3.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/190


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/875

tal-1 ta’ Ġunju 2022

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Italja

(notifikata bid-dokument C(2022) 3727)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-annimali porċini miżmuma u selvaġġi, u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża tfixkil fil-movimenti ta’ kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti minnhom fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’xi annimali porċini selvaġġi, ikun hemm ir-riskju serju li dik il-marda tinxtered fost annimali porċini selvaġġi oħra u fl-istabbilimenti li jżommu l-annimali porċini.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u definiti bħala mard tal-kategorija A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu ċerti miżuri li jridu jittieħdu fil-każ ta’ konferma uffiċjali ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A f’annimali selvaġġi, inkluż id-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini selvaġġi. B’mod partikolari, dawk id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona infettata u projbizzjonijiet fuq il-moviment tal-annimali selvaġġi tal-ispeċijiet elenkati u tal-prodott ta’ oriġini mill-annimali li jkunu ġejjin minnhom.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 (4) jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer. B’mod partikolari, fil-każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda f’xi annimali porċini selvaġġi f’żona ta’ Stat Membru, l-Artikolu 3, il-punt (b) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona infettata f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Minbarra dan, l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi li dik iż-żona trid tiġi elenkata bħala żona ristretta II fil-Parti II tal-Anness I tiegħu u li ż-żona infettata, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, trid tiġi aġġustata mingħajr dewmien biex tinkludi mill-inqas iż-żona ristretta II. Il-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 jinkludu, inter alia, projbizzjonijiet fuq il-moviment tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma fiż-żoni ristretti II u l-prodotti minnhom barra dawk iż-żoni ristretti.

(5)

L-Italja infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni attwali tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fit-territorju tagħha, wara tifqigħa ta’ dik il-marda f’annimali porċin selvaġġ fil-provinċja ta’ Rieti, fir-reġjun ta’ Lazio, kkonfermata fis-27 ta’ Mejju 2022. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru hija meħtieġa tistabbilixxi żona infettata f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605.

(6)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn fil-kummerċ fl-Unjoni u sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni tiġi identifikata ż-żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Italja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

(7)

Biex jiġi evitat aktar tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, waqt li ż-żona tal-Italja milquta mit-tifqigħa reċenti tkun elenkata bħala żona ristretta II fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605, il-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer stabbiliti fih, li japplikaw għall-moviment tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma f’żoni ristretti II u l-prodotti minnhom barra dawn iż-żoni, jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-movimenti ta’ dawk il-kunsinni miż-żona infettata stabbilita fl-Italja wara t-tifqigħa reċenti, minbarra l-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(8)

Għalhekk, iż-żona infettata fl-Italja jenħtieġ li tkun elenkata fl-Anness ta’ dan id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tkun soġġetta għall-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer li japplikaw għaż-żoni ristretti II stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605. Madankollu, minħabba n-natura serja ta’ din is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġdida tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Unjoni u b’kont meħud taż-żieda fir-riskju immedjat li din il-marda tkompli tinxtered, il-movimenti tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma u l-prodotti minnhom lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi miż-żona infettata jenħtieġ li ma jkunux awtorizzati miż-żona infettata f’konformità ma’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tistabbilixxi wkoll id-durata ta’ dak iż-żonar.

(9)

Għalhekk, sabiex jittaffew ir-riskji li jfeġġu mit-tifqigħa reċenti tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-annimali porċini selvaġġi fl-Italja, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tipprevedi li l-movimenti lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi ta’ kunsinni ta’ annimali porċini fiż-żona infettata u l-prodotti minnhom jenħtieġ li ma jiġux awtorizzati mill-Italja sad-data tal-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, huwa importanti li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(11)

Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żona infettata fl-Italja jenħtieġ li tiġi stabbilita minnufih u tiġi elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u tiġi ffissata d-durata ta’ dak iż-żonar.

(12)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Italja għandha tiżgura li żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer tiġi stabbilita minnufih mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u l-Artikolu 3(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605, u li tkun tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Italja għandha tiżgura li l-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer applikabbli għaż-żoni ristretti II stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 japplikaw fiż-żoni elenkati bħala żona infettata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, flimkien mal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

Artikolu 3

L-Italja għandha tiżgura li l-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma fiż-żoni elenkati bħala żona infettata fl-Anness u l-prodotti minnhom ma jiġux awtorizzati għall-movimenti lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Awwissu 2022.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 tas-7 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer (ĠU L 129, 15.4.2021, p. 1).


ANNESS

Żoni stabbiliti bħala ż-żona infettata fl-Italja kif imsemmija fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Il-Muniċipalitajiet li ġejjin tal-Provinċja ta’ Rieti:

—

Borgo Velino;

—

Micigliano;

—

Posta;

—

Borbona;

—

Cittaducale;

—

Castel Sant’Angelo;

—

Antrodoco;

—

Petrella Salto;

—

Fiamignano;

Il-Muniċipalitajiet li ġejjin tal-Provinċja ta’ L’Aquila:

—

Cagnano Amiterno.

il-31 ta’ Awwissu 2022