IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.2.2018
COM(2018) 56 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil użati għat-trasport fl-Unjoni Ewropea
(Is-sena ta’ rappurtar 2016)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.2.2018
COM(2018) 56 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil użati għat-trasport fl-Unjoni Ewropea
(Is-sena ta’ rappurtar 2016)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil użati għat-trasport fl-Unjoni Ewropea
(Is-sena ta’ rappurtar 2016)
1. Introduzzjoni
Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 98/70/KE 1 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (minn issa ’l quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti”), kull sena l-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw l-informazzjoni dwar il-volumi totali u l-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil mibjugħa għall-użu fit-trasport bit-triq.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq id-dejta ppreżentata mill-Istati Membri lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (AEA) għas-sena 2016. Il-ġbir u l-analiżi tad-dejta rrapportata mill-Istati Membri hija ppreżentata fir-rapport Tekniku tal-AEA Nru 24/2017 dwar “Fuel quality in the EU in 2016” [Il-kwalità tal-karburanti fl-UE fl-2016].
L-Istati Membri jivvalutaw il-kwalità tal-karburanti permezz tas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Kwalità tal-Fjuwil (Fuel Quality Monitoring System - FQMS) 2 . Kull sena, l-Istati Membri jridu jieħdu kampjun tal-karburanti u janalizzaw il-karatteristiċi tekniċi tagħhom sabiex jiġi żgurat li huma konsistenti mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti. Il-valuri ta’ limitu stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti jikkonċernaw parametri bħal:
•għall-karburanti tal-petrol: il-valur tad-distillazzjoni, analiżi tal-idrokarburi, il-kontenut taċ-ċomb, il-kontenut tal-manganiż, l-indiċi tal-ottan mutur(MON), il-kontenut ta’ ossiġenu, l-ossiġenati, l-indiċi tal-ottan riċerka (RON), il-kontenut tal-kubrit u l-pressjoni tal-fwar fil-perjodu tas-sajf;
•għall-karburanti tad-diżil, in-numru taċ-ċetan, id-densità f’temperatura ta’ 15 °C, id-distillazzjoni, il-kontenut tal-esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin (FAME), il-kontenut tal-manganiż, il-kontenut tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi u l-kubrit.
2. Ħarsa ġenerali lejn id-dejta dwar il-kwalità tal-karburant fl-UE tal-2016
L-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll in-Norveġja u l-Iżlanda, ippreżentaw ir-rapporti dwar il-kwalità tal-karburanti għall-2016.
Bejgħ, tipi u kontenut bikompost tal-karburanti
Il-bejgħ tal-karburanti tal-UE jibqa’ ddominat mid-diżil: 71,8 % (257 206 miljun litru) ta’ karburant mibjugħ kien diżil u 28,2 % kien petrol (100 838 miljun litru). Il-bejgħ totali tal-karburanti żdied bi 2,7 % meta mqabbel ma’ dak tal-2015. Il-bejgħ tal-petrol fl-2016 baqa’ kważi l-istess filwaqt li l-bejgħ tad-diżil żdied bi 3,8 %.
Is-sehem tal-bejgħ tal-karburant tad-diżil żdied matul is-snin, minn sehem mill-bejgħ totali fl-2001 ta’ 55,6 % għal sehem ta’ 71,8 % fl-2016. B’mod wiesa’, dan jirrfletti ż-żieda fil-diżilizzazzjoni tal-vetturi tal-Ewropa matul dak il-perjodu. Il-konsum tal-karburant tad-diżil hu importanti f’ħafna mit-28 Stat Membru tal-UE (> 60 % tat-total tal-bejgħ tal-fjuwil) bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru, il-Greċja, Malta u n-Netherlands.
Il-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-petrol fl-2016 kien magħmul minn karburanti bi grad ta’ petrol RON 95, li kien jammonta għal 86,3 % tal-bejgħ totali tal-fjuwil tal-petrol; 7,6 % tal-bejgħ kien 95 < RON < 98; u 5,8 % kien RON ≥ 98. Kien hemm proporzjon sinifikanti ta’ bejgħ ta’ RON = 91.
Kważi d-diżil kollu mibjugħ fl-UE fih il-bijodiżil, filwaqt li 85 % tal-petrol mibjugħ fih il-bijoetanol. 75 % tal-karburant tal-petrol mibjugħ fl-UE fl-2016 kellu sa 5 % tal-kontenut magħmul mill-etanol skont il-volum, u 10 % kellu sa 10 % tal-kontenut etanol. 83 % tal-karburant tad-diżil mibjugħ kellu sa 7 % tal-esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin (FAME) u 17 % kellu aktar.
Il-konformità tal-karburant mibjugħ mal-limiti stipulati fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti
Ħames Stati Membri rrapportaw konformità sħiħa tal-petrol (il-Greċja, il-Litwanja, il-Netherlands, is-Slovenja u l-Iżvezja) u 9 Stati Membri rrapportaw konformità sħiħa tad-diżil (il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, Malta, is-Slovenja u l-Iżvezja). Il-Litwanja, is-Slovenja u l-Iżvezja rrapportaw konformità sħiħa għaż-żewġ karburanti. Min-naħa l-oħra, fl-2016 Stat Membru wieħed (il-Belġju) irrapporta aktar minn 100 każ ta’ nuqqas ta’ konformità għall-petrol.
L-Istati membri rrapurtaw total ta’ 507 nuqqasijiet ta’ konformità għall-petrol u 101 għad-diżil għas-sena 2016. Għall-petrol, il-parametri l-aktar komuni li jaqgħu barra mill-ispeċifikazzjonijiet kienu l-pressjoni tal-fwar tas-sajf (f’14-il Stat Membru), RON (fi 11-il Stat Membru) u MON (f’7 Stati Membri). 14-il Stat Membru rrappurtaw eċċessi tal-aromatiċi, tal-kontenut tal-ossiġnu jew tal-parametri ta’ distillazzjoni. Għad-diżil, il-parametri l-aktar komuni li jaqgħu barra mill-ispeċifikazzjonijiet, kienu l-kontenut tal-kubrit (f’7 Stati Membri) u tal-esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin (FAME) (f’7 Stati Membri).
L-Istati Membri kollha ddeskrivew l-azzjonijiet meħuda meta ġew identifikati kampjuni mhux konformi. Fost dawn kien hemm li l-awtoritajiet kompetenti ġew informati, inbdew xi investigazzjonijiet, ġew imposti penali u multi, jew ittieħdu l-kampjuni mill-ġdid. Għal għadd żgħir ta’ każijiet ma ttieħdet l-ebda azzjoni fejn instab li l-parametri mhux konformi kienu ferm qrib il-limiti ta’ tolleranza.
Għaldaqstant, ma kienx hemm bżonn li l-Kummissjoni tniedi investigazzjoni ġdida f’dan il-qasam.
Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE, ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.
L-Istandard Ewropew EN 14274 jipprovdi informazzjoni dwar kif tistabbilixxi FQMS skont id-daqs tal-pajjiż u l-mudell statistiku użat, kif ukoll gwida dwar kif jiġi ffissat l-għadd minimu ta’ kampjuni li jridu jittieħdu.