|
10.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 133/15 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/712
tas-27 ta’ April 2022
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “End The Slaughter Age” (“Intemmu l-Era tat-Tbiċċir”) skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2022) 2753)
(Il-verżjoni bit-Taljan biss hija awtentika)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-3 ta’ Marzu 2022 il-Kummissjoni ġiet ippreżentata talba dwar ir-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “End The Slaughter Age”. |
|
(2) |
L-għanijiet tal-inizjattiva kif ġew spjegati mill-organizzaturi huma: “(a) l-esklużjoni tat-trobbija tal-bhejjem minn attivitajiet eliġibbli għal sussidji agrikoli u l-inklużjoni ta’ alternattivi etiċi u ekoloġiċi, bħall-biedja taċ-ċelloli u l-proteini tal-pjanti u; (b) l-introduzzjoni ta’ inċentivi għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli ċellolari u dawk ibbażati fuq il-pjanti”. |
|
(3) |
Dokument addizzjonali jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva, u jistabbilixxi u jagħti dettalji dwar ir-raġunijiet għall-appoġġ għal din l-inizjattiva. L-organizzaturi jsostnu li eluf ta’ persuni li jaħdmu fis-setturi tat-tbiċċir tal-annimali u tal-ipproċessar tal-laħam jiffaċċjaw kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena ħafna u ta’ spiss anki illegali. Peress li l-benessri tal-annimali huwa kwistjoni importanti għall-Unjoni, ma għadx hemm ġustifikazzjoni morali jew legali biex nissuktaw imbiċċru l-annimali. Jisħqu wkoll li l-intensifikazzjoni tal-agrikoltura mhux sostenibbli u ż-żieda fid-domanda għall-proteini tal-annimali huma żewġ fatturi li jikkontribwixxu għar-riskju ta’ mard żoonotiku. Fl-istess ħin, it-trobbija tradizzjonali tal-annimali tikkonsma ħafna enerġija u tuża ħafna art, filwaqt li hija sors ewlieni ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Abbażi tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ “min iniġġes iħallas”, l-organizzaturi jsostnu li huwa ġustifikat li minflok lis-settur tal-bhejjem, is-sussidji agrikoli jingħataw għal alternattivi ekoloġiċi, bħall-biedja taċ-ċelloli u l-biedja bbażata fuq il-proteini tal-pjanti. Fir-rigward tal-inċentivi possibbli għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ alternattivi sostenibbli, huma jsemmu bħala eżempju t-treġġigħ lura tat-tassazzjoni addizzjonali li bħalissa hija imposta fuq alternattivi tal-pjanti meta mqabbla ma’ prodotti bbażati fuq l-annimali. |
|
(4) |
Fir-rigward tal-ewwel objettiv tal-inizjattiva biex is-sussidji agrikoli jingħataw għal alternattivi ekoloġiċi u mhux għas-settur tal-bhejjem, sa fejn dawn is-sussidji jkopru prodotti elenkati fl-Anness I tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tressaq proposti għal atti legali biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika agrikola komuni abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE. |
|
(5) |
Fir-rigward tat-tieni objettiv tal-inizjattiva li titlob l-introduzzjoni ta’ inċentivi, f’termini ta’ sussidji jew simili, għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli ċellolari u bbażati fuq il-pjanti, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposti għal atti legali abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE sa fejn jikkonċerna l-prodotti elenkati fl-Anness I tat-TFUE. Barra minn hekk, billi l-inizjattiva għandha l-għan li tkopri wkoll tipi oħra ta’ inċentivi, li jmorru lil hinn mis-sussidji agrikoli, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposti għal atti legali abbażi tal-Artikolu 114 TFUE, sa fejn dawn ikollhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern. |
|
(6) |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ b’mod ċar barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(7) |
Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fattwali u sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibilità mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(8) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(9) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(10) |
Għaldaqstant jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “End The Slaughter Age” tiġi rreġistrata. |
|
(11) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati bl-ebda mod ma timplika li l-Kummissjoni tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “End The Slaughter Age” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “End The Slaughter Age”, irrappreżentata mis-Sinjura Filippo BORSELLINO u s-Sur Darryl GRIMA li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ April 2022.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President