|
16.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 214/107 |
P9_TA(2023)0014
Is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fil-Marokk, b'mod partikolari l-każ ta' Omar Radi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2023 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fil-Marokk, b'mod partikolari l-każ ta' Omar Radi (2023/2506(RSP))
(2023/C 214/09)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-ġurnalist investigattiv indipendenti Omar Radi, li kopra l-protesti tal-moviment Hirak u l-iskandli tal-korruzzjoni tal-istat, ilu detenut minn Lulju 2020 u ġie kkundannat għal sitt snin ħabs fuq akkużi foloz ta' spjunaġġ, kif ukoll fuq akkużi ta' stupru f'Lulju 2021; billi s-sentenza tiegħu ġiet ikkonfermata fl-appell f'Marzu 2022; billi nkisru bosta garanziji ta' proċess ġust, li wasslu biex il-proċess isir inġust u preġudikat b'mod inerenti; billi dan il-ksur kien jinkludi arrest preventiv imtawwal b'sena mingħajr ġustifikazzjoni u n-nuqqas ta' aċċess għall-fajl tal-każ tiegħu u għal żewġ xhieda ewlenin tad-difiża, li ma tħallewx jidhru fil-qorti; billi s-Sur Radi appella quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni; billi huwa ngħata l-Premju tal-Libertà tal-Istampa tar-Reporters Mingħajr Fruntieri tal-2022; |
|
B. |
billi l-ġurnalist Taoufik Bouachrine ilu detenut minn Frar 2018 u ġie kkundannat fl-appell f'Settembru 2021 għal 15-il sena ħabs għal reati sesswali; billi kien hemm ksur kbir tal-garanziji ta' proċess ġust fil-każ ta' Soulaimane Raissouni, li fi Frar 2022 irċieva sentenza ta' ħames snin ħabs għal reati sesswali fi proċess inġust; |
|
C. |
billi l-libertà tal-istampa fil-Marokk qed tiddeterjora kontinwament, u l-pajjiż niżel fil-135 post fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2022; billi bosta ġurnalisti, eż. Ignacio Cembrero, ilhom taħt sorveljanza diġitali, ġew intimidati u ffastidjati b'mod ġudizzjarju, u ġew ikkundannati għal sentenzi twal ta' ħabs, eż. Maati Monjib; |
|
D. |
billi fl-2020 Reporters Mingħajr Fruntieri qajmu tħassib mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet rigward l-użu ħażin ta' akkużi ta' attakk sesswali biex jiskreditaw lil ġurnalisti, prattika inkwetanti li ġiet ikkundannata wkoll mill-organizzazzjoni femminista Khmissa u mill-Assoċjazzjoni tal-Marokk għad-Drittijiet tal-Bniedem; |
|
1. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Marokk jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, jiggarantixxu lill-ġurnalisti li jinsabu l-ħabs, b'mod partikolari lil Omar Radi, Soulaimane Raissouni u Taoufik Bouachrine, proċess ġust bil-garanziji kollha ta' proċess ġust, jiżguraw il-ħelsien provviżorju immedjat tagħhom u jwaqqfu l-fastidju tal-ġurnalisti kollha, tal-avukati u l-familji tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem f'konformità mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Marokk; |
|
2. |
Jikkundanna bil-qawwa l-użu ħażin tal-allegazzjonijiet ta' attakk sesswali biex il-ġurnalisti jiġu skoraġġuti milli jwettqu dmirijiethom; jemmen li dan l-użu ħażin jipperikola d-drittijiet tan-nisa; |
|
3. |
Jinsab imħasseb ferm dwar l-allegazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-Marokk ikkorrompew Membri tal-Parlament Ewropew; jitlob li jiġu applikati l-istess miżuri bħal dawk applikati għar-rappreżentanti tal-Qatar; itenni l-impenn tiegħu huwa li jinvestiga bis-sħiħ u jindirizza l-każijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu pajjiżi terzi li jippruvaw jakkwistaw influwenza fil-Parlament Ewropew; |
|
4. |
Jissottolinja li r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2022 talbet għal kumitat speċjali bil-kompitu li jidentifika difetti potenzjali fir-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità u l-korruzzjoni u li jagħmel proposti għal riformi; |
|
5. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Marokk itemmu s-sorveljanza tagħhom tal-ġurnalisti, inkluż permezz ta' Pegasus spyware tal-NSO, u jippromulgaw u jimplimentaw leġiżlazzjoni li tipproteġihom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieqfu jesportaw teknoloġija ta' sorveljanza lejn il-Marokk, f'konformità mar-Regolament dwar l-Użu Doppju; |
|
6. |
Jitlob il-ħelsien immedjat u inkundizzjonat tal-finalista tal-Premju Sakharov 2018 Nasser Zefzafi; jappella sabiex jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha; jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tad-dimostranti paċifiċi u tal-attivisti tad-dijaspora; jiddeplora l-proċessi u l-kundanni difettużi ta' 43 dimostrant tal-moviment Hirak, kif ukoll it-tortura tagħhom fil-ħabs; |
|
7. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jqajmu mal-awtoritajiet tal-Marokk il-każijiet ta' ġurnalisti detenuti u priġunieri tal-kuxjenza u l-attendenza għall-proċessi tagħhom; jistieden lill-UE tuża l-influwenza tagħha biex tikseb titjib konkret fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Marokk; |
|
8. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Marokk. |