IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.10.2026
COM(2026) 561 final
2026/0321(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/410 dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assistenza finanzjarja lill-Italja skont ir-Regolament (UE) 2025/1106
2026/0321 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/410 dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assistenza finanzjarja lill-Italja skont ir-Regolament (UE) 2025/1106
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża, u b’mod partikolari l-Artikoli 7(5) u 8 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Nhar it-30 ta’ Novembru 2025, wara t-tressiq tal-Italja ta’ talba f’konformità mal-Artikolu7(1) tar-tar-Regolament (UE) 2025/1106 għall-assistenza finanzjarja (it-“talba”) akkumpanjata minn pjan ta’ investiment għall-industrija tad-difiża Ewropea (il-“pjan”), il-Kummissjoni sabet li t-talba tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 16.
(2)Il-Kummissjoni ressqet proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li permezz tagħha l-assistenza finanzjarja tqiegħdet għad-dispożizzjoni għall-Italja fis-26 ta’ Jannar 2026, li ġiet adottata mill-Kunsill fis-17 ta’ Frar 2026.
(3)Fid-19 ta’ Awwissu 2026, qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ self relatat u tal-arranġamenti operazzjonali, l-Italja ressqet talba emendata lill-Kummissjoni li tnaqqas l-ammont tal-assistenza finanzjarja mitluba għal EUR 8 000 958 000 (“it-talba riveduta”). Għaldaqstant, fid-9 ta’ Settembru 2026, tressaq pjan rivedut lill-Kummissjoni (“il-pjan rivedut”).
(4)Il-Kummissjoni vvalutat it-talba riveduta skont il-kundizzjonijiet applikabbli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2025/1106.
(5)F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2025/1106, il-pjan rivedut kien motivat u sostanzjat kif xieraq u kien jinkludi deskrizzjoni tal-prodotti tad-difiża u tal-prodotti l-oħra għall-finijiet tad-difiża u, fejn rilevanti, deskrizzjoni tal-involviment previst tal-Ukrajna fl-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri ppjanati, jew tal-azzjonijiet previsti għall-benefiċċju tal-Ukrajna.
(6)Skont il-Kummissjoni, it-talba riveduta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2025/1106 għall-użu tal-istrument SAFE. B’mod partikolari, tiżgura li l-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri relatati mal-prodotti tad-difiża jew ma’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża jitwettqu permezz ta’ akkwisti komuni jew ta’ akkwisti uniċi. Dawn l-attivitajiet, nefqiet u miżuri irid ikollhom ukoll wieħed jew aktar mill-objettivi li ġejjin: iħaffu l-aġġustament tal-industrija tad-difiża għall-bidliet strutturali, itejbu d-disponibbiltà f’waqtha tal-prodotti tad-difiża jew jiżguraw l-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà madwar fl-Unjoni kollha.
(7)Skont il-Kummissjoni ukoll, it-talba riveduta fiha deskrizzjoni tal-miżuri ppjanati maħsuba biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2025/1106 u mar-regoli tal-akkwist stabbiliti f’dak ir-Regolament, inkluża deskrizzjoni ta’ kif trid tiġi żgurata dik il-konformità.
(8)Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2025/1106, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 16.
(9)Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tqegħid għad-dispożizzjoni assistenza finanzjarja fl-għamla ta’ self li jammonta sa massimu ta’ EUR 8 000 958 000.
(10)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill() u skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.
(11)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli rilevanti adottati skont l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE, Euratom) 2024/2509() u (UE, Euratom) 2020/2092() tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(12)F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2025/1106, jenħtieġ li l-ftehim ta’ self li jrid jiġi konkluż mal-Italja jistabbilixxi l-miżuri xierqa kollha meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/410 hija emendata kif ġej:
(1)L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 1
Huwa b’dan ikkonfermat li l-Kummissjoni vvalutat it-talba għall-assistenza finanzjarja skont l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tal-Istrument għat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża mressqa mill-Italja fid-9 ta’ Settembru 2026 u sabet li t-talba tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2025/1106, b’mod partikolari dawk fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 16. L-assistenza finanzjarja għandha tkun disponibbli għall-Italja kif xieraq.
(2)Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni lill-Italja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 8 000 958 000.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell,