DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Prattikant notarili awtorizzat – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Miżuri relatati maċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Rifjut minn bank li jirrikonoxxi ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Artikolu 71 – Attivazzjoni ex officio, minn nutar, tal-proċedura ta’ rtirar jew ta’ modifika taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Assenza ta’ eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑240/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa miż-zastępca notarialny zastępujący notariusza Justynę Gawlicę w Krapkowicach (prattikant notarili awtorizzat sostitut tan-nutara Justyna Gawlica li teżerċita fi Krapkowice, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Marzu 2024, fil-proċedura mressqa minn

N.T.,

fil-preżenza ta’:

O.T.,

S.T.,

BNP Paribas Fortis SA/NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Condinanzi, President tal-Awla, N. Jääskinen (Relatur) u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal N.T., minn M. de Abgaro Zachariasiewicz, radca prawny,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Rumen, minn M. Chicu, E. Gane u L. Ghiţă, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 69(2), u tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, u rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-proċedura mressqa minn N.T., li tirrisjedi fil-Polonja, wara l-mewt ta’ oħtha, K.T., ċittadina Pollakka u Ġermaniża li kellha r-residenza abitwali tagħha fil-Belġju, kontra r-rifjut ta’ BNP Paribas Fortis SA/NV (iktar ’il quddiem “BNP”), bank li għandu s-sede tiegħu fil-Belġju, li jiżblokka l-assi li jinsabu f’kont bankarju miftuħ minn K.T. ma’ dak il-bank, minkejja l-preżentazzjoni, minn N.T., ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li jinnominaha bħala l-unika werrieta.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 70 tar-Regolament Nru 650/2012 hija redatta kif ġej:

“Iċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] għandu jinħareġ fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament. Għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jiddetermina fil-leġiżlazzjoni interna tiegħu liema awtoritajiet għandu jkollhom il-kompetenza li joħorġu ċ-Ċertifikat, kemm jekk huma qrati kif definit għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll awtoritajiet b’kompetenza fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, bħal bħala eżempju, n-nutara. […]”

4

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Ftehim dwar l-għażla tal-qorti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 hija l-liġi tal-Istat Membru, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jaqblu li qorti jew il-qrati ta’ dak l-Istat Membru għandu jkollhom ġuriżdizzjoni esklużiva biex jieħdu deċiżjoniji dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mas-suċċessjoni.”

5

Il-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”, jinkludi l-Artikoli 62 sa 73 tiegħu.

6

L-Artikolu 64 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kompetenza biex jinħareġ iċ-Ċertifikat”, jipprevedi:

“[…] L-awtorità emittenti għandha tkun:

(a)

qorti kif definit fl-Artikolu 3(2); jew

(b)

awtorità oħra li, skont il-liġi nazzjonali, għandha kompetenza biex tittratta materji ta’ suċċessjoni.”

7

L-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżami tal-applikazzjoni”, jiddikjara, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha, fuq talba, tipprovdi lill-awtorità emittenti ta’ Stat Membru ieħor l-informazzjoni miżmuma, b’mod partikolari, fir-reġistri tal-artijiet, fir-reġistri tal-istat ċivili u f’reġistri fejn jiġu rreġistrati d-dokumenti u l-fatti li jkunu ta’ rilevanza għas-suċċessjoni jew għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali jew reġim ekwivalenti tal-proprjetà tad-deċedut, fejn dik l-awtorità kompetenti tiġi awtorizzata, skont il-liġi nazzjonali, biex tipprovdi lil awtorità nazzjonali oħra b’tali informazzjoni.”

8

L-Artikolu 67 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Ħruġ taċ-Ċertifikat”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“L-awtorità emittenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat mingħajr dewmien f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan il-Kapitolu meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. […]

L-awtorità emittenti ma għandhiex toħroġ iċ-Ċertifikat b’mod partikolari jekk:

(a)

l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu qed jiġu kkontestati; jew

[…]”

9

L-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Effetti taċ-Ċertifikat”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.

2.   Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-werrieta, il-legatarju, l-eżekutur tat-testment jew l-amministratur tal-patrimonju għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.”

10

L-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rettifika, modifika jew irtirar taċ-Ċertifikat”, jiddikjara, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-awtorità emittenti għandha, fuq talba ta’ kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu jew, fejn dan huwa possibbli taħt il-liġi nazzjonali, ex officio, timmodifika jew tirtira ċ-Ċertifikat fejn ikun ġie stabbilit li ċ-Ċertifikat jew l-elementi individwali tiegħu mhumiex preċiżi.”

11

L-Artikolu 72 tal-imsemmi regolament, intitolat “Proċeduri ta’ rimedju”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   […]

Id-deċiżjonijiet meħudin mill-awtorità emittenti skont l-Artikolu 71 […] jistgħu jiġu kkontestati minn kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu.

Il-kontestazzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tal-awtorità emittenti f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   Jekk, bħala riżultat ta’ kontestazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, jiġi stabbilit li ċ-Ċertifikat li nħareg mhuwiex preċiż, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tirrettifika, timmodifika jew tirtira ċ-Ċertifikat jew tiżgura li l-awtorità emittenti tirrettifika, timmodifika jew tirtira ċ-Ċertifikat.

[…]”

Id-dritt Pollakk

Il-Kodiċi Notarili

12

L-Artikolu 79 tal-ustawa Prawo o notariacie (il-Liġi dwar il-Kodiċi Notarili) tal‑14 ta’ Frar 1991 (Dz. U. Nru 22, pożizzjoni 91), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Notarili”), jipprovdi:

“In-nutar għandu jwettaq l-azzjonijiet li ġejjin:

[…]

1b)

għandu jieħu miżuri relatati maċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

[…]”

13

L-Artikolu 83 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta azzjoni proċedurali kontra r-rifjut li jiġi stabbilit att notarili, f’terminu ta’ ġimgħa min-notifika tar-raġunijiet għar-rifjut – u jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx talbet in-notifika tar-raġunijiet għar-rifjut fit-terminu previst, mid-data li fiha saret taf bir-rifjut –, quddiem qorti reġjonali kompetenti fejn jinsab l-uffiċċju notarili li rrifjuta li jistabbilixxi l-att notarili. L-azzjoni proċedurali għandha tiġi ppreżentata permezz tal-imsemmi nutar.”

14

L-Artikolu 89 tal-imsemmi kodiċi jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-partijiet f’att notarili huma responsabbli in solidum għar-remunerazzjoni dovuta lin-nutar. […]”

15

L-Artikolu 95t tal-istess kodiċi jipprovdi:

“Fil-protokoll in-nutar għandu jikkonstata l-ħruġ, ir-rettifika, il-modifika jew l-irtirar taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jew is-sospensjoni tal-effetti tiegħu, kif ukoll ir-rifjut li jitwettqu dawn l-atti. […]”

16

L-Artikolu 95u tal-Kodiċi Notarili jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“In-nutar għandu jikkomunika ex officio estratt mill-protokoll relatat mal-ħruġ jew mar-rifjut ta’ ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, flimkien ma’ indikazzjonijiet dwar ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli. In-nutar għandu jiddikjara l-ġustifikazzjonijiet għal dawn l-atti f’terminu ta’ ġimgħa, fuq talba tal-persuna li tipparteċipa fl-att notarili fformulata f’terminu ta’ ġimgħa mid-data ta’ komunikazzjoni tal-estratt mill-protokoll, jew jekk il-persuna li tipparteċipa fl-att notarili li ma tkunx ressqet tali talba tkun ippreżentat appell fit-terminu legali.”

17

L-Artikolu 95v ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Fejn jiġi stabbilit li jeżisti raġuni, kif previst mir-[Regolament Nru 650/2012], biex jiġi mmodifikat jew irtirat iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, in-nutar jista’ wkoll jimmodifikah jew jirrevokah ex officio.”

18

Skont l-Artikolu 95w tal-imsemmi kodiċi:

“In-nutar għandu jikkomunika ex officio estratt mill-protokoll li jirrigwarda r-rettifika, il-modifika jew l-irtirar taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jew is-sospensjoni tal-effetti tiegħu, kif ukoll li jirrigwarda r-rifjut li jitwettqu dawn l-atti, flimkien ma’ indikazzjonijiet dwar ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli. It-tieni sentenza tal-Artikolu 95u(1) għandha tapplika mutatis mutandis. In-nutar għandu jikkomunika wkoll ex officio kopja tal-protokoll li jinkludi dawn l-atti lill-persuni kollha li lilhom ikunu nħarġu kopji ċċertifikati taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.”

19

L-Artikolu 95x tal-istess kodiċi jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Att notarili dwar il-ħruġ, ir-rettifika, il-modifika jew l-irtirar jew is-sospensjoni tal-effetti ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni proċedurali. L-Artikolu 83 għandu japplika mutatis mutandis.”

Ir-Regolament tal-Ministru għall-Ġustizzja dwar ir-Rati Massimi tal-Ispejjeż ta’ Nutar

20

L-Artikolu 10a tar-rozporządzenie Ministra Sprawiedliwości w sprawie maksymalnych stawek taksy notarialnej (ir-Regolament tal-Ministru għall-Ġustizzja dwar ir-Rati Massimi tal-Ispejjeż ta’ Nutar) tat‑28 ta’ Ġunju 2004 (Dz. U. tal‑2004, Nru 148, pożizzjoni 1564), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi, fil-paragrafu 2a tiegħu:

“Għall-atti notarili relatati maċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, bl-esklużjoni tal-atti msemmija fil-paragrafi 2b u 2c u fil-paragrafu 12, ir-rata massima hija, bħala regola ġenerali, ta’ 400 [zloty Pollakka (PLN) (madwar EUR 100)].”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

K.T., li kellha nazzjonalità doppja Pollakka u Ġermaniża u li kienet tirrisjedi abitwalment fil-Belġju, mietet fis‑6 ta’ Frar 2023 fil-Polonja. Hija ma kinitx miżżewġa u ma kellhiex tfal. L-eqreb familja tagħha kienet komposta mill-ġenituri tagħha u minn oħtha N.T., li kienu jirrisjedu fil-Polonja. Qabel mewtha, K.T. kitbet, quddiem nutar Pollakk, testment li fih hija indikat il-liġi Pollakka bħala l-liġi applikabbli u ħatret lil oħtha N.T. bħala l-unika werrieta.

22

Fit‑22 ta’ Frar 2023, dan it-testament infetaħ u nqara quddiem iż-zastępca notarialny zastępujący notariusza Justynę Gawlicę w Krapkowicach (il-prattikant notarili awtorizzat sostitut tan-nutara Justyna Gawlica li teżerċita fi Krapkowice, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“prattikant notarili awtorizzat”), fil-preżenza ta’ N.T. u tal-ġenituri ta’ K.T. Ġie konkluż ftehim dwar l-għażla tal-ġurisdizzjoni, taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 650/2012, bejn il-ġenituri ta’ K.T. u N.T. Fi tmiem din il-proċedura, inħareġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li kien jindika lil N.T. bħala l-unika werrieta, flimkien ma’ attestazzjoni konformi mal-Formola II, prevista u annessa fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad‑9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2014, L 359, p. 30, rettifika fil-ĠU 2016, L 9, p. 14). F’din l-attestazzjoni, il-prattikant notarili awtorizzat ippreċiża l-effetti taċ-ċertifikat tas-suċċessjoni maħruġ, b’mod partikolari n-natura legalment vinkolanti tiegħu, u fakkar il-klassifikazzjoni bħala qorti hekk kif jirriżulta mis-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB (C‑658/17, EU:C:2019:444).

23

Il-wirt kien fih b’mod partikolari fondi mqiegħda f’kont bankarju miftuħ ma’ BNP. Din tal-aħħar irrifjutat li tirrikonoxxi lil N.T. bħala l-unika werrieta ta’ K.T. u talbitha tipproduċi Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

24

Minkejja l-ħruġ, fil‑5 ta’ Lulju 2023, mill-prattikant notarili awtorizzat, ta’ tali ċertifikat li kien jindika lil N.T. bħala l-unika werrieta, BNP ikkonfermat ir-rifjut tagħha li tirrikonoxxiha bħala l-unika werrieta ta’ K.T. u rrikjediet li din tipproduċi ċertifikat ta’ wirt maħruġ minn nutar Belġjan (verklaring van erfrecht).

25

Fit‑18 ta’ Settembru 2023, il-prattikant notarili awtorizzat ikkomunika ma’ N.T. u BNP, fejn fakkarhom dwar is-sitwazzjoni legali li tirriżulta mill-konklużjoni tal-ftehim dwar l-għażla tal-ġurisdizzjoni kif ukoll dwar il-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. In-nutar informa lil BNP bil-possibbiltà, fuq il-bażi tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 650/2012, li jitlob l-irtirar jew il-modifika taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni żbaljat jew irregolari u ppreċiża li, fi kwalunkwe każ, tali ċertifikat jibqa’ vinkolanti sakemm ma jkunx ġie rtirat jew immodifikat.

26

Fit‑3 ta’ Novembru 2023, il-prattikant notarili awtorizzat beda ex officio l-proċedura ta’ rtirar jew ta’ modifika taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni inkwistjoni, billi sejjaħ, bħala partijiet, lil N.T., lill-ġenituri tagħha u lil BNP. Huwa tahom terminu sabiex jipprovdu l-informazzjoni u d-dokumenti li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ irregolarità possibbli ta’ dan iċ-ċertifikat. Huwa informa wkoll lil dawn il-partijiet li l-ftuħ ta’ tali proċedura jwassal għal spejjeż proċedurali, bħal taxxa notarili u spejjeż ta’ notifika u ta’ traduzzjoni.

27

Il-prattikant notarili awtorizzat indika li, konformement mal-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 650/2012, il-leġiżlatur Pollakk impona fuq in-nutar, bħala awtorità li toħroġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, l-obbligu legali li jimmodifika jew li jirtira ċ-ċertifikat maħruġ, inkluż ex officio, meta dan ma jikkorrispondix mar-realtà. Huwa ppreċiża li n-nutar għandu għalhekk jiżgura l-eżattezza taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ kif ukoll jiċċara, f’każ ta’ dubji, ex officio jew fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, il-kwistjoni tal-eżattezza tiegħu permezz ta’ investigazzjoni xierqa. Fil-kuntest ta’ tali proċedura, huwa għalhekk il-prattikant notarili awtorizzat li għandu mhux biss jivverifika l-eżattezza tal-kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda wkoll li jiddeċiedi l-kawża prinċipali, li jimplika għalih li jieħu pożizzjoni dwar il-konformità tal-kontenut ta’ dan iċ-ċertifikat mas-sitwazzjoni legali reali.

28

Il-prattikant notarili awtorizzat iqis li, għal dan l-għan, huwa għandu jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża prinċipali, billi jibbaża ruħu b’mod partikolari fuq il-proċedura għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (ĠU 2020, L 405, p. 40, rettifiki fil-ĠU 2023, L 188, p. 61, u fil-ĠU 2024, L 90073, p. 1).

29

Għalhekk, skont il-prattikant notarili awtorizzat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rtirar jew ta’ modifika ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, l-awtorità emittenti teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, hekk kif inhu kkorroborat mill-istruttura tar-Regolament Nru 650/2012.

30

F’dan ir-rigward, il-prattikant notarili awtorizzat indika li, permezz tal-Artikolu 66(5) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies neċessarju li jipprevedi rimedju proċedurali għall-kisba ta’ provi fi Stati Membri oħra, intiż fil-parti l-kbira tiegħu għall-awtoritajiet emittenti mhux ġudizzjarji. Il-previżjoni ta’ tali rimedju proċedurali hija marbuta mal-fatt li, konformement mal-Artikolu 67(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012, l-awtorità emittenti ma hijiex mitluba tiddeċiedi tilwim u għalhekk ma hijiex awtorizzata tirrikorri għall-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili intiżi għall-qrati. Madankollu, is-sitwazzjoni tinbidel radikalment ladarba ċ-ċertifikat ikun inħareġ, meta l-awtorità emittenti, bis-saħħa tal-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament, tintalab tipproċedi għall-irtirar jew għall-modifika taċ-ċertifikat tas-suċċessjoni inkwistjoni. Għalhekk, din l-awtorità tista’ tirrikorri għal dawn l-istrumenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ rtirar jew ta’ modifika ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – li jispjega għalfejn il-leġiżlatur, fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 650/2012, ma daħħalx regola analoga għal dik prevista fl-Artikolu 66(5) ta’ dan ir-regolament. Dawn l-elementi wasslu lill-prattikant notarili awtorizzat sabiex iqis li l-imsemmija awtorità teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji u tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

31

Madankollu, fid-dawl tas-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB (C‑658/17, EU:C:2019:444) u tad-digriet tal‑1 ta’ Settembru 2021, OKR (Rinviju għal deċiżjoni preliminari ta’ nutar) (C‑387/20, EU:C:2021:751), il-prattikant notarili awtorizzat jistaqsi, fl-ewwel lok, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, huwiex awtorizzat jagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

32

Li kieku dan kien il-każ, il-prattikant notarili awtorizzat jistaqsi, fit-tieni lok, jekk huwiex possibbli, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, li BNP tbati l-ispejjeż notarili relatati mal-proċedura ta’ rtirar jew ta’ modifika taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni meta din la tkun ipparteċipat fil-proċedura ta’ ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u lanqas ma tkun talbet l-irtirar jew il-modifika ta’ tali ċertifikat, iżda kkontestat l-effetti taċ-ċertifikat li ġie ppreżentat lilha, li wassal lill-awtorità emittenti sabiex tibda ex officio proċedura ta’ rtirar jew ta’ modifika ta’ dan iċ-ċertifikat.

33

Skont il-prattikant notarili awtorizzat, konformement mad-dritt Pollakk applikabbli, b’mod partikolari l-Kodiċi Notarili u r-Regolament tal-Ministru għall-Ġustizzja dwar ir-Rati Massimi tal-Ispejjeż ta’ Nutar, u fl-osservanza tal-limiti ġenerali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, kull parti f’din il-proċedura għandha tbati l-ispejjeż notarili relatati magħha. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, BNP għandha tiġi inkluża fost il-partijiet fl-imsemmija proċedura.

34

Fit-tielet lok, il-prattikant notarili awtorizzat ifittex li jkun jaf jekk l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012 jawtorizzax lil bank li lilu tiġi ppreżentata kopja ċċertifikata ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jikkontesta l-kwalità ta’ werriet tal-persuna indikata f’dan id-dokument.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-prattikant notarili awtorizzat iddeċieda li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 71(2) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li organu ekstraġudizzjarju li joħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa intitolat, fi proċeduri ta’ revoka jew modifika tal-imsemmi ċertifikat, jaġixxi skont l-Artikolu 267 TFUE billi jressaq domanda preliminari?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għall-ewwel domanda]:

2)

L-Artikolu 71(2) [ta’ dan ir-regolament] jippermetti li l-ispejjeż proċedurali għal revoka jew modifika ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jiġu imposti fuq bank li ma kienx ħa sehem fil-proċedura għall-għoti taċ-ċertifikat, ma kienx ippreżenta applikazzjoni għal revoka jew modifika iżda esprima dubji dwar l-effetti ta’ leġittimità taċ-ċertifikat maħruġ lilu b’tali mod li wassal lill-organu li joħroġ iċ-ċertifikat jibda ex officio proċeduri għar-revoka jew modifika taċ-ċertifikat immexxija bil-parteċipazzjoni ta’ dan il-bank?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għat-tieni domanda]:

3)

L-Artikolu 69(2) [tal-imsemmi regolament] għandu jiġi interpretat fis-sens li bank li lilu ġiet ippreżentata kopja ċċertifikata valida ta’ Ċertifikat ta’ Ewropew tas-Suċċessjoni, ma huwiex intitolat jesprimi dubji dwar l-istatus ta’ werriet tal-persuna identifikata fiċ-ċertifikat?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Settembru 2024, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy (C‑187/23, EU:C:2025:34).

37

Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Jannar 2025, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja kkomunika din is-sentenza lill-prattikant notarili awtorizzat u stiednu jindikalu jekk, fid-dawl tagħha, huwa xtaqx iżomm it-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari.

38

Fit-tweġiba tiegħu tal‑20 ta’ Frar 2025, il-prattikant notarili awtorizzat informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa kellu l-intenzjoni jżomm it-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari sa fejn l-imsemmija sentenza, dwar il-proċedura ta’ ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ma jkollha ebda effett fuq is-suġġett u l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura, li fil-kuntest tagħha il-prattikant notarili awtorizzat ikollu jsolvi tilwima li għandha bħala suġġett ir-rikonoxximent taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li jagħtih in-natura ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

39

Bis-saħħa tal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta talba għal deċiżjoni preliminari tkun manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

40

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

41

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għaliha għas-soluzzjoni tat-tilwima li tkun mitluba tiddeċiedi tiddeċiedi (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Minn dan jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-organu tar-rinviju għandu jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Sabiex jiġi evalwat jekk organu tar-rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan l-organu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu inkwistjoni, ta’ liġijiet kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels, 61/65, EU:C:1966:39, p. 395; tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 41, kif ukoll tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 35).

44

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima tkun pendenti quddiemhom u jekk jintalbu sabiex jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, C‑187/23, EU:C:2025:34, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Sabiex jiġi stabbilit jekk organu nazzjonali, mogħti funzjonijiet ta’ natura differenti mil-liġi, għandux jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa neċessarju li jiġi vverifikat liema hija n-natura speċifika tal-funzjonijiet, ġudizzjarji jew amministrattivi, li huwa jkun qed jeżerċita fil-kuntest legali partikolari li fih huwa jkun intalab jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi vverifikat jekk kawża hijiex pendenti quddiem tali organu u jekk dan tal-aħħar huwiex mitlub li jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello, C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 28, kif ukoll id-digrieti tal‑1 ta’ Settembru 2021, OKR (Rinviju għal deċiżjoni preliminari ta’ nutar), C‑387/20, EU:C:2021:751, punt 23, u tad‑19 ta’ Mejju 2022, Frontera Capital, C‑722/21, EU:C:2022:412, punt 13).

46

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, preliminarjament, li s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 650/2012 hija bbażata fuq il-premessa li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jinħareġ konformement mal-proċedura stabbilita fil-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti bis-saħħa tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

47

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012, moqri fid-dawl tal-premessa 70 tiegħu, il-ħruġ ta’ tali ċertifikat jista’ jiġi fdat lil qorti jew lil awtoritajiet li ma humiex qorti li, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, huma kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjonijiet, bħan-nutara.

48

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bis-saħħa tad-dritt Pollakk, kemm il-qrati kif ukoll in-nutara jistgħu jitqiesu bħala awtoritajiet kompetenti sabiex joħorġu Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. B’mod iktar partikolari, il-Kodiċi Notarili jipprevedi fl-Artikolu 79(1b) tiegħu, li n-nutar għandu jieħu miżuri relatati maċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

49

Fil-kuntest tal-ħruġ ta’ tali ċertifikat, kif previst fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012, u sabiex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-awtorità emittenti ma tistax toħroġ tali ċertifikat li l-elementi tiegħu ma jikkorrispondux mar-realtà u li, fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati, din l-awtorità, li ma għandhiex is-setgħa li tiddeċiedi tali kontestazzjoni, hija obbligata tirrifjuta li toħroġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni mitlub, fejn dan ir-rifjut jista’ jkun is-suġġett tar-rikors previst fl-Artikolu 72 ta’ dan ir-regolament quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti sabiex tirregola l-imsemmija kontestazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, C‑187/23, EU:C:2025:34, punti 43, 44, 64 u 65). Minn din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, billi, bħala awtorità emittenti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, tat deċiżjonijiet skont l-Artikolu 67(1) tal-imsemmi regolament, l-entità tar-rinviju inkwistjoni ma kinitx teżerċita funzjoni ġudizzjarja u, għaldaqstant, ma kinitx awtorizzata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, C‑187/23, EU:C:2025:34, punt 66).

50

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 43 sa 45 u 49 ta’ dan id-digriet, għandu jiġi vverifikat jekk in-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mill-awtorità emittenti, f’dan il-każ il-prattikant notarili awtorizzat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rtirar jew ta’ modifika taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni prevista fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 650/2012 u li fil-kuntest tagħha hija ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hijiex differenti minn dik li fiha tali awtorità toħroġ l-imsemmi ċertifikat.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu biss inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti minnha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑23 ta’ Jannar 2025, Albausy, C‑187/23, EU:C:2025:34, punt 39).

52

Skont l-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 650/2012, l-awtorità emittenti għandha timmodifika jew tirtira ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, fuq talba ta’ kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu jew, fejn id-dritt nazzjonali jippermetti dan, ex officio, meta jkun ġie stabbilit li dan iċ-ċertifikat jew xi wħud mill-elementi tiegħu ma jikkorrispondux mar-realtà.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 650/2012 ma jirriżultax li hija l-awtorità emittenti li, sabiex tirtira jew timmodifika Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandha tistabbilixxi li dan iċ-ċertifikat jew elementi tiegħu huma differenti mir-realtà.

54

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni Ewropea, li, f’din id-dispożizzjoni, il-verb “stabbilixxa” jintuża fil-forma passiva jew impersonali f’diversi verżjonijiet lingwistiċi, bħal fil-lingwa Spanjola (“se haya acreditado”), fil-lingwa Ġermaniża (“wenn feststeht”), fil-lingwa Estonjana (“on kindlaks tehtud”), fil-lingwa Ingliża (“it has been established”), fil-lingwa Franċiża (“lorsqu’il a été établi”) fil-lingwa Taljana (“sia stato accertato”), fil-lingwa Finlandiża (“jos on todettu”) jew fil-lingwa Svediża (“om det har fastställts”).

55

Din l-interpretazzjoni hija wkoll issostanzjata permezz tal-Artikolu 72(2) tar-Regolament Nru 650/2012, li skontu “[j]ekk, bħala riżultat ta’ kontestazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, jiġi stabbilit li ċ-Ċertifikat li nħareg mhuwiex preċiż, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tirrettifika, timmodifika jew tirtira ċ-Ċertifikat jew tiżgura li l-awtorità emittenti tirrettifika, timmodifika jew tirtira ċ-Ċertifikat”. Għalhekk, hija biss l-awtorità ġudizzjarja msemmija f’din id-dispożizzjoni li tista’ tiddetermina d-drittijiet tas-suċċessjoni jew l-elementi kkontestati fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni wara li tkun wettqet eżami komplet tal-mertu tal-kawża. Għaldaqstant, l-awtorità emittenti ta’ dan iċ-ċertifikat hija awtorizzata, jekk ikun il-każ ex officio, timmodifika jew tirtira ċ-ċertifikat li hija tkun ħarġet preċedentement biss jekk, minn qabel, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tkun stabbilixxiet liema elementi ta’ dan iċ-ċertifikat ma jikkorrispondux mar-realtà u li ma tkunx hija stess irrettifikat, immodifikat jew irtirat.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-awtorità emittenti, f’dan il-każ il-prattikant notarili awtorizzat, ma hijiex awtorizzata tiddetermina l-elementi kkontestati taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li hija tkun ħarġet preċedentement.

57

Huwa minnu li l-proċedura ta’ rtirar jew ta’ modifika taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni hija speċifika u awtonoma meta mqabbla mal-proċedura ta’ ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni prevista fl-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012.

58

Madankollu, kif ġie rrilevat mill-prattikant notarili awtorizzat, minn N.T. u mill-Gvern Rumen, din il-proċedura hija prevista fil-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, relatat maċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, u għalhekk tikkostitwixxi stadju sussegwenti u komplementari għall-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat li ġie previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament.

59

Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan il-kapitolu, dwar iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, inklużi dawk li jirrigwardaw il-proċedura ta’ rtirar jew ta’ modifika ta’ dan iċ-ċertifikat, ma jagħtux lill-awtoritajiet nazzjonali awtorizzati joħorġu l-imsemmi ċertifikat il-kompetenza li jsolvu tilwim potenzjali u li jiddeterminaw, fil-każ ta’ kontestazzjoni, id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kandidati jew ikkonċernati fis-suċċessjoni.

60

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, billi jimmodifika jew jirtira Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, il-prattikant notarili awtorizzat ma ntalabx jiddeċiedi tilwima li fil-kuntest tagħha huwa għandu jagħti deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, b’tali mod li ma jeżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji, la fir-rigward tal-werrieta u legatarji li għandhom drittijiet diretti fuq is-suċċessjoni u lanqas, a fortiori, fir-rigward ta’ terzi kkonċernati bħal bank li miegħu d-decujus kellu kont.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-prattikant notarili awtorizzat ikkonċernat ma jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

62

Konsegwentement, din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tiġi ddikjarata manifestament inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem l-organu tar-rinviju, huwa dak l-organu li jiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tiddikjara:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa miż-zastępca notarialny zastępujący notariusza Justynę Gawlicę w Krapkowicach (prattikant notarili awtorizzat sostitut tan-nutara Justyna Gawlica li teżerċita fi Krapkowice, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2024, hija manifestament inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.