European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1784

17.7.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1784

tas-16 ta’ Lulju 2026

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/582 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer f’Ċipru

(notifikata bid-dokument C(2026) 5138)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer hija marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali mammiferi tal-ordnijiet Artiodactyla u Proboscidea u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernata u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, u dan jikkawża disturb fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti derivati minnhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. F’każ ta’ tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra li jżommu l-annimali tal-ispeċijiet elenkati, kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (2) (l-ispeċijiet elenkati).

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (3) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882. B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza, u, jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/582 (4) ġiet adottata abbażi tar-Regolament (UE) 2016/429, u tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fi stabbilimenti li jżommu l-annimali ruminanti fid-distretti ta’ Larnaca u Nikosija f’Ċipru. B’mod aktar partikolari, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/582 tipprevedi li Ċipru jrid jistabbilixxi żoni ristretti, li jinkludu żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll żona ristretta ulterjuri, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, fejn il-miżuri li jeħtieġ jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, u fiż-żona ristretta ulterjuri, iridu japplikaw imqar sad-dati elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, u li ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll iż-żona ristretta ulterjuri, iridu jinkludu mqar iż-żoni elenkati f’dak l-Anness. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/582 ġiet emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1277 (5).

(4)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1277 ‘l hawn, il-miżuri ta’ emerġenza li jeħtieġ jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u fiż-żona ristretta ulterjuri elenkati fl-Anness tagħha, u l-iskeda ta’ żmien għall-applikazzjoni tagħhom, ġew rieżaminati abbażi tal-informazzjoni provduta minn Ċipru, b’mod partikolari fir-rigward tad-dati tat-tindif u tad-diżinfezzjoni preliminari tal-istabbilimenti affettwati, li jeħtieġ jitwettqu f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. B’konsegwenza ta’ dan, id-durata tal-miżuri ta’ emerġenza f’dawk iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jenħtieġ tiġi adattata.

(5)

Għaldaqstant, minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fir-rigward tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer f’Ċipru, u sabiex jiġi evitat li dik il-marda tkompli tinxtered f’dak l-Istat Membru, jew fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi, jeħtieġ jiġu aġġornati b’mod urġenti ż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza jew żoni ristretti ulterjuri fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/582 biex jiġu adattati kemm fl-ispazju kif ukoll fiż-żmien, meta jkun meħtieġ. Dan huwa meħtieġ ukoll sabiex jiġi evitat kwalunkwe disturb bla bżonn fil-kummerċ fl-Unjoni, u biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/582 tiġi emendata kif xieraq.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/582 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/582 tal-11 ta’ Marzu 2026 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer f’Ċipru u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/484 (ĠU L, 2026/582, 13.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/582/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1277 tal-5 ta’ Ġunju 2026 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/582 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer f’Ċipru (ĠU L, 2026/1277, 10.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1277/oj).


ANNESS

Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza ristretti ulterjuri u żoni tat-tilqim

Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħat ikkonfermati

Stat Membru

Diviżjoni amministrattiva

Numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żoni ristretti msemmija fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Cyprus

Larnaca

CY-FMD-2026-00092

Protection zone:

Those parts of Cyprus, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on ETRS89 coordinates Lat. 34,883993, Long. 33,563018.

1.10.2026

Surveillance zone:

Those parts of Cyprus, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on ETRS89 coordinates Lat. 34,883993, Long. 33,563018, excluding the areas contained in the protection zone.

Cyprus

Larnaca

CY-FMD-2026-00096

Protection zone:

Those parts of Cyprus, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on ETRS89 coordinates Lat. 34,887044, Long. 33,572012.

1.10.2026

Surveillance zone:

Those parts of Cyprus, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on ETRS89 coordinates Lat. 34,887044, Long. 33,572012, excluding the areas contained in the protection zone.

Żona ristretta ulterjuri

Stat Membru

Żona stabbilita bħala żona ristretta ulterjuri, parti miż-żona ristretta, kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Cyprus

The remaining territory of Cyprus

1.10.2026

Żona tat-tilqim

Stat Membru

Żona tat-tilqim

Data sa meta applikabbli

Cyprus

The territory of Cyprus

Until the last day of the recovery period, referred to in Part 4 of Annex VII to Delegated Regulation (EU) 2023/361


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1784/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)