25.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 66/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/334

tat-23 ta’ Frar 2021

dwar abbozz ta’ ordni nnotifikat mir-Rumanija fir-rigward tal-informazzjoni dwar it-trattament tas-superfiċje tal-frott u l-ħxejjex bil-pestiċidi

(notifikata bid-dokument C(2021) 1096)

(It-test Rumen biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 45(4) tiegħu,

BILLI:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, fil-5 ta’ Marzu 2020 l-awtoritajiet Rumeni nnotifikaw lill-Kummissjoni abbozz ta’ ordni rigward ir-rekwiżit addizzjonali obbligatorju għat-tikkettar skont it-tifsira tal-Artikolu 39(1) għall-operaturi ekonomiċi biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar it-trattament tas-superfiċje tal-frott u l-ħxejjex bil-pestiċidi (“l-abbozz tal-ordni”).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali, ir-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li jirregolaw l-informazzjoni dwar l-ikel, u b’mod partikolari t-tikkettar tal-ikel. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jelenkaw id-dettalji kollha li jridu jiġu pprovduti fuq l-oġġetti tal-ikel, f’konformità mal-Artikoli 10 sa 35 u soġġetti għall-eċċezzjonijiet li jinsabu fihom.

(3)

L-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jipprevedi li minbarra d-dettalji obbligatorji msemmijin fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 10, l-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 45, jadottaw miżuri li jirrikjedu dettalji obbligatorji addizzjonali għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ ikel, ġustifikati abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tal-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-prevenzjoni tal-frodi jew tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, tal-indikazzjonijiet tal-provenjenza, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati u tal-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta.

(4)

Billi jistabbilixxi miżuri nazzjonali li jirrikjedu li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar it-trattament tas-superfiċje bil-pestiċidi ta’ wara l-ħsad tal-frott u l-ħxejjex, l-abbozz tal-ordni jistabbilixxi dettalji obbligatorji addizzjonali għal kategoriji speċifiċi ta’ ikel skont it-tifsira tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tiegħu mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq ta’ dak ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)

L-Artikolu 1 tal-abbozz tal-ordni jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jridu jissodisfaw l-operaturi ekonomiċi biex jiżguraw li l-konsumaturi jkunu infurmati b’mod korrett, sħiħ u preċiż dwar it-trattament tas-superfiċje tal-frott u l-ħxejjex bil-pestiċidi.

(6)

L-Artikolu 2 tal-abbozz tal-ordni jipprevedi li l-operaturi ekonomiċi huma meħtieġa jinfurmaw lill-konsumaturi, permezz ta’ tikkettar viżibbli b’mod ċar, dwar il-fatt li l-frott u l-ħxejjex li jitqiegħdu fis-suq ikunu ġew ittrattati bil-pestiċidi u jipprovdu informazzjoni ċara dwar il-mod korrett kif għandhom jiġu mmaniġġjati/jintużaw il-prodotti, u jsemmu, fejn meħtieġ, li l-konsum tal-qoxra tal-prodotti inkwistjoni għandu jiġi evitat.

(7)

L-Artikolu 3 tal-abbozz tal-ordni jistabbilixxi li l-operaturi jridu jipprovdu din l-informazzjoni billi juru t-test previst fl-Anness tal-abbozz tal-ordni eżatt ħdejn il-frott u l-ħxejjex, fuq l-ixkaffa fil-bini fejn ikunu qed jiġu kkummerċjalizzati. L-Anness tal-abbozz tal-ordni jeħtieġ l-għoti tal-informazzjoni li ġejja: twissija li “dawn il-prodotti ġew ittrattati fis-superfiċje b’pestiċida”; “isem il-pestiċida” li jrid jimtela mill-operatur ekonomiku; twissija li “għandu jiġi evitat il-konsum tal-qoxra ta’ dawn il-prodotti”, u “kundizzjonijiet ta’ mmaniġġjar/użu” li jridu jimtlew mill-operatur ekonomiku.

(8)

Wara talba għal kjarifika mill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2020, l-awtoritajiet Rumeni kkjarifikaw permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2020 li l-abbozz tal-ordni jirreferi għall-preżenza ta’ pestiċidi fuq is-superfiċje tal-frott u l-ħxejjex offruti għall-bejgħ meta l-operaturi japplikaw trattament tas-superfiċje bil-pestiċidi ta’ wara l-ħsad sabiex jippreservaw il-freskezza tagħhom.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi regoli li jirregolaw il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u s-sustanzi attivi li jinsabu f’dawk il-prodotti. F’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, inkluż dawk li huma maħsuba għat-trattament tas-superfiċje ta’ wara l-ħsad, iridu jkunu awtorizzati sabiex jitqiegħdu fis-suq u jintużaw fl-Istati Membri. F’dan il-kuntest, huma soġġetti għal valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza, bil-ħsieb li tiġi żgurata, inter alia, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, li tinkludi s-sikurezza tal-konsumaturi. L-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jrid jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(10)

Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ikel, li jkun ġie ttrattat bil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, il-livell ta’ residwi tal-pestiċidi fit-tali prodotti, inkluż il-frott u l-ħxejjex, ma jridx jaqbeż il-livelli massimi ta’ residwi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Prinċipju ieħor tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 huwa li l-livelli massimi ta’ residwi ma għandhomx jiġu stabbiliti f’livelli ogħla minn dawk meħtieġa skont il-Prattiki Agrikoli Tajbin, f’termini oħra mhux ogħla minn dawk li huwa meħtieġ biex jiġi miġġieled ċertu pest, u li jridu jkunu sikuri għall-konsumaturi.

(11)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-ikel ma għandux jitqiegħed fis-suq jekk ma jkunx sikur.

(12)

Skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu azzjonijiet ta’ infurzar meta jinqabżu l-livelli massimi ta’ residwi.

(13)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (6) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-tikkettar relatati mal-użu ta’ aġenti ta’ preservazzjoni jew sustanzi kimiċi oħra fuq il-frott taċ-ċitru.

(14)

Il-komoditajiet tal-ikel li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jiġu ttrattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, li jħallu residwi fil-limiti massimi ta’ residwi stabbiliti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 396/2005, iridu jitqiesu sikuri għas-saħħa tal-konsumaturi. L-Istati Membri huma responsabbli li jiżguraw li l-frott u l-ħxejjex imqiegħda fis-swieq tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Unjoni fir-rigward tal-livelli massimi ta’ residwi tal-pestiċidi fuq l-ikel u l-għalf. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Rumeni ma spjegawx għaliex il-miżuri xierqa ta’ kontroll u infurzar, li huma fis-seħħ bħalissa, mhumiex meqjusa biżżejjed biex jiżguraw is-sikurezza tal-frott u l-ħxejjex inkwistjoni.

(15)

Abbażi tar-rekwiżiti armonizzati tal-Unjoni dwar l-awtorizzazzjoni u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanijiet u dwar il-livelli massimi ta’ residwi tagħhom fil-frott u l-ħxejjex, li jinkludu valutazzjoni xjentifika bir-reqqa tas-sikurezza tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u fid-dawl tar-regoli ta’ infurzar u sorveljanza li jridu jiġu rispettati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, ma hemm l-ebda ħtieġa ġustifikata għal rekwiżiti obbligatorji nazzjonali addizzjonali dwar l-informazzjoni jew it-tikkettar tal-ikel fir-rigward tar-residwi tal-pestiċidi għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(16)

Fid-dawl tal-elementi msemmija hawn fuq, l-abbozz tal-ordni mhuwiex ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika kif imsemmi fl-Artikolu 39(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(17)

Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet ipprovduti dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-miżuri tal-abbozz tal-ordni ma jirrispettawx il-prinċipju tal-proporzjonalità peress li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi ssodisfat l-objettiv tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

(18)

Barra minn hekk, ir-rekwiżit tat-tikkettar tal-abbozz tal-ordni biex “jissemma, fejn meħtieġ, li l-konsum tal-qoxra tal-prodotti inkwistjoni għandu jiġi evitat” joħloq impressjoni ħażina lill-konsumaturi dwar is-sikurezza tal-frott u l-ħxejjex, billi jimponi l-idea li l-prodotti huma sikuri biss taħt dik il-kundizzjoni ta’ użu, jiġifieri meta l-prodott jitqaxxar. Jissuġġerixxi b’mod żbaljat li jkun biżżejjed li l-konsumaturi jiġu infurmati, minflok ma jitneħħa mis-suq l-ikel li ma jikkonformax mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel. Ir-rekwiżit tat-tikkettar propost inkwistjoni jista’ jqarraq lill-konsumaturi, u joħloq preġudizzju mhux iġġustifikat għad-detriment tal-frott u l-ħxejjex kollha fis-suq ittikkettati f’konformità mal-abbozz tal-ordni. Għalhekk tali rekwiżit ta’ tikkettar imur kontra l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Barra minn hekk, il-kliem ta’ dak ir-rekwiżit huwa impreċiż, u mhuwiex indikat b’mod ċar taħt liema kriterji japplika.

(19)

Barra minn dan, il-fatt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistabbilixxi biss id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tikkettar relatati mal-użu ta’ aġenti ta’ preservazzjoni jew sustanzi kimiċi oħra fuq il-frott taċ-ċitru, filwaqt li jipprova jilħaq l-objettiv tal-protezzjoni tal-konsumaturi, jappoġġa l-konklużjoni li l-istabbiliment ta’ tali rekwiżiti ta’ tikkettar għat-tipi kollha ta’ frott u ħxejjex mhuwiex meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(20)

Fid-dawl tal-elementi msemmija hawn fuq, l-abbozz tal-ordni mhuwiex ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif imsemmi fl-Artikolu 39(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(21)

Mill-valutazzjoni ta’ hawn fuq jirriżulta li l-awtoritajiet Rumeni naqsu milli jiġġustifikaw skont tal-inqas waħda mir-raġunijiet tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 li d-dettalji obbligatorji addizzjonali stabbiliti fl-abbozz tal-ordni huma meħtieġa.

(22)

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, fl-4 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni tat opinjoni negattiva dwar l-abbozz tal-ordni, skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Il-Kummissjoni nnotifikat l-opinjoni negattiva lill-awtoritajiet Rumeni fil-5 ta’ Ġunju 2020.

(23)

Għalhekk jenħtieġ li l-awtoritajiet Rumeni jintalbu biex ma jadottawx l-ordni notifikata.

(24)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Rumanija ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-ordni nnotifikat fil-5 ta’ Marzu 2020 fir-rigward tar-rekwiżit għall-operaturi ekonomiċi li jinfurmaw lill-konsumaturi dwar it-trattament tas-superfiċje tal-frott u l-ħxejjex bil-pestiċidi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309 24.11.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).