European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/172

29.1.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/172

tas-17 ta’ Diċembru 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija stabbilit bil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni li tikkonċerna l-preparazzjoni ta’ proċeduri tekniċi għall-użu effiċjenti tal-interkonnetturi tal-elettriku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2),flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ April 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/689 (1) dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

(2)

L-Artikolu 8(1), il-punt (l) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi l-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija (il-“Kumitat Speċjalizzat”). Il-kompetenzi tal-Kumitat Speċjalizzat huma stabbiliti fl-Artikolu 8(4) ta’ dak il-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 8(4)(c) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li fihom dak il-Ftehim jew kull ftehim supplimentari jipprevedi dan jew li għalihom il-Kunsill ta’ Sħubija jkun iddelegalu s-setgħat tiegħu. Skont l-Artikolu 10(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, Kumitat għandu jadotta deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet b’kunsens reċiproku.

(4)

Fir-rigward tal-arranġamenti għan-negozjar tal-elettriku bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, l-Artikolu 312(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jirrikjedi li, għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u l-ġestjoni tal-konġestjoni fl-istadju ta’ ġurnata minn qabel, il-Kumitat Speċjalizzat, bi prijorità, għandu jieħu l-passi meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 317 ta’ dak il-Ftehim biex jiżgura li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (“TSOs” - transmission system operators) għall-enerġija elettrika jiżviluppaw arranġamenti li jistabbilixxu proċeduri tekniċi f’konformità mal-Anness 29 ta’ dak il-Ftehim f’perjodu ta’ żmien speċifiku..

(5)

B’mod partikolari, il-Paeri 1, il-punt 1, tal-Anness tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi l-iżvilupp ta’ proċedura ġdida għall-allokazzjoni tal-kapaċità fuq l-interkonnetturi tal-elettriku fil-perjodu ta’ żmien tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem. Il-proċedura l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq il-kunċett ta’ “akkoppjament ta’ volumi mhux flessibbli b’diversi reġjuni”.

(6)

Fl-10 ta’ Lulju 2023, it-TSOs tal-Unjoni u tar-Renju Unit ippreżentaw rapport, bħala segwitu tar-Rakkomandazzjoni Nru 1/2023 tas-7 ta’ Frar 2023 tal-Kumitat Speċjalizzat (3), li fiha talbu li t-TSOs jindirizzaw għadd ta’ kwistjonijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-akkoppjament ta’ volumi mhux flessibbli b’diversi reġjuni. Dak ir-rapport ġie ssupplimentat b’opinjoni informali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER” - European Union Agency for the Cooperation of Energy Regulators) u tal-awtoritajiet regolatorji tar-Renju Unit.

(7)

Meta jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-TSO tal-10 ta’ Lulju 2023, sostnuti mill-opinjoni informali tal-ACER u tal-awtoritajiet regolatorji tar-Renju Unit, huwa xieraq li l-Kumitat Speċjalizzat jirrakkomanda azzjoni ulterjuri lill-partijiet.

(8)

Il-Kumitat Speċjalizzat għandu jadotta rakkomandazzjoni dwar azzjoni ulterjuri li għandha tittieħed f’waħda mil-laqgħat li jmiss jew permezz ta’ proċedura bil-miktub, wara t-tlestija tal-proċeduri domestiċi minn kull parti.

(9)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Speċjalizzat, peress li r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Speċjalizzat se jkollha l-kapaċità li tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-acquis tal-Unjoni jew il-mod li bih għandu jiġi implimentat, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (4),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija, stabbilit bl-Artikolu 8(1), il-punt (l) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, hija stabbilita fl-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni ta’ dak il-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/689/oj).

(2)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.

(3)  Rakkomandazzjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija stabbilit bl-Artikolu 8(1)(l) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra tas-7 ta’ Frar 2023 lil kull Parti dwar it-talbiet tagħhom lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku bil-ħsieb li jitħejjew proċeduri tekniċi għall-użu effiċjenti tal-interkonnetturi tal-elettriku (ĠU L 61, 27.2.2023, p. 71).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi linji gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1222/oj).


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONI NRU …/2024 TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦALL-ENERĠIJA STABBILIT BL-ARTIKOLU 8(1). IL-PUNT (I), TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA

ta’ …

lil kull parti dwar it-tħejjija tal-proċeduri tekniċi għall-użu effiċjenti tal-interkonnetturi tal-elettriku

IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦALL-ENERĠIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1), (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikolu 311(1) u (2), l-Artikolu 312 (1) u (2), l-Artikolu 317 (1), (2) u (3), u l-Anness 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(4)(a), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija (il-“Kumitat Speċjalizzat”) għandu s-setgħa li jimmonitorja u jirrevedi l-implimentazzjoni u jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-Ftehim tal-Kummerċ u l-Kooperazzjoni fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu. Skont l-Artikolu 8(4)(c), huwa għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-materji kollha li fihom il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi dan jew li għalihom il-Kunsill ta’ Sħubija jkun iddelega s-setgħat tiegħu lill-Kumitat Speċjalizzat skont l-Artikolu 7(4)(f). Skont l-Artikolu 329(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet kif meħtieġ sabiex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-Kapitoli tat-Titolu VIII li għalihom huwa responsabbli.

(2)

Skont l-Artikolu 312(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat, bi prijorità, għandu jieħu l-passi meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 317 biex jiżgura li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (“TSOs”) jiżviluppaw arranġamenti li jistabbilixxu proċeduri tekniċi f’konformità mal-Anness 29 f’perjodu taż-żmien speċifiku.

(3)

Fis-7 ta’ Frar 2023, il-Kumitat Speċjalizzat adotta r-Rakkomandazzjoni Nru 1/2023 (2) għal kull Parti biex titlob lit-TSOs rispettivi tagħha jipprovdu l-informazzjoni addizzjonali kif stabbilit fl-Anness II ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni fi żmien ħames xhur mid-data tat-talba magħmula minn kull parti.

(4)

It-TSOs tal-Unjoni Ewropea (UE) u tar-Renju Unit ipprovdew dik l-informazzjoni addizzjonali lill-partijiet bi tweġiba għat-talbiet rispettivi tagħhom. L-awtoritajiet regolatorji tal-UE u tar-Renju Unit, rispettivament, ipprovdew opinjonijiet lill-partijiet dwar dik l-informazzjoni addizzjonali, f’Lulju 2023. Il-Kumitat Speċjalizzat kien sodisfatt b’dawn il-kontributi importanti għall-implimentazzjoni tat-Titolu VII tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni fil-laqgħa tal-Kumitat Speċjalizzat tad-9 ta’ Novembru 2023.

(5)

Kemm it-TSOs kif ukoll l-awtoritajiet regolatorji tal-UE u tar-Renju Unit identifikaw ir-riskji sinifikanti ta’ manipulazzjoni tas-suq assoċjati mal-approċċ tal-Kotba tal-Ordnijiet Preliminari għat-tħaddim tal-arranġamenti għan-negozjar tal-elettriku ta’ ġurnata bil-quddiem abbażi tal-kunċett tal-akkoppjament ta’ volumi mhux flessibbli b’diversi reġjuni (“MRLVC”).

(6)

Kemm it-TSOs kif ukoll l-awtoritajiet regolatorji tal-UE u tar-Renju Unit identifikaw li l-benefiċċji potenzjali tal-approċċ tal-ktieb tal-ordnijiet komuni għall-MRLVC se jiddependu fuq li jiġu megħluba għadd ta’ sfidi fundamentali tad-disinn. Hemm bżonn ta’ aktar ħidma speċifika biex jiġi żviluppat disinn robust għall-MRLVC fuq il-bażi ta’ approċċ tal-ktieb tal-ordnijiet komuni qabel ma tkun tista’ tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni. Se jkun hemm bżonn li dak id-disinn, fost rekwiżiti oħra, jiżgura t-tħaddim sigur u effiċjenti tas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa rispettivi tal-UE u tar-Renju Unit, u jindirizza kwalunkwe kompromess bejn l-effiċjenza tal-MRLVC u t-tħaddim sigur u effiċjenti tas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE u tar-Renju Unit. Se jkunu meħtieġa wkoll konsultazzjoni, valutazzjoni, u ttestjar bir-reqqa tal-mekkaniżmu qabel kwalunkwe deċiżjoni dwar implimentazzjoni. Barra minn hekk, il-Kumitat Speċjalizzat innota li l-iżvilupp tad-disinn irid ikun konsistenti mal-proċess stabbilit fl-Artikoli 312(1), 312 (2) u 317 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness 29.

(7)

Kemm l-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-2021 kif ukoll l-informazzjoni addizzjonali tal-2023 imħejjija mit-TSOs tal-UE u tar-Renju Unit sabu li l-effiċjenza tal-MRLVC se tiddependi b’mod sinifikanti fuq l-akkuratezza tal-istrument tat-tbassir tal-pożizzjoni netta tal-konfini taż-żona tal-offerti. Hemm bżonn ta’ aktar ħidma speċifika biex tiġi żviluppata u kkonfermata l-validità tal-kunċett ta’ dak l-istrument tat-tbassir qabel ma tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni. Il-Kumitat Speċjalizzat jinnota li, fir-rapport tagħhom, it-TSOs tal-UE u tar-Renju Unit ipproponew approċċ gradwali għall-iżvilupp tal-istrument tat-tbassir, li jibda b’fażi inizjali ta’ tfassil u ta’ validazzjoni tal-prototip.

(8)

Kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit għandhom miri ambizzjużi biex jisfruttaw il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli offshore fl-ibħra tat-Tramuntana biex itejbu l-aċċess għall-enerġija affordabbli u javvanzaw it-tranżizzjonijiet tagħhom lejn in-newtralità klimatika. Skont l-Artikolu 321 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-partijiet għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli offshore billi jaqsmu l-aqwa prattiki u, fejn xieraq, jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ proġetti speċifiċi. Fir-rapport tagħhom, it-TSOs tal-UE u tar-Renju Unit identifikaw, li l-iżvilupp futur tal-proġetti ibridi offshore se jirrikjedi arranġamenti għan-negozjar tal-elettriku li jsostnu l-ipprezzar effiċjenti u l-użu tal-kapaċità. Il-Kumitat Speċjalizzat għaraf li jeħtieġ li jiġi żgurat aktar li l-arranġamenti għan-negozjar tal-elettriku bejn l-UE u r-Renju Unit ikunu jsostnu l-ambizzjonijiet tagħhom għall-iżvilupp rapidu tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fl-ibħra tat-Tramuntana.

(9)

L-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-2021 identifikat prezz tal-ikklerjar uniku tal-Gran Brittanja fil-perjodu ta’ żmien ta’ ġurnata bil-quddiem bħala suppożizzjoni fl-għażliet kollha tad-disinn tal-MRLVC li qed jiġu kkunsidrati. Ir-Renju Unit ippubblika r-rispons tal-konsultazzjoni tiegħu dwar l-akkoppjament mill-ġdid tal-irkanti rilevanti tal-Gran Brittanja għall-kummerċ transfruntier mal-UE fil-perjodu ta’ żmien ta’ ġurnata bil-quddiem f’Awwissu 2023. L-analiżi tar-Renju Unit uriet li l-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu kienu favur il-proposti stabbiliti fil-konsultazzjoni. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ir-Renju Unit kien f’kuntatt mal-Kumitat Speċjalizzat u ppreżenta l-eżiti tal-konsultazzjoni.

(10)

Fid-dawl tal-progress miksub s’issa mit-TSOs, u tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta b’rispons għall-Anness II tar-Rakkomandazzjoni Nru 1/2023, il-Kumitat Speċjalizzat għandu jindirizza lill-partijiet biex jiżgura li t-TSOs jibdew il-fażi ta’ ħidma li jmiss. Dik il-ħidma għandha tiffoka fuq l-indirizzar tal-kwistjonijiet fundamentali tad-disinn li ġew enfasizzati qabel sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-Kumitat Speċjalizzat skont l-Artikolu 312(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(11)

Il-Kumitat Speċjalizzat innota li l-partijiet jistennew approċċ gradwali għall-iżvilupp tal-proċeduri tekniċi għall-MRLVC, li jibda b’fażi inizjali ta’ validazzjoni tal-kunċett. Fid-dawl ta’ dak li ħareġ mir-rapport li t-TSO ippreżentaw f’Lulju 2023, trid issir analiżi ulterjuri u din jenħtieġ li tiġi inkluża fil-fażi ta’ validazzjoni tal-kunċett. Din il-fażi tal-validazzjoni tal-kunċett għandha tinforma u tappoġġa l-iżvilupp ta’ sett uniku ta’ abbozzi ta’ proċeduri tekniċi għall-MRLVC f’konformità mal-Artikoli 312(1) u 317(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(12)

Kwalunkwe deċiżjoni mill-Kumitat Speċjalizzat dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri tekniċi għal soluzzjoni tal-MRLVC skont approċċ li jipprevedi Ktieb tal-Ordnijiet Komuni, skont l-Artikolu 317(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, għandha tkun preċeduta minn konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, perjodi rigorużi ta’ ttestjar, u analiżi aġġornata tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI,

Artikolu 1

Il-Kumitat Speċjalizzat jirrikonoxxi li l-approċċ tal-Kotba tal-Ordnijiet Preliminari mhuwiex soluzzjoni vijabbli għall-futur għall-iżvilupp ulterjuri ta’ soluzzjoni għall-akkoppjament ta’ volumi mhux flessibbli b’diversi reġjuni (“MRLVC”) u jirrakkomanda li l-Partijiet ma jkomplux jikkunsidrawh aktar.

Artikolu 2

Il-Kumitat Speċjalizzat jirrakkomanda li kull Parti titlob lit-TSOs rispettivi tagħha għall-elettrikuu u, għall-Unjoni, in-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku l(ENTSO-E) li jiffaċilita l-ħidma tat-TSOs tal-UE, jibdew b’mod konġunt fażi inizjali ta’ validazzjoni tal-kunċett qabel ma jipproduċu s-sett uniku ta’ abbozzi inizjali tal- proċeduri tekniċi għall-MRLVC f’konformità mal-Anness 29 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u b’analiżi ta’ sostenn, li tkun tinkludi:

(a)

l-aħjar skeda ta’ żmien operazzjonali li tikkombina l-operazzjonijiet tal-MRLVC, l-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem tal-UE, u l-arranġamenti tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-Gran Brittanja skont approċċ tal-Ktieb tal-Ordnijiet Komuni, inklużi l-aħjar validazzjoni u l-arranġamenti tad-dispożizzjonijiet ta’ riżerva. L-aħjar skeda ta’ żmien operazzjonali għandha tippromwovi l-użu robust u effiċjenti tal-interkonnetturi filwaqt li timminimizza r-riskji għat-tħaddim sigur tas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE u tar-Renju Unit u tagħti kas tal-iżviluppi li jistgħu jseħħu fis-suq minn issa sal-2030–35. Ir-riskji operazzjonali marbuta ma’ dik l-iskeda ta’ żmien, kemm dwar l-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem tal-UE kif ukoll dwar is-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-Gran Brittanja, għandhom jiġu vvalutati u, sa fejn ikun possibbli, ikkwantifikati. Fl-analiżi ta’ sostenn għandha tiġi inkluża firxa ta’ għażliet għall-iskedi ta’ żmien operazzjonali biex jiġu appoġġati l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-validità tal-aħjar skeda ta’ żmien;

(b)

abbozz ta’ speċifikazzjoni ta’ offerta għal prototip għall-istrument tat-tbassir tal-pożizzjoni netta tal-konfini taż-żona tal-offerti li jenħtieġ li

(i)

jinkludi deskrizzjoni dettaljata tar-rekwiżiti, inkluż:

—

il-metodoloġija (eż. statistika u/jew deterministika) li għandha tintuża;

—

riżultati speċifiċi li jkunu mistennija mill-istrument tat-tbassir;

—

kif l-istrument tat-tbassir se jinkorpora l-iżviluppi futuri tas-suq, inkluża l-introduzzjoni futura ta’ żoni tal-offerti ġodda, kemm fuq l-art kif ukoll offshore;

—

kif ir-riżultati tal-istrument tat-tbassir se jiddaħħlu fi proċessi usa’ tal-MRLVC;

—

kwalunkwe rekwiżit ewlieni ieħor identifikat permezz tax-xogħol stabbilit skontil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 3.

(ii)

ikun akkumpanjat minn::

—

informazzjoni dwar kif tkun se tinħareġ u tiġi rregolata l-offerta, inkluża l-konsiderazzjoni tas-sjieda u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

—

tqassim dettaljat tal-iskeda taż-żmien u tal-ispejjeż antiċipati;

—

kwalunkwe kwistjoni rilevanti relatata mal-funzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-interdipendenzi tas-sistema tal-UE u tar-Renju Unit fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni għall-MRLVC.

Artikolu 3

1.   Il-Kumitat Speċjalizzat jirrakkomanda li l-partijiet jitolbu lit-TSOs tal-enerġija elettrika rispettivi tagħhom, u, għall-Unjoni, lill-ENTSO-E li jiffaċilita l-ħidma tat-TSOs tal-UE, jipproduċu rapport konġunt għall-Kumitat Speċjalizzat li jinvestiga kwalunkwe ostakli għat-twettiq tal-proġetti konġunti u ibridi offshore li jistgħu jirriżultaw minn arranġamenti għan-negozjar eżistenti jew MRLVC , u kwalunkwe bidla speċifika meħtieġa għall-arranġamenti għan-negozjar eżistenti jew għar-rekwiżiti speċifiċi tad-disinn tal-MRLVC meħtieġa biex jitwettaq negozjar effiċjenti tal-elettriku li jsostni t-twettiq tal-proġetti konġunti u ibridi offshore.

2.   Ir-rapport konġunt tat-TSOs għandu

(a)

jinvestiga l-impatt kemm tal-arranġamenti għan-negozjar eżistenti kif ukoll ta’ soluzzjoni għall-MRLVC fuq il-proġetti konġunti u ibridi, fuq terminu medju (orizzont 2030–2035), b’attenzjoni partikolari fuq:

(i)

il-kamp ta’ applikazzjoni tal-applikazzjoni tal-arranġamenti ta’ negozjar, u jekk il-prestazzjoni tal-allokazzjoni tal-kapaċità tistax tiġi affettwata, u kif;

(ii)

kif dawn l-arranġamenti għan-negozjar jistgħu joperaw b’disinji tas-suq differenti, b’mod partikolari b’żoni tal-offerti offshore; kif ukoll

(iii)

jekk jistax ikun hemm biżżejjed ċarezza fil-każ tan-negozju għall-investiment fl-infrastruttura:

(b)

iqis:

(i)

in-natura u l-iskala tal-iżviluppi possibbli tal-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli offshore madwar l-ibħra tat-Tramuntana fuq terminu medju, inklużi, possibbilment, l-interkonnetturi ibridi, il-gżejjer tal-enerġija, il-grilji interkonnessi u l-elettrolizzaturi offshore;

(ii)

il-mekkaniżmi possibbli tal-formazzjoni tal-prezzijiet;

(iii)

ir-rwol komplementari tal-arranġamenti għan-negozjar bil-quddiem u tal-istess ġurnata;

(iv)

l-impatt fuq il-preċiżjoni tat-tbassir tal-konfini taż-żona tal-offerti; kif ukoll

(v)

kwalunkwe aġġustament speċifiku li jista’ jkun meħtieġ fil-karatteristiċi tad-disinn ta’ dawn l-arranġamenti għan-negozjar, fil-limiti ġenerali tagħhom, biex jgħin fl-indirizzar ta’ kwalunkwe ostaklu identifikat u jew rekwiżit fl-iżvilupp u t-tħaddim ta’ proġetti konġunti u ibridi offshore biex ikun hemm arranġamenti għan-negozjar effiċjenti.

Artikolu 4

L-iżvilupp tax-xogħol rakkomandat skont l-Artikoli 2 u 3 għandu jinvolvi sorveljanza u kontribut regolari mill-partijiet. Dan jista’ jinkludi wkoll li t-TSOs jinvolvu rwieħhom ma’ firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati, li tista’ tinkludi regolaturi, operaturi nominati tas-suq tal-elettriku/kambji tal-enerġija, u akkademiċi.

Artikolu 5

Il-Kumitat Speċjalizzat jirrakkomanda li l-partijiet jikkoordinaw il-komunikazzjoni tagħhom mat-TSOs rispettivi tagħhom għall-enerġija elettrika u, għall-Unjoni, l-ENTSO-E li jiffaċilita l-ħidma tat-TSOs tal-UE fir-rigward tal-Artikoli 2 u 3 u jitlobhom li huma jlestu l-ħidma elenkata f’dawk l-Artikoli fi żmien 11-il xahar mill-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Artikolu 6

Il-Kumitat Speċjalizzat jirrakkomanda li l-partijiet jitolbu li t-TSOs rispettivi tagħhom għall-elettriku u, għall-Unjoni, l-ENTSO-E li jiffaċilita l-ħidma tat-TSOs tal-UE jitolbu opinjoni informali mingħand ir-regolaturi nazzjonali tal-enerġija tar-Renju Unit u l-ACER rigward il-ħidma li lestew fir-rigward tal-Artikoli 2 u l 3, li għandha tingħata fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport konġunt tat-TSOs.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Speċjalizzat għall- Enerġija

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.

(2)  Rakkomandazzjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija stabbilit bl-Artikolu 8(1)(l) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, tas-7 ta’ Frar 2023 lil kull Parti dwar it-talbiet tagħhom lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku bil-ħsieb li jħejju proċeduri tekniċi għall-użu effiċjenti tal-interkonnetturi tal-elettriku (ĠU L 61, 27.2.2023, p. 71).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/172/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)