KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis‑27 ta’ Frar 2020 ( 1 )

Kawża C‑897/19 PPU

I.N.,

fil-preżenza ta’:

Il-Federazzjoni Russa

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja))

“Il-Ftehim ŻEE u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Fiduċja reċiproka u s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil – Regolament Dublin III u Stati Assoċjati ta’ Schengen – Talba għal estradizzjoni minn Stat terz lil Stat Membru tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċittadin tal-EFTA – Għoti ta’ ażil qabel akkwist ta’ nazzjonalità minn dak l-Istat tal-EFTA lil ċittadin taż-ŻEE suġġett għal talba għal estradizzjoni minħabba riskju ta’ espożizzjoni għal trattament inuman u degradanti u proċeduri kriminali inġusti f’każ ta’ refoulement lill-Istat terz rikjedenti – Arrest u detenzjoni minn Stat Membru tal-Unjoni bil-ħsieb ta’ estradizzjoni taċ-ċittadin taż-ŻEE għal prosekuzzjoni għall-istess reati kkunsidrati fi proċeduri ta’ ażil fl-Istat tal-EFTA – Diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fir-rigward ta’ estradizzjoni – Ftehim internazzjonali bejn l-Islanda, in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar proċeduri ta’ konsenja u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Jekk l-Istat Membru mitlub huwiex obbligat li jinforma lill-Istat taż-ŻEE bit-talba għal estradizzjoni magħmula minn Stat terz – Jekk Stat Membru tal-Unjoni huwiex obbligat li jirritorna ċittadin taż-ŻEE fl-Istat ta’ oriġini tiegħu pjuttost milli jikkonforma mat-talba tal-Istat terz għal estradizzjoni – Is-sentenza Petruhhin tal-Qorti tal-Ġustizzja – Riskju ta’ impunità – L-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

1. 

I.N. huwa ċittadin tal-Federazzjoni Russa (iktar ’il quddiem ir-“Russja”), u sar ċittadin tal-Islanda fid‑19 ta’ Ġunju 2019, wara li ngħata ażil bħala refuġjat f’dan il-pajjiż fit‑8 ta’ Ġunju 2015. Fit‑30 ta’ Ġunju 2019 huwa ġie arrestat mill-awtoritajiet Kroati waqt li kien fuq btala, jaqsam il-fruntiera ta’ bejn dan l-Istat Membru u s-Slovenja bil-karozza tal-linja flimkien mal-familja tiegħu, u għadu inkarċerat sal-lum. L-arrest sar taħt avviż ta’ tfittxija internazzjonali maħruġ fl‑20 ta’ Mejju 2015 mill-Uffiċċju tal-Interpol f’Moska.

2. 

Ir-Russja qiegħda titlob l-estradizzjoni ta’ I.N. mill-Kroazja fuq akkużi ta’ korruzzjoni u hija appoġġjata mill-Prosekutur Pubbliku tal-Kroazja, li jirrappreżenta r-Russja (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Pubbliku”). Il-Kostituzzjoni Kroata tipprekludi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha stess, iżda mhux ta’ dawk li ma humiex ċittadini, bħal I.N., meta, bħal fil-każ tar-Russja, ma hemmx trattat ta’ estradizzjoni. Il-Prosekutur Pubbliku jargumenta li, fiċ-ċirkustanzi tal-proċeduri prinċipali, din is-sitwazzjoni ma hijiex prekluża bid-dritt tal-Unjoni.

3. 

L-Islanda titlob il-passaġġ sigur ta’ I.N. għall-Islanda f’kuntest fejn il-proċeduri li għalihom qiegħda tintalab il-prosekuzzjoni tiegħu fir-Russja jidher li ffurmaw il-bażi għall-għoti ta’ ażil qabel I.N. akkwista ċ-ċittadinanza Islandiża.

4. 

B’sostenn għat-talba għal passaġġ sigur, I.N. u l-Islanda jfittxu li jistrieħu fuq id-dritt tal-Unjoni, iżda b’mod predominanti fuq id-dritt taż-ŻEE ( 2 ). Fl-istess ħin, l-Islanda tistrieħ fuq l-Artikoli 18 u 21 TFUE, li fis-sentenza Petruhhin ( 3 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jipprekludu diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fir-rigward ta’ estradizzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu għal pajjiżi terzi, iżda suġġett għal riżervi li huma importanti u rilevanti għall-proċeduri prinċipali.

5. 

Din hija l-essenza tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). Hija tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-opportunità li tagħti deċiżjoni dwar l-intersezzjonijiet bejn id-dritt taż-ŻEE u dak tal-Unjoni u l-konsegwenzi li jsegwu mill-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi bħall-Islanda fl-acquis ta’ Schengen bħala Stati Assoċjati ta’ Schengen ( 4 ), u b’mod partikolari l-assoċjazzjoni tal-Islanda mar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( 5 ) (iktar ’il quddiem “Regolament Dublin III”). Il-parteċipazzjoni ta’ kemm l-Islanda ( 6 ) kif ukoll il-Kroazja fir-Regolament ta’ Dublin hija ta’ rilevanza partikolari għall-proċeduri prinċipali, bħalma hija s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil ( 7 ) b’mod iktar wiesa’.

6. 

Barra minn hekk, irid jiġi kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja ( 8 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja”), u li fl-isfond hemm sensiela ta’ strumenti tal-Kunsill tal-Ewropa li jaffettwaw l-estradizzjoni ( 9 ) u l-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati ( 10 ). Kunsiderazzjoni xierqa trid tingħata wkoll għall-preklużjoni taħt id-dritt tal-Unjoni dwar estradizzjoni għal kundizzjonijiet ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, li tapplika kemm fir-rigward ta’ estradizzjoni għal pajjiżi terzi ( 11 ) kif ukoll internament fl-Unjoni fil-kuntest ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew ( 12 ) (kif rifless, rispettivament fl-Artikoli 19 u 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), u estradizzjoni fil-preżenza ta’ allegati nuqqasijiet sistematiċi fis-sistema ġudizzjarja li tkun qiegħda tirċievi, li jipperikolaw il-proċess imparzjali (l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) ( 13 ).

7. 

B’risposta għall-ewwel domanda preliminari, ikkonkludejt li l-awtoritajiet Kroati huma marbuta, taħt il-prinċipji elaborati fis-sentenza Petruhhin, li jinformaw lill-awtoritajiet Islandiżi bit-talba għall-estradizzjoni ta’ I.N. magħmula mir-Russja, u jibqgħu marbuta li jibagħtu lill-Islanda kull materjal fil-pussess tagħhom li jista’ jgħin lill-awtoritajiet Islandiżi biex jiddeċiedu jekk jiħdux proċeduri kriminali kontra I.N. fl-Islanda u jitolbux ir-ritorn tiegħu.

8. 

Barra minn hekk, minħabba l-obbligu ta’ fiduċja reċiproka fil-kwalità u fil-legalità tal-liġijiet tal-Istati parteċipanti li fuqha hija bbażata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, u b’mod partikolari r-Regolament Dublin III, l-awtoritajiet Kroati, inkluż il-qrati, huma preklużi milli jaġixxu b’mod inkonsistenti ma’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ ażil minn Stat Assoċjat ta’ Schengen, bħall-Islanda, fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Din l-inkonsistenza tirriżulta li kieku l-Kroazja (i) naqset milli tikkomunika lill-Islanda talba għall-estradizzjoni li tikkonċerna l-akkużi kriminali identiċi jew simili għal dawk li abbażi tagħhom l-Islanda tat l-ażil lil I.N., peress li l-Islanda għamlet id-determinazzjoni li hija kienet l-Istat Membru responsabbli taħt ir-Regolament Dublin III ( 14 ); (ii) xi waħda mill-awtoritajiet tagħha, inkluż il-qrati, iddeċidiet dwar ir-riskju li I.N. jiġi espost għal trattament inuman jew degradanti jew għal ċaħda flagranti ta’ ġustizzja fir-Russja, kif fid-data tal-proċeduri Kroati, b’mod inkonsistenti mal-għoti minn qabel ta’ ażil mill-Islanda lil I.N. fl-2015.

9. 

Sabiex inwieġeb it-tieni domanda, peress li l-Islanda għadha ma għamlitx talba għall-estradizzjoni, fil-preżent ma hemm ebda obbligu fuq il-Kroazja sabiex tikkonsenja lil I.N. lill-Islanda taħt il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja ( 15 ). Huma l-qrati Kroati li għandhom jiddeterminaw jekk, fiċ-ċirkustanzi kollha, mandat ta’ arrest eventwalment maħruġ mill-Islanda, flimkien mal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja, joffrix protezzjoni kontra l-impunità b’mod ekwivalenti għal estradizzjoni, mingħajr ma dawn il-qrati jinħelsu mill-obbligu tagħhom li jaġixxu b’mod konsistenti mal-għotja ta’ ażil mill-Islanda fl-2015.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

10.

L‑Artikolu 18(1) TFUE jgħid:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.”

11.

L‑Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom ( 16 ) jistipula:

“Il-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kullimkien mingħajr ma jsiru kontrolli fuq persuni.”

12.

L‑Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-Acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea ( 17 ) jgħid:

“L-acquis ta’ Schengen għandu japplika għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tas‑16 ta’ April 2003 u ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal‑25 ta’ April 2005. Il-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-ftehim ta’ Schengen.”

13.

L-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 6 tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-Acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea ( 18 ) jistipula:

“Ir-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu assoċjati fl-implementazzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen u l-iżvilupp ulterjuri tiegħu. Proċeduri xierqa għandhom ikunu mifthiema għal dak l-effett fi Ftehim li għandu jiġi finaliżżat ma’ dawk l-Istati mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità tal-Membri msemmija fl-Artikolu 1. Dawn il-ftehim għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjoni ta’ l-Islanda u n-Norveġja għal kull konsegwenza finanzjarja li tirriżulta mill-implementazzjoni ta’ dan il-Protokoll.”

14.

l‑Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen ( 19 ) jistipula:

“Ir-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa “l-Islanda” u “in-Norveġja” rispettivament għandhom ikunu assoċjati ma’ l-attivitajiet tal-Komunità Ewropea u l-Unjoni Ewropea fl-oqsma koperti mid-disposizzjonijiet imsemmija fl-Annessi A u B ta’ dan il-Ftehim u l-iżvilupp addizzjonali tagħhom.Dan il-Ftehim joħloq drittijiet u obbligi reċiproċi skond il-proċeduri stipulati fih.”

15.

L-ewwel sentenza tal‑Artikolu 4(1) u (2) tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja ( 20 ) taqra hekk:

“1.   Id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif imsemmija fil-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (minn hawn il-quddiem imsejjaħ ‘il-Protokoll ta’ Schengen’), anness għat-TUE u t-TFUE, u l-atti li jibnu fuqu jew li huma b’xi mod ieħor relatati miegħu, elenkati fl-Anness II, kif ukoll kwalunkwe att ieħor bħal dan adottat qabel id-data tal-adeżjoni, għandhom jorbtu lill-Kroazja, u jkunu applikabbli fiha, mid-data tal-adeżjoni.

2.   Dawk id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif integrati fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jorbtu lill-Kroazja mid-data tal-adeżjoni, għandhom japplikaw biss fil-Kroazja skont deċiżjoni tal-Kunsill għal dak il-għan, wara verifika, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis rilevanti jkunu ġew sodisfatti fil-Kroazja, inkluża l-applikazzjoni effettiva tar-regoli kollha ta’ Schengen f’konformità mal-istandards komuni maqbula u mal-prinċipji fundamentali” ( 21 ).

B.   Id-dritt taż-ŻEE

16.

L‑Artikolu 4 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ( 22 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) jistipula:

“Fi ħdan il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet speċjali fil-Ftehim, hi projbita kull diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ ċittadinanza.”

17.

L‑Artikolu 36(1) tal-Ftehim ŻEE jgħid:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni għal-libertà li wieħed jipprovdi servizzi fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti rigward ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-KE u l-Istati ta’ l-EFTA li huma stabbiliti fi Stat Membru tal-KE jew Stat ta’ l-EFTA ħlief dawk tal-persuna li għaliha s-servizzi huma intenzjonati.”

C.   Id-dritt tal-Istat Membru

18.

L-Artikolu 9 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (“Narodne novine” Nru 56/90, 135/97, 113/00, 28/01, 76/10 u 5/14) jgħid:

“Ċittadin tar-Repubblika tal-Kroazja ma jistax jiġi mkeċċi bil-forza mir-Repubblika tal-Kroazja, imċaħħad miċ-ċittadinanza tiegħu jew tagħha, jew estradit għal Stat ieħor, ħlief b’implimentazzjoni ta’ deċiżjoni dwar estradizzjoni jew konsenja meħuda skont trattat internazzjonali jew skont l-acquis communautaire.”

19.

Il-punti 1, 3 u 4 tal-Artikolu 12 taż-Zakon o međunarodnoj pravnoj pomoći u kaznenim stvarima (Il-Liġi dwar Assistenza Internazzjonali Legali Reċiproka f’Materji Kriminali, “Narodne novine” 178/04; iktar ’il quddiem iż-“ZOMPO”) jistipula li talba għal estradizzjoni tista’ tiġi miċħuda jekk (1) it-talba hija dwar att li jitqies bħala reat politiku jew att konness ma’ reat bħal dan; […] (3) l-approvazzjoni tat-talba tista’ tippreġudika s-sovranità, is-sigurta, l-ordinament ġuridiku jew interessi oħra li huma essenzjali għar-Repubblika tal-Kroazja; u (4) jista’ raġonevolment jiġi preżunt li l-persuna msemmija fit-talba għall-estradizzjoni taffaċċja, jekk tiġi estradita, prosekuzzjoni jew kastig minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari, jew l-opinjoni politika tiegħu jew tagħha, jew li s-sitwazzjoni tiegħu jew tagħha tkun iżjed diffiċli minħabba wieħed minn dawn il-motivi.

20.

L-Artikolu 55 taż-ZOMPO jistipula:

“(1)   Meta l-qorti kompetenti tiddeċiedi li l-kundizzjonijiet legali għal estradizzjoni ma ġewx issodisfatti, hija għandha tagħti digriet fejn tiċħad it-talba għal estradizzjoni u tibgħat dan id-digriet minnufih lill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) tar-Repubblika tal-Kroazja, li, wara li tisma’ lill-Prosekutur Pubbliku kompetenti, għandha tikkonferma, tiskarta jew temenda d-digriet.”

II. Il-fatti fil-proċeduri prinċipali u d-domanda preliminari

21.

Kif issemma iktar ’il fuq, fl‑20 ta’ Mejju 2015, l-Uffiċċju tal-Interpol f’Moska ħareġ avviż ta’ tfittxija internazzjonali għal I.N. għal arrest minħabba proċeduri kriminali għal korruzzjoni, u b’mod iżjed speċifiku forma ta’ korruzzjoni magħrufa bħala korruzzjoni passiva (l-Artikolu 290(5) tal-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa). I.N. huwa ssuspettat li rċieva, fil-kapaċità tiegħu ta’ direttur tad-Diviżjoni għal Liċenzji u Ċertifikati tal-Ministeru Russu ta’ Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza fir-Repubblika ta’ Karelia, wara ftehim minn qabel ma’ uffiċjali oħra tal-Ministeru u b’abbuż tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, flus ammontanti għal 833000 rubil Russu (RUB) (madwar EUR 11700) minn rappreżentant ta’ impriża, u li fuq din il-bażi ħareġ liċenzji lil din il-persuna relatati mal-immuntar, għajnuna teknika u tiswija ta’ tagħmir għall-prevenzjoni tan-nar f’binjiet u siti tal-kostruzzjoni.

22.

Fit‑30 ta’ Ġunju 2019, f’punt ta’ qsim tal-fruntiera Kroata, I.N. ġie arrestat abbażi tal-avviż ta’ tfittxija internazzjonali msemmi iktar ’il fuq. Fil-fruntiera I.N. ippreżenta dokument Islandiż ta’ vvjaġġar għar-refuġjati (Nru …), validu mill-25 ta’ Frar 2019 sal‑25 ta’ Frar 2021.

23.

Fl‑1 ta’ Lulju 2019, I.N. tressaq quddiem imħallef inkwirenti fiż-Županijski sud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb, il-Kroazja). Fl‑1 ta’ Lulju 2019, il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb ordnat li I.N. jinżamm f’detenzjoni sakemm issir l-estradizzjoni, skont l-Artikolu 47 taż-ZOMPO. I.N. għadu f’detenzjoni, wara li l-appelli tiegħu ma rnexxewx.

24.

Fl-1 ta’ Awwissu 2019, l-Amministrazzjoni għal Affarijiet Konsulari, Servizzi ta’ Visa u Ċittadini Barranin fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tar-Repubblika tal-Kroazja bagħtet lill-Qorti tal-Kontea nota mill-Ambaxxata tal-Islanda, fejn intqal li I.N. għandu ċittadinanza Islandiża u residenza permanenti fl-Islanda. In-nota tgħid li I.N. akkwista ċ-ċittadinanza Islandiża fid‑19 ta’ Ġunju 2019. Qabel akkwista din iċ-ċittadinanza, huwa kellu dokument ta’ vvjaġġar għar-refuġjati (Nru …). In-nota tgħid ukoll li l-Gvern Islandiż qiegħed jitlob li I.N. jiġi ggarantit passaġġ sigur għall-Islanda bl-inqas dewmien possibbli.

25.

Fis‑6 ta’ Awwissu 2019, il-Qorti tal-Kontea ta’ Żagreb irċeviet talba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Federazzjoni Russa għall-estradizzjoni ta’ I.N. lejn il-Federazzjoni Russa, skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni ( 23 ). L-estradizzjoni ntalbet minħabba proċeduri kriminali għal disa’ reati ta’ korruzzjoni passiva, deskritti fl-Artikolu 290(3) tal-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa, u ħames reati ta’ korruzzjoni passiva, deskritti fl-Artikolu 290(5)(a) tal-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa. Ġew sottomessi wkoll dokumenti insostenn tat-talba għall-estradizzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, peress li ma hemm ebda ftehim dwar estradizzjoni bejn il-Kroazja u r-Russja.

26.

It-talba spjegat li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Federazzjoni Russa jiggarantixxi li l-iskop tat-talba għall-estradizzjoni ma huwiex sabiex il-persuna kkonċernata titħarrek għal raġunijiet politiċi, jew minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità jew l-opinjonijiet tiegħu, li I.N. jingħata kull opportunità li jeżerċita d-dritt tiegħu għal difiża bl-assistenza ta’ avukat, u li ma jkunx suġġett għal tortura, trattament krudili jew inuman, jew kastig li jmur kontra d-dinjità umana.

27.

Fil‑5 ta’ Settembru 2019, l-Awla tal-Qorti tal-Kontea li qiegħda tisma’ l-kawża ddeċidiet li l-kundizzjonijiet legali għall-estradizzjoni taċ-ċittadin barrani I.N. għall-iskop ta’ proċeduri kriminali, elenkati fl-Artikoli 33, 34 u 37 taż-ZOMPO, ġew issodisfatti.

28.

Fit‑30 ta’ Settembru 2019, I.N. ippreżenta appell lill-qorti tar-rinviju. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, I.N. issottometta li jeżisti riskju konkret, serju u raġonevolment prevedibbli li, jekk jiġi estradit, jiġi suġġett għal tortura u trattament inuman u degradanti. Fl-appell sostna inter alia li l-istat tiegħu bħala refuġjat ġie rrikonoxxut mill-Islanda proprju minħabba l-proċeduri kriminali speċifiċi fir-Russja, li huwa għandu dokument Islandiż ta’ vvjaġġar għar-refuġjati, u li l-Qorti tal-Kontea kienet de facto temmet il-protezzjoni internazzjonali li tatu l-Islanda. Huwa argumenta wkoll li l-Qorti tal-Kontea kienet interpretat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawza Petruhhin ( 24 ) b’mod żbaljat.

29.

Skont il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, talba għal estradizzjoni għandha tinċaħad fejn hemm riskju reali li, jekk il-persuna kkonċernata tiġi estradita, huwa jew hija tkun suġġettata għal tortura jew kastig jew trattament inuman. Id-deċiżjoni tar-rinviju tgħid li dawn l-aspetti ser jiġu eżaminati fil-proċeduri tal-appell.

30.

Madanakollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji jekk, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar it-talba għall-estradizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-Islanda, li tat ċittadinanza lil I.N., għandhiex tkun informata bit-talba għall-estradizzjoni, sabiex tkun tista’, jekk tixtieq, titlob il-konsenja taċ-ċittadin tagħha sabiex twettaq proċeduri intiżi li jevitaw ir-riskju ta’ impunità.

31.

Peress li hemm dubji dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri fis‑26 ta’ Novembru 2019, u għamlet is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1.

L-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jieħu deċiżjoni dwar l-estradizzjoni lejn Stat terz ta’ ċittadin ta’ Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea, iżda li huwa membru taż-żona Schengen, huwa obbligat li jinforma bit-talba għal estradizzjoni lill-Istat Membru taż-żona Schengen li tiegħu din il-persuna għandha n-nazzjonalità?

2.

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti u fil-każ li l-Istat Membru taż-żona Schengen talab il-konsenja ta’ din il-persuna għall-finijiet li jwettaq il-proċeduri li għalihom l-estradizzjoni hija mitluba, din il-persuna għandha tiġi kkonsenjata lilu skont il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja?”

32.

Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Diċembru 2019, u ttieħdet id-deċiżjoni li tiġi ttrattata taħt il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

33.

Sottomissjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Ġustizzja minn I.N., mill-Prosekutur Pubbliku, mir-Repubblika tal-Kroazja u mill-Kummissjoni Ewropea. I.N. u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-smigħ li sar fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Jannar 2020, kif għamlu wkoll ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Irlanda, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (iktar ’il quddiem l-“ASE”).

III. Sommarju tal-osservazzjonijiet bil-miktub u dawk orali

34.

I.N. isostni li l-awtoritajiet Islandiżi sabu li hu kien xehed kontra s-superjuri tiegħu fl-amministrazzjoni pubblika quddiem l-awtoritajiet kompetenti Russi fir-rigward tal-attivitajiet ta’ korruzzjoni tagħhom, iżda minħabba l-konnessjonijiet tas-superjuri tiegħu ma’ uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni pubblika, tressaq hu minflok ma tressqu huma.

35.

I.N. jallega li l-prosekuzzjoni hija illegali u mhux ċara, u li l-Kroazja qiegħda tikser l‑Artikolu 6 tal-KEDB. I.N. jgħid li l-istat tiegħu bħala refuġjat għadu rilevanti, u messu ġie kkunsidrat. I.N. jispjega wkoll li huwa prekluż milli japplika għal ażil taħt il-liġi Kroata peress li diġà ngħata ażil, u li teżisti ġurisprudenza tal-2018 tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Kroazja li tobbliga lill-qrati Kroati jikkunsidraw għotjiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt Dublin III ( 25 ).

36.

Il-kunċett ta’ ugwaljanza fit‑trattament fir-rigward tal-erba’ libertajiet huwa fundamentali għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u tal-Unjoni (ara l-ħmistax‑il premessa tal-Ftehim ŻEE u l‑Artikolu 4 ŻEE), kif inhi l-interpretazzjoni uniformi tal-Ftehim ŻEE u d-dritt tal-Unjoni. L-għan huwa l-omogeneità bejn iż-żewġ sistemi (l‑Artikolu 105 ŻEE).

37.

I.N. iżid li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l‑Artikolu 18 TFUE tapplika bl-istess mod, peress li l‑Artikolu 4 ŻEE jirriproduċih fis-sustanza. Għaldaqstant, persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni taż-ŻEE trid tiġi ttrattata bl-istess mod, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħha ( 26 ), u l-proċeduri prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 36 ŻEE li jirriproduċi s-sustanza tal‑Artikolu 56 TFUE dwar il-moviment liberu tas-servizzi. Li kieku ċ-ċittadini taż-ŻEE ma setgħux jinvokaw protezzjoni kontra l-estradizzjoni taħt Petruhhin ( 27 ), kieku jużaw is-servizzi tal-operaturi tat-turiżmu li joffru vjaġġi mal-Ewropa ħafna inqas ta’ spiss.

38.

I.N. iżid li ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ persuni ekonomikament inattivi fiż-ŻEE li ma humiex koperti b’waħda mill-erba’ libertajiet xi kultant taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE, peress li d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri ( 28 ) ġiet integrata fid-dritt taż-ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 158/2007 tas‑7 ta’ Diċembru 2007 li temenda l-Anness V (Moviment liberu tal-ħaddiema) u l-Anness VIII (Drittijiet ta’ stabbiliment) tal-Ftehim taż-ŻEE ( 29 ). Fis-sentenzi Gunnarsson ( 30 ) u Jabbi ( 31 ), il-Qorti tal-EFTA interpretat id-Direttiva 2004/38 b’mod wiesa’ sabiex tikkumpensa għall-assenza ta’ dispożizzjoni fid-dritt taż-ŻEE li tikkorrispondi għall‑Artikolu 21 TFUE dwar ċittadinanza.

39.

I.N. jargumenta li l-evitar ta’ impunità huwa għan leġittimu li jiġġustifika limitazzjoni tal-libertajiet fundamentali, iżda l-istess għan jista’ jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi mill-estradizzjoni ( 32 ), u I.N. jirreferi għall-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja ( 33 ), li, mill-kontenut tiegħu, jikkorrispondi kważi kompletament mad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri ( 34 ). I.N. jindika x-xebh bejn id-definizzjoni tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew fl‑Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/584/ĠAI u dik fl‑Artikolu 2(5) tal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja ( 35 ).

40.

Skont il-Prosekutur Pubbliku, peress li l-Islanda ma hijiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fid-data tal-arrest tiegħu I.N. gawda d-drittijiet naxxenti mill-Ftehim ŻEE iżda mhux dawk naxxenti mit-TFUE fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni. Id-dritt għal moviment liberu taħt iż-ŻEE huwa iżjed ristrett mid-drittijiet mogħtija bl‑Artikolu 21 TFUE u d-drittijiet ta’ moviment liberu taż-ŻEE ma jestendux għal estradizzjoni. Konsegwentement, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fl‑Artikolu 4 taż-ŻEE ma japplikax għall-proċeduri prinċipali ( 36 ).

41.

Minbarra dan, ma hemm ebda prassi fil-proċeduri Kroati ta’ estradizzjoni fejn l-akkużat jintbagħat lura lejn il-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu minflok jintbagħat lill-Istat li jkun qiegħed jitlob l-estradizzjoni. Din ma hijiex miżura inqas restrittiva fis-sens ta’ Petruhhin, għaliex testendi l-perijodu ta’ detenzjoni sakemm issir l-estradizzjoni. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju li tkun informata l-Islanda bil-proċeduri ta’ estradizzjoni, li f’kull każ hija diġà konxja tagħhom.

42.

Waqt is-seduta, l-Irlanda talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex terġa’ tikkunsidra s-sentenza Petruhhin billi tapplika l-approċċ adottat mill-Avukat Ġenerali Bot f’dik id-deċiżjoni ( 37 ), fis-sens li dawk li ma humiex ċittadini u dawk li huma ċittadini ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward ta’ regoli li jeskludu estradizzjoni lejn pajjiżi terzi; il-prosekuzzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini ssegwi sabiex tiġi evitata l-impunità. Fir-rigward ta’ analiżi mill-ġdid tal-kunsiderazzjonijiet f’Petruhhin, l-Irlanda tirreferi b’mod partikolari għall-punti 47, 48 u 49.

43.

Fis-seduta, il-Greċja argumentat li għandhom jiġu applikati l-prinċipji tas-sentenza Petruhhin. I.N. eżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu u ma jistax jiġi ddiskriminat minħabba n-nazzjonalità, għalkemm il-Greċja ma teskludix li estradizzjoni għal pajjiż terz tista’ sseħħ għal għan leġittimu, bħalma huwa l-evitar ta’ impunità. Kien importanti għall-qorti tar-rinviju li tevalwa għalfejn I.N. kien ingħata l-istatus ta’ refuġjat. Il-Greċja rreferiet għall‑Artikoli 3, 4, 28 u 36 ŻEE ( 38 ).

44.

Waqt is-seduta, l-ASE enfasizzat li ż-ŻEE huwa ordinament ġuridiku sui generis ibbażat fuq fiduċja reċiproka u kooperazzjoni, u kkaratterizzat minn valuri fundamentali simili u komuni bejn l-Istati tal-Unjoni u tal-EFTA ( 39 ). Il-klawżola ta’ bona fides fl‑Artikolu 3 ŻEE hija ekwivalenti għall‑Artikolu 4 TUE. Is-sistema hija kkaratterizzata minn allinjament dinamiku tad-dispożizzjonijiet sostantivi, u l-Istati tal-EFTA huma f’sitwazzjoni ugwali mal-Istati Membri tal-Unjoni fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni (l‑Artikolu 99(1)); proċess kontinwu ta’ konsultazzjoni jsegwi (l‑Artikolu 99(3)). Atti rilevanti tal-Unjoni jiġu miżjuda mal-Ftehim ŻEE, u jsiru acquis jekk ma jiġux adattati (l‑Artikolu 102 ŻEE). L-omoġeneità hija żgurata bl‑Artikoli 6 u 105 ŻEE. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-EFTA u tal-Qorti tal-Ġustizzja jsaħħu dan l-allinjament dinamiku, u d-differenzi bejn it-tnejn ma jestendux għall-pedamenti u għall-valuri tagħha.

45.

Għaldaqstant, l-ASE argumentat li l-Kroazja llimitat id-drittijiet ta’ moviment liberu ta’ I.N. u li Petruhhin tapplika bl-istess forza għaċ-ċittadini taż-ŻEE. Applikazzjoni tal‑Artikolu 4 ŻEE, flimkien mad-dispożizzjoni rilevanti taż-ŻEE dwar il-moviment liberu, tikseb l-istess riżultat.

46.

L-ASE straħet ukoll fuq id-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner ( 40 ). Ċittadini tal-Unjoni u taż-ŻEE li jkunu qegħdin jiċċaqilqu liberament għandhom jiġu protetti kontra estradizzjoni lejn Stati terzi u li timplika trattament inuman u degradanti kif speċifikat fl‑Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

47.

L-ASE tiddeskrivi d-digriet Schotthöfer bħala rappreżentazzjoni ta’ prinċipju assolut, u targumenta li l-Kroazja għandha tafda l-valutazzjoni magħmula mill-Islanda fir-rigward tal-konsegwenzi tal-estradizzjoni. Għandu jkun hemm preżunzjoni li l-motivi għall-għoti ta’ ażil huma fondati ( 41 ). Dawn il-motivi ma sparixxewx permezz tal-għoti taċ-ċittadinanza Islandiża lil I.N. L-ASE tinnota li l‑Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki ( 42 ) huwa msemmi fid-dritt Islandiż. L-ASE targumenta li l‑Artikolu 21 TFUE ma jistax inaqqas drittijiet ta’ moviment liberu li huma disponibbli taħt id-dritt ŻEE, u li ma ssir ebda distinzjoni fl-acquis tal-moviment liberu dwar jekk restrizzjoni hijiex fondata fid-dritt ċivili, fid-dritt kriminali, jew fid-dritt pubbliku.

48.

Waqt is-seduta, l-Islanda elaborat dwar il-vjaġġi ta’ I.N. Huwa qabad titjira flimkien ma’ martu u ż-żewġ uliedu mill-Islanda għal Vjenna, imbagħad rikeb karozza tal-linja ddestinata għal Żagreb u għal btala ppjanata fuq il-bajjiet Kroati.

49.

L-Islanda ssostni li s-sentenza Petruhhin tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali peress li l‑Artikolu 36 ŻEE fuq is-servizzi huwa ekwivalenti għall‑Artikolu 56 TFUE u ġie stabbilit fis-sentenza Cowan (C‑186/87) ( 43 ) li servizzi turistiċi huma servizzi, u d-Direttiva 2004/38 hija inkorporata fid-dritt ŻEE. L-Islanda straħet ukoll fuq is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA fil-kawża Wahl vs l-Islanda ( 44 ), u argumentat li l‑Artikolu 4 ŻEE huwa ekwivalenti għall‑Artikolu 18 TFUE.

50.

Skont l-Islanda, il-Kroazja kellha l-obbligu li tipprovdi lill-Islanda l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi jekk l-Islanda kellhiex tressaq lil I.N. u sussegwentement tikkonsenja lil I.N. skont il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja ( 45 ).

51.

L-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali mid-Direttorat Islandiż għall-Immigrazzjoni fit‑8 ta’ Ġunju 2015 saret abbażi ta’ xhieda li ġiet meqjusa bħala dettaljata, nieqsa minn kontradizzjonijiet, ċara, konsistenti, kredibbli u realistika. Kienet ibbażata wkoll fuq l-istat ġenerali tad-drittijiet umani fir-Russja f’dak iż-żmien, kif deskritt f’rapporti ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGO), nazzjonali u internazzjonali, korruzzjoni vasta fl-amministrazzjoni u l-ġudikatura u rata ta’ suċċess ta’ appelli kriminali anormalment baxxa (1 %). L-Islanda kienet konxja mill-avviż ta’ tfittxija kontra I.N. minħabba r-reat li ġie allegat li kkommetta meta ngħata protezzjoni internazzjonali. L-Islanda ma wiġbitx għat-talbiet tar-Russja sabiex jiġi llokalizzat I.N. Mis-sena 2015 ingħatat protezzjoni internazzjonali lil tnax‑il ċittadin Russu minn sebgħa u erbgħin applikazzjoni. Erbgħa minn dawn ingħataw lil I.N. u lill-familja tiegħu.

52.

L-Islanda kkontendiet ukoll waqt is-seduta li l-osservanza tal-Karta tad-Drittijiet Umani hija wkoll rikjesta fil-kuntest taż-ŻEE ( 46 ), u li I.N. kellu jiġi protett minn problemi sistematiċi fil-ġudikatura Russa ( 47 ).

53.

Wara mistoqsijiet dwar x’kienet tfisser it-talba għal “passaġġ sigur”, l-Islanda żiedet li fl‑24 ta’ Lulju 2019 l-Ambaxxata Islandiża f’Berlin irċiviet note verbale li I.N. kien ġie arrestat ix-xahar preċedenti. L-Ambaxxatur wieġeb għan-note taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Konsulari ( 48 ) li hija x-xewqa tal-Gvern li l-proċeduri jsiru b’mod spedit u li jingħata passaġġ sigur kemm jista’ jkun malajr. Il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja ma kienx applikabbli f’dak iż-żmien ( 49 ).

54.

L-Islanda qalet li jista’ jkun li għandha ġurisdizzjoni sabiex tipproċessa lil I.N. taħt l-Artikolu 6 tal-Kodiċi Kriminali Islandiż, iżda din hija deċiżjoni li jrid jieħu l-prosekutur pubbliku indipendenti. I.N. ma jistax jiġi estradit mill-Islanda taħt l-Att Islandiż dwar Estradizzjoni bħala ċittadin.

55.

Waqt is-seduta, in-Norveġja argumentat li fil-Ftehim ŻEE ma hemmx dispożizzjoni li hija ekwivalenti għall‑Artikolu 21 TFUE. Id-dispożizzjonijiet pertinenti taż-ŻEE kienu l‑Artikoli 4, 28 u 36, iżda kien biss għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi jekk u liema mil-libertajiet kienu applikabbli, u ma seta’ jkun hemm ebda preżunzjoni li I.N. kien ir-riċevitur ta’ servizzi u din kellha tiddeterminaha wkoll il-Qorti Kroata. Lanqas ma tista’ tkun rilevanti d‑Direttiva 2004/38. Din ma tirregolax talbiet għal estradizzjoni. Materja kriminali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE.

56.

In-Norveġja tirrileva li l-Qorti Suprema tan-Norveġja talbet lill-Qorti tal-EFTA sabiex tħassar is-sentenza li tat fil-kawża Jabbi ( 50 ), fejn iddeċidiet li d-Direttiva 2004/38 tista’ tiġi interpretata b’mod li tagħti drittijiet li huma l-istess bħal dawk mogħtija mill‑Artikolu 21 TFUE, fil-proċeduri pendenti fil-kawża Campbell ( 51 ). In-Norveġja hija tal-fehma li s-sentenza Jabbi hija inkonsistenti mal‑Artikolu 6 ŻEE, u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li drittijiet ibbażati biss fuq l‑Artikolu 21 TFUE jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjoni ekwivalenti.

57.

Fir-rigward tal-ewwel domanda, in-Norveġja argumentat li l-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja bejn l-Islanda u n-Norveġja huwa trattat internazzjonali regolari li ma jiffurmax parti mid-dritt taż-ŻEE, u ma jistax jiġi interpretat bl-istess mod bħad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE ( 52 ). Il-kuntest u l-objettiv huma differenti anki jekk il-formulazzjoni hija simili. Is-sentenza Petruhhin enfasizzat il-kuntest u l-għan.

58.

Fis-sentenza Petruhhin ġie deċiż li trattament mhux ugwali jista’ jkun iġġustifikat minħabba prevenzjoni ta’ impunità u l-miżuri riedu jkunu adattati sabiex jilħqu dan l-għan. Li hemm bżonn hija l-identifikazzjoni ta’ mezz li huwa inqas restrittiv fuq il-moviment liberu iżda li huwa effettiv daqt l-estradizzjoni fil-prevenzjoni tal-impunità ( 53 ).

59.

Skont in-Norveġja, id-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE tippermetti li l-qorti nazzjonali tagħti din il-prijorità iżda l-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja ma jippermettix dan, peress li għandu objettiv u kuntest differenti, u ma hemm ebda objettiv ta’ fiduċja reċiproka ekwivalenti għad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE ( 54 ), jew l-objettiv iddikjarat fl‑Artikolu 3(2) TUE (ara s-sentenza Petruhhin). Is-sentenza Petruhhin irreferiet ukoll għall‑Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE sabiex tagħti prijorità, u ma hemm ebda dispożizzjoni simili fil-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja, li l-preambolu tiegħu jirreferi biss għal “fiduċja reċiproka”. L‑Artikolu 3 ŻEE jirrikjedi li l-Istati kontraenti taż-ŻEE jiffaċilitaw il-kooperazzjoni, iżda ma għandux ir-rekwiżiti addizzjonali tal‑Artikolu 4 TUE. L‑Artikolu 19(1) tal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja jirrikjedi evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi pertinenti kollha, b’mod partikolari dawk li jsir riferiment għalihom fl‑Artikolu 1 tal-Ftehim.

60.

Fir-rigward tat-tieni domanda, id-drittijiet fundamentali jiffurmaw parti mid-dritt ŻEE ( 55 ), u l‑Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeskludi tkeċċija għal kundizzjonijiet ta’ trattament jew kastig inuman jew degradanti ( 56 ). Skont in-Norveġja, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tevalwa l-evidenza ta’ riskju reali għal espożizzjoni għal trattament inuman jew degradanti mal-estradizzjoni għar-Russja ( 57 ), u għandha tikkunsidra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Islandiżi li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat, u l-evidenza li straħu fuqha biex waslu għal dik id-deċiżjoni.

61.

Il-Kroazja tgħid li l‑Artikoli 28 u 36 taż-ŻEE jikkorrispondu għall‑Artikoli 45 u 56 TFUE ( 58 ), filwaqt li tinnota li l‑Artikolu 21 TFUE jinkludi nies li jmorru fi Stati Membri oħra għal raġunijiet li ma humiex relatati ma’ attività ekonomika. L‑Artikolu 21 TFUE jikkonċerna ċittadini taż-ŻEE peress li d-Direttiva 2004/38 ma hijiex limitata għal attivitajiet ekonomiċi.

62.

Peress li I.N. eżerċita d-drittijiet tiegħu għal moviment liberu, is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati fis-sens tal‑Artikolu 18 TFUE u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità ( 59 ), li tikkorrispondi għall‑Artikolu 4 ŻEE.

63.

Il-Kroazja targumenta li, fid-dawl tas-sentenza Petruhhin ( 60 ), sabiex tiġi evitata l-impunità u jiġu applikati miżuri li huma l-inqas restrittivi fuq il-moviment liberu, għandhom jiġu applikati l-miżuri kollha ta’ assistenza u kooperazzjoni reċiproka eżistenti fid-dritt penali. F’dan ir-rigward, il-Kroazja tirreferi għall-portata tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen taħt l‑Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 19 dwar l-Acquis ta’ Schengen, integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, li japplika għall-Islanda u n-Norveġja.

64.

Il-Kroazja tirreferi għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 ( 61 ). L-għan fundamentali ta’ dan il-ftehim jinsab fl-installazzjoni ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà, u ġustizzja, li jiggarantixxu l-moviment liberu ta’ persuni, għaċ-ċittadini tal-Unjoni daqskemm barranin li jsibu lilhom innifishom fit-territorju tal-Unjoni.

65.

Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tipprevedi t-tqegħid fis-seħħ ta’ provvedimenti fundamentali dwar assistenza reċiproka f’materji penali (Titolu III dwar Pulizija u Sigurtà, Kapitolu 2), li bħalissa fuqhom jistrieħ l-iżvilupp ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka f’materji kriminali. L-acquis ta’ Schengen jinkludi wkoll is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen ( 62 ).

66.

Konsegwentement, il-Kroazja targumenta li skambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata hija ċittadina għandu jingħata prijorità, bl-intiża li dan l-Istat Membru jingħata l-possibbiltà li jressaq lil din il-persuna, sal-punt li hu kompetenti, fir-rigward ta’ atti kommessi barra mit-territorju nazzjonali; u joħroġ mandat ta’ arrest b’konformità mal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja.

67.

Finalment, il-Kroazja targumenta li l-prinċipju ta’ non-refoulement u nonespożizzjoni għal trattament inuman jew degradanti huwa l-prinċipju fundamentali tad-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati. Li kieku I.N. applika għall-ażil fil-Kroazja, dan kien jiġi rrifjutat taħt l‑Artikolu 43(1) tal-Liġi Kroata dwar Protezzjoni Internazzjonali, peress li ngħatat protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru taż-ŻEE.

68.

Il-Kroazja tirrileva li l-Islanda tapplika r-Regolament Dublin III ( 63 ) u hija involuta fil-Eurodac ( 64 ). Għaldaqstant, skont il-Kroazja, jista’ jiġi aċċettat li l-Islanda tosserva r-regoli tal-Unjoni dwar ażil u protezzjoni internazzjoni. Fl‑2014 l-Islanda kkonkludiet ftehim mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil ( 65 ) dwar il-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni tagħha ( 66 ).

69.

Għaldaqstant, targumenta l-Kroazja, għalkemm fil-preżent ma teżistix sistema fiż-ŻEE għal rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar l-ażil, il-qafas ġuridiku huwa ddefinit mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, u l-kundizzjonijiet għall-ażil huma uniformi f’kull pajjiż.

70.

B’differenza għall-Kroazja, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-istatus tal-Islanda bħala parti mill-Ftehim ŻEE huwa iżjed pertinenti mis-sħubija tagħha fiż-żona Schengen għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni. Il-Kummissjoni tgħid li ċertu dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE jwasslu għall-istess riżultat li nkiseb fis-sentenza Petruhhin. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kien hemm ċertu biċċiet mill-istorja tal-kawża Petruhhin li kienu neqsin fil-proċeduri prinċipali, bħall-fatt li I.N. ma huwiex ċittadin tal-Unjoni, iżda dawn il-biċċiet setgħu jiġu ssostitwiti b’dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ŻEE.

71.

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l‑Artikolu 1 tal-Ftehim ŻEE, l-għan tiegħu hu “li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti b’kondizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u l-osservanza ta’ l-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenea”.

72.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi id-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti għad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 158/2007 li tinkorpora d‑Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim ŻEE ( 67 ) li tintegra d-Direttiva 2004/38 fid-dritt ŻEE. Hija tgħid, inter alia, li l-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni ma għandux ekwivalenti fid-dritt ŻEE, u li l-Ftehim ŻEE ma jipprovdix bażi għad-drittijiet politiċi ta’ ċittadini taż-ŻEE.

73.

Madanakollu, id-drittijiet u l-libertajiet kollha tad-Direttiva 2004/38 huma integrati fid-dritt ŻEE. Bla ħsara għal kundizzjonijiet, ċittadini taż-ŻEE għandhom dritt li jiċċirkolaw fiż-ŻEE u joqogħdu fi Stat kontraenti taż-ŻEE sa tliet xhur, bla ħsara għal kundizzjonijiet, ħielsa minn diskriminazzjoni, anki jekk ma humiex ekonomikament attivi ( 68 ). Il-Kummissjoni tgħid li huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi jekk is-sitwazzjoni ta’ I.N. taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal‑Artikoli 28 u 36 ŻEE, u d-Direttiva 2004/38, u tindika li jista’ jkun li I.N. ħa vantaġġ mid-dritt tiegħu li jibbenefika minn servizzi bħala turist ( 69 ). Il-Kummissjoni tgħid li, fi kwalunkwe każ, I.N. jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE minħabba l-fatt li huwa telaq mill-Islanda għall-Kroazja. Għalhekk huwa intitolat għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni (l‑Artikoli 4 ŻEE u 18 TFUE).

74.

Skont il-Kummissjoni, is-sentenza fil-kawża Petruhhin kienet essenzjalment ibbażata mhux fuq kunċett astratt ta’ ċittadinanza, iżda fuq drittijiet ta’ moviment liberu u l‑Artikolu 18 TFUE. Il-Kummissjoni targumenta wkoll li, fis-sentenza Pisciotti ( 70 ), il-punt tat-tluq sabiex tiskatta l-proċedura inkwistjoni fil-kawża Petruhhin kien l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni taħt l‑Artikolu 18 TFUE, li jikkorrispondi għall‑Artikolu 4 ŻEE.

75.

Il-Kummissjoni tikkontendi li huwa utli li wieħed iqabbel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża O. u B. ( 71 ) ma’ dik tal-Qorti tal-EFTA fil-kawża Jabbi ( 72 ). Fil-kawża O. u B., il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill‑Artikolu 21 TFUE dritt li jibqa’, idderivat għal ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan tal-aħħar. Fil-kawża Jabbi, il-Qorti tal-EFTA waslet għall-istess konklużjoni billi applikat id-Direttiva 2004/38 għal ċittadini taż-ŻEE li ma humiex ekonomikament attivi, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża O. u B. irrifjutat li tapplika d-Direttiva 2004/38 b’dan il-mod.

76.

Il-Kummissjoni tinnota li l-Ftehim ŻEE jirrikonoxxi r-“relazzjoni privileġġjata bejn il-Komunità Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Istati [tal-EFTA]” imsejsa “fuq il-prossimità, l-valuri komuni li ilhom fis-seħħ” ( 73 ), imsejsa fuq “regoli komuni” ( 74 ), u bil-għan tal-partijiet kontraenti “li tinstab, u tinżamm, interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi ta’ dan il-Ftehim u dawk id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni Komunitarja li huma sostanzjalment riprodotti” fiż-ŻEE “u li jkun hemm trattament ugwali ta’ individwi u operaturi ekonomiċi rigward l-erba’ libertajiet” ( 75 ). L‑Artikoli 105 u 106 ŻEE jistabbilixxu interpretazzjoni uniformi ( 76 ).

77.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prinċipji fil-kawża Petruhhin għandhom jiġu segwiti, u targumenta li l-awtoritajiet fl-Islanda għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom strument li huwa ekwivalenti għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew ( 77 ), u senjatament il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Kroati għandhom l-obbligu jinformaw lill-Islanda li rċivew talba għall-estradizzjoni mir-Russja, li tippermettilha titlob ir-ritorn ta’ din il-persuna, sa fejn l-Islanda tista’ tieħu proċeduri kriminali kontra ċ-ċittadin tagħha taħt il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja. Il-Kroazja għandha tagħti prijorità lil din it-talba ( 78 ). Ladarba tirċeviha, il-Kroazja hija obbligata li tibgħat lil I.N. l-Islanda.

IV. Analiżi

A.   Identifikazzjoni tal-punti ewlenin tal-kwistjoni f’sistema legali b’diversi strati

78.

Bħala punt tat-tluq, tajjeb li jiġi rrilevat li hemm seba’ sistemi legali li huma rilevanti għall-proċeduri prinċipali. Tliet sistemi legali nazzjonali, dawk tal-Islanda, il-Kroazja, u r-Russja, u tlieta transnazzjonali, l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u ż-Żona Ekonomika Ewropea, flimkien mal-istrumenti legali internazzjonali tas-sistema tad-dritt internazzjonali pubbliku, bħall-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati ( 79 ). Dawn is-sistemi huma sovrapposti f’sett ta’ ċrieki konċentriċi, u l-ebda waħda minnhom ma għandha eġemonija fuq l-oħra, apparti f’ċirkustanzi eċċezzjonali fejn xi waħda minnhom, iżda mhux ir-Russja jew l-Islanda, ittellef mis-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ( 80 ).

79.

Madanakollu, ma qamet ebda kwistjoni bħal din direttament fil-proċeduri fil-kawża prinċipali. Għalhekk, l-ordinament ġuridiku supranazzjonali, kif ikkaratterizzat mill-Unjoni, bħala ordinament kostituzzjonali addizzjonali, ma huwiex ġerarkikament iżjed għoli jew baxx mill-qorti tar-rinviju ( 81 ), jew minn xi wieħed mill-ordinamenti ġuridiċi l-oħrajn. Dawn joperaw bħala sinerġiji li jinfluwenzaw lil xulxin ( 82 ).

80.

Fil-qosor, sabiex jiġu ordnati dawn is-sistemi legali – id-diversi ordinamenti ġuridiċi li jiffurmaw il-qafas ġuridiku f’dan il-każ – kull waħda minn dawn is-sistemi hija interġerarkika iżda ma jiffurmawx entità intraġerarkika.

81.

Għalhekk, l-ewwel kompitu li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tidentifika r-regoli normattivi li bihom tista’ twieġeb għad-domandi preliminari fil-kuntest ta’ dak li ġie deskritt bħala kooperazzjoni fuq diversi livelli ta’ qrati kostituzzjonali Ewropej ( 83 ), u senjatament il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u hawnhekk il-Qorti Suprema tal-Kroazja ( 84 ). Fil-fatt, fil-proċeduri prinċipali, dan it-triju sar kwartett, meta wieħed jikkunsidra l-pertinenza tar-rwol tal-Qorti tal-EFTA u l-ġurisprudenza tagħha fis-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni.

82.

Għandu jiġi nnotat li, filwaqt li ma hemm ebda dispożizzjoni espressa fit‑TFUE li tirrifletti l‑Artikolu 6 ŻEE ( 85 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara li nnotat li wieħed mill-għanijiet prinċipali taż-ŻEE kien li jestendi s-suq intern stabbilit fl-Unjoni għal stati kontraenti tal-EFTA, li diversi dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE huma intiżi “sabiex jiggarantixxu interpretazzjoni tiegħu l-iktar uniformi possibbli fiż-ŻEE kollha […] F’dan il-kuntest, hija l‑Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li r-regoli tal-Ftehim ŻEE, essenzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat FUE, jiġu interpretati b’mod uniformi fi ħdan l-Istati Membri” ( 86 ). Dan l-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ omoġeneità jirrinforza post iż-ŻEE fl-ordinament kostituzzjonali li għandu diversi livelli u li qiegħed jiġi analizzat hawnhekk ( 87 ).

83.

Il-punti prinċipali tal-kwistjoni li jridu jiġu riżolti huma s-segwenti: (1) il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt li persuna tibbenefika minn servizzi u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, protetti kemm taħt it‑TFUE (l‑Artikoli 56 u 18) ( 88 ), kif ukoll taħt iż‑ŻEE (l‑Artikoli 36 u 4); (2) ġustifikazzjoni oġġettiva għal restrizzjoni ċara ta’ dan id-dritt; (3) in-normi u l-fatti pertinenti għal ġustifikazzjoni oġġettiva fiċ-ċirkustanzi tal-proċeduri prinċipali, inkluż regoli mnissla mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, ir-rwol tal-fiduċja reċiproka, u l-ftehim internazzjonali li huwa l-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja; (4) protezzjoni tad-dritt fundamentali ta’ I.N. li ma jiġix espost għal trattament inuman u degradanti jew caħda manifesta ta’ ġustizzja, li huma protetti bl‑Artikoli 6 u 13 KEDB u l-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 89 ).

B.   Determinazzjoni tar-regoli rilevanti

1. Libertà li persuna tibbenefika minn servizzi

a) L-Artikolu 36 ŻEE u l‑Artikolu 4 ŻEE

84.

Fir-rigward tal-identifikazzjoni tar-regoli, abbażi tal-elementi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta rigward l-attivitajiet ta’ I.N. mad-dħul tiegħu fit-territorju Kroat, u senjatament li kien fuq btala, (punt 48 iktar ’il fuq), jista’ jiġi konkluż li huwa kien riċevitur ta’ servizzi taħt l‑Artikolu 36 ŻEE dwar il-moviment liberu ta’ servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE “huwa analogu għall-Artikolu 56 TFUE” u għalhekk restrizzjoni tal‑Artikolu 56 TFUE “għandha tiġi kkunsidrata, bħala prinċipju, ukoll li tmur kontra l-Artikolu 36” ( 90 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l‑Artikolu 4 tal-Ftehim ŻEE huwa kważi identiku għall-kliem tal‑Artikolu 18 TFUE, u għalhekk dan l-Artikolu “għand[u] jiġ[i] interpretat b’mod uniformi” mal‑Artikolu 18 TFUE ( 91 ). Irid jiġi mfakkar li I.N. kien diskriminat minħabba n-nazzjonalità fir-rigward ta’ protezzjoni minn estradizzjoni waqt li kien qiegħed jibbenefika minn servizzi turistiċi.

85.

Huwa importanti li l-Qorti tal-EFTA applikat is-sentenza Cowan ( 92 ), fl-istabbiliment tad-dritt li persuna tibbenefika minn servizzi ( 93 ), u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità qamet f’dan il-kuntest. Dan huwa trasponibbli għall-proċeduri prinċipali fejn dan id-dritt irid jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost milli mill-Qorti tal-EFTA.

86.

Fil-fatt, ir-restrizzjoni tad-drittijiet ta’ I.N. li jibbenefika minn servizzi turistiċi kienet ferm iżjed severa (inkarċerazzjoni f’qorti kriminali bil-ħsieb li ssir estradizzjoni waqt btala), mir-restrizzjoni applikabbli fis-sentenza Cowan ( 94 ). Dak il-każ kien jikkonċerna esklużjoni minn parteċipazzjoni f’fond ta’ kumpens għal attakk waqt btala, iżda li seħħ wara l-btala.

87.

Addizzjonalment, kif argumentat l-ASE waqt is-seduta, il-fatt li r-restrizzjoni seħħet fil-kuntest ta’ applikazzjoni ta’ dritt kriminali ma hi ta’ ebda konsegwenza (punt 47 iktar ’il fuq) peress li restrizzjonijiet ibbażati fuq id-dritt ċivili, amministrattiv jew kriminali ma jsibux bażi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ma’ dan inżid li kien ben stabbilit qabel daħal fis-seħħ il-Ftehim ŻEE li regoli tad-dritt kriminali jistgħu joħolqu restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ( 95 ), u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kienet diġà ġiet applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntest ta’ proċeduri kriminali ( 96 ).

88.

Għall-finijiet ta’ kompletezza nżid li, għall-kuntrarju tas-sottomissjoni magħmula min-Norveġja waqt is-seduta (punt 55 iktar ’il fuq), ma hemm ebda monopolju fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ liema libertà qiegħda tiġi affettwata f’każ partikolari li jkun f’idejn il-qrati tal-Istati Membri, u hija l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-informazzjoni kollha neċessarja rigward id-dritt tal-Unjoni sabiex tkun tista’ ssolvi l-kwistjoni li jkollha quddiemha ( 97 ).

89.

Għalhekk ser nirreferi għall‑Artikoli 36 u 4 ŻEE sabiex inwieġeb id-domandi preliminari (ara punt 124 iktar ’il quddiem).

b) L-Artikolu 21 TFUE huwa irrilevanti għall-proċeduri fil-kawża prinċipali

90.

Ladarba l‑Artikoli 36 u 4 ŻEE ġew identifikati bħala n-normi prinċipali rilevanti, id-dibattitu dwar jekk drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni taħt l‑Artikolu 21 TFUE humiex trasponibbli għaċ-ċittadini taż-ŻEE jew le jista’ jitwarrab, minkejja d-diskussjoni dwar dan fis-sottomissjonijiet ( 98 ). Kif ġie ssenjalat mill-aġent tal-ASE waqt is-seduta, l‑Artikolu 21 TFUE ma jistax jopera biex jirriduċi drittijiet ta’ moviment liberu li huma diġà disponibbli taħt il-Ftehim ŻEE (punt 47 iktar ’il fuq).

91.

Hu x’inhu l-istatus tad-drittijiet tal‑Artikolu 21 TFUE fil-liġi tal-EFTA, kwistjoni li dalwaqt ser tiġi kkunsidrata għal darba oħra ( 99 ) mill-Qorti tal-EFTA (ara l-punt 56 iktar ’il fuq), dan ma għandu ebda effett fuq ir-riżultat tal-proċeduri fil-kawża prinċipali ( 100 ). Huwa biżżejjed li jingħad hawnhekk li xettiċiżmu dwar ir-rilevanza tal-ġurisprudenza elaborata mill-Qorti tal-Ġustizzja li hija bbażata eskluzivament fuq l‑Artikolu 21 TFUE, li kampjun tagħha ġie diskuss mill-Kummissjoni fil-punt 75 iktar ’il fuq, jidher li huwa fondat, peress li l‑Artikolu 21 TFUE daħal fit-Trattati fit-Trattat ta’ Lisbona tal-2007, ħafna wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE fl‑1 ta’ Jannar 1994 ( 101 ).

2. Ġustifikazzjoni oġġettiva

a) Il-prevenzjoni tal-impunità hija ġustifikazzjoni oġġettiva għar-restrizzjoni tal-libertà li wieħed jirċievi servizzi

92.

Id-dritt ta’ moviment liberu ta’ servizzi turistiċi huwa suġġett għal ġustifikazzjoni oġġettiva taħt id-dritt taż-ŻEE ( 102 ), kif inhu wkoll taħt l‑Artikolu 56 TFUE. Tista’ l-Kroazja tistrieħ fuq il-prevenzjoni tal-impunità bħala ġustifikazzjoni oġġettiva sabiex tirrestrinġi d-drittijiet ta’ I.N. għal moviment liberu taħt l‑Artikolu 36 ŻEE billi tiddetenih bil-ħsieb li testradih, meta l-istess trattament ma huwiex applikabbli għal ċittadini Kroati?

93.

Huwa biss fil-każ li s-sentenza Petruhhin ( 103 ) tibda ssir pertinenti għall-proċeduri prinċipali, għalkemm jidher li kienet punt prinċipali tal-proċeduri quddiem il-qrati Kroati, u għalhekk influwenzat, forsi b’mod żbaljat, il-kontenut tal-proċess.

94.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Petruhhin li l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ persuna li kkommetta reat għandu, fil-prinċipju “jitqies li huwa ta’ natura leġittima fid-dritt tal-Unjoni” ( 104 ), u dan fil-prinċipju approvazzjoni tal-prinċipju ta’ prevenzjoni ta’ riskju ta’ impunità bħala ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu ġiet repetuta f’deċiżjonijiet sussegwenti fil-kawżi Pisciotti ( 105 ) u Raugevicius ( 106 ).

95.

L-importanza ta’ omoġeneità bejn id-dritt taż-ŻEE u tal-Unjoni jidher li twassal għal risposta fl-affermattiv għall-awtorità f’idejn il-Kroazja sabiex tistrieħ fuq il-prevenzjoni tar-riskju ta’ impunità għad-detenzjoni u l-estradizzjoni ta’ I.N. Peress li restrizzjonijiet ta’ moviment liberu jistgħu jkunu fondati fid-dritt kriminali, ikun illoġiku li Stat Membru jiġi prekluż milli jistrieħ fuq kunsiderazzjonijiet li huma ugwalment fondati fl-applikazzjoni tad-dritt kriminali bħala ġustifikazzjoni.

96.

Madanakollu, din hija domanda separata minn jekk, fiċ-ċirkustanzi kollha tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, l-atti tal-awtoritajiet Kroati sal-lum “jistgħux ikunu ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi […] neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma intiżi li jiggarantixxu, u dan biss sakemm dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu b’miżuri inqas restrittivi” ( 107 ).

b) L-assenza ta’ fiduċja reċiproka fid-dritt ŻEE ma tillimitax l-applikazzjoni tal-proċedura Petruhhin

97.

L-ewwel nett, naqbel mal-argumenti magħmula min-Norveġja waqt is-seduta, li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, kif evolva fl-Unjoni Ewropea mit-Trattat ta’ Lisbona tal-2007, ma jsibx applikazzjoni fid-dritt ŻEE. Minkejja n-natura sui generis tas-sistema legali taż-ŻEE, u l-qrubija fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-EFTA u tal-Unjoni kif deskritt mill-ASE fil-punt 44 iktar ’il fuq, u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li rreferiet għalihom il-Kummissjoni fil-punt 76 iktar ’il fuq dwar ir-relazzjoni privileġġjata taż-ŻEE mal-Unjoni, il-fatt jibqa’ li l-fiduċja reċiproka qabel it-Trattat ta’ Lisbona kienet, f’termini relattivi, fl-infanzja tagħha ( 108 ). Kif tispeċifika n-Norveġja fil-punt 59 iktar ’il fuq, l‑Artikolu 3(2) TUE ma għandu ebda ekwivalenti fil-Ftehim ŻEE.

98.

Madanakollu, ma naqbilx man-Norveġja meta targumenta li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja f’Petruhhin straħet fuq il-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal Mandat ta’ Arrest Ewropew bħala alternattiva għall-estradizzjoni li hija inqas restrittiva għad-dritt ta’ moviment liberu, ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Mandat ta’ Arrest Ewropew huwa l-unika alternattiva aċċettabbli li fuqha jista’ jistrieħ akkużat meta Stat Membru jinvoka l-evitar ta’ impunità bħala limitu ġġustifikat għall-moviment liberu.

99.

Dan huwa msaħħaħ bis-sentenza Pisciotti, fejn, b’kuntrast ma’ Petruhhin, ma sar ebda riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew ( 109 ) fir-rigward ta’ kooperazzjoni reċiproka (qabbel l-argumenti tan-Norveġja riprodotti iktar ’il fuq fil-punti 57 sa 59). Fil-kawża Pisciotti, l-enfasi kienet pjuttost fuq id-disponibbiltà ta’ mekkaniżmu li permezz tiegħu l-akkużat jistgħu jsiru kontrih proċeduri kriminali b’mod effettiv. Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

“F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa importanti li tingħata prijorità lill-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità bil-għan, jekk ikun il-każ, li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jingħataw l-opportunità li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni. Għalhekk, meta Stat Membru li lejh ikun iċċaqlaq ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jiġi indirizzat b’talba għall-estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan ikun obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm dan l-Istat Membru jkollu l-ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, sabiex jiftaħ proċeduri kriminali kontra din il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 48 u 50)” ( 110 ).

100.

Għaldaqstant, jien tal-fehma li l-enfasi f’din is-sentenza kienet id-disponibbiltà ta’ alternattiva li tagħti garanziji kontra l-impunità sal-istess grad jew sa grad simili bħall-estradizzjoni. Ser nikkunsidra jekk l-azzjoni li ħadet l-Islanda sal-lum tissodisfax dan il-livell minimu waqt li nwieġeb id-domandi mressqa fil-punti 119 sa 123 iktar ’il quddiem.

c) Il-fiduċja reċiproka u s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil

101.

Filwaqt li nirrikonoxxi li, minħabba l-arranġament għall-adeżjoni tal-Kroazja għall-Unjoni Ewropea, il-parteċipazzjoni tagħha fl-acquis ta’ Schengen huwa biss parzjali (punt 15 iktar ’il fuq) ( 111 ), il-Kroazja tipparteċipa fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Il-Kroazja mhux biss hija parteċipant sħiħ fir-Regolament Dublin III ( 112 ) (il-konsegwenzi ta’ dan ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni tagħha fil-kawża A.S. ( 113 )) u fir-Regolament Eurodac ( 114 ), hija implimentat u tapplika regolarment id-Direttiva dwar il-Kwalifiki ( 115 ), id-Direttiva dwar il-Proċeduri ( 116 ), u d-Direttiva dwar l-Akkoljenza ( 117 ). Hija għaldaqstant marbuta bl‑Artikolu 80 TFUE, li skontu l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea Komuni tal-Ażil “għandha tiġi regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà”.

102.

Il-parametri wesgħin li jirfdu l-parteċipazzjoni f’Dublin III, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Istati Assoċjati ta’ Schengen bħall-Islanda, ġew ikkunsidrati mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi A.S. u Jafari ( 118 ). Hija għamlet dawn l-osservazzjonijiet:

“Is-SEKA kienet ikkonċepita f’kuntest fejn kien raġonevoli li wieħed jassumi li l-Istati parteċipanti kollha, kemm jekk Stati Membri kif ukoll Stati terzi, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ibbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Protokoll tal-1967 u fuq il-KEDB […] u li l-Istati Membri jistgħu għalhekk ikollhom fiduċja f’xulxin f’dak ir-rigward […] “Huwa preċiżament minħabba dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament [Dublin II] bil-għan li jiġi rrazzjonalizzat l-ipproċessar tat-talbiet għal ażil u li jiġi evitat xogħol żejjed għas-sistema minħabba l-obbligu tal-awtoritajiet statali li jipproċessaw talbiet multipli ppreżentati mill-istess persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil, u bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-ipproċessar tat-talba għal ażil u b’hekk li jiġi evitat ‘forum shopping’, u dan kollu fid-dawl tal-għan prinċipali li jitħaffef l-ipproċessar tat-talbiet fl-interess kemm tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil u kif ukoll fl-interess tal-Istati parteċipanti.” […] Dawn il-kwistjonijiet jmorru fil-qalba tal-kunċett ta’ “spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” […] u, b’mod partikolari, is-SEKA, ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka u preżunzjoni ta’ konformità, minn Stati Membri oħra, mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali […]” ( 119 ).

103.

Fir-rigward tal-Islanda, fl-2001, il-Komunità Ewropea, kif kienet dak iż-żmien, daħlet fi ftehim man-Norveġja u l-Islanda dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment tal-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażil ppreżentata fl-Islanda jew fin-Norveġja ( 120 ). Konsegwentement, kif indikat mill-Kroazja fil-punt 68 iktar ’il fuq, l-Islanda hija parteċipant sħiħ f’Dublin III u fil-Eurodac ( 121 ), u hija involuta fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil permezz ta’ ftehim internazzjonali, filwaqt li l-ASE kkontendiet ukoll fil-punt 47 iktar ’il fuq li d-dritt Islandiż jagħmel referenza għall‑Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki.

104.

Dawn il-fatturi, flimkien mal-parteċipazzjoni iżjed wiesgħa tal-Islanda fl-acquis ta’ Schengen bħala Stat Assoċjat ta’ Schengen ( 122 ), jorbtu lill-Kroazja u lill-Islanda b’obbligu ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward ta’ deċiżjonijiet meħuda fl-ambitu tal-Politika Ewropea Komuni tal-Ażil u, b’mod partikolari, ir-Regolament Dublin III.

105.

Irid jiġi enfasizzat li fiduċja reċiproka ma hijiex limitata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal fiduċja fir-rigward ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu ażil u l-applikazzjoni xierqa tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati ( 123 ). Din testendi għad-dritt tal-Unjoni b’mod iżjed ġenerali ( 124 ), u għalhekk jekk wieħed jassumi li r-Regolament Dublin III ġie applikat fl-Islanda b’mod korrett, jew kif argumentat l-ASE (punt 47 iktar ’il fuq), għandu jkun hemm preżunzjoni li d-determinazzjoni tal-Islanda rigward l-ażil kienet fondata, peress li qieset lilha nnifisha bħala l-istat parteċipanti responsabbli taħt Kapitolu III tar-Regolament Dublin, u fil-fatt hija ddefendiet din id-deċiżjoni waqt is-seduta (punt 51 iktar ’il fuq). Dan l-approċċ huwa konsistenti wkoll mal-prijoritajiet u l-imperattivi organizzattivi ta’ Dublin III, kif spjegati mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha kkwotati fil-punt 102 iktar ’il fuq (razzjonalizzazzjoni tal-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil; evitar ta’ xogħol żejjed għas-sistema; żieda fiċ-ċertezza legali; evitar ta’ forum shopping).

106.

Fil-fatt, sal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat l-operat tal-fiduċja reċiproka fil-kuntest tar-Regolament Dublin III għall-għan li jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil ( 125 ). Ikun assjomatiku li kieku l-fiduċja reċiproka tista’ titnaqqas taħt Dublin III bir-riżultat li dawn jintilfu.

107.

Dan ifisser li l-Kroazja hija korretta meta targumenta fil-punt 68 iktar ’il fuq li jrid jiġi aċċettat li l-Islanda tosserva r-regoli tal-Unjoni dwar l-ażil u l-protezzjoni internazzjonali, u li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni kollha operattivi bejn iż-żewġ Stati japplikaw fil-każ ta’ I.N ( 126 ). Fiduċja reċiproka fil-kuntest tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil hija l-ġeneru ta’ fiduċja reċiproka li għandu jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni tar-reazzjoni tal-Kroazja għat-talbiet tal-Islanda sal-lum kontra l-prinċipji f’Petruhhin, pjuttost milli fiduċja reċiproka fil-kuntest ta’ kooperazzjoni f’materji kriminali taħt id-dritt tal-Unjoni, jew estensjoni u żvilupp tar-regoli tal-bona fides inerenti fil-Ftehim ŻEE. Skont is-sitt premessa tal-Protokoll (Nru 19) ( 127 ) fuq l-acquis Schengen, għandha tinżamm “relazzjoni speċjali” mal-Islanda u n-Norveġja.

108.

Ma’ dan inżid li l-fiduċja reċiproka li l-Kroazja għandu jkollha fir-rigward tal-Islanda ma hija affetwata bl-ebda mod bil-fatt li I.N. akkwista n-nazzjonalità Islandiża. Fl-ewwel lok, id-dokumenti maħruġa mill-Islanda li taw lil I.N. l-istatus ta’ refuġjat kienu għadhom validi meta hu qasam il-fruntiera Kroata. Fit-tieni lok, I.N. kien prekluż milli jitlob ażil kemm taħt id-dritt Kroat (punti 35 u 67 iktar ’il fuq) kif ukoll taħt ir-Regolament Dublin III ( 128 ) peress li huwa kien diġà ngħata ażil fi stat parteċipanti. Fit-tielet lok, l-għoti ta’ ażil fl-Islanda baqa’ rilevanti sabiex jipproteġi lil I.N. minn aġir prekluż taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati ( 129 ), u biex tevita forum shopping, wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ Dublin III ( 130 ). Fir-raba’ lok, l-istatus ta’ I.N. bħala refuġjat ma ġiex irtirat permezz ta’ xi waħda mill-proċeduri stabbiliti għal dan il-għan fid-dritt tal-Unjoni ( 131 ).

109.

Huwa minnu li l‑Artikolu 1(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati jelenka, fis-subparagrafu 3, l-akkwist ta’ “nazzjonalità ġdida u t-tgawdija tal-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità ġdida” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala wieħed mill-fatturi li jwasslu għat-tmiem ta’ status ta’ refuġjat. danakollu, fid-dawl tal-għan tal-Konvenzjoni, tmiem permezz ta’ akkwist ta’ nazzjonalità japplika biss “fejn ir-raġuni li abbażi tagħha ngħata l-istatus ta’ refuġjat ma tibqax teżisti u għalhekk ma tkunx iżjed meħtieġa jew iġġustifikata l-protezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 132 ). Kif jirriżulta fil-proċeduri prinċipali, il-pekuljaritajiet tal-amministrazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil ifissru li l-istatus ta’ refuġjat jista’ jibqa’ “neċessarju” sabiex jiżgura protezzjoni, anki wara l-akkwist ta’ nazzjonalità ġdida. Dan huwa l-kuntest li fih irid jinqara s-subparagrafu 3 tal‑Artikolu 1(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, li jipprekludi l-interpretazzjoni letterali tagħha. Il-preambolu għall-Konvenzjoni jgħid li “in-Nazzjonijiet Uniti, f’diversi okkażjonijiet, urew it-tħassib profond tagħhom għar-refuġjati u ħadmu sabiex jiżguraw li r-refuġjati jingħataw dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali bl-aħjar mod possibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 133 ).

110.

Finalment, ma jista’ jkun hemm xejn iżjed antitetiku għad-drittijiet fundamentali ta’ I.N. mit-tneħħija tal-protezzjoni li ngħatatlu permezz tal-applikazzjoni mill-Islanda tar-Regolament Dublin III minħabba l-akkwist tan-nazzjonalità Islandiża.

d) Normi rilevanti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ I.N.

111.

Fejn jidħlu drittijiet fundamentali, l-għan ta’ I.N. huwa li jevita espożizzjoni għal kundizzjonijiet ta’ trattament jew kastig inuman u degradanti, u għal process inġust. Fir-rigward ta’ dawn it-tnejn, I.N. qiegħed jiġi ttrattat b’mod differenti minn ċittadin Kroat, minħabba l-projbizzjoni taħt il-Kostituzzjoni Kroata tal-estradizzjoni ta’ ċittadini.

112.

F’dan l-istadju, jaf ikun utli li jingħad li l-proċeduri fil-kawża prinċipali jirrappreżentaw eżempju fejn iċ-ċrieki konċentriċi li jirrappreżentaw is-serje ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali inkwistjoni huma sovrapposti, peress li d-drittijiet sostantivi li jridu jiġu kkunsidrati huma protetti b’mod simili fit-tliet strumenti legali, għalkemm jistgħu jidhru li qegħdin jikkompetu; jiġifieri l-KEDB, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-Ftehim ŻEE. Il-projbizzjoni ta’ trattament inuman u degradanti hija parti mill-wirt komuni kostituzzjonali Ewropew.

113.

Jiena nirrikonoxxi li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem innutat li “għalkemm il-Qorti tal-EFTA esprimiet il-fehma li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE ‘għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali’ sabiex tiżdied il-koerenza bejn id-dritt taż-ŻEE u d-dritt tal-Unjoni (ara, inter alia, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA fil-kawża E‑28/15, Yankuba Jabbi (2016), punt 81), il-Ftehim ŻEE ma jinkludix il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe riferiment ieħor għal strumenti legali oħra li għandhom l-istess effett, bħalma hija l-Konvenzjoni” ( 134 ).

114.

Madanakollu, fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, dan ma huwiex ta’ importanza, peress li l-obbligu tal-qorti tal-Istati kontraenti li jinvestigaw ir-riskju ta’ espożizzjoni għal trattament inuman u degradanti qabel l-estradizzjoni hija inkorporata fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem taħt l‑Artikolu 3 KEDB ( 135 ). Il-pont għad-dritt tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Umani jirriżulta mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li “l-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta tikkorrispondi ma’ dik stabbilita fl-Artikolu 3 tal-KEDB u li, sa hawnhekk, is-sens u l-portata tagħha huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk li tagħtiha din il-konvenzjoni” ( 136 ). Il-livell ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali individwali jista’ jiġi estiż permezz ta’ kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Umani iżjed wiesa’ (pereżempju, forsi, fir-rigward tal-protezzjoni tal-proprjetà taħt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif riflessa fl‑Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u r-riferiment espress hemmhekk għall-proprjetà intellettwali), iżda ma hemmx sitwazzjoni bħal din fil-proċeduri fil-kawża prinċipali.

115.

Il-pont għad-dritt ŻEE huwa ffurmat mill-fatt li l-QEDB hija sors importanti, antik u stabbilit tad-dritt ŻEE, bl-ewwel premessa tgħid li ż-ŻEE għandha tiġi “msejsa fuq il-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem”, u li din testendi sabiex torbot lill-partijiet kontraenti tal-Ftehim ŻEE bid-drittijiet fundamentali meta jidderogaw mid-dritt ŻEE ( 137 ).

116.

Taħt id-dritt tal-Unjoni, kif inhu l-każ ukoll fid-dritt tal-KEDB, il-projbizzjoni ta’ estradizzjoni għal kundizzjonijiet ta’ trattament inuman jew degradanti tapplika għal kulħadd, irrispettivament min-nazzjonalità. Dan huwa rifless fil-kliem “Ħadd” fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u din id-dispożizzjoni timporta fid-dritt tal-Unjoni l-prinċipji elaborati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem taħt l‑Artikolu 3 KEDB ( 138 ). Għaldaqstant, l-assenza ta’ nazzjonalità tal-Unjoni ta’ I.N. ma hijiex rilevanti għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt sostantiv meta wieħed jikkunsidra l-wisa’ tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu. L‑Artikolu 19(2) japplika irrispettivament kemm minn diskiminazzjoni kif ukoll min-nazzjonalità tal-Unjoni ( 139 ).

117.

Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ tneħħija għal proċess inġust bi ksur tal‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minħabba fallimenti sistematiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum irrikonoxxiet dan biss f’kuntest intra-Ewropew, u dan biss fil-Mandat ta’ Arrest Ewropew ( 140 ). Madanakollu, kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Minister for Justice and Equality ( 141 ) il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tipprojbixxi lill-Istati kontraenti milli jkeċċu persuna meta din il-persuna tinsab f’riskju reali li tkun suġġetta għal ċaħda flagranti tal-ġustizzja, bi ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB ( 142 ). Jien għalhekk tal-fehma li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jestendi ugwalment għas-sitwazzjoni fejn persuna, irrispettivament min-nazzjonalità tagħha ( 143 ), tiġi esposta għal tali ċaħda tal ġustizzja fi stat terz, sakemm is-sitwazzjoni tagħha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan minħabba l‑Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li d-drittijiet tal-Karta li jikkorrispondu għal dawk tal-KEDB għandhom jiġu interpretati bl-istess mod, li tagħti lill-Unjoni diskrezzjoni li tagħti livell ta’ protezzjoni iżjed għoli. Fi kliem ieħor, jekk l-Artikolu 6 KEDB jipprekludi tkeċċija meta persuna jkollha riskju flagranti ta’ ċaħda ta’ ġustizzja, hekk għandu jagħmel ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta.

118.

Is-sitwazzjoni ta’ I.N. taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali permezz ta’ żewġ rotot. L-ewwel nett, kemm taħt id-dritt ŻEE kif ukoll taħt id-dritt tal-Unjoni dwar drittijiet fundamentali, derogi mill-moviment liberu huma suġġetti għal konformità mad-drittijiet fundamentali ( 144 ). It-tieni nett, premess li l-qorti tar-rinviju hija obbligata li tikkonforma mal-fiduċja reċiproka taħt ir-Regolament Dublin II, id-dispożizzjonijiet pertinenti kollha ta’ Dublin III, bħall‑Artikolu 3(1) u l-projbizzjoni (impliċita) tiegħu ta’ applikazzjonijiet multipli għall-ażil, għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 145 ).

V. Fatti rilevanti u r-risposti għad-domandi preliminari

119.

Jiena weġibt għad-domandi mqajma fis-sens deskritt f’punti 7 sa 9 iktar ’il fuq abbażi tal-prinċipji legali stabbiliti fil-Parti IV u tal-fatti importanti li jsegwu.

120.

Il-kliem użat fit-tieni domanda jissuġġerixxi li l-Islanda talbet għar-ritorn ta’ I.N. “għall-finijiet li [t]wettaq il-proċeduri li għalihom l-estradizzjoni hija mitluba”. Madanakollu, ir-risposti għall-mistoqsijiet li saru lill-Islanda waqt is-seduta ċċaraw li l-komunikazzjoni maħruġa mill-Ambaxxata tal-Islanda f’Berlin fl‑24 ta’ Lulju 2019 ma kienx fiha talba speċifika bħal din (punt 53 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-aġent għall-Islanda qal waqt is-seduta li l-Kroazja kienet marbuta li tforni lill-Islanda bid-dokumenti fil-pussess tagħha sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti lill-prosekutur indipendenti fl-Islanda, li mbagħad jikkunsidra l-prosekuzzjoni ta’ I.N. fl-Islanda (punt 50 iktar ’il fuq). Iżda ma hemm xejn fil-proċess li jiddikjara preċiżament meta u jekk fil-fatt l-Islanda għamlitx din it-talba lill-Kroazja.

121.

Lanqas ma ssemma jekk it-tilwima bejn il-Kroazja u l-Islanda ġietx irriferuta lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġu stabbiliti l-Istati responsabbli li jeżaminaw talba għal estradizzjoni mressqa fi Stat Membru jew fl-Islanda jew in-Norveġja ( 146 ).

122.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ikun prematur li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għat-tieni domanda fl-affermattiv u tobbliga lill-Kroazja sabiex tieħu miżuri attivi sabiex tirrilaxxa lil I.N. abbażi tal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja ( 147 ). Jekk l-Islanda toħroġ mandat ta’ arrest ( 148 ), ikun jispetta lil qorti Kroata, abbażi tal-evidenza kollha rilevanti, li tivvaluta jekk dak propost mill-Islanda jikkostitwixxix garanzija għall-evitar ta’ impunità li hija ekwivalenti għall-estradizzjoni; il-pedament tal-ġurisprudenza Petruhhin (ara l-punti 99 u 100 iktar ’il fuq). Dan premess, jiena ser nillimita l-osservazzjonijiet tiegħi fir-rigward tal-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja billi ngħid li, mad-daqqa ta’ għajn, jidher li garanzija bħal din ġiet ipprovduta u, għall-kuntrarju tal-argumenti tan-Norveġja (punti 57 sa 59 iktar ’il fuq) ma hijiex ridotta minħabba n-nuqqas ta’ referenza espressa għal fiduċja reċiproka, peress li r-rigorożità tal-arranġament stabbilit bil-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja hija ben stabbilita permezz ta’ dispożizzjonijiet oħra ( 149 ).

123.

Fl-istess ħin, ir-risposta tiegħi għat-tieni domanda bl-ebda mod ma tippermetti lill-qrati Kroati jaġixxu b’mod konsistenti mad-deċiżjoni ta’ ażil tal-Islanda tal‑11 ta’ Ġunju 2015 fir-rigward ta’ I.N. (għalkemm kwalunkwe evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet fir-Russja magħmula minn qrati Kroati hija magħmula b’riferiment għal ċirkustanzi kurrenti, pjuttost milli għal dawk prevalenti fl-2015) minħabba l-obbligu ta’ fiduċja reċiproka li japplika bejn l-Islanda u l-Kroazja naxxenti mill-parteċipazzjoni tagħhom fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u b’mod iktar partikolari r-Regolament Dublin III ( 150 ).

VI. Konklużjoni

124.

Għaldaqstant qiegħed nipproponi li d-domandi mressqa mill-Qorti Suprema tal-Kroazja għandhom jiġu mwieġba bil-mod segwenti:

“1.

Fiċ-ċirkustanzi tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 4 u 36 ŻEE għandhom jiġu interpretati li jfissru li Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jieħu deċiżjoni rigward l-estradizzjoni għal pajjiż terz ta’ ċittadin ta’ Stat li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, iżda li huwa ċittadin ta’ Stat Assoċjat ta’ Schengen, huwa obbligat li jinforma lil dan l-Istat Assoċjat ta’ Schengen bit-talba għall-estradizzjoni. L-Istat Membru huwa wkoll marbut li jibgħat lil dan l-Istat Assoċjat ta’ Schengen kwalunkwe elementi fil-pussess tiegħu li jistgħu jgħinu lill-Istat Assoċjat ta’ Schengen fid-deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ikkonċernat għandux jitressaq u jintalab li jiġi rritornat lejn l-Istat Assoċjat ta’ Schengen. Barra minn hekk, minħabba l-obbligu ta’ fiduċja reċiproka fis-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil, inkluż fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, inkluż il-qrati, huma preklużi milli jaġixxu b’mod li ma jkunx konsistenti mal-għoti ta’ ażil mogħti mill-Istat Assoċjat ta’ Schengen qabel l-akkwist ta’ ċittadinanza ta’ dak l-Istat Assoċjat ta’ Schengen. Dan japplika meta jiġi evalwat ir-riskju li ċ-ċittadin tal-Istat Assoċjat ta’ Schengen jiġi espost għal trattament inuman u degradanti u ċaħda flagranti ta’ ġustizzja, hekk kif ikun fid-data tal-proċeduri tal-Istati Membri, jekk jiġi estradit lejn Stat terz.

2.

F’ċirkustanzi fejn l-Istat Assoċjat ta’ Schengen ikun għadu ma talabx l-estradizzjoni, l-Istat Membru ma huwiex obbligat li jikkonsenja b’mod attiv iċ-ċittadin tal-Istat Assoċjat ta’ Schengen skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja. Jekk issir talba għall-estradizzjoni, ikun jispetta lill-qrati tal-Istat Membru sabiex jiddeterminaw jekk, fiċ-ċirkustanzi kollha, it-talba għall-estradizzjoni toffrix garanziji kontra l-impunità li huma ekwivalenti għal estradizzjoni għall-pajjiż terz, filwaqt li jibqgħu obbligati li jaġixxu b’mod konsistenti mal-għoti minn qabel ta’ ażil mill-Istat Assoċjat ta’ Schengen.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) L-Artikolu 216(2) TFUE jipprevedi li ftehim konkluż mill-Unjoni jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri. Ara pereżempju s-sentenza tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punt 5).

( 3 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).

( 4 ) Ara l-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar ma’ l-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 32, p. 4) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen”).

( 5 ) ĠU 2013, L 180 p. 31, li jħassar l-Artikolu 48, Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 (iktar ’il quddiem “Dublin II”).

( 6 ) Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta’ l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażilju ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 78).

( 7 ) Ir-regoli primarji leġiżlattivi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil huma s-segwenti: l-Artikoli 67, 78 u 80 TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; ir-Regolament Dublin III; ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”) (ĠU 2013, L 180, p. 1); id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalifiki”) (ĠU 2011, L 337, p. 9); id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċeduri”) (ĠU 2013, L 180, p. 60); id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Akkoljenza”) (ĠU 2013, L 180, p. 96); ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (ĠU 2010, L 132, p. 11); id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU 2001, L 212, p. 12).

( 8 ) ĠU 2006, L 292, p. 2. Dan il-ftehim huwa inkorporat fid-dritt tal-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2014 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja (ĠU 2014, L 343, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja”).

( 9 ) Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni (ETS Nru 024). Il-Konvenzjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali (ETS Nru 030) li daħlet fis-seħħ fit‑12 ta’ Ġunju 1962. Ir-Russja rratifikat dawn iż-żewġ konvenzjonijiet, u t-tieni protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali (ETS Nru 182) daħal fis-seħħ fir-rigward tar-Russja fl‑1 ta’ Jannar 2020. Taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Ewropa, hemm ukoll Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Ssentenzjati (ETS Nru 112).

( 10 ) Iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 u li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (flimkien u iktar ’il quddiem magħrufa bħala l-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

( 11 ) Digriet tas‑6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner (C‑473/15, EU:C:2017:633, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara pereżempju s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589).

( 13 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).

( 14 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

( 15 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.

( 16 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, “Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen”.

( 17 ) (ĠU 2012, C 326, p. 1).

( 18 ) Ibid.

( 19 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.

( 20 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ammissjoni tar-Repubblika tal-Kroazja għall-Unjoni Ewropea, u l-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika anness magħha (ĠU 2012, L 112, p. 6).

( 21 ) L-Anness II jibda bil-Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom tal-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU 2000, L 239, p. 13) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985”).

( 22 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3.

( 23 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.

( 24 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2019 (C‑182/15, EU:C:2016:630).

( 25 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

( 26 ) I.N. jirreferi għas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punt 10).

( 27 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).

( 28 ) Li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 29 ) ĠU 2008, L 124, p. 20.

( 30 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑24 ta’ Novembru 2014, L-Islanda vs Gunnarsson, Każ E‑27/13, EFTA Ct. Rep.

( 31 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas‑26 ta’ Lulju 2016, Jabbi vs Il-Gvern Norveġiż, Każ E‑28/15, EFTA Ct. Rep.

( 32 ) I.N. jirreferi għas-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), u tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898).

( 33 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.

( 34 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE”.

( 35 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.

( 36 ) Fir-rigward tad-drittijiet ta’ moviment liberu tal‑Artikolu 21 TFUE u derogi, il-Prosekutur Pubbliku jirreferi għas-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič‑Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291); tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630); u tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:218:898).

( 37 ) C‑182/15, EU:C:2016:330.

( 38 ) Il-Greċja rreferiet ukoll għal deċiżjonijiet oħra bħas-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑522/04, EU:C:2007:405).

( 39 ) F’dan ir-rigward, l-ASE straħet fuq l-ewwel żewġ premessi tal-Ftehim ŻEE.

( 40 ) C‑473/15, EU:C:2017:633.

( 41 ) Hawnhekk, l-ASE tirreferi għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembu 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 83).

( 42 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

( 43 ) Sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989, C‑186/87, EU:C:1989:47.

( 44 ) Sentenza tat‑22 ta’ Lulju 2013, E‑15/12, EFTA Ct. Rep.

( 45 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.

( 46 ) L-Islanda straħet fuq is-sentenza tas26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105).

( 47 ) Kif prekluż mill‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).

( 48 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 596, p. 261.

( 49 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq. Il-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Novembru 2019.

( 50 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2016, Jabbi vs Il-Gvern Norveġiż, E‑28/15, EFTA Ct. Rep.

( 51 ) Campbell vs Il-Gvern Norveġiż, E‑4/19 (pendenti).

( 52 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 34 iktar ’il fuq. In-Norveġja argumentat li l-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja kien pjuttost regolat mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (1969), ĠTNU, Vol. 1155, p. 331.

( 53 ) In-Norveġja rreferiet għall-punti 37 u 40 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).

( 54 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 34 iktar ’il fuq.

( 55 ) In-Norveġja rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tad‑19 ta’ April 2016, Holship Norge AS vs Norsk Transportarbeiderforbund, E‑14/15, EFTA Ct. Rep., punt 123.

( 56 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 62).

( 57 ) Ibid. punti 58 u 62.

( 58 ) Il-Kroazja tirreferi għas-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punti 35 u 70).

( 59 ) Il-Kroazja tirreferi għas-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punti 17 sa 19).

( 60 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).

( 61 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq.

( 62 ) Din tikkonsisti fi tliet regolamenti. Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU 2018, L 312, p. 1); Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU 2018, L 312, p. 14); Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU 2018, L 312, p. 56).

( 63 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.

( 64 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

( 65 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

( 66 ) Il-Kroazja tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/194/UE tal-11 ta’ Frar 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħha fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (ĠU 2014, L 106, p. 2).

( 67 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 30 iktar ’il fuq.

( 68 ) Il-Kummissjoni tirreferi għall‑Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 2004/38, u punti 78 u 79 tas-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat‑22 ta’ Lulju 2013, Wahl, E‑15/12, EFTA Ct. Rep.

( 69 ) Hawnhekk il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punti 14 sa 17), u tal‑25 ta’ April 2012, Granville, E‑13/11, EFTA Ct. Rep., punt 37.

( 70 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018 (C‑191/16, EU:C:2018:222).

( 71 ) Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014 (C‑456/12, EU:C:2014:135).

( 72 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas‑26 ta’ Lulju 2016, Jabbi vs Il-Gvern Norveġiż, E‑28/15, EFTA Ct. Rep., punti 66 sa 77. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑24 ta’ Novembru 2014, l-Islanda vs Gunnarsson, E‑27/13, punti 79 sa 82.

( 73 ) It-tieni premessa għall-Ftehim ŻEE.

( 74 ) Ir-raba’ premessa.

( 75 ) Il-ħmistax‑il premessa.

( 76 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jabbi vs Il-Gvern Norveġiż E‑28/15, EFTA Ct. Rep., punti 68 u 70.

( 77 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna numru 34 iktar ’il fuq.

( 78 ) Hawnhekk il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 49), u tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222).

( 79 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq.

( 80 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, b’mod partikolari l-punti 58 u 59). Ara iktar reċenti s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 21).

( 81 ) Pernice, I., “Multilevel Constitutionalism and the Crisis of Democracy in Europe”, European Constitutional Law Review, 2015, Vol. 11, p. 541, p. 544 u 545.

( 82 ) Ara Lenaerts, K., “The European Court of Human Rights and the Court of Justice of the European Union: Creating Synergies in the Field of Fundamental Rights Protection”, Il Diritto dell’Unione Europea, l-ewwel edizzjoni, 2018, p. 9, u d-diskors dwar l-istess tema fil-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Sofija fit‑23 ta’ Marzu 2018.

( 83 ) Voßkuhle, A., “Multilevel Cooperation of the European Constitutional Court: Der Europäische Verfassungsgerichtsverbund”, European Constitutional Law Review, 2010, Vol. 6, p. 175.

( 84 ) Dwar il-qrati kostituzzjonali tal-Istati Membri f’dan il-mudell, ara Popelier, P., Mazmanyan, A. u Vandenbruwaene, W., (edituri), The Role of Constitutional Courts in Multilevel Governance, Intersentia, 2013.

( 85 ) L-ewwel verżjoni tal-Ftehim ŻEE kellu dispożizzjoni bħal din (l‑Artikolu 104(1)). Madanakollu, fl-Opinjoni mogħtija taħt it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 228(1) tat-Trattat - Abbozz ta’ Ftehim bejn il-Komunità, minn naħa, u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, min-naħa l-oħra, dwar il-ħolqien taż-Żona Ekonomika Ewropea (Opinjoni 1/91, EU:C:1991:490) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat din id-dispożizzjoni bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Ara Baudenbacher, C., “The EFTA Court: Structure and Tasks”, The Handbook of EEA Law Springer, 2016, p. 179, p. 188.

( 86 ) Sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 29). Ara iżjed riċenti pereżempju s-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 95); tad‑19 ta’ Lulju 2012, A (C‑48/11, EU:C:2012:485, punt 22); u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Quddiem il-Qorti Ġenerali, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill (T‑115/94, EU:T:1997:3).

( 87 ) L-assenza ta’ ġerarkija bejn l-isferi sovrapposti hija pprovata minn kummentarji fis-sens li l-Qorti tal-EFTA tagħti iktar importanza lid-dritt tas-smigħ xieraq taħt l‑Artikolu 6 KEDB mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju, Baudenbacher, B., “The EFTA Court and the Court of Justice of the European Union: Coming in Parts But Winning Minds”, f’The Court of Justice and the Construction of Europe: Analyses and Perspectives on Sixty Years of Case-law, T.M.C. Asser Press, 2013, p. 183, p. 198, li jirreferi għall-kummentarju blog minn de la Serr, E.B. tas-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:810), u s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chlakor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815).

( 88 ) L‑Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipproteġi wkoll id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni.

( 89 ) Regoli Ewropej oħra li huma pertinenti huma l-Konvenzjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali (ETS Nru 030) li daħlet fis-seħħ fit‑12 ta’ Ġunju 1962. Il-Federazzjoni Russa rratifikat dawn iż-żewġ konvenzjonijiet, u t-tieni protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali (ETS Nru 182) daħal fis-seħħ fir-rigward tar-Russja fl‑1 ta’ Jannar 2020. Taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Ewropa, hemm ukoll Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Ssentenzjati (ETS Nru 112).

( 90 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni vs Spanja (C‑678/11, EU:C:2014:2434, punt 66). Ara wkoll pereżempju s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni vs Spanja (C‑153/08, EU:C:2009:618, punt 48): “Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata ġuridika bħal dik tad-dispożizzjonijiet, li huma essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 49 KE” (issa l-Artikolu 56 TFEU), il-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tal‑Artikolu 49 TFUE, inkluż ġustifikazzjoni għal diskriminazzjoni, “jistgħu jiġu trasposti mutatis mutandis għal dan l-Artikolu”.

( 91 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 72 moqri flimkien ma’ punt 123). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza għas-sentenzi tal‑1 ta’ April 2004, Bellio F.lli, (C‑286/02, EU:C:2004:212, punt 34 u 35), u tal‑10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑265/06, EU:C:2008:210, punt 30).

( 92 ) Sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989 (186/87, EU:C:1989:47).

( 93 ) Sentenza tal‑Qorti tal-EFTA tal‑25 ta’ April 2002, Granville, E‑13/11, EFTA Ct. Rep., punt 37.

( 94 ) Sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989 (186/87, EU:C:1989:47).

( 95 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).

( 96 ) Pereżempju s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1984, Kirk (63/83, EU:C:1984:255).

( 97 ) Ara, pereżempju, reċentement, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Związek Gmin Zagłębia Miedziowego (C‑566/17, EU:C:2019:390, punt 44).

( 98 ) Ara l-punti 38, 40, 55, 56, 61 u 75 iktar ’il fuq.

( 99 ) Ara inizjalment is-sentenza tal-Qorti tal‑EFTA tas-26 ta’ Lulju 2016, Każ E‑28/15, Jabbi vs Il-Gvern Norveġiż, EFTA Ct. Rep. I.N. ma qajjimx oġġezzjoni speċifika bbażata fuq id-Direttiva 2004/38, bħal pereżempju ksur tad-dritt tad-dħul taħt l‑Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva, kif ikkunsidrat fis-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat‑22 ta’ Lulju 2013, Wahl, E‑15/12, EFTA Ct Reports. Għaldaqstant, mhux sejjer nikkunsidra d-Direttiva 2004/38 iktar fid-dettall, u ser nosserva biss li, bħala miżura tad-dritt sekondarju, trid tiġi interpretata f’konformità mal-miżura primarja li hi l‑Artikolu 36 ŻEE. Ara s-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat-23 ta’ Jannar 2012,, STX Norway Offshore AS et vs Ir-Renju tan-Norveġja, E‑2/11, EFTA Ct. Rep., punt 34.

( 100 ) Id-dibattitu kurrenti dwar jekk iċ-ċittadinanza tistax tiġi mifruda min-nazzjonalità ta’ Stat Membru tista’ wkoll titqiegħed fil-ġenb. Ara, pereżempju, Nic Shuibhine, N., “The Territory of the Union in EU citizenship Law: Charting a Route from Parallel to Integrated Narratives”, 2019, Yearbook of European Law 1.

( 101 ) Hawnhekk għandi f’moħħi d-distinzjoni fid-dritt taż-ŻEE bejn is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija qabel id-data tal-Ftehim ŻEE, li japplikaw għad-dispożizzjonijiet ŻEE li huma “identici fis-sustanza ghar-regoli korrispondenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea” (l‑Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE), u sentenzi tal-Qorti li ngħataw wara d-data tal-iffirmar tal-Ftehim ŻEE. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Qorti tal-EFTA huma obbligati biss li “jagħtu importanza xierqa lill-prinċipji stabbiliti bid-deċiżjonijiet rilevanti” tal-Qorti tal-Ġustizzja [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1994, L 344, p. 3)).

( 102 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tad‑19 ta’ April 2016, Holship Norge AS vs Norsk Transportarbeiderforbund, E‑14/15, EFTA Ct. Rep., punt 121.

( 103 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).

( 104 ) Ibid., punt 37.

( 105 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018 (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 47).

( 106 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018 (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 32). Il-Qorti wissiet ukoll kontra r-riskju ta’ impunità waqt l-elaborazzjoni tal-ġurisprudenza tagħha dwar restrizzjonijiet fuq l-operat ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew u r-riskju ta’ espożizzjoni għal trattament jew kastig inuman jew degradanti. Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punti 85 u 86).

( 107 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 108 ) Għal spjegazzjoni ara Brouwer, E., “Mutual Trust and the Dublin Regulation: the Protection of Fundamental Rights in the EU and the Burden of Proof”, Utrecht Law Review (2013), Vol. 9, p. 135.

( 109 ) Dan japplika ugwalment għas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898), li kienet dwar talba minn stat terz għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tinvolvi ċ-ċaħda ta’ libertà kontra ċittadin tal-Unjoni li kien eżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu.

( 110 ) Enfasi tiegħi. Sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 51.

( 111 ) Dan jista’ jinbidel dalwaqt. Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-verifika tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen min-naħa tal-Kroazja, (COM(2019) 497 final).

( 112 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

( 113 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, A.S. (C‑490/16, EU:C:2017:585).

( 114 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

( 115 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

( 116 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

( 117 ) https://www.asylumineurope.org/reports/country/croatia/annex-i-transposition-ceas-national-legislation

( 118 ) C‑490/16 u C‑646/16, EU:C:2017:443.

( 119 ) Enfasi tiegħi. Punt 123 tal-konklużjonijiet. L-Avukat Ġenerali rreferiet għall-premessi 2, 3, 19 u 39 tar-Regolament Dublin III, u s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865); tas‑6 ta’ Ġunju 2013, MA et (C‑648/11, EU:C:2013:367); u tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813). It-test ikkwotat internament huwa mis-sentenza f’Abdullahi, punt 53.

( 120 ) Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 258/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 76). Ara wkoll l-Artikolu 1 tal-ftehim imsemmi fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 6.

( 121 ) Noti ta’ qiegħ il-paġna 6 u 7 iktar ’il fuq, rispettivament.

( 122 ) Dan huwa preskritt, prinċipalment, bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen, nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq, u jinkludi, pereżempju, il-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985, nota ta’ qiegħ il-paġna numru 21 iktar ’il fuq u suġġett għal eċċezzjonijiet, il-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990, bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Olanda, li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985, nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar 'il fuq; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 574/1999 tat-12 ta’ Marzu 1999 li jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 121) (issa r-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa) (ĠU 2018, L 303, p. 39); ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 13).

( 123 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq. Ara, b’mod ġenerali, Lawunmi, D., “The Dublin Regulation and the Charter: an impetus for change” f’Peers, S., et. al. (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights: a Commentary, it-tieni edizzjoni, Hart Publishing, 2020 (għad irid jiġi ppubblikat).

( 124 ) Ara pereżempju s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 81).

( 125 ) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), u l-interazzjoni mas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S vs Il-Belġju u Il-Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609. Ara reċentement is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218).

( 126 ) Jidher li l-Kroazja hija korretta meta tiddikjara li hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali fil-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq, għall-inqas parzjalment. Ara l-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq. L-Islanda hija marbuta bil-Kapitolu II dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali fl-istess konvenzjoni minħabba l-Parti I, Anness A, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen, nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq.

( 127 ) Nota ta’qiegħ il-paġna 17.

( 128 ) Taħt l‑Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni għal ażil “għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed”.

( 129 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq. Minħabba l-premessa 3 ta’ Dublin III, din il-Konvenzjoni hija sors għall-interpretazzjoni ta’ Dublin III.

( 130 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi A.S. u Jafari fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 102 iktar ’il fuq.

( 131 ) Ara d-Direttiva dwar il-Proċeduri, nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

( 132 ) Kapferer, S. “Cancellation of Refugee Status”, Legal and Protection Policy Research Series, UNHCR PPLA/2003/02, Marzu 2003, p. 36‑37.

( 133 ) Enfasi tiegħi. Nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punti 78 u 81) dwar l-istatus tal-Konvenzjoni ta’ Genève fid-dritt tal-Unjoni. Fil-punt 108, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-liġi sekondarja tal-Unjoni ma għandhiex tiġi interpretata sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri “sabiex jevitaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, hekk kif jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Genève, billi jillimitaw id-drittijiet” ġejjin minn dik il-Konvenzjoni.

( 134 ) Qorti EDB, 5 ta’ Novembru 2019, Konkurrenten. NO A.S. vs In-Norveġja, (CE:ECHR:2019:1105DEC004734115, punt 43).

( 135 ) Ara pereżempju, Qorti EDB, 19 ta’ Novembru 2019, TK u SR vs Ir-Russja, (ECLI:CE:ECHR:2019:1119JUD002849215, punti 78 u 91 sa 96.

( 136 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017C.K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 137 ) Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tad‑19 ta’ April 2016, Holship Norge AS vs Norsk Transportarbeiderforbund, E‑14/15, EFTA Ct. Rep., punt 123.

( 138 ) Ara l-ispjegazzjoni għall‑Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).

( 139 ) Digriet tas‑6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner (C‑473/15, EU:C:2017:633). Hawnhekk id-dispożittiv jirreferi għaċ-ċittadinanza, iżda l-paragrafi li jistabbilixxu l-prinċipji legali li jirriżultaw mill-Artikolu 19(2) tal-Karta ma jagħmlux dan. Ara b’mod partikolari l-punti 22, 24 u 26. Il-punt 24 jirreferi għal “persuna” iktar milli għal ċittadin. Dwar refoulement u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 95).

( 140 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).

( 141 ) C‑216/18 PPU, EU:C:2018:517, punt 66.

( 142 ) Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2012:0117JUD000813909, punt 258).

( 143 ) Ninnota li la l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fl‑Artikolu 4 ŻEE u fl‑Artikolu 18 TFUE ma hija limitata, rispettivament għal ċittadini taż-ŻEE jew ċittadini tal-Unjoni, u lanqas ma huwa limitat f’dawn it-termini t-tieni paragrafu tal‑Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Kwalunkwe diskriminazzjoni hija prekluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrumenti rispettivi tagħhom.

( 144 ) Ara, rispettivament, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tad‑19 ta’ April 2016, Holship Norge AS vs Norsk Transportarbeiderforbund; E‑14/15, EFTA Ct. Rep., punt 123, u s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 145 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 78). Peress li I.N. ma huwiex ċittadin tal-Unjoni u d-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE, nota ta’ qiegħ il-paġna 34, iktar 'il fuq, ma hijiex applikabbli hawnhekk, il-bażi ta’ applikazzjoni tal-Karta fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), ma tistax tapplika fil-kawża prinċipali.

( 146 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq. Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E (C‑240/17, EU:C:2018:8). L-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen, nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq, u tal-Kumitat Imħallat li jistabbilixxi jistgħu wkoll ikunu rilevanti.

( 147 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.

( 148 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 55). Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rat bħala sinjifikattiv il-fatt li l-awtoritajiet tal-Istat Membru qatt ma ħarġu Mandat ta’ Arrest Ewropew.

( 149 ) Pereżempju. l-ewwel, it-tielet, it-tmien premessa, l‑Artikolu 1 u r-raġunijiet limitati għan-noneżekuzzjoni fl‑Artikolu 4, flimkien ma’ similarità mal-Mandat ta’ Arrest Ewropew. Ara l-Ftehim dwar il-Proċedura ta’ Konsenja, nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.

( 150 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.