|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/812 |
10.4.2026 |
DEĊIŻJONI (UE) 2026/812 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-26 ta’ Marzu 2026
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) (BĊE/2026/10)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artiklu 3.1 u l-Artikoli 17 u 19 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Kunsill Governattiv jista’ jaġġusta r-remunerazzjoni fuq il-holdings ta’ eċċess ta’ riżervi kollha tal-istituzzjonijiet, jew parti minnhom fil-banek ċentrali tal-Eurosistema Fil-11 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jissimplifika r-remunerazzjoni ta’ eċċess ta’ riżervi skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/31) (1). Din id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill Governattiv tikkonċerna biss eċċess ta’ riżervi miżmuma fil-kontijiet ta’ riżerva tagħhom fil-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) rilevanti minn istituzzjonijiet li huma kontropartijiet eliġibbli f’operazzjonijiet ta’politika monetarja tal-Eurosistema skont l-Artikolu 55 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (2) (minn hawn’ il quddiem “kontropartijiet eliġibbli”) u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ aċċess għall-faċilità ta’ depożitu tal-Eurosistema skont l-Artikolu 22 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60). F’konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, dawn l-eċċess ta’ riżervi għandhom jiġu remunerati bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu mhux biss meta din ir-rata tkun negattiva, iżda wkoll meta tkun żero fil-mija jew pożittiva. |
|
(2) |
Din il-miżura hija maħsuba biex ittejjeb l-effiċjenzi operazzjonali u tar-riskju kemm għall-Eurosistema kif ukoll għall-kontropartijiet eliġibbli tal-politika monetarja billi tnaqqas l-ammont ta’ xogħol operazzjonali u r-riskju relatat mat-trasferimenti ta’ kuljum ta’ fondi lill-faċilità ta’ depożitu tal-Eurosistema, tnaqqas l-impatt tal-inċidenti tat-TARGET fi tmiem il-jum tan-negozju tat-TARGET, u tindirizza għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ riżervi minimi (3). Barra minn hekk, il-miżura se tappoġġa l-funzjonament bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament u s-saldu ta’ pagamenti istantanji fil-kuntest tal-ħtieġa akbar ta’ fondi disponibbli għas-saldu fuq il-pjattaforma ta’ Saldu ta’ Pagament Istantanju tat-TARGET (TIPS) biex jiġu saldati volumi dejjem akbar ta’ pagamenti istantanji wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/886 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-allinjament tar-remunerazzjoni ta’ eċċess ta’ riżervi mar-rata ta’ remunerazzjoni tal-faċilità ta’ depożitu huwa mistenni li jnaqqas trasferimenti kbar ta’ kuljum mill-kontijiet kurrenti tal-kontropartijiet eliġibbli għall-faċilità ta’ depożitu tal-Eurosistema, bl-għan li jibbenefikaw minn remunerazzjoni bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu. |
|
(3) |
Il-miżura tikkonċerna biss l-eċċess ta’ riżervi ta’ kontropartijiet eliġibbli li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ aċċess għall-faċilità ta’ depożitu, peress li huma biss jistgħu jittrasferixxu fondi lill-faċilità ta’ depożitu. Għalhekk huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn ir-remunerazzjoni ta’ eċċess ta’ riżervi li jappartjenu lil dawk il-kontropartijiet u dawk li jappartjenu lil istituzzjonijiet li mhumiex kontropartijiet eliġibbli jew li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet ta’ aċċess għall-faċilità ta’ depożitu. L-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma disponibbli għal firxa wiesgħa ta’ kontropartijiet, sakemm jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 55 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60). Konsegwentement, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-qafas tal-kontroparti tal-Eurosistema u l-integrità tiegħu, il-kontropartijiet eliġibbli li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ aċċess għall-faċilità ta’ depożitu biss għandhom jibbenefikaw mir-remunerazzjoni ta’ eċċess ta’ riżervi bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu. |
|
(4) |
Bl-istess mod, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn ir-remunerazzjoni ta’ eċċess ta’ riżervi li jappartjenu għal kontropartijiet eliġibbli li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ aċċess għall-faċilità ta’ depożitu u dawk li jappartjenu għal kontropartijiet eliġibbli li jissodisfaw dawk il-kondizzjonijiet imma huma soġġetti għal miżuri diskrezzjonali skont l-Artikolu 158 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), li ma jistgħux jittrasferixxu fondi mingħajr restrizzjoni lill-faċilità ta’ depożit. Meta l-aċċess ta’ kontroparti eliġibbli għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, inkuża l- faċilità ta’ depożitu, ikun ġie limitat, sospiż jew eskluż, ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ faċilità ta’ depożitu tista’ sseħħ biss sal-limitu stabbilit fil-miżuri diskrezzjonali, jew ma sseħħ xejn fil-każ ta’ sospensjoni jew esklużjoni. Sabiex jinżamm dan il-qafas diskrezzjonarju, remunerazzjoni pożittiva ta’ holdings ta’ faċilità ta’ depożitu u l-eċċess ta’ riżervi miżmuma f’kontijiet ta’ riżerva, għandha tkun permissibbli biss sa dan il-limitu, jew ma tkun permissibbli xejn f’każijiet ta’ sospensjonijiet u esklużjonijiet. |
|
(5) |
Sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex il-miżura tiġi operazzjonalizzata u biex il-kontropartijiet eliġibbli jaġġustaw il-proċessi tagħhom għall-ġestjoni tar-riżervi tagħhom miżmuma fil-BĊNi tal-Eurosistema, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-bidu tal-perijodu ta’ żamma li jibda fis-17 ta’ Ġunju 2026. |
|
(6) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi
Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) hija emendata kif ġej:
|
(1) |
L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
fl-Artikolu 2(1), il-kliem tal-ftuħ huwa ssostitwit b’dan li ġej: “1. Il-BĊE għandu japplika r-rati ta’ remunerazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 (BĊE/2024/11) għal ċerti depożiti miżmuma mal-BĊE kif ġej:”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Għandha tapplika mis-17 ta’ Ġunju 2026.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Marzu 2026.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) (ĠU L 267, 21.10.2019, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1743/oj).
(2) Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2015/510/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/378 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2021 dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżervi minimi (BĊE/2021/1) (ĠU L 73, 3.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/378/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2024/886 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 260/2012 u (UE) 2021/1230 u d-Direttivi 98/26/KE u (UE) 2015/2366 fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro (ĠU L, 2024/886, 19.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/886/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/812/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)