SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

30 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 98/59/KE – Tkeċċijiet kollettivi – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) – Rekwiżit ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-awtorità pubblika kompetenti tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva – Konformità tal-komunikazzjoni mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva – Assenza – Validità tat-tkeċċija – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) – Perijodu ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni ta’ 30 jum

Fil-Kawża C‑134/24 [Tomann] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

UR, li jaġixxi bħala stralċjarju ta’ V GmbH,

vs

DF,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan, D. Gratsias u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal UR, li qed jaġixxi bħala stralċjarju ta’ V GmbH, minn M. Richter, Rechtsanwalt,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Delaude u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Frar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1), tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327 ), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 263, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/59”)

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UR li qed jaġixxi bħala stralċjarju ta’ V GmbH, u DF fir-rigward tal-validità tat-tkeċċija ta’ dan tal-aħħar, li seħħet fil-kuntest ta’ proġett ta’ tkeċċija kollettiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 u 12 tad-Direttiva 98/59 jipprovdu:

“(2)

Billi huwa importanti li jkun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta’ redundancies kollettivi waqt li jittieħed kont tal-bżonn ta’ żvilupp ibbilanċjat ekonomiku u soċjali fil-Komunità;

[...]

(12)

Billi l-Istati Membri għndhom jiżguraw li r-rapreżentanti tal-ħaddiema u/jew il-ħaddiema jkollom għad-dispożizzjoni tagħhom proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jassiguraw li l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva jitwettqu”.

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘redundancies kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, in-numru tar-redundancies huwa:

i)

jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

–

mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

[...]

ii)

jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi

jkun in-numru ta’ impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

[...]

Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

2.   Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

[...]

3.   Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:

[...]

b)

f’kull każ jagħtihom notifka bil-miktub

i)

tar-raġunijiet għar-redundancies ipproġettati;

ii)

tan-numri tal-kategoriji ta’ ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;

iii)

tan-numri u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;

iv)

tal-perijodu meta r-redundancies ipproġettati għandhom jiġu effettwati;

v)

tal-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sakemm u safejn il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu l-poter għal dan lil min iħaddem;

[...]

Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v).”

6

L-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdu:

“1.   Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi.

[...]

Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat.”

7

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/59:

“1.   Il-redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

2.   Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għallproblemi kkawżati mir-redundancies kollettivi proġettati.

3.   Meta l-perijodu inizjali previst fil-paragraph 1 huwa iqsar minn 60 ġurnata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorià pubblika kompetenti biex testendi l-perijodu inizjali ta’ 60 ġurnata wara n-notika meta l-problemi kkawżati mill-pjanijiet proġettati ta’ redundancies kollettivi x’aktarx ma tinstabx soluzzjoni għalihom fil-perijodu inizjali.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtorità pubblika kompetenti poteri iktar wiesgtra ta’ estenzjoni.

Min iħaddem għandu jkun infurmat bl-estenzjoni u l-bażi tagħha qabel ma jiskadi l-perijodu tal-bidu msemmi fil-paragrafu 1.

[...]”

8

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi għall-infurzar ta' l-obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew għall-ħaddiema.”

Id‑dritt Ġermaniż

Il-Kodiċi Ċivili

9

Skont l-Artikolu 134 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”):

“Kull att ġuridiku kuntrarju għal projbizzjoni legali huwa null sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.”

10

L‑Artikolu 615 tal-BGB jistabbilixxi:

“Jekk il-kreditur ta’ provvista ta’ servizzi jdum ma jaċċetta s-servizzi, il-fornitur jista’ jeżiġi r-remunerazzjoni miftiehma għas-servizzi mhux eżegwiti minħabba d-dewmien mingħajr ma jkun obbligat jeżegwihom iktar tard. [...]”

Il-Liġi dwar il-Protezzjoni Kontra t-Tkeċċijiet

11

L-Artikolu 17 tal-Kündigungsschutzgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni Kontra t-Tkeċċijiet), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KSchG”), jipprovdi:

“(1)   Il-persuna li timpjega hija obbligata li tikkomunika lill-Aġenzija tal-Impjiegi qabel ma tkeċċi:

fl-istabbilimenti li normalment jimpjegaw iktar minn 20 u inqas minn 60 ħaddiem: iktar minn 5 ħaddiema,

[...]

matul perijodu ta’ 30 jum kalendarju. [...]

[...]

(3)   [...] Il-komunikazzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha ssir bil-miktub u tkun akkumpanjata bl-opinjoni tal-Kunsill tax-Xogħol dwar it-tkeċċijiet. Fin-nuqqas ta’ opinjoni tal-Kunsill tax-Xogħol, il-komunikazzjoni tieħu effett jekk il-persuna li timpjega tressaq elementi li jippermettu li jiġi preżunt li hija informat lill-Kunsill tax-Xogħol tal-inqas ġimagħtejn qabel ma pproċediet bil-komunikazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2, u jekk tagħti rendikont dwar l-istat tal-konsultazzjonijiet. Il-komunikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-isem tal-persuna li timpjega, is-sede tagħha u t-tip ta’ impriża, kif ukoll dwar ir-raġuni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija, in-numru u l-kategoriji ta’ ħaddiema li għandhom jitkeċċew kif ukoll ħaddiema normalment impjegati, il-perijodu li matulu huwa maħsub li jsiru t-tkeċċijiet, u l-kriterji previsti għall-għażla ta’ ħaddiema li għandhom jitkeċċew. Bi qbil mal-Kunsill tax-Xogħol, il-komunikazzjoni għandha tinkludi wkoll, għall-kollokament, informazzjoni dwar is-sess, l-età, il-professjoni u n-nazzjonalità tal-ħaddiema li għandhom jitkeċċew. [...]”

12

L-Artikolu 18(1) u (2) tal-KSchG huwa fformulat kif ġej:

“(1)   It-tkeċċijiet li għandhom jiġu kkomunikati skont l-Artikolu 17 jidħlu fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ xahar mir-riċezzjoni tal-komunikazzjoni mill-Aġenzija tal-Impjiegi biss bil-kunsens ta’ din tal-aħħar, fejn l-imsemmi kunsens jista’ jingħata wkoll retroattivament sad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

(2)   F’ċerti każijiet, l-Aġenzija tal-Impjiegi għandu l-fakultà li tiddeċiedi li t-tkeċċijiet ma jidħlux fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ terminu massimu ta’ xahrejn wara r-riċezzjoni tal-komunikazzjoni.”

Il-Ktieb X tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali

13

Skont l-Artikolu 20 (1) u (2) tas-Sozialgesetzbuch, Zehntes Buch (il-Ktieb X tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali:

“(1)   L-awtorità tinvestiga ex officio fuq il-fatti. Hija tiddetermina n-natura u l-portata tal-investigazzjonijiet; hija ma hijiex marbuta bl-argumenti u bit-talbiet ta’ prova tal-persuni kkonċernati.

(2)   L-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-każ partikolari, inklużi dawk li huma favorevoli għall-persuni kkonċernati.”

Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Industrijali

14

L-Artikolu 45 tal-Arbeitsgerichtsgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Industrijali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ArbGG”), jipprovdi:

“(1)   Għandha tinħoloq Awla Manja fi ħdan il-[Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Awla Manja”)].

(2)   L-Awla Manja għandha tiddeċiedi meta awla tkun tixtieq titbiegħed mid-deċiżjoni ta’ awla oħra jew tal-Awla Manja dwar kwistjoni ġuridika.

(3)   Rinviju quddiem l-Awla Manja huwa ammissibbli biss jekk l-awla li tkun adottat id-deċiżjoni li awla oħra tixtieq titbiegħed minnha tkun iddikjarat, fuq it-talba ta’ din l-aħħar awla, li hija żżomm il-pożizzjoni legali tagħha. [...] L-awla kkonċernata għandha tiddeċiedi dwar it-talba u dwar ir-risposta permezz ta’ digriet adottat fil-kompożizzjoni meħtieġa għas-sentenzi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

DF ilu impjegat ta’ V GmbH mis-sena 1994.

16

Fl‑1 ta’ Diċembru 2020, infetħet proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ din il-kumpannija u UR inħatar stralċjarju tagħha.

17

Fit‑2 ta’ Diċembru 2020, UR xolja l-kuntratt ta’ xogħol ta’ DF b’effett mill‑31 ta’ Marzu 2021. Huwa paċifiku li UR keċċa iktar minn ħames impjegati matul perijodu ta’ 30 jum kalendarju.

18

Sussegwentement, DF ippreżenta rikors quddiem l-Arbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) intiż, minn naħa, sabiex jiġi kkonstatata t-tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, li UR jiġi kkundannat iżomm l-impjieg ta’ DF sal-għeluq definittiv tal-proċedura mibdija bl-għan li tiġi annullata t-tkeċċija tiegħu.

19

Insostenn tar-rikors tiegħu, DF isostni li x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu huwa null, peress li UR ma pproċediex minn qabel għall-komunikazzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi prevista fl-Artikolu 17(1) tal-KSchG.

20

UR talab li r-rikors ta’ DF jiġi miċħud, billi sostna li l-leġiżlazzjoni dwar it-tkeċċijiet kollettivi ma kinitx applikabbli f’dan il-każ, peress li V kienet timpjega biss 19-il impjegat fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza li tikkonċernaha. Għalhekk, f’dan il-każ, il-limitu li minnu l-komunikazzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi prevista fl-Artikolu 17(1) tal-KSchG hija obbligatorja ma ntlaħaqx. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, qabel il‑31 ta’ Marzu 2021, id-data tad-dħul fis-seħħ tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ DF, UR la pproċeda għal din il-komunikazzjoni u lanqas ma rregolarizza l-assenza ta’ tali komunikazzjoni.

21

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ April 2021, l-Arbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali ta’ Hamburg) laqgħet ir-rikors ta’ DF.

22

Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Frar 2022, il-Landesarbeitsgericht Hamburg (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) ċaħdet l-appell ippreżentat minn UR kontra din is-sentenza.

23

UR ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali), li hija l-qorti tar-rinviju, li assenjat il-kawża prinċipali lis-Sitt Awla ta’ din il-qorti (iktar ’il quddiem is-“Sitt Awla”).

24

Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Mejju 2023, din l-awla kkonstatat li, fil-mument tat-tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, V GmbH kienet timpjega, “bħala regola ġenerali” iktar minn 20 ħaddiem, b’mod li UR jmessu pproċeda, qabel ma xolja l-kuntratt ta’ xogħol ta’ DG, għall-komunikazzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi skont l-Artikolu 17(1) tal-KSchG.

25

Permezz ta’ digriet ieħor tal‑14 ta’ Diċembru 2023, l-imsemmija awla indikat li hija kellha dubji fir-rigward tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta fil-każ ta’ assenza ta’ tali komunikazzjoni kif ukoll ta’ nuqqasijiet għal kundizzjonijiet meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura ta’ komunikazzjoni mill-KSchG. Kuntrarjament għall-ġurisprudenza tagħha stess, l-istess awla hija tal-opinjoni li din l-assenza ta’ komunikazzjoni jew nuqqasijiet oħra ma jistgħux iwasslu għan-nullità tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol skont l-Artikolu 134 tal-BGB. Huwa biss il-leġiżlatur nazzjonali li għandu jipprevedi tali sanzjoni.

26

Issa, minn naħa, l-Artikolu 17(1) u (3) tal-KSchG, li jipprevedi l-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel tat-tkeċċijiet kollettivi, ma jistax jitqies bħala “liġi ta’ projbizzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 134 tal-BGB. Min-naħa l-oħra, is-“sanzjoni” ta’ nullità lanqas ma hija prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59.

27

Madankollu, is-Sitt Awla tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tat-Tieni Awla tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) (iktar ’il quddiem it-“Tieni Awla”) dwar is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fil-każ ta’ nuqqasijiet imwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ komunikazzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, hija ma tistax tastjeni, fil-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha, milli tiddikjara n-nullità tat-tkeċċija inkwistjoni billi titbiegħed mill-ġurisprudenza preċedenti tagħha stess, mingħajr ma qabel tkun wettqet konsultazzjoni interna prevista fl-Artikolu 45(3) tal-ArbGG, intiża sabiex jintemmu diverġenzi ta’ interpretazzjoni bejn awli differenti ta’ din il-qorti.

28

Għalhekk, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, is-Sitt Awla, permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2023, adixxiet lit-Tieni Awla bil-kwistjoni dwar jekk “[din] l-awla [kinitx ser iżżomm] l-analiżi [...] li x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol, bħala att ġuridiku, jikser projbizzjoni legali, fis-sens tal-Artikolu 134 tal-[BGB], li jwassal għan-nullità tax-xoljiment, fil-każ fejn, meta jseħħ dan ix-xoljiment, ma tkun saret ebda komunikazzjoni valida skont l-Artikolu 17(1) u (3) [tal-KSchG]”.

29

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din it-Tieni Awla, li hija l-kulleġġ ġudikanti tal-qorti tar-rinviju li ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, iddeċidiet, sal-lum, li xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol, imwettaq fl-assenza ta’ tali komunikazzjoni minn qabel, kien null u ma jistax itemm l-imsemmi kuntratt ta’ xogħol.

30

Issa, fid-dawl tad-domanda li saritilha mis-Sitt Awla, it-Tieni Awla tqis, bħas-Sitt Awla, li jista’ jkun sproporzjonat li jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari skont obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni, li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni minn qabel tat-tkeċċijiet kollettivi, ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol ikkonċernat għandu jiġi annullat. Fil-fehma tat-Tieni Awla, għandha ssir distinzjoni bejn l-ipoteżi tal-assenza totali ta’ tali komunikazzjoni u l-ipoteżi ta’ komunikazzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet formali jew sostantivi previsti mid-dritt nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni.

31

Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, jiġifieri l-assenza totali ta’ komunikazzjoni minn qabel tat-tkeċċijiet kollettivi, it-Tieni Awla tindika li, skont id-dritt nazzjonali, il-kuntratt ta’ xogħol li kien is-suġġett ta’ xoljiment ikompli jipproduċi l-effetti tiegħu sal-iskadenza ta’ perijodu ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni ta’ xahar, konformement mal-Artikolu 18(1) tal-KSchG. Għalhekk, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol li seħħ fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva suġġett għall-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel jista’ jidħol fis-seħħ biss mill-mument li fih tkun saret tali komunikazzjoni.

32

L-imsemmija awla tindika wkoll li, skont dan l-Artikolu 18(1), l-effetti ta’ tali xoljiment jiġu “sospiżi” sakemm issir il-komunikazzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi li inizjalment kienet tħalliet barra, sabiex l-Aġenzija tal-Impjiegi kompetenti tkun tista’ tipprepara l-kollokament tal-ħaddiema kkonċernati mit-tkeċċija kollettiva.

33

Issa, peress li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata konformement mad-dritt tal-Unjoni, l-istess awla tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li tali xoljiment ma jistax jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst fih.

34

Fir-rigward tat-tieni ipoteżi msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, it-Tieni Awla hija tal-opinjoni li l-imsemmi Artikolu 4(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ 30 jum previst f’din id-dispożizzjoni kif ukoll dak previst fl-Artikolu 18(1) tal-KSchG ma jistgħux jibdew jiddekorru, u għalhekk jiskadu, ħlief jekk il-komunikazzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi tkun konformi mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/59.

35

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta, minn naħa, mir-riferiment tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva għall-Artikolu 3(1) tagħha kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-għan imfittex mir-rekwiżit ta’ komunikazzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, jiġifieri li l-awtorità pubblika kompetenti tkun tista’ tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba, konformement mal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

36

Barra minn hekk, it-Tieni Awla tqajjem il-kwistjoni dwar jekk persuna li timpjega li tkun xoljiet kuntratti ta’ xogħol fl-assenza ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva li fil-kuntest tiegħu jaqgħu dawn ix-xoljimenti tistax tirregolarizza din l-assenza ta’ komunikazzjoni sussegwentement, bil-konsegwenza li dawn ix-xoljimenti jidħlu fis-seħħ fl-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst f’dan l-Artikolu 4(1), mingħajr ma jkun neċessarju li jsir xoljiment ġdid ta’ dawn il-kuntratti.

37

Skont din l-awla, il-fatt li dan it-terminu ta’ 30 jum jibda jiddekorri biss mill-imsemmija regolarizzazzjoni jiggarantixxi lill-awtorità pubblika kompetenti li jkollha perijodu minimu sabiex tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi kkonċernati, konformement mal-Artikolu 4(2) u (3) tal-istess direttiva.

38

L-imsemmi awla tqis li s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk (C‑188/03, EU:C:2005:59), ma tipprekludix tali interpretazzjoni. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonstatat li huwa possibbli li jsiru x-xoljimenti tal-kuntratti ta’ xogħol biss meta dawn ikunu ġew ikkomunikati lill-awtorità pubblika kompetenti, iżda ma ddeċidietx li l-imsemmija xoljimenti tal-kuntratti ta’ xogħol fl-assenza ta’ komunikazzjoni minn qabel tat-tkeċċijiet kollettivi kif preskritt huma “irreparabbilment” ivvizzjati b’nullità.

39

Għalhekk, is-“sanzjoni” fil-każ ta’ komunikazzjoni tardiva tat-tkeċċijiet kollettivi tikkonsisti f’sospensjoni temporanja tal-effetti legali tal-imsemmija xoljimenti tal-kuntratti ta’ xogħol u fl-obbligu għall-persuna li timpjega li tirrenumera l-impjegati kkonċernati sal-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum.

40

Fl-aħħar nett, it-Tieni Awla tixtieq tkun taf, fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew il-ħaddiema jkollhom proċeduri amministrattivi u/jew ġudizzjarji sabiex jiġu osservati l-obbligi previsti minn din id-direttiva, jekk id-dritt nazzjonali jistax jagħti lill-awtorità pubblika kompetenti biss il-kompitu li teżamina l-konformità tal-komunikazzjoni minn qabel tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva u li tikkonstata l-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva. Din il-konstatazzjoni hija għalhekk ta’ natura vinkolanti għall-qrati industrijali kif ukoll għal impjegat li jfittex li jikkontesta, fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, tali konstatazzjoni amministrattiva permezz ta’ rimedju ġudizzjarju.

41

It-Tieni Awla tosserva li ċertament jirriżulta mis-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, Brink’s Cash Solutions (C‑496/22, EU:C:2023:741, punt 45), li l-Artikolu 6 tal-istess direttiva jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew lill-ħaddiema. Madankollu, dan ir-rekwiżit jirrigwarda biss il-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59, li magħha ebda awtorità ma hija assoċjata, u li, kuntrarjament għall-proċedura ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva prevista fl-Artikoli 3 u 4 tagħha, għandha bħala għan il-prevenzjoni tax-xoljimenti ta’ kuntratti ta’ xogħol tal-ħaddiema kkonċernati. Interpretazzjoni oħra tkun inkompatibbli mal-użu tat-termini “u/jew” li jinsabu fl-Artikolu 6 kif ukoll fil-premessa 12 ta’ din id-direttiva.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tieni Awla tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 98/59] għandu jiġi interpretat fis-sens li tkeċċija [xoljiment] fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva li teżiġi preavviż tat-temm tal-impjieg tista’ tittermina r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ ħaddiem affettwat biss wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ tkeċċija?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

2)

L-iskadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ tkeċċija teżiġi mhux biss preavviż tat-tkeċċija kollettiva, iżda teżiġi wkoll li dan il-preavviż ikun jissodisfa r-rekwiżiti tar-raba’ subparagrafu 4 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/59?

3)

Il-persuna li timpjega, li kkomunikat it-tkeċċijiet li jeżiġu preavviż tat-temm tal-impjieg mingħajr preavviż tat-tkeċċija kollettiva (regolari), tista’ tagħmel tajjeb għal din l-irregolarità sussegwentement billi tittermina [xxoji]r-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiema affettwati mit-tkeċċijiet preċedentement iddikjarati wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ tkeċċija?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

4)

Huwa konformi mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, dritt nazzjonali li jħalli lill-awtorità kompetenti tiddetermina meta jiskadi fil-każ konkret il-perijodu tal-projbizzjoni ta’ tkeċċija, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-ħaddiem u hija vinkolanti għall-qrati industrjali, jew għandu l-ħaddiem neċessarjament ikollu l-possibbiltà ta’ proċedura ġudizzjarja għall-eżami tal-fondatezza tad-deċiżjoni amministrattiva?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

43

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-proċedura mfassla fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li huma mitluba jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tkunx tirrigwarda l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2024, Toplofikatsia Sofia (Kunċett ta’ domiċilju tal-konvenut), C‑222/23, EU:C:2024:405, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2024, Toplofikatsia Sofia (Kunċett ta’ domiċilju tal-konvenut), C‑222/23, EU:C:2024:405, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk fakkret li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma mitluba jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2024, Toplofikatsia Sofia (Kunċett ta’ domiċilju tal-konvenut), C‑222/23, EU:C:2024:405, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Issa, f’dan il-każ, minkejja li l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma ġiet ikkontestata minn ebda waħda mill-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex ser tiġi, b’mod definittiv, deċiża mit-Tieni Awla, peress li din it-tilwima hija attwalment pendenti quddiem is-Sitt Awla.

47

Xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-indikazzjonijiet tat-Tieni Awla miġbura fil-qosor fil-punti 25 sa 28 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni li din l-awla hija mitluba tagħti, jekk ikun il-każ billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari futura mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, tikkostitwixxi stadju neċessarju għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

48

Fil-fatt, it-Tieni Awla ġiet adita mis-Sitt Awla abbażi tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 45 tal-ArbGG. Konformement ma’ dan il-paragrafu, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, meta awla tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) ikollha l-intenzjoni li titbiegħed mid-deċiżjoni ta’ awla oħra jew minn dik tal-Awla Manja dwar kwistjoni legali, hija l-Awla Manja li għandha tiddeċiedi, bil-kundizzjoni madankollu li l-awla li jkun maħsub li titbiegħed mid-deċiżjoni tagħha tkun iddikjarat minn qabel, fuq it-talba tal-awla adita, li hija żżomm il-pożizzjoni ġuridika tagħha.

49

Minkejja dan, jidher li l-proċedura ta’ konsultazzjoni interna prevista fl-Artikolu 45(3) tal-ArbGG hija meħtieġa, bħala fażi intermedjarja obbligatorja meħtieġa mid-dritt nazzjonali, qabel ma s-Sitt Awla tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tilwima fil-kawża prinċipali pendenti quddiemha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Din il-proċedura ta’ konsultazzjoni interna tidher għalhekk li tissodisfa ħtieġa oġġettiva ta’ din is-Sitt Awla, jiġifieri dik li jintemmu diverġenzi ta’ interpretazzjoni bejn awli differenti tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali), li jippermetti għalhekk lil din, li jkollha l-intenzjoni li titbiegħed mid-deċiżjoni ta’ awla oħra jew tal-Awla Manja dwar kwistjoni ġuridika, li tiddeċiedi in fine fuq il-mertu tat-tilwima fil-kawża prinċipali pendenti quddiemha.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “jagħtu s-sentenza” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, fis-sens li jinkludi l-proċedura kollha li twassal għas-sentenza tal-qorti tar-rinviju (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Fahnenbrock et, C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, EU:C:2015:383, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), billi l-imsemmi kunċett jinkludi l-proċess kollu tal-għoti tas-sentenza (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński,C‑283/09, EU:C:2011:85, punt 42).

52

Minn dan isegwi li t-Tieni Awla tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni interna prevista fl-Artikolu 45(3) tal-ArbGG.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

54

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol, li jseħħ fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva suġġett għall-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-awtorità pubblika kompetenti previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jista’ jidħol fis-seħħ biss fl-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1).

55

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi enfasizzat li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-formulazzjoni tagħha iżda wkoll il-kuntest li taqa’ taħtu u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha tagħmel parti (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, G GmbH,C‑134/22, EU:C:2023:567, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, “[i]l-redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) [fl-ewwel subparagrafu] bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.”

57

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, “[k]ull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi”.

58

B’hekk, skont il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol li jseħħ fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva ma jistax jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, li jibda jiddekorri mill-komunikazzjoni ta’ dan l-ipproġettar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk,C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 50), li jimplika neċessarjament il-komunikazzjoni ta’ dan l-ipproġettar mill-persuna li timpjega lill-awtorità pubblika kompetenti. Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ din il-komunikazzjoni, tali xoljiment ma jistax jidħol fis-seħħ.

59

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jaqa’ l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva u tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 98/59 jirriżulta li l-fatt li t-tkeċċijiet li jkunu ġew ikkomunikati lill-awtorità pubblika kompetenti jistgħu jidħlu fis-seħħ biss fi tmiem it-terminu previst f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) huwa ġġustifikat mill-obbligu ta’ din l-awtorità li tieħu vantaġġ minn dan it-terminu sabiex tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi hekk maħsuba. L-obbligu ta’ komunikazzjoni għandu għalhekk jippermetti lill-imsemmija awtorità li tesplora, fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha mibgħuta lilha mill-persuna li timpjega, il-possibbiltajiet li tillimita, permezz ta’ miżuri xierqa għad-data li tikkaratterizza s-suq tal-impjieg u l-attività ekonomika li fiha jaqgħu dawn it-tkeċċijiet kollettivi, il-konsegwenzi negattivi tal-imsemmija tkeċċijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, G GmbH,C‑134/22, EU:C:2023:567, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Għalhekk dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) jiggarantixxi perijodu minimu li l-awtorità kompetenti għandu jkollha sabiex tfittex soluzzjonijiet għall-ħaddiema kkonċernati (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk,C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 51).

61

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-kuntest li jagħmel parti minnu l-istess l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), l-awtorità pubblika kompetenti tista’ tqis li x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol li jkun seħħ fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiv ma jidħolx fis-seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst f’din id-dispożizzjoni, li jibda jiddekorri mill-komunikazzjoni ta’ dan l-ipproġettar lil din l-awtorità, li jimplika neċessarjament il-komunikazzjoni tal-imsemmi pproġettar mill-persuna li timpjega lill-imsemmija awtorità.

62

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti f’li din l-awtorità tkun tista’, konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 98/59, tfittex, matul dan it-terminu, soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba, ikun kompromess jekk ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol li jkun seħħ fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva seta’ jista’ jidħol fis-seħħ fl-assenza tal-imsemmija komunikazzjoni jew qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol, li jkun seħħ fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva suġġett għall-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-awtorità pubblika kompetenti prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jista’ jidħol fis-seħħ biss fl-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1).

Fuq it-tieni domanda

64

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum imsemmi f’dan l-artikolu jippreżupponi mhux biss li seħħet il-komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, iżda wkoll li l-kontenut ta’ din il-komunikazzjoni jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

65

UR jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din it-tieni domanda minħabba li t-Tieni Awla ma wrietx b’liema mod preċiż din hija rilevanti, kemm fid-dawl tar-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula mis-Sitt Awla skont l-Artikolu 45(3) tal-ArbGG, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatti li fuqhom hija bbażata t-tilwima fil-kawża prinċipali pendenti quddiem din is-Sitt Awla, kif ukoll fid-dawl tar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima. Peress li, f’dan il-każ, ebda komunikazzjoni minn qabel tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva ma saret mill-persuna li timpjega inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmija tieni domanda hija irrilevanti.

66

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Adusbef (Pont Morandi),C‑683/22, EU:C:2024:936, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Adusbef (Pont Morandi),C‑683/22, EU:C:2024:936, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tinsabx fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tali tilwima.

68

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, qabel ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni li seħħ fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, il-persuna li timpjega inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma wettqitx il-komunikazzjoni ta’ dan l-ipproġettar lill-awtorità pubblika kompetenti, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/59. It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda għalhekk is-“sanzjoni” li għandha tiġi imposta fuq l-imsemmija persuna li timpjega minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, u mhux fuq il-konformità tal-kontenut ta’ tali komunikazzjoni mar-rekwiżiti stabbiliti fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

69

Minn dan isegwi li t-tieni domanda hija ipotetika sa fejn ma għandha ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

70

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li din id-domanda tista’ tirriżulta utli fil-kuntest tal-proċedura interna ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 45(3) tal-ArbGG, ma tistax telimina n-natura ipotetika lill-imsemmija domanda (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C‑156/15, EU:C:2016:851, punt 58).

71

Konsegwentement, it-tieni domanda hija inammissibbli.

Fuq it-tielet domanda

72

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuna li timpjega li tkun xoljiet kuntratt ta’ xogħol mingħajr ma kkomunikat lill-awtorità pubblika kompetenti l-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva li fil-kuntest tiegħu jaqa’ dan ix-xoljiment, bi ksur ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, tista’ tirregolarizza l-assenza ta’ tali komunikazzjoni b’tali mod li l-imsemmi xoljiment jidħol fis-seħħ 30 jum wara din ir-regolarizzazzjoni.

73

Għandu jitfakkar li din id-direttiva timponi fuq kull persuna li timpjega li taħseb biex twettaq tkeċċijiet kollettivi l-osservanza ta’ żewġ obbligi proċedurali.

74

Minn naħa, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, il-persuna li timpjega li taħseb biex twettaq tkeċċijiet kollettivi hija obbligata li twettaq konsulatazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema sabiex jintlaħaq ftehim. Konformement mal-Artikolu 2(2) tagħha, il-konsultazzjonijiet jirrigwardaw tal-inqas il-possibbiltajiet li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet kollettivi kif ukoll il-possibbiltajiet li jitnaqqsu l-konsegwenzi tagħhom bl-użu ta’ miżuri soċjali li jakkumpanjawhom immirati b’mod partikolari li jgħinu għar-riklassifikazzjoni jew għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mkeċċija. B’mod partikolari, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva, din il-persuna li timpjega hija obbligata li tipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni utli kollha u li tikkomunikalhom, fi kwalunkwe każ, bil-miktub l-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

75

Min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni ta’ kull ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti għandha, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, tinkludi, b’mod partikolari, ir-raġunijiet ta’ tkeċċija, in-numru ta’ ħaddiema li għandhom jitkeċċew, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li matulu huwa maħsub li jitwettqu t-tkeċċijiet.

76

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-obbligi proċedurali kienu ġew previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, b’mod partikolari sabiex tiġi ppreżervata ċ-ċertezza legali tagħhom.

77

Għalhekk, il-persuna li timpjega kkonċernata ma tistax ixxolji kuntratti ta’ xogħol fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva mingħajr ma tkun osservat l-imsemmija obbligi proċedurali (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk, C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 41).

78

Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59, ix-xoljimenti tal-kuntratti ta’ xogħol li jkunu seħħew fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva jidħlu fis-seħħ biss mal-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst f’din id-dispożizzjoni.

79

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, billi rriżerva espliċitament id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fil-qasam ta' terminu ta’ preavviż, l-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) bilfors jirreferi għall-ipoteżi ta’ xoljimenti ta’ kuntratti ta’ xogħol diġà mwettqa, u għalhekk tali terminu jibda jiddekorri. Fil-fatt, ir-riżerva tal-iskadenza ta’ terminu ta’ preavviż differenti mit-terminu previst f’din id-direttiva ma jkollux sens jekk ebda preavviż ma jkun beda jiddekorri (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2025, Junk, C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 52).

80

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija direttiva ma jipprekludux li jsir xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol matul il-proċedura li huma jistabbilixxu, bil-kundizzjoni li dan ix-xoljiment iseħħ wara l-komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika kompetenti (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk, C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 53).

81

Tali interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li tiggarantixxi li l-awtorità pubblika kompetenti jkollha terminu effettiv ta’ 30 jum sabiex tfittex soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mit-tkeċċijiet kollettivi maħsuba għall-ħaddiema kkonċernati, konformement mal-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva, mhux biss tirriżulta mill-formulazzjoni tagħhom, li t-termini tagħhom, fil-fatt, iqiegħdu l-obbligu ta’ komunikazzjoni fuq l-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, jiġifieri tkeċċijiet kollettivi li għadhom ma ġewx implimentati permezz tax-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol ikkonċernati, iżda tiżgura wkoll li dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jivverifikaw jekk il-komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva konformement mad-Direttiva 98/59 tkunx seħħet.

82

Konsegwentement, ma jistax jiġi aċċettat li, fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, il-persuna li timpjega tkun tista’ xxolji kuntratt ta’ xogħol qabel il-komunikazzjoni ta’ dan l-ipproġettar prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, peress li d-dħul fis-seħħ tax-xoljiment huwa sospiż sar-regolarizzazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni.

83

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sekwenza tal-proċeduri u, korrelattivament, tal-obbligi previsti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, kif maħsuba mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tiġi kkontestata jekk il-persuna li timpjega setgħet twettaq il-komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva wara x-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol ikkonċernati permezz ta’ tali sospensjoni temporanja. Din is-sospensjoni temporanja tikkomprometti għalhekk l-effettività tal-obbligi proċedurali previsti mill-imsemmija direttiva u tippreġudika l-għan stess tagħha, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat li t-tkeċċijiet kollettivi maħsuba jiġu ppreċeduti minn konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u mill-komunikazzjoni tagħhom lill-awtorità pubblika kompetenti.

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li timpjega li tkun xoljiet kuntratt ta’ xogħol mingħajr ma kkomunikat lill-awtorità pubblika kompetenti l-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva li fil-kuntest tiegħu jaqa’ dan ix-xoljiment, bi ksur ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, ma tistax tirregolarizza l-assenza ta’ tali komunikazzjoni b’tali mod li l-imsemmi xoljiment jidħol fis-seħħ 30 jum wara din ir-regolarizzazzjoni.

Fuq ir-raba’ domanda

85

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt nazzjonali jista’ jħalli lill-awtorità pubblika kompetenti l-kompitu li tiddetermina, permezz ta’ att li l-ħaddiem ma jistax jikkontesta u li huwa vinkolanti għall-qrati nazzjonali, id-data preċiża ta’ skadenza tat-terminu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, jew fis-sens li d-dritt nazzjonali għandu jirrikonoxxi lill-ħaddiem dritt għal rimedju ġudizzjarju sabiex tiġi mistħarrġa l-fondatezza ta’ din id-determinazzjoni mwettqa mill-imsemmija awtorità.

86

Minn naħa, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, dwar l-ammissibbiltà tat-tieni domanda, UR jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-raba’ domanda.

87

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li, sa fejn il-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-konsegwenzi tal-assenza ta’ komunikazzjoni tal-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, u mhux fuq il-konformità tal-kontenut ta’ din il-komunikazzjoni mar-rekwiżiti previsti fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ir-raba’ domanda hija ta’ natura ipotetika.

88

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, filwaqt li l-persuna li timpjega inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kkomunikatx l-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva, ebda element tal-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li l-awtorità pubblika kompetenti kienet iffissat, b’mod definittiv u vinkolanti għall-ħaddiema kkonċernati, id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva.

89

Minn dan isegwi li r-raba’ domanda hija ta’ natura ipotetika, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

90

Konsegwentement, ir-raba’ domanda hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

91

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol, li jkun seħħ fil-kuntest ta’ pproġettar ta’ tkeċċija kollettiva suġġett għall-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-awtorità pubblika kompetenti prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jista’ jidħol fis-seħħ biss fl-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1).

 

2)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59, kif emendat bid-Direttiva 2015/1794,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

persuna li timpjega li tkun xoljiet kuntratt ta’ xogħol mingħajr ma kkomunikat lill-awtorità pubblika kompetenti l-ipproġettar ta’ tkeċċija kollettiva li fil-kuntest tiegħu jaqa’ dan ix-xoljiment, bi ksur ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, ma tistax tirregolarizza l-assenza ta’ tali komunikazzjoni b’tali mod li l-imsemmi xoljiment jidħol fis-seħħ 30 jum wara din ir-regolarizzazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.