, u b’mod partikolari biex dan jiġi adattat għal żviluppi possibbli, il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din is-setgħa tista’ tintuża mill-Kummissjoni biex temenda l-Anness ħalli tiżgura monitoraġġ xieraq tal-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd skont ir-Regolament, b’mod partikolari permezz ta’ rekwiżiti ġodda ta’ data; u biex tissupplimenta l-Artikolu 10 billi timplimenta fil-liġi tal-Unjoni l-eżitu tal-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehim, jew l-eżiti ta’ arranġamenti ma’ stati kostali li magħhom huma kondiviżi l-istokkijiet tal-ħut, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd.
L-Artikolu 44 tar-Regolament dwar l-SMEFF jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati.
2. Bażi ġuridika
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament SMEFF. F’konformità ma’ din id-dispożizzjoni, is-setgħat tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 15 huma mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames (5) snin mis-17 ta’ Jannar 2018. Il-Kummissjoni trid tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħat sa mhux iktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames (5) snin. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe oppożizzjoni mill-koleġiżlaturi, id-delega tas-setgħat ġiet estiża awtomatikament għal 5 snin oħra, sas-17 ta’ Jannar 2028.
Ir-Regolament dwar l-SMEFF jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati:
a)filwaqt li jemenda l-Anness biex jiġi żgurat monitoraġġ xieraq tal-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd skont ir-Regolament, b’mod partikolari permezz ta’ rekwiżiti ġodda tad-data (l-Artikolu 5(2) tar-Regolament dwar l-SMEFF); kif ukoll
b)jissupplimenta l-Artikolu 10 billi jimplimenta fil-liġi tal-Unjoni l-eżitu tal-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim, jew l-eżiti ta’ arranġamenti ma’ stati kostali li magħhom huma kondiviżi l-istokkijiet tal-ħut, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd (l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar l-SMEFF).
3. Eżerċitar tad-delega ta’ setgħat
Mis-17 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni ma adottat l-ebda att delegat skont ir-Regolament dwar l-SMEFF. Is-setgħat biex jiġu adottati atti delegati huma previsti għall-adattament meħtieġ tar-Regolament SMEFF għall-kuntest li fih jiġi applikat ir-Regolament (jiġifieri għal teknoloġiji ġodda jew riżultati ta’ negozjati ġodda ma’ stati terzi). S’issa l-ebda adattament bħal dan ma kien meħtieġ.
4. Konklużjoni
Il-Kummissjoni tqis li s’issa ma kienx hemm bżonn li r-Regolament SMEFF jiġi adattat billi teżerċita s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 15 tar-Regolament SMEFF.
Madankollu, tali atti delegati xorta jistgħu jkunu meħtieġa fil-futur biex ir-Regolament jiġi adattat għal bidliet teknoloġiċi jew matul l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet li għad jiġu konklużi ma’ stati terzi.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.