European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1564

14.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2026/1564

tal-1 ta’ Lulju 2026

li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim fir-rigward ta’ Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101, it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dekolonizzazzjoni tat-territorju ta’ Ġibiltà (“Ġibiltà”) jelenkaw lil Ġibiltà bħala “Territorju Mhux Awtonomu Amministrat mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq” bl-applikazzjoni tal-Kapitolu XI tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)

Fil-5 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal ftehim mar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà. Wara n-negozjati, il-Partijiet qablu fil-livell tan-negozjaturi dwar il-Ftehim fir-rigward ta’ Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”).

(3)

Il-Ftehim ikopri kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-“Trattat Euratom”), jiġifieri d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni nukleari ċivili. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi konkluż ukoll f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Komunità”) f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt dak it-Trattat.

(4)

Il-konklużjoni tal-Ftehim, mill-Kummissjoni, li taġixxi f’isem il-Komunità, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, jenħtieġ li tiġi approvata.

(5)

Il-Ftehim, jew kwalunkwe attività jew miżura meħuda fl-applikazzjoni jew bħala riżultat tiegħu, ma jimplika l-ebda modifika tal-pożizzjoni legali tar-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sovranità u l-ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ Ġibiltà.

(6)

Peress li l-awtoritajiet ta’ Ġibiltà għandhom karattru lokali u jeżerċitaw esklużivament kompetenzi interni, jenħtieġ li kwalunkwe parteċipazzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet fl-applikazzjoni tal-Ftehim titqies li qed titwettaq esklużivament fil-kompetenzi interni ta’ Ġibiltà, sakemm ma jkunx previst speċifikament mod ieħor.

(7)

Il-Ftehim ikopri kemm kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) kif ukoll kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat Euratom. Għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-TFUE, il-Ftehim huwa maħsub li japplika fuq bażi proviżorja mill-15 ta’ Lulju 2026. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, l-parti tal-Ftehim li tkopri kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat Euratom jenħtieġ li tapplika wkoll fuq bażi proviżorja mill-istess data.

(8)

L-iffirmar, l-applikazzjoni proviżorja u l-konklużjoni tal-Ftehim f’isem l-Unjoni huma soġġetti għal proċedura separata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-konklużjoni mill-Kummissjoni, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim fir-rigward ta’ Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”), inkluż id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-applikazzjoni proviżorja, hija b’dan approvata, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-“Trattat Euratom”), soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Qabel il-konklużjoni tiegħu u soġġett għar-reċiproċità, il-Ftehim, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, għandu jiġi ffirmat u, dment li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 336(2) tal-Ftehim jiġu ssodisfati, għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-15 ta’ Lulju 2026, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2026/1562, 14.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/1562/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1564/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)