Brussell, 18.12.2024

COM(2024) 578 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi tal-kost lavorattiv (IKL)











I.INTRODUZZJONI

L-indiċi tal-kost lavorattiv (IKL) ikejjel il-bidliet trimestrali fil-kostijiet lavorattivi totali fis-siegħa mġarrba mill-impjegaturi, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu mmonitorjati l-iżviluppi fil-pressjonijiet tal-kostijiet li jirriżultaw mill-fattur tal-produzzjoni “xogħol”. L-IKL jappartjeni għall-indikaturi ekonomiċi Ewropej prinċipali/indikaturi tal-euro 1 , li jipprovdu informazzjoni dwar l-iżviluppi ekonomiċi fiż-żona tal-euro.

L-IKL jintuża mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali biex jivvaluta l-pressjonijiet inflazzjonarji possibbli kkawżati mill-iżviluppi fis-suq tax-xogħol. Huwa importanti wkoll għas-sħab soċjali involuti fin-negozjati dwar il-pagi u għall-Kummissjoni Ewropea nnifisha biex jimmonitorjaw l-iżviluppi fil-kostijiet lavorattivi fuq medda qasira ta’ żmien. Fl-aħħar nett, id-data tal-IKL tintuża biex jiġu indiċizzati l-prezzijiet f’xi kuntratti kummerċjali kbar li jdumu diversi snin.

Fuq is-sit web tiegħu, il-Eurostat jippubblika stqarrija għall-istampa trimestrali dwar l-IKL 2 , b’sett kbir ta’ data mqassam skont l-attività ekonomika u skont il-komponenti tal-kostijiet lavorattivi (kostijiet tal-pagi u mhux tal-pagi). Is-sit web jinkludi wkoll kemm rati ta’ tkabbir minn trimestru għal ieħor kif ukoll minn sena għal oħra.

Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2003 dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol 3 (ir-Regolament dwar l-IKL) jistabbilixxi qafas komuni biex l-Istati Membri jipproduċu indiċijiet komparabbli u jittrażmettuhom lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 450/2003 jirrikjedi li kull sentejn il-Kummissjoni tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-fini tar-rapport huwa li jivvaluta l-kwalità tal-istatistika pprovduta mill-Istati Membri u dik tal-aggregati tal-UE, u li jidentifika l-oqsma fejn jista’ jsir titjib.

Dan huwa l-10 rapport tal-IKL tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill 4 . Dan jiffoka fuq id-data tal-IKL riċevuta mill-edizzjoni preċedenti, għat-trimestri ta’ referenza mit-tieni trimestru tal-2022 (Q2-2022) sal-ewwel trimestru tal-2024 (Q1-2024). Dan jirrifletti l-osservazzjonijiet magħmula mill-Eurostat meta jiġbor u jivvalida d-data tal-IKL għal dawn it-trimestri ta’ referenza u jibni fuq id-dokumentazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fir-rapporti dwar il-kwalità annwali tagħhom.

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1216/2003 5 , il-kwalità tad-data tal-IKL hija definita bl-użu tal-kriterji li ġejjin: ir-rilevanza, l-akkuratezza, il-puntwalità tat-twassil tad-data, l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza, il-komparabbiltà, il-koerenza u l-kompletezza.

L-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza tad-data tal-IKL issa huma stabbiliti sew, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ metadata dettaljata u tar-rapporti nazzjonali dwar il-kwalità fuq is-sit web tal-Eurostat. Għalhekk, dan ir-rapport tal-IKL se jiffoka fuq il-kriterji l-oħra.

II.PROGRESS ĠENERALI MILL-AĦĦAR RAPPORT

Ma saret l-ebda bidla leġiżlattiva mill-aħħar rapport. Il-paragrafi li jmiss jistabbilixxu fid-dettall it-titjib li sar fil-produzzjoni tar-rapport.

2.1 Standards għall-ġbir tad-data

L-aħħar verżjoni tal-istrutturi tad-data tal-Iskambju tad-Data u tal-Metadata tal-Istatistika (SDMX, Statistical Data and Metadata eXchange) 6 u tal-listi tal-kodiċijiet miftiehma internazzjonalment (disponibbli online permezz ta’ reġistru apposta 7 ) għadha qed tintuża b’suċċess għar-riċeviment tad-data tal-Istati Membri u għall-produzzjoni tal-IKL u għat-trażmissjoni tad-data tal-IKL lill-Bank Ċentrali Ewropew.

2.2 Validazzjoni tad-data

Id-data ġiet ivvalidata sistematikament bl-użu ta’ għodda ġdida biex jiġi vverifikat jekk il-kodiċijiet u l-istrutturi tad-data użati jissodisfawx l-istandards miftiehma tat-trażmissjoni tad-data. Dan jissimplifika l-proċess tal-produzzjoni u jnaqqas ir-riskju ta’ żbalji li jirriżultaw minn difetti fil-kodifikazzjoni. Jekk il-fajl trażmess ma jkunx jissodisfa l-istandards tal-SDMX fis-seħħ, dan jiġi awtomatikament irrifjutat. L-Istati Membri jirċievu notifika ta’ suċċess/falliment bl-email u jistgħu jaċċessaw ir-rapport ta’ validazzjoni bl-użu tal-portal EDAMIS.

Il-Eurostat iwettaq ukoll kontrolli tal-plawżibbiltà fuq kull trażmissjoni trimestrali billi jqabbel is-serje maż-żmien u tul l-attivitajiet ekonomiċi skont il-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea (NACE, Nomenclature statistique des activités économiques dans la Communautés européennes) 8 . Jekk ikun hemm bidliet sinifikanti minn trimestru għal ieħor, il-Eurostat jitlob lill-Istati Membri jikkonfermaw id-data jew jittrażmettu fajl tad-data kkoreġut. Jekk jinstabu reviżjonijiet maġġuri jew bidliet f’daqqa fi kwalunkwe taqsima partikolari tan-NACE, dawn jiġu segwiti b’mod sistematiku mal-pajjiżi kkonċernati.

2.3 Livelli tal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa

Il-Eurostat kompla jippubblika l-istimi annwali tal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa skont it-taqsima tan-NACE sa mill-ewwel pubblikazzjoni f’April 2016. Dawn l-istimi huma bbażati fuq il-livelli miksuba mill-istħarriġ ta’ kull 4 snin dwar il-kost lavorattiv, estrapolati bl-IKL. Prodotti 3 xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, dawn ikopru t-taqsimiet kollha tan-NACE minbarra t-taqsimiet “A – Agrikoltura, forestrija u sajd”; “O – Amministrazzjoni pubblika u difiża; kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali”; “T — Attivitajiet tal-unitajiet domestiċi bħala impjegaturi; attivitajiet mhux differenzjati li jipproduċu oġġetti u servizzi tal-unitajiet domestiċi għall-użu proprju” u “U – Attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet u korpi ekstraterritorjali”.

2.4 Rapporti dwar il-kwalità

Ir-rapporti dwar il-kwalità annwali ppreżentati mill-Istati Membri ġew ipproċessati fil-ħin bl-użu tal-aħħar verżjoni tal-Ġestur tal-Metadata tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u saru disponibbli għall-utenti kollha 9 .

2.5 Aġġustamenti staġunali u kalendarji

Il-Eurostat analizza s-serje aġġustata kalendarjament (CA, calendar-adjusted) u s-serje aġġustata kalendarjament u skont l-istaġun (CSA, calendar and seasonally-adjusted) trażmessi mill-Istati Membri. Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2003 10 , l-Istati Membri kollha tal-UE u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) 11 huma mistennija jittrażmettu s-serje CA u CSA għal kull taqsima individwali tan-NACE.

Il-Eurostat jimmonitorja wkoll l-anness ta’ aġġustament staġjonali mehmuż mar-rapporti nazzjonali dwar il-kwalità. B’mod partikolari, dan l-anness jagħti dettalji dwar il-mudelli ta’ aġġustament staġunali użati, l-outliers identifikati, id-daqs tal-aġġustamenti, u l-volatilità tar-riżultati.

Il-Eurostat jippubblika d-data tas-CSA għall-aggregati tal-UE fil-bażi tad-data u fl-artikolu “Statistics Explained” 12 dwar l-IKL, flimkien ma’ data mhux aġġustata skont l-istaġun (NSA, Not Seasonally Adjusted). Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, ir-riżultati tas-CSA għat-total tal-IKL huma derivati mid-data tas-CSA għall-komponenti tal-pagi u mhux tal-pagi.

2.6 Bidla fis-sena bażi

Fl-2023, il-pajjiżi kollha ġew mistiedna jittrażmettu d-data espressa fis-sena bażi l-ġdida 2020 = 100, li jfisser li l-indiċi huwa ugwali għal 100 għas-sena ta’ referenza 2020. Il-Eurostat kien nieda trażmissjoni ta’ test qabel ma saret it-trażmissjoni attwali f’Mejju 2023 (għad-data rapida tal-IKL) u f’Ġunju 2023 (għad-data finali tal-IKL). Ma kien hemm l-ebda differenza rreġistrata bejn id-data bbażata mill-ġdid trażmessa u d-data kkalkulata mill-ġdid mill-Eurostat, ħlief għal tliet pajjiżi li sussegwentement ikkoreġew id-data u ttrażmettewha mill-ġdid.

Id-data espressa tal-IKL fis-sena bażi l-ġdida ġiet sussegwentement ippubblikata, għat-trimestru ta’ referenza Q1-2023 u s-serje kronoloġika storika sħiħa qabel dak it-trimestru.

III.KWALITÀ TAD-DATA

3.1Rilevanza u kompletezza

Rilevanza

Id-domanda tal-utenti kompliet mhux biss għall-informazzjoni dwar il-varjazzjonijiet trimestrali fil-kostijiet lavorattivi fis-siegħa, kif imkejla mill-IKL, iżda wkoll, dejjem aktar, dwar il-livelli tal-kost lavorattiv. Il-Eurostat kompla jippubblika fl-aħħar ta’ Marzu/fil-bidu ta’ April ta’ kull sena, stimi annwali għall-kostijiet lavorattivi fis-siegħa f’euro u f’muniti nazzjonali, imqassma skont it-taqsima tan-NACE. Inxterdu wkoll l-ishma tal-kostijiet mhux relatati mal-pagi fit-total tal-kostijiet lavorattivi 13 . Il-feedback li wasal dwar il-pubblikazzjoni ta’ dawn l-istimi huwa pożittiv, u l-Eurostat se jkompli jipproduċi l-kostijiet lavorattivi annwali skont it-taqsima tan-NACE.

Kompletezza

Din il-parti tirrieżamina jekk id-data u l-metadata tal-IKL trażmessi jissodisfawx ir-rekwiżiti legali għall-kompletezza. Il-kummenti jirreferu għall-indiċijiet, għall-piżijiet u għar-rapporti dwar il-kwalità.

a) Indiċijiet

B’mod ġenerali, id-disponibbiltà u l-kompletezza tal-IKL kienu sodisfaċenti matul il-perjodu ta’ referenza kollu. Il-Eurostat irċieva data tas-CA u data tas-CSA għat-trimestri kollha kkonċernati u mill-Istati Membri kollha għajr il-Greċja (data ta’ Q1-2023). L-Istati Membri kollha bagħtu wkoll id-data NSA, għajr għad-Danimarka u l-Iżvezja li ngħataw derogi 14 .

Fir-rigward ta’ pajjiżi oħra taż-ŻEE 15 , kemm l-Iżlanda kif ukoll in-Norveġja ttrażmettew id-data tal-IKL għat-trimestri kollha tal-perjodu ta’ referenza. In-Norveġja tipprovdi s-serje CA, CSA u NSA. L-Iżlanda tipprovdi biss is-serje CA u CSA.

Id-data kollha, inklużi l-istimi CSA, hija disponibbli fit-tabella rilevanti 16 tal-bażi tad-data tal-Eurostat. Iċ-ċifri ewlenin huma bbażati fuq id-data CA, espressa bħala bidliet sena wara sena (Q/Q-4) li huma aktar stabbli mill-movimenti trimestrali. Il-pajjiżi kollha koprew it-taqsimiet kollha tan-NACE, filwaqt li tqiesu d-derogi ta’ hawn fuq.

b) Piżijiet

Skont ir-Regolament dwar l-IKL, mill-inqas darba fis-sena, l-Istati Membri u pajjiżi oħra taż-ŻEE huma mistennija li jittrażmettu l-kostijiet lavorattivi annwali għall-komponenti tal-pagi/mhux tal-pagi (il-piżijiet) ta’ kull taqsima individwali tan-NACE Rev. 2. Huwa importanti li din id-data tinżamm aġġornata peress li taffettwa l-kalkolu tal-Eurostat tal-aggregati tan-NACE u d-derivazzjoni tat-totali mill-komponenti tal-pagi u mhux tal-pagi.

Sat-30 ta’ Ġunju 2024, l-Istati Membri kollha u pajjiżi oħra taż-ŻEE kienu ttrażmettew il-piżijiet għas-sena ta’ referenza 2023.

c) Rapporti dwar il-kwalità

Sal-bidu ta’ Settembru 2024, l-Istati Membri kollha kienu abbozzaw ir-rapporti nazzjonali dwar il-kwalità tagħhom għas-sena ta’ referenza 2023.

Ir-rapporti dwar il-kwalità tal-IKL għall-2023 huma maħsuba li jiġu ppubblikati fuq il-paġna web korrispondenti 17 tal-Eurostat flimkien ma’ rapport dwar l-aġġustament skont l-istaġun.

3.2Puntwalità

Skont ir-Regolament dwar l-IKL, l-Istati Membri u pajjiżi oħra taż-ŻEE jridu jipprovdu l-indiċijiet tal-kost lavorattiv fi żmien 70 jum mit-trimestru ta’ referenza. Il-pajjiżi li ma laħqux xi skadenzi mill-aħħar rapport huma l-Iżvezja (id-data tal-Q4-2023 waslet jumejn kalendarji wara l-iskadenza) u l-Finlandja (id-data tal-Q4-2023 waslet 3 ijiem kalendarji wara l-iskadenza).

Fir-rigward ta’ pajjiżi oħra taż-ŻEE, in-Norveġja dejjem bagħtet id-data tal-IKL fil-ħin, kif għamlet l-Iżlanda.

3.3Akkuratezza

L-IKL huwa magħmul minn għadd ta’ varjabbli differenti (eż. il-kostijiet lavorattivi u s-sigħat maħduma) li jistgħu jittieħdu minn diversi sorsi. Dan ifisser li jistgħu jsiru reviżjonijiet fi kwalunkwe ħin, li jaffettwaw l-aħħar trimestru, diversi trimestri jew snin sħaħ. Jekk l-aġġustamenti jkunu relatati mas-sena ta’ referenza, is-serje kollha tkun trid tiġi riveduta.

Ir-reviżjonijiet taċ-ċifra primarja tal-UE, jiġifieri r-rata ta’ tkabbir sena wara sena tat-total tal-IKL, qatt ma qabżu ż-0,3 punti perċentwali (pp għajr f’każ speċjali wieħed (Q2-2022, ara l-Illustrazzjoni 1).

Ir-reviżjoni ewlenija (+ 1,1 pp) irreġistrata f’dak it-trimestru kienet dovuta għall-bidliet ta’ darba li l-Ġermanja għamlet fis-sorsi u fil-metodi tagħha. Minn Q3-2022 ’il quddiem, id-data tal-IKL ta’ dan il-pajjiż ġiet imqabbla mad-data tal-istħarriġ dwar il-kost lavorattiv għall-2020 filwaqt li s-sors tad-data għall-pagi nbidel.

Din ir-reviżjoni kellha impatt ta’ darba fuq it-tkabbir annwali tal-IKL, bl-ebda konsegwenza fuq l-affidabbiltà tal-istimi tal-IKL.

Illustrazzjoni 1: Bidliet fir-rata ta’ tkabbir annwali bejn l-ewwel u l-aħħar pubblikazzjoni tal-IKL

(L-UE‑27, l-aggregati tat-Taqsimiet B sa S tan-NACE, il-kostijiet lavorattivi totali, f’pp, [Q2-2022-Q1-2024])

Sorsi:

-Għad-data finali: Sett tad-data tal-Eurostat lc_lci_r2_q [varjabbli: “Kost lavorattiv għall-IKL (kumpens lill-impjegati flimkien mat-taxxi bit-tnaqqis tas-sussidji)”].

-Għall-ewwel stimi: bażi tad-data tal-produzzjoni tal-Eurostat.

Id-data ġiet estratta fl-20 ta’ Awwissu 2024

3.4 Koerenza u komparabbiltà

Koerenza maċ-ċifri tal-kontijiet nazzjonali

Qasam wieħed li jkompli jirċievi attenzjoni huwa l-koerenza tal-IKL ma’ statistika oħra dwar il-kostijiet lavorattivi, b’mod partikolari d-data tal-kontijiet nazzjonali trimestrali.

Għar-rapport dwar il-kwalità annwali, l-Istati Membri jintalbu jqabblu r-rata tat-tkabbir tal-IKL ma’ dik tal-kumpens fis-siegħa lill-impjegati li jinsabu fil-kontijiet nazzjonali (definizzjoni tal-ESA 2010 18 ). Is-settijiet tad-data ma humiex mistennija li jaqblu perfettament,anke jekk id-definizzjonijiet tal-kost lavorattiv huma kważi l-istess, is-sorsi u t-trattamenti statistiċi jistgħu jvarjaw. Barra minn hekk, il-ġbir tad-data dwar is-sigħat maħduma huwa partikolarment diffiċli kemm għall-IKL kif ukoll għall-kontijiet nazzjonali. Minkejja dawn id-differenzi fil-metodoloġija, huwa utli li jiġi analizzat il-livell ta’ diskrepanzi bejn iż-żewġ sorsi. Meta l-livelli jkunu ogħla minn livell limitu relattiv partikolari, dan jista’ jindika kwistjonijiet ta’ kwalità fi kwalunkwe sett ta’ data.

Il-Eurostat kompla jimmonitorja l-aggregati tat-Taqsimiet B sa S tan-NACE ta’ kull Stat Membru, għall-valutazzjoni tal-kwalità. Għal dan it-tqabbil, intużat id-data NSA, għajr fil-każ tad-Danimarka u tal-Iżvezja li għalihom hija disponibbli biss data dwar CA. Ir-rata medja ta’ tkabbir annwali tal-IKL tqabblet ma’ dik tal-kumpens fis-siegħa lill-impjegati abbażi tad-data mill-kontijiet nazzjonali fuq tmien trimestri. Il-varjazzjonijiet ta’ aktar minn 3 pp tqiesu li jeħtieġu analiżi ulterjuri (ara l-Illustrazzjoni 2, bil-pajjiżi kklassifikati skont l-ordni dejjem akbar tad-distakk fil-valur assolut). Il-Litwanja u l-Latvja biss irreġistraw distakk ta’ aktar minn 3 pp (it-tnejn ta’ 3,5 pp).

Ir-riżultati tal-analiżi ta’ hawn fuq huma segwiti mal-Istati Membri, b’mod partikolari d-data dwar is-sigħat maħduma.

Minbarra l-medjani, il-Eurostat qabbel id-devjazzjoni standard tar-rati ta’ tkabbir annwali kemm tal-IKL kif ukoll tas-serje tal-kontijiet nazzjonali, bħala indikatur tal-volatilità. Fost il-pajjiżi kollha, l-ogħla distakki bejn id-devjazzjonijiet standard ġew irreġistrati fl-Iżvezja (2,1 pp), segwita mil-Latvja (1,5 pp), min-Netherlands u miċ-Ċekja (1,3 pp għat-tnejn) imbagħad mis-Slovakkja (1,2 pp).

Illustrazzjoni 2: Rati medjani ta’ tkabbir annwali tal-indiċi tal-kostijiet lavorattivi (IKL) meta mqabbla

mas-serje ta’ kontijiet nazzjonali (NA, national accounts) għall-kumpens fis-siegħa lill-impjegati

(Aggregat tat-Taqsimiet B sa S tan-NACE, kostijiet lavorattivi totali, perjodu ta’ referenza: Q2-2022-Q1-2024*)

Sorsi:

-Għall-kontijiet nazzjonali: settijiet tad-data tal-Eurostat namq_10_a10 [varjabbli: “Kumpens lill-impjegati” fil-munita nazzjonali] u namq_10_a10_e [varjabbli: “Il-kunċett domestiku tal-impjegati, f’eluf ta’ sigħat maħduma”].

-Għall-IKL: sett tad-data tal-Eurostat lc_lci_r2_q [varjabbli: “Kost lavorattiv għall-IKL (kumpens lill-impjegati flimkien mat-taxxi bit-tnaqqis tas-sussidji)”].

-Għad-Danimarka u għall-Iżvezja, id-data NSA ma kinitx disponibbli fiż-żmien tal-abbozzar; minflok intużat id-data CA. Id-data ġiet estratta fl-4 ta’ Settembru 2024.

Illustrazzjoni 3: Devjazzjoni standard tar-rati ta’ tkabbir annwali tal-indiċi tal-kost lavorattiv (IKL) meta mqabbla

mas-serje ta’ kontijiet nazzjonali (NA, national accounts) għall-kumpens fis-siegħa lill-impjegati

(Aggregat tat-Taqsimiet B sa S tan-NACE, kostijiet lavorattivi totali, perjodu ta’ referenza: Q2-2022-Q1-2024*)

Sorsi:

-Għall-kontijiet nazzjonali: settijiet tad-data tal-Eurostat namq_10_a10 [varjabbli: “Kumpens lill-impjegati” fil-munita nazzjonali] u namq_10_a10_e [varjabbli: “Il-kunċett domestiku tal-impjegati, f’eluf ta’ sigħat maħduma”].

-Għall-IKL: sett tad-data tal-Eurostat lc_lci_r2_q [varjabbli: “Kost lavorattiv għall-IKL (kumpens lill-impjegati flimkien mat-taxxi bit-tnaqqis tas-sussidji)”].

-Għad-Danimarka u għall-Iżvezja, id-data NSA ma kinitx disponibbli fiż-żmien tal-abbozzar; Minflok intużat id-data CA. Id-data ġiet estratta fl-4 ta’ Settembru 2024.

Komparabbiltà

Il-komparabbiltà bejn il-pajjiżi hija żgurata permezz tad-definizzjonijiet u tal-metodoloġija dettaljati stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar l-IKL. L-Istati Membri jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE billi jużaw is-sorsi tad-data disponibbli fil-livell nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tagħhom jużaw jew stħarriġ jew taħlita ta’ stħarriġiet u data amministrattiva, filwaqt li żewġ Stati Membri jiddependu esklużivament fuq sorsi amministrattivi.

Biex tiġi ppubblikata d-data komparabbli tal-IKL maż-żmien, huwa importanti li jiġu kkoreġuti għall-effetti kalendarji u staġunali. Iċ-ċifri primarji huma aġġustati għall-effetti kalendarji filwaqt li jikkumpensaw l-istaġunalità billi jitqabblu l-istess trimestri fuq sentejn konsekuttivi.

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2003, iċ-ċifri tal-IKL iridu jiġu pprovduti f’forma NSA, CA u CSA.

Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 ma jiddikjarax b’mod espliċitu jekk l-aġġustamenti kalendarji u staġunali għandhomx isiru bl-użu tal-approċċ dirett jew indirett. Aġġustament indirett ifisser li s-serje bażiċi jiġu aġġustati u mbagħad jintużaw biex jinħolqu aggregati f’livelli ogħla, filwaqt li aġġustament dirett ifisser li kull serje, inklużi aggregati f’livelli ogħla, tiġi aġġustata individwalment. Il-Eurostat jirrakkomanda l-użu tal-approċċ indirett għall-IKL biex jiġu evitati inkonsistenzi bejn it-total tal-kostijiet lavorattivi totali u l-komponenti.

Il-Eurostat jivverifika l-konsistenza bejn ir-rati ta’ tkabbir annwali tat-total tal-IKL b’mod sistematiku kontra l-komponenti tal-pagi u mhux tal-pagi tiegħu u jirrapporta l-inkonsistenzi kollha li jaqbżu ż-0,1 pp (wara l-ittondjar) lill-pajjiżi kkonċernati. It-total tal-IKL mbagħad jiġi kkalkulat mill-ġdid abbażi tal-komponenti tal-pagi u mhux tal-pagi (approċċ indirett). Dan l-approċċ armonizzat jiżgura wkoll komparabbiltà aħjar bejn il-pajjiżi.

IV.KONKLUŻJONIJIET

B’mod kumplessiv, il-kwalità tal-indiċijiet tal-kost lavorattiv tal-Istati Membri u tal-aggregati tal-UE baqgħet tajba. Għajr għal reviżjoni sostanzjali fi trimestru wieħed (Q2-2022), spjegata mill-bidliet metodoloġiċi f’pajjiż wieħed, l-aggregati tal-UE għaddew minn reviżjonijiet żgħar biss, kif kien il-każ qabel il-kriżi tal-COVID-19.

Ir-rapporti dwar il-kwalità ppreżentati mill-Istati Membri ġew ipproċessati bl-użu tal-aħħar verżjoni tal-Ġestur tal-Metadata tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika. Dawn tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti kollha, inkluż l-anness dwar il-prattiki ta’ aġġustament staġjonali u r-riżultati fl-Istati Membri kollha 19 .

Il-Eurostat ilu mill-2017 jippubblika l-istimi annwali tal-livelli tal-kost lavorattiv fis-siegħa skont it-taqsima tan-NACE, abbażi kemm tad-data tal-istħarriġ dwar il-kost lavorattiv kif ukoll tax-xejriet tal-IKL 20 . L-artiklu relatat “Statistics Explained” 21 kellu għadd sinifikanti ta’ fehmiet, li jikkonferma l-interess tal-utenti f’dan is-suġġett. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja b’mod regolari l-konformità u l-kwalità tad-data, abbażi tad-data mogħtija u ta’ dokumentazzjoni nazzjonali oħra, inklużi r-rapporti dwar il-kwalità.

Il-Eurostat ilu minn Mejju 2024 joħroġ stimi bikrija għall-indiċi tal-kost lavorattiv (IKL) kemm għall-UE kollha kemm hi kif ukoll għaż-żona tal-euro. Dawn l-istimi jiġu rilaxxati madwar xahar qabel il-pubblikazzjoni finali (50 jum minflok 77 jum wara l-perjodu ta’ referenza). Dawn l-istimi bikrija jiġu ppubblikati fl-istess sett ta’ data bħad-data finali 22 .

Fl-aħħar nett, il-Eurostat wettaq rieżami ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-istatistika tas-suq tax-xogħol dwar in-negozji, li wassal għal proposta leġiżlattiva li ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2023 23 . Dan ir-rieżami għandu l-għan li jevalwa u jimmodernizza l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE fil-qasam tal-istatistika tas-suq tax-xogħol dwar in-negozji, inkluż l-IKL.

(1)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika taż-żona tal-euro, Lejn metodoloġiji mtejba għall-istatistika u l-indikaturi taż-żona tal-euro (COM(2002) 661 final)

(2)

   L-istqarrija għall-istampa trimestrali tiġi ppubblikata fid-dati stipulati fil-kalendarju tal-pubblikazzjoni; it-tnejn li huma jinsabu fuq is-sit web tal-Eurostat ( http: //ec.europa.eu/eurostat/web/main – disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż).

(3)

   ĠU L 69, 13.3.2003, p. 1. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/450/oj

(4)

     Ara r-rapport preċedenti COM(2023) 34 final , 23.1.2023.

(5)

     Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2003 tas-7 ta’ Lulju 2003 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru

450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol.

(6)

      http://sdmx.org/ (disponibbli biss bl-Ingliż).

(7)

      https://webgate.ec.europa.eu/sdmxregistry/ (disponibbli biss bl-Ingliż).

(8)

     ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1893/oj .

(9)

https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/lci_esms.htm (disponibbli biss bl-Ingliż).

(10)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2003 tas-7 ta’ Lulju 2003 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol

(11)

Għajr il-Liechtenstein, billi r-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta’ Frar 2003 ma japplikax għal dan il-pajjiż. Fid-dokument kollu, in-Norveġja

u l-Iżlanda jissejħu “pajjiżi oħra taż-ŻEE”.

(12)

Labour cost index - recent trends - Statistics Explained

(13)

     Ara s-sett tad-data lc_lci_lev fil-bażi tad-data ta’ tixrid tal-Eurostat

( https://ec.europa.eu/eurostat/data/database , disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż).

(14)

     Skont ir-Regolament (KE) Nru 1216/2003, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza u l-Iżvezja ma humiex marbuta li

jipprovdu data NSA. Madankollu, il-Ġermanja u Franza jipprovduhom xorta waħda.

(15)

     Ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 ma japplikax għal-Liechtenstein.

(16)

      https://ec.europa.eu/eurostat/data/database

(17)

      https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/lci_esms.htm (disponibbli biss bl-Ingliż).

(18)

   Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

(19)

  https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/lci_esms.htm (disponibbli biss bl-Ingliż).

(20)

  https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/lc_lci_lev/default/table?lang=en&category=labour.lc.lcan

(21)

  Hourly labour costs - Statistics Explained

(22)

  https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/lc_lci_r2_q/default/table?lang=en&category=labour.lc.lci

(23)

  EUR-Lex - 52023PC0459 - MT - EUR-Lex (europa.eu)