European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4072

28.6.2024

Avviż dwar talba li tikkonċerna l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE

Talba mressqa minn Entità Kontraenti

(C/2024/4072)

Fl-14 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). It-talba tressqet minn Slovenská pošta, a.s. L-ewwel jum ta’ xogħol wara li waslet it-talba kien is-17 ta’ Ġunju 2024.

Din it-talba tikkonċerna attivitajiet relatati mal-forniment ta’ servizzi postali u servizzi oħra kif imsemmi fl-Artikolu 13(2)(b) u (c) tad-Direttiva 2014/25/UE fis-Slovakkja.

L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE jipprevedi li “kuntratti maħsuba sabiex jippermettu li ssir attività msemmija fl-Artikoli 8 sa 14 li għandha titwettaq ma għandhomx ikunu soġġetti għal din id-Direttiva jekk l-Istat Membru jew l-entitajiet kontraenti li introduċew it-talba skont l-Artikolu 35 jistgħu juru li, fl-Istat Membru li titwettaq fih, l-attività hija direttament esposta għall-kompetizzjoni fis-swieq li għalihom mhuwiex ristrett l-aċċess; u lanqas il-kompetizzjonijiet ta’ disinn li huma organizzati sabiex titwettaq din l-attività f’dik iż-żona ġeografika ma għandhom ikunu soġġetti għal din id-Direttiva”. Il-valutazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni li tista’ ssir fil-kuntest tad-Direttiva 2014/25/UE hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni għandha perjodu ta’ 105 (2) ijiem ta’ xogħol biex tieħu deċiżjoni dwar din it-talba, li jibda mill-jum ta’ xogħol imsemmi hawn fuq. Għalhekk il-perjodu jiskadi fit-12 ta’ Novembru 2024.

Skont l-Artikolu 35(5) tad-Direttiva 2014/25/UE, talbiet oħra li jikkonċernaw l-istess attivitajiet fis-Slovakkja li jitressqu qabel l-iskadenza tal-perjodu miftuħ fir-rigward ta’ din it-talba ma għandhomx jitqiesu bħala proċeduri ġodda u għandhom jiġu ttrattati fil-kuntest ta’ din it-talba.


(1)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(2)  Skont il-paragrafu 1a tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE flimkien mat-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4072/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)