IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.9.2026
COM(2026) 508 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar id-disponibbiltà fis-suq tal-Unjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti organiku, tal-annimali organiċi u tal-għalf tal-proteini organiċi f’konformità mal-Artikolu 53(7) tar-Regolament (UE) 2018/848
{SWD(2026) 284 final}
1.Introduzzjoni
Dan ir-rapport jesplora d-disponibbiltà fis-suq tal-UE tal-materjal riproduttiv tal-pjanti organiku, l-annimali organiċi, inklużi l-għawwietaq, u l-għalf tal-proteini organiċi maħsub għan-nutrizzjoni tal-pollam u l-annimali porċini. Huwa adottat f’konformità mal-Artikolu 53(7) tar-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi (ir-“Regolament Organiku”), li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Il-koleġiżlaturi talbu dan ir-rapport fid-dawl tat-tneħħija gradwali tad-derogi li jikkonċernaw l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti mhux organiku, il-pollam imrobbi b’mod mhux organiku, il-bhejjem mhux organiċi għal skopijiet ta’ tnissil, kif ukoll l-għalf tal-proteini mhux organiku għall-pollam u l-annimali porċini. Il-Kummissjoni ntalbet “tikkunsidra d-disponibbiltà ta’ tali materjal f’forma organika fis-suq fl-Unjoni, abbażi tad-data dwar id-disponibbiltà ta’ materjal organiku miġbura permezz tal-bażi tad-data u s-sistemi stabbiliti mill-Istati Membri”, 5 snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Organiku. Ir-rapport għandu jindirizza d-disponibbiltà ta’ dawn il-materjali u l-kawżi għall-aċċess possibbilment limitat tal-operaturi organiċi għal tali materjal.
Fit-tfassil ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni kkunsidrat id-data miġbura f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament Organiku u informazzjoni dwar derogi u awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 53(6) kif ġej:
(a) informazzjoni pprovduta fil-bażi tad-data dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 26(1) u fis-sistemi ta’ ġbir ta’ data dwar l-annimali msemmija fl-Artikolu 26(2) u, jekk rilevanti, fis-sistemi ta’ ġbir ta’ data msemmija fl-Artikolu 26(3) dwar l-għawwietaq;
(b) informazzjoni dwar id-derogi mogħtija fuq materjal riproduttiv tal-pjanti f’konformità mal-punt 1.8.5 tal-Parti I tal-Anness II u l-punti 1.3.4.3 u 1.3.4.4 tal-Parti II tal-Anness II; u
(c) informazzjoni dwar id-disponibbiltà fis-suq tal-Unjoni ta’ għalf organiku tal-proteini għal-pollam u għall-annimali porċini u dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ għalf mhux organiku tal-proteini għad-driefeġ u għall-pollam mogħtija rispettivament f’konformità mal-punti 1.9.3.1(c) u 1.9.4.2(c) tal-Parti II tal-Anness II.
Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/464 introduċa rekwiżiti dwar ir-rappurtar tad-data mill-Istati Membri, u l-mudelli disponibbli permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika (OFIS) intużaw progressivament mill-2023 sal-2025. Madankollu, id-differenzi fid-data rrapportata mill-Istati Membri matul it-3 snin ifixklu r-robustezza tal-analiżi statistika. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ta’ akkumpanjament (SWD) jippreżenta d-data tal-Istati Membri għas-snin 2022 sa 2024.
2.Materjal riproduttiv tal-pjanti organiku
Bil-għan li jippromwovi l-iżvilupp tat-tnissil organiku, ir-Regolament Organiku introduċa dispożizzjonijiet ġodda rigward il-materjal riproduttiv tal-pjanti (“PRM”) organiku billi ddefinixxa varjetajiet organiċi u materjal eteroġenju organiku adattat għall-produzzjoni organika. Temm ukoll id-derogi għall-użu ta’ PRM mhux organiku (il-31 ta’ Diċembru 2036).
Li jkun hemm diversità kbira fil-PRM hija essenzjali għall-biedja organika bil-għan li jiġi żgurat l-adattament meħtieġ għal pressjonijiet u kundizzjonijiet varji filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-produzzjoni organika tal-PRM hija teknikament aktar ta’ sfida mill-produzzjoni konvenzjonali minħabba l-użu limitat ta’ pestiċidi u fertilizzanti (it-Taqsima I.7 tal-SWD).
L-ambitu tal-bażijiet tad-data biex tinġabar informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-PRM organiku (eżistenti taħt il-qafas leġiżlattiv preċedenti li jirregola l-produzzjoni organika, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 889/2009) ġie estiż minn żrieragħ u patata taż-żrigħ għat-tipi kollha ta’ materjal ta’ propagazzjoni tal-pjanti veġetattivi.
Skont ir-Regolament Organiku, il-bdiewa organiċi jridu jużaw PRM organiku. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) jistgħu jagħtu derogi għall-użu ta’ PRM mhux organiku taħt kundizzjonijiet speċifiċi, biss meta d-data uffiċjali turi li l-ħtiġijiet tal-operaturi ma jistgħux jiġu ssodisfati mill-volumi ta’ PRM organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni disponibbli fis-suq. F’konformità mal-punt 1.8.5.6. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament Organiku, l-NCAs iridu jistabbilixxu lista uffiċjali ta’ speċijiet, sottospeċijiet jew varjetajiet li għalihom PRM organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni huwa disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti (il-“lista tal-Kategorija I”). Meta jkun hemm nuqqas serju ta’ PRM organiku, minflok derogi individwali, l-NCAs jistgħu jagħtu derogi ġenerali annwali għal lista ta’ speċijiet, sottospeċijiet jew varjetajiet.
Peress li l-informazzjoni dwar il-PRM organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni disponibbli fis-suq tagħti l-possibbiltà lill-bdiewa li jitolbu derogi f’każijiet ta’ provvista insuffiċjenti, l-aċċessibbiltà mifruxa għal din l-informazzjoni hija essenzjali.
Sfortunatament, ir-riċerka ddedikata u l-informazzjoni miġbura juru ftit progress f’dan il-qasam: 17-il Stat Membru għandhom xi tip ta’ bażijiet tad-data interattivi fis-seħħ, b’funzjonijiet biex jesploraw id-disponibbiltà tal-PRM għal għelejjel speċifiċi, filwaqt li l-bqija għażlu tabelli statiċi (it-Taqsima I.8 tal-SWD). Minħabba l-bidliet regolatorji reċenti, l-Istati Membri adattaw is-sistemi preċedenti tagħhom biex jippermettu lill-operaturi jagħmlu pubblika fuq bażi volontarja l-informazzjoni dwar il-produzzjonijiet tagħhom tal-PRM organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni. Il-bażijiet tad-data nazzjonali huma essenzjali biex jippromwovu l-użu ta’ PRM organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni u biex jappoġġaw l-ipproċessar elettroniku tad-derogi u għandhom ikunu funzjonali kompletament .
2.1. Analiżi tad-data nazzjonali rrappurtata f’konformità mal-Artikolu 53(6) tar-Regolament (UE) 2018/848
Ħarsa ġenerali lejn id-data nazzjonali dwar id-disponibbiltà tal-PRM, kif ukoll derogi individwali u ġenerali, hija pprovduta fl-SWD, imqassma għall-gruppi ewlenin tal-għelejjel. Ir-riżultati huma mqassma għal kull Stat Membru individwali u, f’xi każijiet, ġew miġbura flimkien f’erba’ żoni ġeografiċi ewlenin.
2.1.1. Disponibbiltà ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti u fil-fażi ta’ konverżjoni
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrappurtaw biss informazzjoni kwalitattiva, billi elenkaw l-ispeċijiet u l-varjetajiet li għalihom il-PRM organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni kien ġie inkluż fil-bażijiet tad-data nazzjonali tagħhom. Erba’ Stati Membri biss irrappurtaw kull sena data kwantitattiva għal għadd wiesa’ ta’ speċijiet ta’ għelejjel (it-Taqsima I.1.1 tal-SWD).
L-operaturi jistgħu jużaw is-sistemi fuq bażi volontarja iżda diversi Stati Membri indikaw li xi fornituri jqisu d-data kwantitattiva bħala kummerċjalment sensittiva.
Għal ċerti speċijiet, il-PRM organiku jista’ jiġi prodott mill-bdiewa stess jew jiġi akkwistat permezz ta’ arranġamenti diretti bejn il-bdiewa u l-fornituri: fil-fatt, iż-żrieragħ miżmuma mill-bdiewa jirrappreżentaw persentaġġ għoli għal ċerti għelejjel (ċereali).
Xi analiżijiet tal-varjetajiet għal kull grupp ta’ għelejjel huma disponibbli (it-Taqsima I.1.3 tal-SWD), li jipprovdu indikatur tal-użu tal-bażijiet tad-data. Kien hemm 12-il Stat Membru li rrappurtaw data eżawrjenti għall-ħaxix frisk, iċ-ċereali u l-qamħ, filwaqt li 11 irrappurtaw biss għadd żgħir ta’ għelejjel u varjetajiet u ħamsa irrappurtaw sena waħda biss jew xejn.
Indikatur tat-titjib fid-disponibbiltà tal-PRM organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni huwa l-eżistenza tal-“lista uffiċjali tal-Kategorija I”, li tista’ tintuża wkoll mill-Istati Membri biex itemmu d-derogi, f’konformità mal-iżvilupp tal-provvista tas-suq. Kien hemm 12-il Stat Membru biss li stabbilew “lista tal-Kategorija I”, bl-għadd ta’ għelejjel ivarja minn 1 sa 90, li jikkonsistu prinċipalment minn ċereali (qamħ) u għalf (it-Taqsima I.2 tal-SWD).
2.1.2.Derogi skont il-punt 1.8.5. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848
L-NCAs jistgħu joħorġu derogi biex jippermettu l-użu ta’ PRM mhux organiku għall-produzzjoni organika fuq bażi individwali jew fuq bażi ġenerali.
Derogi individwali jistgħu jinħarġu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti taħt il-punt 1.8.5.1. tal-Anness II il-Parti I tar-Regolament (UE) 2018/848 biss fil-każijiet li ġejjin:
(a) meta l-ebda varjetà tal-ispeċi li l-operatur jixtieq jikseb ma tkun irreġistrata fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew fis-sistemi msemmija fl-Artikolu 26(2);
(b) meta l-ebda operatur li jikkummerċjalizza materjal riproduttiv tal-pjanti ma jkun jista’ jipproduċi l-materjal rilevanti riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni, jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6 fil-ħin għaż-żrigħ jew għat-tħawwil f’sitwazzjonijiet fejn l-utent ikun ordna l-materjal riproduttiv tal-pjanti fi żmien raġonevoli biex jippermetti l-preparazzjoni u l-provvista ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6;
(c) meta l-varjetà li l-operatur jixtieq jikseb ma tkunx irreġistrata bħala materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6 fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew fis-sistemi msemmija fl-Artikolu 26(2), u l-operatur ikun jista’ juri li l-ebda waħda mill-alternattivi rreġistrati tal-istess speċi ma hija xierqa b’mod partikolari għall-kundizzjonijiet agronomiċi u pedoklimatiċi u l-proprjetajiet teknoloġiċi neċessarji għall-produzzjoni li trid tinkiseb;
(d) fejn ikun ġustifikat għall-użu fir-riċerka, test bi provi fuq il-post fuq skala żgħira, għal skopijiet ta’ konservazzjoni tal-varjetà għal innovazzjoni tal-prodott u bi qbil mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrappurtaw data għas-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu (c) hawn fuq (it-Taqsima I.4.1 tal-SWD). F’diversi Stati Membri oħra is-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu (a) hawn fuq hija predominanti, li tindika nuqqas totali ta’ PRM organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni.
Id-derogi individwali juru varjabbiltà ġeografika wiesgħa, bil-maġġoranza maħruġa għall-ħaxix frisk, iċ-ċereali u l-ispeċijiet tal-għalf (it-Taqsimiet I.4 u I.6 tal-SWD).
Dwar id-derogi ġenerali, 15-il Stat Membru pprovdew informazzjoni kwantitattiva (iżda mhux kollha għal 3 snin) u sitt Stati Membri indikaw li ma japplikawx l-iskema ta’ deroga ġenerali. Ħames Stati Membri ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar derogi ġenerali.
Abbażi ta’ dan, saret evalwazzjoni tentattiva tad-data kwantitattiva għaċ-ċereali u l-qamħ, li turi żieda fl-użu ta’ derogi ġenerali (it-Taqsima I.5 tal-SWD).
It-Taqsima I.3 tal-SWD turi li d-derogi ġenerali jistgħu jikkonċernaw mijiet ta’ speċijiet f’xi Stati Membri (meta jkunu inklużi pjanti ornamentali) filwaqt li f’oħrajn huma limitati għal ftit għexieren ta’ speċijiet (l-aktar l-għalf, iċ-ċereali, il-ħaxix, id-dwieli u l-għelejjel tal-frott).
3.Annimali organiċi, inklużi għawwietaq
Il-bhejjem organiċi jridu jitwieldu jew ifaqqsu u jitrabbew f’unitajiet ta’ produzzjoni organika.
Madankollu, il-produzzjoni organika tal-bhejjem tbati minn nuqqas ta’ annimali mrobbija b’mod organiku biex jibdew jew iġeddu merħliet jew gruppi żgħar ta’ annimali. Ir-Regolament Organiku jipprevedi sistema ġdida ta’ derogi mibnija fuq l-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri dwar id-disponibbiltà ta’ annimali organiċi.
Is-sistema tippermetti wkoll lill-operaturi li jikkummerċjalizzaw annimali organiċi biex jagħmlu l-informazzjoni dwar l-istokks tagħhom disponibbli pubblikament fuq bażi volontarja, mingħajr ħlas, flimkien ma’ isimhom u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.
Meta d-data miġbura turi li d-domanda għall-annimali organiċi ma tistax tiġi ssodisfata, l-NCAs jistgħu jawtorizzaw l-introduzzjoni ta’ annimali mhux organiċi f’unità ta’ produzzjoni organika sal-31 ta’ Diċembru 2036, soġġett għal kundizzjonijiet stretti.
Fil-każ tal-għawwietaq, l-istabbilment ta’ tali sistema huwa volontarju għall-Istati Membri u l-NCAs jistgħu jawtorizzaw li l-pollam imrobbi b’mod mhux organiku jiddaħħal f’unità ta’ produzzjoni ta’ pollam organiku, sakemm l-għawwietaq użati għall-produzzjoni tal-bajd u l-laħam ikollhom inqas minn 3 ijiem, fejn merħla tkun kostitwita għall-ewwel darba, jew tiġġedded jew tiġi rikostitwita.
Dan ir-rapport janalizza d-disponibbiltà fl-UE ta’ annimali organiċi inklużi l-għawwietaq, kif ukoll id-derogi mogħtija biex jiġu introdotti annimali mhux organiċi, abbażi tal-informazzjoni mill-Istati Membri.
3.1.Analiżi tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri dwar id-disponibbiltà ta’ annimali organiċi
L-istabbiliment ta’ sistemi dwar id-disponibbiltà ta’ annimali organiċi ilu obbligatorju għall-Istati Membri biss mill-1 ta’ Jannar 2022. Mill-2023 sal-2025, żdied l-għadd ta’ Stati Membri b’sistemi operazzjonali għall-annimali organiċi. Dan ir-rapport jippreżenta l-istat attwali għas-sistemi fis-seħħ sa Ġunju 2025 meta 25 Stat Membru bagħtu links għall-bażijiet tad-data tagħhom (it-Taqsima II.1 tal-SWD). Dawn huma disponibbli fuq
https://ec.europa.eu/agriculture/ofis_public/national-databases.html
.
Minħabba li l-użu tas-sistema ma huwiex obbligatorju għall-fornituri ta’ annimali organiċi, id-data mibgħuta mill-Istati Membri hija varjabbli ħafna, spiss mhux kompluta, u għalhekk dan ir-rapport ma jistax jippreżenta ċifri konsolidati fil-livell tal-UE.
3.2.Analiżi tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri dwar id-disponibbiltà ta’ għawwietaq organiċi
Il-ġbir ta’ informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ għawwietaq organiċi mill-Istati Membri huwa fakultattiv. Sal-lum, l-Istati Membri ma stabbilewx tali sistemi biex jiġbru informazzjoni li tispjega li l-biċċa l-kbira tal-operaturi organiċi jordnaw minn qabel l-għawwietaq li jeħtieġu direttament mis-suq.
3.3.Analiżi tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri dwar id-derogi mogħtija biex jintroduċu annimali mhux organiċi
L-Istati Membri kollha bagħtu data għat-3 snin. Madankollu, għal diversi Stati Membri din kienet jew mhux kompluta jew inkonsistenti minn sena għal oħra. Il-kwalità tad-data tjiebet mill-2023 sal-2025 iżda xorta ma tistax tiġi aggregata għas-27 Stat Membru.
Analiżi kwalitattiva turi li d-derogi biex jiġu introdotti annimali mhux organiċi ngħataw fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għall-annimali bovini, ekwini, ovini, kaprini u porċini (it-Taqsima II.3 tal-SWD).
3.4.Analiżi tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri dwar id-derogi mogħtija biex jiġu introdotti l-għawwietaq mhux organiċi
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ssottomettew informazzjoni li ma hijiex kompluta jew ma ssottomettewx data. Analiżi kwalitattiva għall-għawwietaq mhux organiċi turi li diversi Stati Membri kienu qed jużaw id-derogi fl-2022 u waqfu jirrappurtaw id-data għall-2023 u l-2024 (it-Taqsima II.4 tal-SWD).
Skont l-informazzjoni riċevuta mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Pollam Rurali (ERPA), is-sitwazzjoni għall-provvista tal-għawwietaq organiċi tinsab taħt pressjoni. Il-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet tat-tnissil tal-ġenituri jiffokaw fuq il-produzzjoni konvenzjonali u marġinalment biss fuq il-produzzjoni organika, fejn (i) ir-rekwiżiti tal-akkomodazzjoni jimplikaw investiment fuq skala kbira u (ii) l-aċċess għal żoni fil-beraħ iżid ir-riskji għas-saħħa tal-annimali għall-ġenituri. Il-produzzjoni ta’ razez ta’ pollam li jikbru bil-mod tkun partikolarment affettwata jekk jintemmu d-derogi biex jiġu introdotti l-għawwietaq mhux organiċi.
4. Għalf tal-proteini organiku
4.1Introduzzjoni
L-annimali organiċi jridu jingħataw għalf organiku jew li jkun qed jiġi kkonvertit li jissodisfa l-bżonnijiet nutrizzjonali tagħhom u li jiġi primarjament mill-farms fejn jinżammu l-annimali jew minn oħrajn fir-reġjun.
Hemm kompetizzjoni qawwija għall-għalf tal-proteini organiċi għaliex l-użu ta’ aċidi amminiċi sintetiċi huwa pprojbit fil-produzzjoni organika. Id-driefeġ u l-pollam għandhom ċerti bżonnijiet speċifiċi ta’ aċidi amminiċi fid-dieti tagħhom, prinċipalment għal skopijiet ta’ tkabbir u benesseri, li jistgħu ma jiġux sodisfatti minn sorsi eżistenti ta’ proteini organiċi.
In-nuqqas ta’ provvista organika suffiċjenti ilu problema sa mill-qafas regolatorju preċedenti li jirregola l-produzzjoni organika tal-ħnieżer u l-pollam. Għalhekk, meta l-bdiewa ma jkunux jistgħu jiksbu l-għalf tal-proteini meħtieġ mill-produzzjoni organika u l-NCA tkun ikkonfermat li l-għalf tal-proteini organiku mhux disponibbli fi kwantità suffiċjenti, l-użu ta’ għalf tal-proteini mhux organiku prodott jew ippreparat mingħajr solventi kimiċi u li jipprovdi komposti speċifiċi tal-proteini huwa awtorizzat b’perċentwal massimu ta’ 5 % għal kull perjodu ta’ 12-il xahar għal driefeġ sa 35 kg u pollam żgħir. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jingħataw sal-31 ta’ Diċembru 2026.
L-Istati Membri pprovdew informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ għalf organiku tal-proteini għall-pollam u l-annimali porċini fis-suq tal-UE kif ukoll informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija f’konformità mal-punti 1.9.3.1(c) u 1.9.4.2(c) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848.
Dan ir-rapport janalizza d-disponibbiltà ta’ għalf organiku tal-proteini fl-UE u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija biex jintuża sa 5 % ta’ għalf mhux organiku tal-proteini għal annimali porċini żgħar u pollam żgħir, abbażi ta’ dik l-informazzjoni.
4.2Analiżi tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri dwar id-disponibbiltà ta’ għalf tal-proteini organiċi għall-ħnieżer u għall-pollam
It-Taqsimiet III.3 u III.4 tal-SWD jipprovdu sommarju tal-informazzjoni riċevuta dwar id-disponibbiltà ta’ għalf tal-proteini organiċi għall-ħnieżer u l-pollam.
Għalkemm il-kwalità tad-data tjiebet bejn l-2022 u l-2024, għadd sinifikanti ta’ Stati Membri ma rrappurtawx ċifri dwar il-kwantitajiet ta’ materjal tal-għalf organiku użat bħala sors ta’ proteini speċifiċi introdotti fis-suq nazzjonali għall-ħnieżer jew il-pollam fl-2024.
Fl-2024, 11 u 13-il Stat Membru biss ipprovdew data kwantitattiva dwar il-materjal tal-għalf organiku użat bħala sorsi ta’ proteini speċifiċi introdotti fis-suq nazzjonali tagħhom għall-ħnieżer u l-pollam rispettivament. Diversi Stati Membri wettqu stħarriġ fost l-operaturi tal-għalf tagħhom biex jiġbru din id-data.
It-Taqsima III.2 tal-SWD tipprovdi l-lista tat-tipi ta’ għalf tal-proteini organiku u mhux organiku użat biex jintgħalfu l-ħnieżer u l-pollam.
It-Taqsima II.5 tal-SWD tipprovdi ħarsa ġenerali lejn x’inhu kkunsidrat bħala “pollam żgħir” fi Stati Membri differenti.
Il-Kummissjoni wettqet analiżi kwalitattiva tad-data li wriet dan li ġej:
-Is-sorsi tal-għalf tal-proteini kemm organiku kif ukoll mhux organiku użat għad-driefeġ u l-pollam huma simili ħafna u ż-żewġ speċijiet qed jikkompetu għall-istess riżorsi.
-L-Istati Membri jagħtu awtorizzazzjonijiet ġenerali u mhux individwali għall-użu tal-għalf tal-proteini mhux organiku għall-annimali porċini u ma jidhrux li għandhom għarfien preċiż tal-għadd ta’ farms tal-ħnieżer li jibbenefikaw mill-awtorizzazzjonijiet (ħafna minnhom ma pprovdewx stima tal-għadd ta’ produtturi tal-ħnieżer organiċi ċċertifikati bi driefeġ ≤35 kg).
-L-Istati Membri jagħtu awtorizzazzjonijiet ġenerali, mhux individwali, għall-użu ta’ għalf tal-proteini mhux organiku għall-pollam żgħir u jifhmu b’mod differenti xi jfisser it-terminu pollam żgħir.
-Il-biċċa l-kbira tal-farms tal-ħnieżer u l-pollam iċċertifikati organiċi qed jużaw awtorizzazzjonijiet.
5.Konklużjonijiet
Matul l-aħħar ftit snin, l-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri dwar is-suġġetti f’dan ir-rapport tjiebet. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, mhux possibbli li jittieħdu konklużjonijiet definittivi dwar il-livell ta’ provvista tal-materjali organiċi kkunsidrati f’dan ir-rapport, l-użu ta’ derogi ġenerali u individwali mogħtija mill-Istati Membri u, aktar importanti minn hekk, l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni lejn suq fornut aħjar b’dawn l-inputs kritiċi.
L-Istati Membri stabbilew sistemi fejn l-operaturi li jikkummerċjalizzaw il-PRM organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew l-annimali organiċi jistgħu, fuq bażi volontarja, jagħmlu pubblika informazzjoni dettaljata dwar il-prodotti tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament Organiku. Għalkemm utli, dawn is-sistemi mhux dejjem ikunu kompletament operazzjonali u l-użu tagħhom mill-operaturi jibqa’ limitat.
5.1 Materjal riproduttiv tal-pjanti organiku
Minkejja ċertu titjib fid-disponibbiltà tal-PRM għaċ-ċereali (qamħ), u sa ċertu punt għall-ispeċijiet tal-għalf, il-provvista tal-PRM organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni għadha ma hijiex biżżejjed biex tkopri d-domanda għal eluf ta’ speċijiet u l-varjetajiet tagħhom. Dan iqajjem tħassib serju fid-dawl taż-żieda fl-art ikkultivata b’mod organiku (minn 16,9 miljun ettaru fl-2022 għal 18,1 miljun ettaru fl-2024) u l-għadd wiesa’ ta’ speċijiet kkonċernati, kif ikkonfermat minn riċerka reċenti: “kif muri fil-proġett preċedenti LIVESEED, il-provvista taż-żerriegħa organika, inkluża ż-żerriegħa organika miżmuma mill-farms, qed tkopri bħala medja inqas minn 50 % taż-żona tal-farms organiċi b’differenzi kbar bejn l-għelejjel u l-pajjiżi (Solfanelli et al. 2021. 2022)” kif ukoll: “L-istampa ġenerali tal-użu kurrenti taż-żerriegħa fil-biedja organika […] turi biċ-ċar li d-domanda għaż-żerriegħa organika taqbeż bil-kbir il-provvista, partikolarment fir-reġjuni tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Ewropa.”
F’dan l-isfond, id-derogi għadhom meħtieġa anke jekk, għal xi speċijiet, 12-il Stat Membru jistgħu jevitaw derogi permezz tal-“lista tal-Kategorija I”.
Meta wieħed iqis id-data disponibbli kurrentement, jista’ jkun meħtieġ studju komprensiv tal-provvista u d-domanda għall-PRM organiku, flimkien ma’ analiżi dwar l-implimentazzjoni tad-derogi. Dan jista’ jgħin fl-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki, bil-ħsieb li jitneħħew gradwalment id-derogi sal-2036. L-istudju jista’ jidentifika wkoll il-konsegwenzi possibbli ta’ tneħħija gradwali sħiħa tad-derogi ġenerali u individwali, b’fokus fuq għelejjel bħal ċereali u speċijiet ta’ qamħ b’disponibbiltà ogħla ta’ PRM organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni.
5.2 Annimali organiċi
Dwar l-annimali organiċi, id-data hija reċenti (tibda fl-2022) u għadha insuffiċjenti biex tipprovdi ħarsa ġenerali affidabbli dwar id-disponibbiltà tal-annimali organiċi. Fil-każ tal-għawwietaq, l-ebda Stat Membru ma stabbilixxa sistema li tirreklama d-disponibbiltà tal-għawwietaq organiċi fil-livell nazzjonali.
L-analiżi tad-data mibgħuta mill-Istati Membri turi li l-operaturi organiċi għad iridu jintroduċu annimali jew għawwietaq mhux organiċi biex ikomplu l-produzzjoni organika tal-bhejjem. Għall-fini ta’ simplifikazzjoni, att delegat biex jagħmel is-sistemi għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ għawwietaq organiċi obbligatorji, u biex jikkundizzjona l-għoti ta’ derogi għall-preżenza ta’ tali sistema, ma jidhirx li huwa xieraq.
Meta wieħed iqis ix-xejriet reċenti ’l isfel fil-produzzjoni organika tal-bhejjem u l-pollam (ħlief in-nagħaġ), iż-żamma tal-użu ta’ derogi għall-bhejjem u l-għawwietaq organiċi sal-31 ta’ Diċembru 2036 tidher li hija xierqa.
5.3 Għalf organiku tal-proteini għall-ħnieżer u għall-pollam
Fl-aħħar nett, l-Istati Membri pprovdew informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ għalf organiku tal-proteini għall-ħnieżer u l-pollam u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija biex jitimgħu sa 5 % ta’ għalf tal-proteini mhux organiku lil driefeġ sa 35 kg u pollam żgħir.
Id-data hija disponibbli mill-2022 sal-2024 iżda għadha mhux kompluta, u dan ifixkel il-preżentazzjoni ta’ ħarsa ġenerali kwantitattiva dwar id-disponibbiltà tal-għalf organiku tal-proteini fl-UE.
In-nuqqas ta’ għalf organiku tal-proteini adattat għall-ħnieżer u l-pollam huwa kwistjoni strutturali fis-settur organiku li għadha teħtieġ diversi snin biex tissolva. L-analiżi kwalitattiva tad-data turi li ħafna produtturi organiċi tal-ħnieżer u l-pollam għadhom jibbenefikaw mill-awtorizzazzjonijiet biex jinkludu perċentwal żgħir ta’ għalf tal-proteini mhux organiku fid-dieti tal-annimali żgħar tagħhom.
Il-partijiet ikkonċernati ewlenin tas-settur organiku jaqblu dwar in-nuqqas kurrenti ta’ disponibbiltà ta’ għalf tal-proteini organiċi għall-ħnieżer u l-pollam fis-suq tal-UE u dwar il-ħtieġa li jiġu estiżi d-derogi eżistenti.
Abbażi ta’ dan u b’kont meħud tal-obbligu li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet nutrittivi fl-aċidi amminiċi tad-driefeġ u l-pollam organiċi biex jiġi żgurat it-tkabbir u l-benesseri tagħhom, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta att delegat li jestendi għal 10 snin oħra (jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2036) il-possibbiltà għall-NCAs li jawtorizzaw l-użu ta’ sa 5 % ta’ għalf tal-proteini mhux organiku għad-driefeġ sa 35 kg u għall-pollam żgħir.