IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.11.2021
COM(2021) 681 final
2021/0357(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 fir-rigward tad-durata u tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, biex tiġi simplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jiġu evitati ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.
B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-31 ta’ Marzu 2021, ir-Repubblika Taljana talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva dwar il-VAT biex tkun tista’ tibqa’ timponi l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja. Din id-deroga tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021. Barra minn hekk, it-talba talbet estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura ta’ deroga fis-seħħ, mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593, biex tkun tinkludi lill-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmijin fl-Artikolu 282 tad-Direttiva dwar il-VAT. F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Kummissjoni bagħtet ittra datata l-10 ta’ Settembru 2021 biex tinforma lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Repubblika Taljana. B’ittra datata t-13 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika Taljana li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha
Wara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593, ir-Repubblika Taljana introduċiet sistema ġeneralizzata ta’ fatturazzjoni elettronika obbligatorja, msejħa Sistema di Interscambio (SdI), ukoll f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja għall-2017 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja għall-2017.
L-Italja tissottometti li l-miżura maħsuba biex tiġġieled il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, tissimplifika l-konformità mat-taxxa, ittejjeb l-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxa, u timmodernizza l-produzzjoni Taljana, u b’hekk tnaqqas il-kostijiet amministrattivi għan-negozji, irnexxielha tilħaq għalkollox l-objettivi tagħha.
Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT, il-miżura tejbet il-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni tat-taxxa, naqqset iż-żmien meħtieġ biex tidentifika u tirreaġixxi kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT, u tejbet il-possibbiltajiet għall-analiżi tar-riskju. Barra minn hekk, il-miżura wriet li kienet effettiva bħala miżura preventiva għax serviet ta’ deterrent għal imġiba evażiva u frawdolenti tal-kontribwenti.
Minkejja li ma jistax jiġi kkwantifikat eżattament kemm mill-irkupru huwa attribwibbli direttament għall-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja‑, l-Italja pprovdiet xi stimi. Skont dawk l-istimi, madwar EUR 2 biljun jistgħu jiġu attribwiti direttament għat-titjib fil-konformità mal-VAT wara l-introduzzjoni tal-miżura inkwistjoni, filwaqt li madwar EUR 580 miljun ta’ dħul addizzjonali bil-ġbir tat-taxxi diretti jistgħu jiġu attribwiti indirettament lill-miżura. Rigward il-kontroll u l-infurzar, fl-2019, l-azzjoni għall-identifikazzjoni u l-waqfien tal-krediti foloz tal-VAT ippermettiet l-irkupru ta’ EUR 945 miljun. Barra minn hekk, l-użu tad-data tal-fatturazzjoni elettronika għall-2019 kollha kien essenzjali wkoll biex jiġu identifikati l-persuni taxxabbli li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-istatus ta’ “esportatore abituale” (aktar minn EUR 1,3 biljun f’limiti massimi foloz dikjarati). Bħalissa għaddejjin proċessi oħra ibbażati fuq il-kontroverifika tad-data tal-fatturazzjoni elettronika ma’ sorsi ta’ informazzjoni transfruntiera kontra l-frodi (inkluż in-network Ewropew kontra l-frodi EUROFISC). B’hekk setgħu jiġu identifikati wkoll il-kumpaniji involuti f’mekkaniżmi ta’ frodi intra-Komunitarju użati fl-aħħar xhur tal-2019 u fl-2020, abbażi ta’ flussi tal-fatturazzjoni għal tranżazzjonijiet noneżistenti li jammontaw għal madwar EUR 1 biljun.
Rigward is-simplifikazzjoni tal-konformità mar-regoli tat-taxxa, l-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja ppermettiet lill-awtorità tat-taxxa tagħmel disponibbli għall-kontribwenti r-rekords tax-xiri u tal-bejgħ mimlijin minn qabel, l-iskedar tas-saldu perjodiku tal-VAT, id-dikjarazzjonijiet annwali mimlijin minn qabel tal-VAT u l-formoli tal-ħlas mimlijin minn qabel, inkluż it-taxxi li għandhom jitħallsu, jitpaċew jew jintalbu għal rifużjoni (b’mod li tingħata prijorità lil dawk li jużaw il-fatturazzjoni elettronika). Il-fatturazzjoni elettronika ppermettiet li jiġu eliminati diversi obbligi, bħar-rapportar ta’ data fuq il-fatturi dwar tranżazzjonijiet domestiċi, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet tal-Intrastat dwar ix-xiri, l-obbligu li jingħataw dettalji ta’ kuntratti konklużi minn kumpaniji ta’ lokazzjoni u kiri u l-obbligu ta’ rapportar ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu fornimenti ta’ oġġetti mir-Repubblika ta’ San Marino lill-Italja.
Skont l-Italja, l-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja pprovdiet benefiċċji oħra, għax issimplifikat il-proċess tal-fatturazzjoni għall-emittenti u r-riċevituri, u ppermettiet l-iżvilupp ta’ servizzi relatati li jagħmlu possibbli l-monitoraġġ tal-prestazzjoni tan-negozju f’ħin reali, inkluż pereżempju l-ġestjoni tal-flussi ta’ flus. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, id-data mill-fatturazzjoni elettronika obbligatorja kienet ta’ għajnuna kbira fl-analiżi tal-bidliet fl-ekonomija assoċjati mal-kriżi tas-saħħa u fl-istabbiliment tal-aktar miżuri ta’ appoġġ xierqa.
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2021, u din hija r-raġuni għalfejn l-Italja talbet li tkompli tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva dwar il-VAT biex tkun tista’ tkompli timponi l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja.
Barra minn hekk, it-talba titlob ukoll l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva dwar il-VAT. L-Italja tqis li din l-estensjoni se ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT għax se tipprovdi stampa sħiħa lill-awtoritajiet tat-taxxa dwar it-tranżazzjonijiet li wettqu l-kontribwenti kollha. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tat-taxxa se jkunu jistgħu jimmonitorjaw li l-fatturat tal-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni msemmija hawn fuq jibqa’ taħt il-limitu, u b’hekk ikunu jistgħu jiġġieldu l-evażjoni marbuta mal-aċċess u mal-permanenza f’dan ir-reġim tal-kontribwenti li jiksru, f’termini sostanzjali, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi.
Skont l-Italja, l-estensjoni meħtieġa tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura jenħtieġ ma tkunx toħloq piż amministrattiv sinifikanti lil dawn il-persuni taxxabbli. Aktar minn 10% tal-kontribwenti li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva dwar il-VAT diġà qed joħorġu l-fatturi tagħhom permezz tal-SdI. Barra minn hekk, l-Aġenzija Taljana għad-Dħul għamlet disponibbli għall-operaturi kollha tal-VAT, mingħajr ħlas, diversi soluzzjonijiet għat-tħejjija u għat-trasferiment tal-fatturi elettroniċi. Dawn jinkludu pakkett ta’ software li jista’ jiġi installat fuq kompjuter biex jitħejjew il-fajls tal-fatturazzjoni elettronika anki mingħajr konnessjoni mal-internet u biex dawn il-fajls jiġu trasferiti sempliċiment b’upload, u jinkludu wkoll applikazzjoni li tista’ tiġi installata fuq kull apparat mobbli biex jitħejjew u jiġu trasferiti l-fatturi elettroniċi. Barra minn hekk, l-Aġenzija Taljana għad-Dħul għamlet disponibbli wkoll, mingħajr ħlas, servizz ta’ ħżin diġitali li permezz tiegħu jistgħu jiġu arkivjati l-fajls tal-fatturazzjoni u li jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tal-awtentiċità, tal-integrità u tal-leġibbiltà tal-fajls għal 15-il sena.
L-SMEs jibbenefikaw mill-iffrankar tal-kostijiet tal-istampar u tal-arkivjar tal-fatturi, mit-tnaqqis fir-riskju ta’ żbalji waqt it-tħejjija tal-fatturi, u mill-aċċess għal bosta servizzi online, ipprovduti mill-Aġenzija Taljana għad-Dħul, li jippermettu lill-kontribwenti jisfruttaw id-data tal-fatturazzjoni għall-finijiet tal-analiżi tal-prestazzjoni tan-negozju tagħhom.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-deroga u l-estensjoni tagħha għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva dwar il-VAT, hu importanti li jkun żgurat is-segwitu neċessarju ta’ din il-miżura u b’mod partikolari tal-impatt tagħha fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli, b’attenzjoni speċjali għall-SMEs. Jekk l-Italja tkun tixtieq ittawwal il-miżura ta’ deroga, mat-talba għall-estensjoni jenħtieġ jinhemeż rapport dwar il-funzjonament tal-miżura. Dan ir-rapport jenħtieġ jipprovdi valutazzjoni tal-miżura fejn tidħol l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Ir-rapport jenħtieġ jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-miżura fuq il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari l-SMEs, u jispjega fid-dettall rigward iż-żieda tal-piżijiet amministrattivi u tal-kostijiet tal-konformità tagħhom.
Qed jiġi propost li l-awtorizzazzjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2024.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-Artikolu 218 tad-Direttiva dwar il-VAT ipoġġi fl-istess livell il-fatturi stampati u l-fatturi elettroniċi billi jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jaċċettaw fatturi bħala dokumenti jew messaġġi stampati jew elettroniċi. Skont l-Artikolu 232 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-użu ta’ fattura elettronika għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni tar-riċevitur. Fil-fatt, il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja kif implimentata mill-Italja tidderoga minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.
Id-deroga tista’ tiġi awtorizzata abbażi tal-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT biex tiġi simplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex ikunu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. Minħabba li, abbażi tal-elementi pprovduti mill-Italja, il-miżura ta’ deroga kkontribwiet għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u għas-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa, id-deroga hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika.
Id-deroga għall-fatturazzjoni elettronika obbligatorja hija konformi wkoll mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja għall-2017 li tirrakkomanda li “l-Italja tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex, [... fost affarijiet oħra, twessa’] l-użu obbligatorju ta’ fatturar elettroniku u ħlasijiet elettroniċi”.
Fl-aħħar nett, fl-2020, il-Kummissjoni adottat il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru”. Waħda mill-azzjonijiet previsti f’dan il-pjan ta’ azzjoni hija l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta leġiżlattiva għall-modernizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar tal-VAT. F’dan il-kuntest se tiġi eżaminata l-ħtieġa li l-fatturazzjoni elettronika tiġi estiża aktar. Għalhekk, il-miżura ta’ deroga hija allinjata mal-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni. Wieħed mill-għanijiet tal-proposta futura tal-Kummissjoni se jkun is-simplifikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ rapportar eżistenti u futuri għat-tranżazzjonijiet domestiċi, inkluż dak awtorizzat b’din il-miżura ta’ deroga.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Fid-dawl tad-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT li fuqha tissejjes il-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba mingħandu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja tħaddmet mingħajr intoppi, mingħajr ma ħolqot xi problemi partikolari. Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Italja, din ikkontribwiet biex jintlaħqu l-objettivi segwiti b’rabta mal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT, u ssimplifikat il-ġbir tat-taxxa.
It-talba mressqa mill-Italja titlob l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-SMEs. L-Italja stabbiliet diversi miżuri biex tgħin fl-adattament ta’ dawn il-persuni taxxabbli għall-fatturazzjoni elettronika obbligatorja. L-Aġenzija Taljana għad-Dħul għamlet disponibbli, mingħajr ħlas, soluzzjonijiet differenti, fosthom pakkett ta’ software li jiġi installat fuq il-kompjuter u applikazzjoni għall-apparati mobbli, biex il-kontribwenti jkunu jistgħu jħejju u jittrasferixxu l-fatturi elettroniċi faċilment. Dawn il-miżuri se jtaffu l-kostijiet attwali ta’ dawn il-kumpaniji relatati mal-ħruġ u l-ipproċessar tal-fatturi, bħall-kostijiet għall-istampar jew l-arkivjar, u se jnaqqsu l-possibbiltajiet ta’ żbalji.
Barra minn hekk, il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja ppermettiet lill-Aġenzija Taljana għad-Dħul toffri servizzi online differenti lill-kontribwenti. Jenħtieġ li jiġi nnotat li aktar minn 10% tal-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-SMEs diġà għażlu li joħorġu fatturi elettroniċi b’mod volontarju. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja jistgħu jitneħħew bosta obbligi ta’ rapportar.
Minbarra dan, l-estensjoni mitluba tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura ttejjeb il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT, għax l-awtoritajiet tat-taxxa Taljani jiksbu stampa sħiħa tal-fatturi maħruġin mill-persuni taxxabbli kollha. Tippermettilhom ukoll jidentifikaw il-kontribwenti li jiksru, f’termini sostanzjali, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa mil-liġi biex tiġi applikata l-imsemmija eżenzjoni għall-SMEs.
Id-deroga hija wkoll limitata fiż-żmien, u jekk l-Italja tippreżenta talba biex ittawwal il-miżura ta’ deroga, din għandha tippreżenta wkoll rapport dwar il-funzjonament u l-effettività tal-miżura, b’mod partikolari dwar l-impatt fuq l-SMEs.
Għalhekk, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri l-ġlieda tal-evażjoni tat-taxxa u s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa.
•L-għażla tal-istrument
Strument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT tista’ tingħata biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu wara proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq għax tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Valutazzjoni tal-impatt
L-Italja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja għall-fatturi kollha maħruġin lil operaturi oħra jew lill-konsumaturi finali minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju Taljan, filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura jiġi estiż għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar. Barra minn hekk, il-fatturi simplifikati, id-dokumenti maħruġin abbażi tal-Artikolu 219 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-fatturi relatati ma’ tranżazzjonijiet eżentati jenħtieġ li jkunu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja. Il-persuni taxxabbli mhux stabbiliti jistgħu jagħżlu li l-fatturi tagħhom jiġu trażmessi permezz tal-SdI.
Il-persuni taxxabbli diġà adattaw is-sistemi tagħhom biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja. Jekk l-awtorizzazzjoni ma tiġix estiża, ikun ifisser li l-kostijiet imġarrbin għal dan l-adattament ikunu spejjeż mitlufin għall-persuni taxxabbli, filwaqt li aktarx ikollhom iġarrbu kostijiet addizzjonali biex jadattaw għal sistema ġdida ta’ rapportar li jaf ikollha tiġi implimentata biex tieħu post il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja.
Skont l-Italja, il-fatturazzjoni elettronika kisbet riżultati effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa għax tejbet il-kompletezza, it-tempestività u t-traċċabbiltà tal-informazzjoni. Il-miżura kienet ukoll miżura preventiva, jiġifieri deterrent għall-imġiba evażiva u frawdolenti tal-kontribwenti. Id-dispaċċ tal-fatturi permezz tal-SdI ipprovda aċċess fil-ħin u awtomatizzat lill-Aġenzija Taljana għad-Dħul għal kull informazzjoni fuq il-fatturi li tkun rilevanti għall-finijiet ta’ taxxa. L-estensjoni tal-miżura għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-SMEs se tagħti spinta lil din il-possibbiltà. Permezz tagħha, l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jwettqu kontrolli awtomatiċi u fil-ħin tal-konsistenza bejn il-VAT dikjarata u dik imħallsa.
Skont l-istimi tal-Italja, l-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja tejbet il-konformità tal-VAT b’madwar EUR 2 biljun. Dan ippermetta wkoll li jinkisbu EUR 580 miljun oħra indirettament minħabba dħul addizzjonali miksub mill-ġbir tat-taxxi diretti. Fl-2019 ġew irkuprati wkoll EUR 945 miljun oħra minħabba azzjonijiet għall-identifikazzjoni u għall-waqfien ta’ krediti tal-VAT foloz. L-użu ta’ data tal-fatturazzjoni elettronika għall-2019 kollha kien essenzjali wkoll għall-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-istatus ta’ “esportatore abituale” (aktar minn EUR 1,3 biljun f’limiti massimi foloz dikjarati). Fl-aħħar nett, bl-informazzjoni miksuba setgħu jiġu identifikati l-kumpaniji involuti f’mekkaniżmi ta’ frodi intra-Komunitarji mwettqin bejn l-aħħar xhur tal-2019 u l-2020, abbażi ta’ flussi tal-fatturazzjoni għal tranżazzjonijiet noneżistenti li jammontaw għal madwar EUR 1 biljun.
Flimkien mal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-SMEs hemm għadd ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni, bħad-disponibbiltà mingħajr ħlas ta’ soluzzjonijiet differenti għat-tħejjija u għat-trasferiment tal-fatturi elettroniċi, bħal pakkett ta’ software li jiġi installat fuq il-kompjuter u applikazzjoni għall-apparati mobbli. Barra minn hekk, flimkien mal-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika hemm ukoll is-soppressjoni ta’ rekwiżiti oħra u l-forniment ta’ servizzi addizzjonali lill-persuni taxxabbli. Kif issemma qabel, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-SMEs tkun tipprovdi stampa sħiħa lill-Aġenzija Taljana għad-Dħul dwar il-fatturi maħruġin mill-persuni taxxabbli kollha, u tgħinha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżura mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni miksuba mill-VAT.
2021/0357 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 fir-rigward tad-durata u tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593, l-Italja kienet awtorizzata tintroduċi miżura ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”) biex timplimenta fatturazzjoni elettronika obbligatorja għall-persuni taxxabbli kollha stabbiliti fit-territorju tal-Italja, għajr għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 ta’ dik id-Direttiva.
(2)B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-31 ta’ Marzu 2021, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE biex tibqa’ tapplika l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja. Barra minn hekk, fit-talba għall-awtorizzazzjoni, l-Italja talbet biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali biex ikun ikopri wkoll lill-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 ta’ dik id-Direttiva.
(3)B’ittra datata l-10 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Italja. B’ittra datata t-13 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li kellha l-informazzjoni meħtieġa kollha biex tikkunsidra t-talba.
(4)L-Italja tissottometti li s-sistema tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja implimentata, li tgħaddi l-fatturi kollha maħruġin permezz tas-“Sistema di Interscambio” (“SdI”) ġestita mill-Aġenzija Taljana għad-Dħul, laħqet l-objettivi tagħha bis-sħiħ, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, is-simplifikazzjoni tal-konformità mar-regoli tat-taxxa, u t-titjib tal-effiċjenza fil-ġbir tat-taxxa, u b’hekk naqsu l-kostijiet amministrattivi għan-negozji.
(5)L-Italja jidhrilha li l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali biex ikun ikopri wkoll lill-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE, tkun qed ittejjeb il-possibbiltajiet tal-Aġenzija Taljana għad-Dħul fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), għax tagħti stampa sħiħa tal-fatturi maħruġin mill-persuni taxxabbli kollha. Barra minn hekk, l-Aġenzija Taljana għad-Dħul tkun tista’ tara li dawn il-persuni taxxabbli huma konformi mar-rekwiżiti u mal-kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni.
(6)L-Italja targumenta li l-estensjoni mitluba tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali mhix se tkun tfisser kostijiet sostanzjali għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE. Biex ittaffi dawn il-kostijiet, l-Italja għamlet disponibbli, mingħajr ħlas, soluzzjonijiet differenti għat-tħejjija u t-trasferiment tal-fatturi elettroniċi, bħal pakkett ta’ software li jiġi installat fuq il-kompjuter u applikazzjoni għall-apparati mobbli. Barra minn hekk, mal-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika hemm ukoll is-soppressjoni ta’ rekwiżiti oħra, bħar-rapportar tad-data tal-fatturi dwar it-tranżazzjonijiet domestiċi, il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-Intrastat dwar ix-xiri jew l-obbligu li jingħataw dettalji tal-kuntratti konklużi minn kumpaniji ta’ lokazzjoni u kiri. Ippermettiet ukoll li l-persuni taxxabbli jingħataw servizzi addizzjonali, bħal rekords tax-xiri u tal-bejgħ mimlijin minn qabel, skedar tas-saldu perjodiku tal-VAT, dikjarazzjonijiet annwali mimlijin minn qabel tal-VAT u formoli tal-ħlas mimlijin minn qabel inklużi t-taxxi li jridu jitħallsu, jitpaċew jew jintalbu għal rifużjoni, b’mod li tingħata prijorità lil dawk li jużaw il-fatturazzjoni elettronika. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jiżguraw il-proporzjonalità tal-miżura speċjali.
(7)Jenħtieġ li l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien biex jiġi monitorjat l-impatt tagħha fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari fuq dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE.
(8)Jekk l-Italja jidhrilha li l-estensjoni tal-miżura speċjali hija meħtieġa, flimkien mat-talba għal estensjoni, din jenħtieġ tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li jkun jinkludi l-valutazzjoni tal-miżura speċjali fejn tidħol l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Dan ir-rapport se jevalwa wkoll l-impatt tal-miżura fuq il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE.
(9)Jenħtieġ li din il-miżura speċjali ma taffettwax id-dritt tal-konsumaturi li jirċievu fatturi stampati f’każ ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji.
(10)Il-miżura ta’ deroga mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni miksuba mill-VAT.
(11)Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 hija emendata kif ġej:
(1) l-Artikolu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 218 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata biss li taċċetta fatturi fil-forma ta’ dokumenti jew messaġġi elettroniċi jekk dawn jinħarġu minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju Taljan.”;
(2) l-Artikolu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
B’deroga mill-Artikolu 232 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata tipprovdi li l-użu ta’ fatturi elettroniċi maħruġin minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju Taljan ma għandux ikun soġġett għal aċċettazzjoni mir-riċevitur.”;
(3) l-Artikolu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Jekk l-Italja jkun jidhrilha li l-estensjoni tad-derogi msemmijin fl-Artikoli 1 u 2 hija meħtieġa, l-Italja għandha tippreżenta talba lill-Kummissjoni għal estensjoni u magħha tehmeż rapport li jivvaluta l-effettività tal-miżuri nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 3 fejn jidħlu l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Dak ir-rapport għandu jevalwa wkoll l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE, u b’mod partikolari jekk dawk il-miżuri jżidux il-piżijiet u l-kostijiet amministrattivi tagħhom.”
L-Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President