Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u bbażata fuq rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2004-2007 SEG(2010)118 /* KUMM/2010/0047 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 9.2.2010 KUMM(2010)47 finali R APPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u bbażata fuq rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2004-2007 SEG(2010)118 RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u bbażata fuq rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2004-2007 DAĦLA Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (minn hawn ’l isfel imsejħa “Direttiva dwar in-Nitrati”) għandha l-għan li tipproteġi ilmijiet kontra t-tniġġis ikkawżat jew miġjub min-nitrati minn sorsi agrikoli, permezz ta’ għadd ta’ miżuri li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri: il-monitoraġġ tal-ilma (fir-rigward ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrat u stat trofiku), l-identifikazzjoni ta’ ilmijiet li jkunu mniġġsin jew f’riskju ta’ tniġġis, l-identifikazzjoni ta’ zoni vulnerabbli (oqsma li l-ilma tagħhom joħroġ f’ilmijiet identifikati), it-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ prattiki agrikoli tajbin u programmi ta’ azzjoni (sett ta’ miżuri biex ma jitħalliex ikun hemm tniġġis min-nitrati u biex dan jitnaqqas) u l-eżami mill-ġdid għall-anqas kull 4 snin tal-indikazzjoni ta’ zoni vulnerabbli u tal-programmi ta’ azzjoni. L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar in-Nitrati jeżiġi li l-Istati Membri jissottomettu rapport lill-Kummissjoni kull erba’ snin wara n-notifikazzjoni tagħha. Dan ir-rapport għandu jkollu informazzjoni dwar kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, żoni vulnerabbli indikati, ir-riżultati ta’ monitoraġġ ta’ ilma u ġabra fil-qosor tal-aspetti rilevanti ta’ programmi ta’ azzjoni magħmulin b’rabta ma’ zoni vulnerabbli tan- nitrati. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikollhom informazzjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati, b’konformità mal-Artikolu 11. Ir-rapport huwa msejjes fuq l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri b’referenza għall-perjodu 2004-2007, u jinkludi ġabra flimkien ta’ mapep ta’ pressjonijiet ta’ nutrijenti minn sorsi agrikoli, tal-kwalità tal-ilma u ta’ zoni vulnerabbli indikati ta’ nitrat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ( SEG(2010)118 ) . Din hija l-ewwel darba li s-27 Stati Membri kollha bagħtu rapport[1]. Għalhekk dan jitratta prinċipalment dwar l-UE-27, iżda jinkludi wkoll paragun mat-tielet perjodu ta’ rappurtar għall-UE-15 ta’ qabel u għal xi Stati Membri oħra. Mhux possibbli li jsir paragun mal-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel tal-Istati Membri kollha, li għal ħafna minnhom dan kien l-ewwel rapport[2]. Ir-rapporti ntbagħtu fl-2008-2009. Diversi Stati Membri taw informazzjoni addizzjonali matul l-2009, l-aktar dwar dejta fuq il-kwalità tal-ilma. L-EVOLUZZJONI TA’ PRESSJONIJIET MILL-AGRIKOLTURA MILL-PERJODU TAL-AĦĦAR RAPPURTAR LIL HAWN It-tnaqqis progressiv fil-konsum tal-fertilizzant tan-nitroġenu minerali, li beda kmieni fid-disgħinijiet (1990s), stabbilizza matul il-perjodu 2004-2007 għall-UE-15. Fil-livell tal-UE-27 il-konsum tan-nitroġenu juri xejra li qed jiżdied xi ftit[3]. Imqabbel mal-aħħar perjodu ta’ rappurtar, l-ammont totali kull sena tal-konsum tal-fertilizzant tan-nitroġenu minerali baqa’ stabbli għal madwar 9 miljun tunnellata fl-UE-15[4], filwaqt li żdied b’6%, minn 11.4 għal 12.1 miljun tunnellata, fil-UE-27. Il-konsum tal-fertilizzanti tal-fosfru minerali naqas b’9% għall-UE-15, waqt li niżel b’1% biss għall-UE-27, imqabbel mal-aħħar perjodu ta’ rappurtar4. Ix-xejra ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ annimali li kienet innutata fl-aħħar perjodu ta’ rappurtar stabbilizzat fil-perjodu 2004-2007. Paragun bejn l-2003 u 2007[5] juri li l-għadd ta’ ħnieżer u tjur fl-UE-15 – barra minn tiġieġ għall-bajd – naqas, waqt li l-għadd ta’ mogħoż, nagħaġ u baqar żdied xi ftit. L-għadd ta’ baqar tal-ħalib żdied b’7.6% fl-UE-15. Għall-UE-27 qed ikunu nnutati xejriet simili; iżda qed ikun innutat tnaqqis akbar fl-għadd ta’ tjur – barra minn tiġieġ għall-bajd. L-ammont ta’ nitroġenu mit-trobbija tal-annimali imferrex kull sena fuq ħamrijat agrikola fil-UE-27 naqas minn 9.4 għal 9.1 miljun tunnellata bejn l-2003 u l-2007, u minn 7.9 għal 7.6 għall-UE-15. Hemm differenzi kbar fil-pressjoni mill-agrikoltura bejn Stati Membri[6]. Oqsma bi pressjoni nutrittiva għolja jinkludu, fost l-oħrajn, l-Olanda, il-Belġju-Fjandri u Franza-Brittanja. Stati Membri fl-Ewropa tal-Lvant ġeneralment għandhom pressjonijiet aktar baxxi minħabba li jintużaw anqas fertilizzanti u hemm densità anqas ta’ bhejjem. Il-kontribut ta’ ammonti ta’ nitroġenu mill-agrikoltura għal ilmijiet tal-wiċċ qed jonqos f’ħafna Stati Membri. Madankollu, il-kontribut relattiv mill-agrikoltura jibqa’ għoli. Fl-Istati Membri kważi kollha l-agrikoltura tipproduċi aktar minn 50% tan-nitroġenu kollu li joħroġ fl-ilmijiet tal-wiċċ. Is-sehem tal-ammonti ta’ nitroġenu f’baċiri ta’ xmajjar li jiġi minn sorsi mxerrdin jibqa’ għoli f’partijiet kbar tal-Ewropa[7]. IL-KWALITÀ TAL-ILMA, STAT U XEJRIET Netwerks ta’ monitoraġġ Il-monitoraġġ adegwat tal-ilmijiet huwa kruċjali għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-ilma u jeħtieġlu netwerk ta’ monitoraġġ rappreżentattiv mat-territorju kollu għal ilmijiet ta’ taħt l-art, tal-wiċċ u tal-baħar. Diversi Stati Membri qed jintegraw il-monitoraġġ tan-nitrati f’netwerks ta’ monitoraġġ stabbiliti skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma[8]. Għal dan il-perjodu ta’ rappurtar 50% tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ ta’ 10 Stati Membri kienu l-istess fid- databases tad-Direttiva dwar in-Nitrati u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-għadd totali ta’ siti tal-UE-27 li minnhom jittieħdu kampjuni huwa ta’ 31,000 għal ilma ta’ taħt l-art u ta’ 27,000 għal ilmijiet tal-wiċċ. L-għadd ta’ siti fit-12 tal-UE huwa sustanzjalment aktar baxx minn dak fl-UE-15 u jlaħħaq għal 7,000 għal ilmijiet ta’ taħt l-art u 5,000 għal ilmijiet tal-wiċċ. Imqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel, l-għadd ta’ siti fl-UE-15 żdied minn 20,000 għal 24,000, waqt li l-għadd ta’ siti li minnhom jittieħdu kampjuni ta’ ilma tal-wiċċ baqa’ l-istess, jiġifieri 22,000. L-għadd totali ta’ siti komuni għall-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel, li jiffaċilita kalkulazzjonijiet ta’ xejriet, ilaħħaq għal 18,000 għal ilma ta’ taħt l-art u 14,000 għal ilma tal-wiċċ. Il-medja tad-densità ta’ sit ta’ ilma ta’ taħt l-art li minnu jittieħdu kampjuni hija ta’ 13.7 għal kull 1000 km2, bl-ogħla densità fil-Belġju, Malta u d-Danimarka (99, 44 u 34 sit għal kull 1000 km2 rispettivament), u l-aktar baxxa fil-Finlandja, l-Iżvezja u l-Litwanja (0.2, 0.4 u 0.8 siti għal kull 1000 km² rispettivament). L-Istati Membri kważi kollha taw dejta ta’ monitoraġġ għal ilma ta’ taħt l-art għal fondi differenti li jvarjaw minn 0-5 għal aktar minn 30 m. Ftit Stati Membri taw informazzjoni fuq frekwenzi ta’ monitoraġġ li jvarjaw minn darba (l-Olanda) għal erbgħa darbiet kull sena (il-Belġju, Franza, is-Slovenja u s-Slovakkja). Il-medja tad-densità ta’ sit ta’ ilma tal-wiċċ frisk li minnu jittieħdu kampjuni hija ta’ 7.4/1000 għal kull km2 ta’ erja ta’ art, bl-ogħla densità f’Malta, fil-Belġju u fir-Renju Unit (b’114, 29 u 36 għal kull 1000 km2 rispettivament), u l-aktar baxxa fil-Finlandja (0.5 sit għal kull 1000 km²). L-Istati Membri kważi kollha b’ilmijiet tal-baħar ukoll għandhom siti ta’ monitoraġġ tal-baħar. Il-frekwenza ta’ monitoraġġ għal ilmijiet tal-wiċċ tvarja minn medja ta’ 7.4 darbiet fis-sena fir-Rumanija u sa 26 darba fis-sena f’xi siti ta’ monitoraġġ fil-Ġermanja u fis-Slovenja. Stati Membri taw dejta b’referenza għall-art fir-rigward tal-kwalità tal-ilma li abbażi tagħhom setgħet titfassal ġabra flimkien ta’ mapep[9] tal-kwalità tal-ilma fir-rigward ta’ tniġġis min-nitrati u tal-istat trofiku ta’ ilmijiet. Ilma ta’ taħt l-art Fil-perjodu 2004-2007, 15% tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-UE-27 kellhom konċentrazzjonijiet ta’ nitrat ’il fuq minn 50 mg nitrat għal kull litru[10], 6% kienu f’firxa ta’ minn 40 sa 50 mg nitrat għal kull litru, u 13% kienu f’firxa ta’ 25-40 mg nitrat għal kull litru. Madwar 66% tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art kellhom konċentrazzjoni taħt il-25 mg nitrat għal kull litru. Għall-UE-15 il-figuri huma ta’ 17% ’il fuq minn 50 mg għal kull litru, 6% f’firxa ta’ minn 40 sa 50 mg għal kull litru, 15% f’firxa ta’ 25-40 mg għal kull litru u 62% taħt il-25 mg għal kull litru[11]. Reġjuni b’konċentrazzjonijiet għoljin (’il minn 40 mg għal kull litru) huma partijiet mill-Estonja, ix-Xlokk tal-Olanda, il-Belġju-Fjandri, iċ-ċentru tal-Ingilterra, diversi partijiet ta’ Franza, l-Italja ta’ fuq, il-Grigal ta’ Spanja, ix-Xlokk tas-Slovakkja, in-Nofsinhar tar-Rumanija, Malta u Ċipru. Ħafna stazzjonijiet ukoll tul il-kosta tal-Mediterran għandhom relattivament valuri għoljin. Xejriet fil-Kwalità tal-Ilma ta’ taħt l-art L-Istati Membri kważi kollha li rrapportaw għall-aħħar perjodu qabblu d-dejta attwali ma’ dak il-perjodu, inklużi xi wħud mill-Istati Membri Ġodda (il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja u l-Ungerija[12]). L-Iżvezja ma tatx xejriet minħabba li l-ilma ta’ taħt l-art tagħha kważi kollu huwa taħt il-25 mg ta’ nitrat għal kull litru u minħabba li kienu evalwati anqas punti ta’ monitoraġġ għal dan il-perjodu ta’ rappurtar. Ma setgħux ikunu determinati xejriet għall-Greċja minħabba nuqqas ta’ dejta, u għall-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja, Malta, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja li rrapportaw għall-ewwel darba. Paragun mad-dejta tal-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel[13] juri li, fil-livell tal-UE-15[14], jipprevalu xejriet stabbli u li qed jonqsu (66% tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ, li 30% minnhom għandhom xejriet li qed jonqsu). Iżda 34% tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ għadhom juru xejra ’l fuq. Fl-Istati Membri l-ġodda fejn tqabblu dejta mal-perjodu ta’ qabel (il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja u l-Ungerija), 80% tal-istazzjonijiet huma stabbli, 11% tal-istazzjonijiet juru xejra li qed tonqos u 9% juru xejra li qed tiżdied. L-Istati Membri b’xejriet li qed jiżdiedu f’aktar minn 30% tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kienu l-Belġju, Franza, Spanja, il-Portugall, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja u Renju Unit. Iżda, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, dawn l-Istati Membri juru perċentwali simili jew anki ogħla ta’ stazzjonijiet bi kwalità li qed titjieb. Analiżi ta’ xejriet għal kull klassi tal-kwalità tal-ilma[15] turi li f’diversi Stati Membri s-sehem ta’ punti li jaqbeż il-50 mg għal kull litru għadu qed jiżdied, inklużi l-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, l-Olanda u r-Renju Unit. Is-sehem ’il fuq minn 50 mg għal kull litru naqas fl-Awstrija, il-Ġermanja, il-Finlandja, il-Lussemburgu u l-Portugall. Iżda d-dejta għandha tkun interpretata bir-reqqa minħabba li ħafna Stati Membri żiedu sustanzjalment id-densità tal-monitoraġġ u dan jista’ jinfluwenza s-sehem ta’ punti għal kull klassi tal-kwalità. Il-fond ta’ ilma ta’ taħt l-art Ilma ta’ taħt l-art aktar fil-fond huwa anqas imniġġes minn ilma ta’ taħt l-art fil-baxx. Is-saff bl-ogħla frazzjoni ta’ siti li jaqbżu l-50 mg ta’ nitrat għal kull litru huwa ta’ bejn 5 u 15 m fond[16]. Ilma tal-wiċċ frisk Fil-perjodu 2004-2007, 21% tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ ta’ ilma tal-wiċċ tal-UE-27 wrew medja ta’ konċentrazzjonijiet ta’ nitrat taħt 2 mg għal kull litru u 37% bejn 2 u 10 mg għal kull litru. Il-konċentrazzjoni kienet ta’ medja ta’ bejn 40 mg għal kull litru u 50 mg għal kull litru fi 3% tal-istazzjonijiet, u ’l fuq minn 50 mg għal kull litru wkoll fi 3% tal-istazzjonijiet. Għall-UE-15 il-figuri huwa ta’ 24% taħt 2 mg għal kull litru, 30% bejn 2 u 10 mg għal kull litru, 4% bejn 40 mg u 50 mg għal kull litru u wkoll 4% li jaqbżu 50 mg għal kull litru. Stati Membri bl-ogħla proporzjon taħt 2 mg/l kienu l-Iżvezja (97%), il-Bulgarija (76%), il-Finlandja (59%) u l-Portugall (50%). Stati Membri bl-ogħla proporzjon li jaqbeż 50 mg/l kienu Malta (43%), il-Belġju (10%) u r-Renju Unit (7%)[17].B’mod partikulari l-Ingilterra, il-Fjandri u l-Brittanja juru valuri għolja ’l fuq minn 40 mg/l. Fl-Istati Membri l-ġodda, partijiet tar-Repubblika Ċeka u l-Ungerija u ftit erjas fil-Polonja juru konċentrazzjonijiet elevati ta’ nitrat f’ilmijiet tal-wiċċ (’il fuq minn 25 mg/l)[18] Xejriet fil-kwalità ta’ ilma tal-wiċċ frisk Kif imqabbel mal-aħħar perjodu ta’ rappurtar, il-konċentrazzjoni ta’ nitrat qed tonqos jew tinsab stabbli f’70% tal-punti ta’ monitoraġġ tal-UE-15. Franza (18%) għandha l-ogħla proporzjon ta’ stazzjonijiet bi kwalità li qed titjieb[19], waqt li l-Greċja[20] (41%) u l-Lussemburgu (30%) għandhom l-ogħla proporzjon ta’ stazzjonijiet bil-kwalità tal-ilma qed tiħżien[21]. L-Italja u l-Belġju relattivament għandhom proporzjon għoli ta’ stazzjonijiet bil-kwalità qed titjieb (10% għall-Italja, 13% għall-Belġju), iżda proporzjon simili bil-kwalità qed tonqos. Reġjuni bi frazzjoni relattivament kbira ta’ konċentrazzjonijiet ta’ nitrat li qed jiżdiedu sewwa jinkludu wkoll il-punent tal-Ingilterra, il-Greċja u n-naħa tal-lvant tad-delta tal-Po fl-Italja[22]. Iżda, dawn tal-aħħar juru wkoll frazzjoni relattivament kbira b’xejra li qed tonqos sewwa. Mill-Istati Membri l-ġodda li rrapportaw xejriet, Ċipru għandu l-ogħla proporzjon (26%) ta’ xejriet li qed jitjiebu, filwaqt li l-Estonja għandha l-ogħla proporzjon (10%) ta’ xejriet li qed jiħżienu[23]. Analiżi ta’ xejriet għal kull klassi tal-kwalità tal-ilma[24] turi li s-sehem ta’ punti li jaqbeż 50 mg għal kull litru għadu qed jiżdied f’diversi Stati Membri, partikularment fil-Belġju u r-Renju Unit. Is-sehem ’il fuq minn 50 mg għal kull litru naqas fi Franza u fl-Italja, waqt li diversi Stati Membri mill-UE-15 ma jurux valuri ’l fuq minn 50 mg għal kull litru għal ilmijiet tal-wiċċ (l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugall u l-Iżvezja). Iżda d-dejta għandha tkun interpretata bir-reqqa minħabba li tibdiliet fil-monitoraġġ ta’ densità jistgħu jinfluwenzaw is-sehem ta’ punti għal kull klassi tal-kwalità tal-ilma. L-istat trofiku ta’ ilmijiet tal-wiċċ Stati Membri użaw kriterji differenti biex jevalwaw l-istat trofiku ta’ ilmijiet tal-wiċċ friski, li tagħmilha diffiċli biex jitqabbel l-istat trofiku ta’ ilmijiet bejn Stati Membri. Il-klorofilla-a, in-nitroġenu sħiħ, il-fosfru sħiħ u l-ortofosfat huma sikwit il-parametri użati u 17-il Stati Membri rrapportaw dwar l-istat trofiku tal-ilmijiet tagħhom billi użaw wieħed jew aktar minn dawn il-paratmetri. F’40% tal-istazzjonijiet tal-UE irrapportati[25] dwar l-istat trofiku, ilma tal-wiċċ huwa ddefinit bħala oligotrofiku jew ultra-oligotrofiku, waqt li fi 33% tal-istazzjonijiet l-ilma huwa ddefinit bħala ewtofiku jew ipertrofiku. Malta u l-Ungerija għandhom l-ogħla proporzjon ta’ ilmijiet ipertrofiċi, u l-Bulgarija u l-Latvja għandhom l-ogħla proporzjon ta’ ilmijiet oligotrofiċi[26].Mhux l-Istati Membri kollha li għandhom ilmijiet tal-baħar irrapportaw dwar il-kwalità tagħhom, li tagħmel aktarx diffiċli evalwazzjoni f’livell Ewropew fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rappurtar. INDIKAZZJONI TA’ ZONI VULNERABBLI TA’ NITRATI L-Istati Membri jeħtiġilhom jindikaw bħala zoni vulnerabbli l-erjas kollha ta’ art fit-territorju tagħhom li l-ilma tagħhom joħroġ f’ilmijiet imniġġsa jew f’ilmijiet f’riskju ta’ tniġġis jekk ma tittieħed ebda azzjoni. Mill-anqas kull erba’ snin l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmnlu eżami mill-ġdid, u, jekk ikun meħtieġ, jirrevedu zoni vulnerabbli ta’ nitrati abbażi ta’ riżultati ta’ monitoraġġ ta’ ilma. Stati Membri jistgħu, minflok ma jindikaw zoni speċifiċi, jagħżlu wkoll li japplikaw programm ta’ azzjoni mat-territorju kollu. L-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda u s-Slovenja adottaw approċċ għat-territorju kollu. Mill-erja kollha tal-UE-27, 39.6%[27] hija indikata bħala zona vulnerabbli, inkluża l-erja ta’ Stati Membri li japplikaw approċċ għat-territorju kollu. Imqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel, l-erja kollha tal-UE-15 indikata bħala zona vulnerabbli jew suġġetta għal approċċ għal territorju kollu żdiedet b’1%, li issa tirrappreżenta 44.6% tal-erja kollha tal-UE-15. L-aktar li żiedu l-erja tagħhom ta’ zoni vulnerabbli huma l-Portugall, il-Belġju u l-Italja matul il-perjodu 2004-2007. Spanja wkoll żiedet l-indikazzjoni matul l-2008-2009. PROGRAMMI TA’ AZZJONI L-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu programm ta’ azzjoni wieħed jew aktar li jkunu japplikaw għal zoni vulnerabbli indikati jew għat-territorju kollu jekk ikunu għażlu l-approċċ għal territorju sħiħ. Dawk il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu mill-anqas il-miżuri msemmijin fl-Annessi II u III tad-Direttiva dwar in-Nitrati u jkollhom rabta, fost l-oħrajn, ma’ perjodi matul is-sena meta l-fertilizzar ikun ipprojbit, ma’ kapaċità minima meħtieġa ta’ ħżin ta’ demel ta’ bhejjem, mal-limitazzjoni ta’ applikazzjoni fl-art ta’ fertilizzanti u ma’ applikazzjoni f’art qrib ilmijiet jew fi tlajja’. L-Istati Membri kollha waqqfu programm ta’ azzjoni wieħed jew aktar fuq it-territorju tagħhom u taw fir-rapporti tagħhom informazzjoni dwar programmi ta’ azzjoni li twaqqfu ġodda u modifikazzjonijiet wara l-eżami mill-ġdid meħtieġ perjodikament. Diversi Stati Membri użaw il-possibbiltá prospettata mid-Direttiva dwar in-Nitrati biex ifasslu u jwettqu programmi differenti ta’ azzjoni għal kull waħda miz-zoni vulnerabbli ta’ nitrati jew għal partijiet ta’ zoni, inklużi Franza, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit, il-Belġju, l-Italja, il-Polonja u r-Rumanija. Il-programmi ta’ azzjoni kważi kollha jkopru miżuri meħtieġa; iżda xi wħud jeħtiġilhom aktar rinfurzar biex il-kwalità tal-ilma tkun protetta biżżejjed kontra t-tniġġis mit-nitroġenu. L-insuffiċjenzi ewlenin huma dwar dispożizzjonijiet ta’ ħżin, fertilizzar bilanċjat u li jkunu stabbiliti perjodi li matulhom il-fertilizzar ikun ipprojbit. Id-Direttiva dwar in-Nitrati tillimita l-applikazzjoni fl-art ta’ demel tal-bhejjem għal 170 kg N/ha kull sena f’zoni indikati li għalihom japplikaw programmi ta’ azzjoni. Dan l-istandard ta’ applikazzjoni huwa stabbilit fil-programmi ta’ azzjoni kważi kollha. Il-kapaċità għal ħżin ta’ demel żdiedet aktar matul dan l-aħħar perjodu ta’ rappurtar. Madankollu l-insuffiċjenza tal-kapaċita għal ħżin ta’ demel hija fost il-problemi li l-aktar li jissemmew u li l-Istati Membri jiltaqgħu magħhom matul l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ azzjoni. Il-kapaċità għal ħżin għandha tkun suffiċjenti biex tkopri l-perjodi meta l-applikazzjoni tad-demel tkun ipprojbita jew impossibbli minħabba kundizzjonijiet klimatiċi. Jissemma n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji fost il-bdiewa bħala li jfixkel il-bini ta’ faċilitajiet ġodda ta’ ħażna. Il-maġġoranza tal-bdiewa suġġetti għall-kontroll wrew konformità kbira mal-miżuri tal-programmi ta’ azzjoni. Iżda kienu rrapportati d-diffikultajiet li ġejjin fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni: - Iż-żamma ta’ rekords eżatti mill-bdiewa dwar l-applikazzjoni ta’ demel u fertilizzant - Livell baxx ta’ għarfien mill-bdiewa, l-aktar fil-każ ta’ azjendi żgħar. Ħafna minn bdiewa bħal dawn għandhom diffikultajiet biex jifhmu l-miżuri tal-programmi ta’ azzjoni minħabba nuqqas ta’ tagħrif. Għadd ta’ Stati Membri (e.g. l-Awstrija, l-Olanda) jirrapportaw li l-għarfien ġenerali mill-bdiewa dwar l-ambjent naturali nbidel b’mod pożittiv, bir-riżultat, pereżempju, li tjieb il-maniġġar tad-demel u tal-fertilizzanti. Il-kapitolu III tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jagħmel referenza għal xi eżempji ta’ progress magħmul fi programmi ta’ azzjoni għal diversi Stati Membri. Il-Kummissjoni taf ukoll li hemm interess akbar f’inizjattivi għal ipproċessar ta’ demel. F’diversi Stati Membri, b’mod partikulari r-reġjuni bi produzzjoni intensiva fil-bhejjem u b’ħafna nutrijenti żejda, id-demel tal-bhejjem qed ikun ipproċessat biex isiru prodotti kompleti li jistgħu jinġarru għall-esportazzjoni, jew biex isiru prodotti bi proporzjon ta’ nutrijenti mibdul li jħalli jkun hemm maniġġar aħjar ta’ nutrijenti, bir-riżultat li jkun hemm anqas nutrijenti żejda. Il-metodi tekniċi ta’ ipproċessar ivarjaw minn separazzjoni sempliċi għal frazzjoni likwida jew solida, għal teknika aktar avanzata bħal inxif, bdil f’kompost jew inċinerazzjoni ta’ frazzjonijiet solidi u trattament bijoloġiku, filtrazzjoni ta’ membrani u teknika fiżikokemikali għal frazzjonijiet likwidi. Il-metodi ta’ teknika sikwit jingħaqdu ma proċessi ta’ diġestjoni f’installazzjonijiet tal-bijogass għall-produzzjoni tal-enerġija. Interessanti wkoll huma d-diversi inizjattivi kbar li saru ta’ koperattiva li gruppi kbar ta’ bdiewa jinvestu flimkien fihom għal installazzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ demel. Inizjattivi bħal dawn issa jeżistu, l-aktar fi Spanja, l-Olanda u l-Belġju. Għandu jingħad ukoll li hemm ukoll interess akbar fost bdiewa li jrabbu l-bhejjem fl-applikazzjoni ta’ teknika ta’ kif isir għalf adattat, bħal dieti N baxxi, għalf f’fażijiet multipli b’għalf adattat skont l-istadju ta’ tkabbir u l-maniġġar avanzat ta’ għalf li jtejjeb l-effiċjenza ġenerali tal-użu ta’ għalf għall-annimali. Metodi tekniċi ta’ ipproċessar ta’ għalf jikkontribwixxu għal konverżjoni aktar tajba ta’ għalf u għal anqas ħmieġ nutrittiv tal-annimali. DEROGI Id-Direttiva dwar in-Nitrati tippermetti l-possibbiltà ta’ deroga fir-rigward tal-ammont massimu ta’ 170 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għal demel tal-bhejjem, bil-kundizzjoni li jkun hemm x’juri li l-objettivi tad-Direttiva jkunu għadhom qed jinkisbu u li d-deroga tkun imsejsa fuq kriterji oġġettivi bħal staġuni twal ta’ tkabbir, uċuħ li jkunu ħadu ħafna nitroġenu, parteċipazzjoni netta għolja jew ħamrijiet b’kapaċità għolja għal anqas nitrifikazzjoni. Derogi jkun jeħtiġilhom Deċiżjoni tal-Kummissjoni wara li tkun ingħatat l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar in-Nitrati, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. L-indikazzjoni tajba ta’ zoni vulnerabbli ta’ nitrati u programmi ta’ azzjoni b’konformità sħiħa mad-Direttiva huma prerekwiżiti għal kull deroga, u d-deroga tkun tapplika biss għal kemm idum il-programm ta’ azzjoni. Fil-Kapitolu II tad- Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal hemm lista ta’ derogi mogħtija sa Diċembru 2009. TBASSIR DWAR IL-KWALITÀ TAL-ILMA Ħafna Stati Membri taw elementi dwar metodi ta’ eżami (analiżi ta’ xejriet u mudelli ta’ simulazzjoni) għall-evalwazzjoni ta’ xejriet fil-pressjoni agrikola u/jew fl-evoluzzjoni tal-kwalità tal-ilma. Ma ingħatatx informazzjoni minn Ċipru, Franza, il-Greċja, il-Latvja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja. L-Irlanda ma tatx mudelli ta’ simulazzjoni, iżda semmiet miżuri u żviluppi li aktarx iħallu impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ilma għall-ġejjieni. Bħal fil-każ tal-aħħar perjodu ta’ rappurtar, kienu ftit l-Istati Membri li taw dejta kwantitattiva dwar l-iskala ta’ żmien li matulha qed jitbassar li tinkiseb l-istabbilizzazzjoni tat-tniġġis jew li l-kwalità tal-ilma tirkupra. Ħafna Stati Membri isemmu d-diffikultajiet biex dan it-tbassir isir, l-aktar billi jirreferu għal inċertezzi fir-rigward ta’ proċessi tal-klima u ta’ trasport f’ħamrijiet u l-fatt li ttieħdu miżuri oħra barra miżuri agrikoli biex titjieb il-kwalità tal-ilma. B’mod ġenerali, minkejja t-titjib miksub fil-kwalità tal-ilma, ikollhom jgħaddu diversi snin u għexieren ta’ snin qabel ma jinkiseb l-irkuprar sħiħ tal-kwalità tal-ilma bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni u t-tibdiliet fil-linji ta’ prattika agrikola. Fil-ftit każi fejn ingħatat skala ta’ żmien għal restawr sustanzjali tal-kwalità tal-ilma, din tvarja minn 4 għal 8 snin (il-Ġermanja u l-Ungerija) għal aktar minn diversi għexieren ta’ snin għal ilmijiet ta’ taħt l-art aktar fil-fond (l-Olanda). PROĊEDURI TA’ KSUR L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati għadha mhix kompleta, l-aktar minħabba indikazzjoni mhux suffiċjenti ta’ zoni vulnerabbli ta’ nitrati u minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ programmi ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni qiegħda f’diskussjoni kontinwa mal-Istati Membri kollha biex tinkiseb implimentazzjoni konformi u bħalissa għandha miftuħin tliet każijiet ta’ ksur. Il-każ kontra Spanja huwa dwar indikazzjoni ta’ zoni vulnerabbli u l-kontenut ta’ programmi ta’ azzjoni; dawk kontra Franza u l-Lussemburgu huma dwar programmi ta’ azzjoni. KONNESSJONIJIET MA’ LINJI OĦRA TA’ POLITIKA TAL-UE Id-Direttiva dwar in-Nitrati għandha konnessjonijiet mill-qrib ma’ linji oħra ta’ politika tal-UE fil-qasam tal-ilma, l-arja, il-bidla fil-klima u l-agrikoltura. Esperjenzi ta’ implimentazzjoni u tagħrif xjentifiku aktar avanzat dwar l-effetti ta’ sinerġija ta’ miżuri ta’ programmi ta’ azzjoni għan-nitrat juru s-siwi ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-linji ta’ politika. Studju riċenti[28] dwar miżuri integrati fl-agrikoltura biex jonqsu l-emissjonijiet tal-ammonja wera benefiċċji importanti għall-arja u għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati. Fil-Kapitolu 4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal hemm referenza għal aktar dettalji dwar konnessjonijiet ta’ politika . KONKLUŻJONIJIET Dan l-eżerċizzu ta’ rappurtar jinkludi għall-ewwel darba lis-27 Stati Membri kollha. L-Istati Membri l-ġodda kollha waqqfu netwerks ta’ monitoraġġ, indikaw zoni vulnerabbli u waqqfu programmi ta’ azzjoni. Dwar il-kwalità tal-ilma, għal ilma ta’ taħt l-art, 66% tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ juru konċentrazzjonijiet ta’ nitrat stabbli jew li qed jonqsu. Iżda f’34% tal-istazzjonijiet kienet għadha osservata żieda fit-tniġġis min-nitrat, u 15% tal-istazzjonijiet urew konċentrazzjonijiet ta’ nitrat ’il fuq mil-limitu tal-kwalità ta’ 50 mg għal kull litru. F’korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, livelli baxxi wrew konċentrazzjonijiet ogħla ta’ nitrat minn livelli aktar fondi. L-ogħla proporzjon ta’ ilma kontaminat jinsab bejn 5 u 15-il metru taħt wiċċ l-art. Għal ilma tal-wiċċ frisk, 70% tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ juru konċentrazzjonijiet ta’ nitrat stabbli jew li qed jonqsu. Fi 3% il-konċentrazzjoni qed taqbeż il-50 mg għal kull litru, waqt li f’21% il-konċentrazzjoni hija ta’ 2 mg għal kull litru. Fi 33% tal-istazzjonijiet li jimmonitorjaw l-istat trofiku, id-definizzjoni tal-ilma hija dik ta’ ilma ewtrofiku jew ipertrofiku. Il-pressjoni mill-agrikoltura fir-rigward tat-tniġġis min-nitrat ta’ ilma tal-wiċċ naqset f’ħafna Stati Membri, għalkemm l-agrikoltura għadha tikkontribwixxi l-aktar għal ammonti ta’ nitroġenu għal ilmijiet tal-wiċċ. Żieda oħra fl-erja ta’ zoni vulnerabbli kif imqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel qed tidher fl-UE-15. Zoni indikati żdiedu minn 43,7% għal 44,6 % fit-territorju tal-UE-15, waqt li huma indikati 39,6% tat-territorju tal-UE-27, inkluż it-territorju ta’ Stati Membri li japplikaw programm ta’ azzjoni għat-territorju kollu. Iżda d-dejta tal-kwalità tal-ilma turi li, f’diversi reġjuni, kemm għall-UE-15, kif ukoll għat-12 tal-UE, jeħtieġ ikun hemm żieda ta’ indikazzjoni skont il-kriterji stabbiliti fid-Direttiva dwar in-Nitrati. Il-kwalità tal-programmi ta’ azzjoni tjiebet aktar imqabbla mal-aħħar perjodu ta’ rappurtar fl-UE-15; iżda għadha mbuttata minn proċeduri ta’ ksur. L-Istati Membri kollha waqqfu programmi ta’ azzjoni, iżda diversi programmi jeħtiġilhom jitjiebu aktar biex tinkiseb konformità sħiħa mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar in-Nitrati, b’mod partikulari d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ bini għal ħażniet, fertilizzar bilanċjat u li jkunu stabbiliti perjodi li matulhom l-applikazzjoni fl-art tkun ipprojbita. Huwa essenzjali li jkun hemm informazzjoni u servizzi ta’ taħriġ għal bdiewa u programmi ta’ kontroll effiċjenti biex tkun żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta’ programmi f’dan il-qasam. F’reġjuni intensivi bil-bhejjem qed ikun osservat aktar interess f’metodi tekniċi ta’ ipproċessar ta’ demel, li jippermettu jkun hemm maniġġar aktar effiċjenti ta’ nutrijenti sikwit flimkien mal-produzzjoni tal-enerġija mill-produzzjoni tal-bijogass. Il-maniġġar effiċjenti ta’ nutrijenti qed jaqdi rwol biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-biedja. Esperjenzi ta’ implimentazzjoni u tagħrif xjentifiku avanzat dwar l-effetti ta’ sinerġija ta’ miżuri fi programmi ta’ azzjoni għan-nitrat jissuġġerixxu li linji ta’ politika dwar in-nitroġenu jeħtiġilhom approċċ integrat billi jitqies iċ-ċiklu kollu tan-nitroġenu u li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati ġġib benefiċċji sustanzjali l-aktar f’termini ta’ tnaqqis tal-ammonja u ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, kif ukoll fil-qasam usa’ tal-protezzjoni tal-ilma skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Jeħtieġ li għall-ġejjieni tingħata aktar attenzjoni f’dan ir-rigward lill-maniġġar tan-nitroġenu, u jingħata wkoll sostenn adegwat u kontinwu mill-komunità xjentifika fil-livell nazzjonali u Ewropew. Il-Kummissjoni ser tkompli taħdem mal-Istati Membri biex titjieb l-implimentazzjoni bil-għan komuni li jkunu protetti ilmijiet. Hija ser tissokta tieħu azzjoni legali fejn tqis li din tkun meħtieġa. [1] Inklużi r-Rumanija u l-Bulgarija, għalkemm ma kinux għadhom obbligati. Il-Bulgaria inkludiet ukoll dejta dwar il-kwalità tal-ilma għall-perjodu 2000-2003 [2] Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja u l-Ungerija rrapportaw fl-2004 dwar il-perjodu 2000-2003. [3] Ara l-figuri 1A u 1B fid-DĦP [4] Ibbażat fuq statistika tal-OECD għall-2003-2007. Id- database ma għandhiex informazzjoni dwar il-Belġju, u l-Irlanda ipprovdiet il-figuri tagħha stess. [5] Ara t-tabella 3 fid-DĦP. [6] Ara l-mapep 1 sa 6 fid-DĦP. [7] Ara l-mappa 7 fid-DĦP. [8] Id-Direttiva 2000/60/KE. [9] Ara l-mapep 8-15 fid-DĦP. [10] 50 mg NO3-/l huwa l-valur inizjali stabbilit fid-Direttiva dwar in-Nitrati. [11] Ara l-figura 2 fid-DĦP. [12] Ir-Repubblika Ċeka ma tatx dejta tal-kwalità tal-ilma fir-rapport mibgħut għall-2000-2003, ħaġa li ma għamlithiex possibbli li jkun hemm analiżi ta’ xejriet. [13] Ara l-figura 3 fid-DĦP. [14] Ħlief l-Iżvezja għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq. [15] Ara t-tabella 1 fid-DĦP. [16] Ara l-figura 4 fid-DĦP. [17] Ara l-figura 5 fid-DĦP. [18] Ara l-mapep 11, 12 u 14 fil-Kapitolu I tal-DĦP. [19] Tnaqqis f’konċentrazzjonijiet ta’ nitrat ta’ mill-anqas 5mg kull litru. [20] Il-Greċja tat sett ta’ dejta aġġornat, iżda minħabba li ntbagħat tard ma setax jitqies; tkun ippreżentat dejta li tasal l-ewwel. [21] Żieda f’konċentrazzjonijiet ta’ nitrat ta’ mill-anqas 5mg kull litru. [22] Ara l-mappa 13 fid-DĦP. [23] Ara l-figura 6 fid-DĦP. [24] Ara t-tabell 2 fid-DĦP. [25] L-UE-27 mingħajr Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, l-Italja, Franza, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja u r-Renju Unit minħabba nuqqas ta’ dejta jew dejta mhux kompleta. [26] Ara l-figura 7 fid-DĦP. [27] Ibbażat fuq dejta għas-sena 2007, ara t-tabella 4 figura 8 u l-mappa 16 fid-DĦP. [28] Ir-rapport tal-Kummissjoni 'Miżuri integrati fl-agrikoltura biex jitnaqqsu l-emissjoni tal-ammonja', Alterra, 2007